Aqbeż għall-kontentut

Massimiljanu Kolbe

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Massimiljanu Kolbe
Ħajja
Isem propju Rajmund Kolbe
Twelid Zduńska Wola (en) Translate, 8 Jannar 1894
Nazzjonalità Imperu Russu
Second Polish Republic (en) Translate
Mewt Auschwitz, 14 Awwissu 1941
Post tad-dfin Auschwitz
Kawża tal-mewt omiċidju (lethal injection (en) Translate)
Familja
Omm Marianna Dąbrowska Kolbe
Edukazzjoni
Alma mater Pontifical Gregorian University (en) Translate
Livell tal-edukazzjoni doctor of philosophy (en) Translate
Lingwi Pollak
Ġappuniż
Taljan
Esperanto
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni ġellied tar-reżistenza
patri
operatur tar-radju dilettant
predikatur
confessor (en) Translate
teologu
newspaper proprietor (en) Translate
pubblikatur
kittieb
Roman Catholic cleric (en) Translate
pastor (en) Translate
reliġjuż
Esperantista
mystic (en) Translate
Premjijiet
Festa
14 ta' Awwissu

Massimiljanu Marija Kolbe (Maksymilian Maria Kolbe; Zdunska-Wola, Polonja, 7 ta’ Jannar 1894 - Auschwitz, Polonja, 14 ta' Awwissu 1941), imwieled bl-isem ta’ Rajmond Kolbe, kien patri Franġiskan Konventwali li ta ħajtu għal priġunier ieħor f'kamp ta' konċentrament Nażista.

Bin Julius u Maria mwielda Dabrowska, Rajmond kien it-tieni wild minn ħamsa. Il-familja Kolbe ma kinitx sinjura u għalhekk kellhom jitilqu minn Zduska Wola għal Pabjanice bit-tama ta' futur ahjar.

Fi tfulitu Rajmondu kien daqxejn waħda mqareb. Darba għamel xi praspura u ommu b’ton aħrax qaltlu: "Int ma nafx x'għad isir minnek!" Dal-kliem ta' ommu ċaqilqu minn ġewwa u mar jitlob quddiem statwa tal-Madonnna: "Madonna, ommi ma tafx x’għad isir minni". Jingħad li l-Madonna weġbitu b’dan il-mod: dehritlu b'żewġ kuruni f'idejha: waħda ħamra (martirju) u waħda bajda (safa). Marija stednitu jagħżel waħda minnhom u hu għażilhom it-tnejn. Iżjed tard Massimiljanu kiteb: "Irrid nsir qaddis, qaddis kbir. Kulħadd jista’ jsir qaddis basta jkun irid".

Jidħol mal-Franġiskani

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1907, Rajmond u ħuh Franġisku qasmu l-fruntiera u marru f’Leopoli, l-Awstrija biex jistudjaw fil-Kulleġġ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali. Fl-1910 Rajmond beda n-novizzjat magħhom, u fl-istess waqt bidel ismu f’Massimiljanu. Sena wara għamel il-professjoni reliġjuża.

Fl-1912 intbagħat Ruma biex jistudja l-Filosofija u t-Teoloġija. Fir-Reġistri tal-Kulleġġ f'Ruma nsibu dan il-kumment fuqu: "Massimiljanu Kolbe: żagħżugħ qaddis".

Fl-1914 għamel il-professjoni solenni tiegħu, u b’qima lejn il-Madonna żied l-isem “Marija” ma’ Massimiljanu.

Devozzjoni Marjana

[immodifika | immodifika s-sors]

Waqt li kien Ruma għall-istudju, Massimiljanu, ra għaddejja dimostrazzjoni tal-Mażuni. Dawn kellhom standard li fuqu kien hemm xbiha ta' San Mikiel mirbuħ mix-Xitan. Il-Mażuni għajtu kliem ta' dagħa lejn it-tieqa tal-Papa u nstemgħu jgħidu li x-xitan għad isaltan fil-Vatikan u l-Papa għad ikollu jaqdih. Kien b'reazzjoni għal dan li fl-1917, flimkien ma’ sitta minn sħabu waqqaf il-"Pija Unjoni tal-Milizzja tal-Immakulata". Kien jemmen li Hemm bżonn li l-Immakulata tidħol fil-qalb ta' kull bniedem u dan sabiex tkun Hi li hemm twaqqaf it-tron tal-Iben t’Alla.

Kien iħobb jgħid: "Min għandu lil Marija bħala ommu, għandu lil Ġesù bħala ħuh."

Fit-28 ta’ April 1918, ġie ordnat saċerdot fil-Knisja ta' Sant'Andrea della Valle, f'Ruma.

Kolbe marad serjament bit-tuberkolozi, marda li kompliet tagħtih problemi tul ħajtu kollha.

"Belt tal-Immakulata" fil-Polonja

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1919, malli ħa l-lawrija fit-teoloġija telaq lejn Krakovja fil-Polonja. It-tobba iddikrawh inkurabbli mit-tuberkolożi. Pulmun minnhom niexef u l-ieħor mimsus ukoll mil-marda. Iżda dan ma qatalux qalbu.

Fil-Polonja wkoll beda l-Milizzja tal-Immakulata. U fl-1922 beda joħroġ rivista, "Il-Kavallier tal-Immakulata", u wara rivista oħra għat-tfal, "Il-Kavallier Ċkejken". Il-kunvent fejn kien jgħix, fi Grondo, inbidel fi stamperija u r-rivista kienet suċċess kbir tant li laħqet is-70,000 kopja.

Kolbe ried jibni kunvent u jiddedikah lill-Immakulata. Mhux kunvent biss imma belt. Hekk il-patrijiet ħallew Grondo u bdew jibnu kunvent ġdid qrib Varsavja. Fl-1927, dan semmewh Niepokalanov, li jfisser Belt tal-Immakulata. Fi ftit snin Niepokalanov sar l-ikbar kunvent ta' patrijiet fid-dinja. Fl-1930, din il-belt kellha: kulleġġ, sptar, stamperija, stazzjon tar-radju, laboratorju għall-mastrudaxxi u ħajjata.

Fl-1939, Niepokalanov kellha 762 ruħ: 13-il sacerdot, 18-il novizz, 527 patri, 122 żagħżugħ fis-seminarju Minuri u 82 kandidat għas-saċerdozju.

Il-patrijiet kienu wkoll tobba, dentisti, bdiewa, mekkaniks, ħajjata, bennejja, skrapan, stampaturi u ġurnalisti. Il-kunvent enormi kien iżomm fuq saqajh bil-ħidma tal-patrijiet. "Il-Kavallier tal-Immakulata" issa tela' għal 750,000 kopja fix-xahar.

"Il-jum mimli xogħol. In-numru tal-qarrejja dejjem jiżdied. M'għandix żmien biex nimrad. Imma xi drabi l-ħmura ta' wiċċi turi d-deni li jkolli fuqi."

Il-Missjoni tal-Ġappun

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1930, minkejja li kien marid, flimkien ma’ erba’ reliġjużi oħra mar il-Ġappun, f’Nagasaki. Hawn ukoll beda joħroġ ir-rivista ta' "Il-Kavallier tal-Immakulata", bil-Ġappuniż. Waqqaf kunvent iddedikat lill-Immakulata li semmieh Mugenzai no sono, il-Ġnien tal-Immakulata. Fil-Ġappun huwa ma ppruvax jimponi l-ideat reliġjużi tiegħu u l-kultura Ewropea, iżda daħal fi djalogu mal-Buddisti u rnexxielu jsir ħabib ta' xi uħud minnhom.

Massimiljanu Kolbe żar Malabar, fl-Indja, kif ukoll is-Siberja u Moska, dejjem bix-xewqa li jwassal il-messaġġ Nisrani.

Fl-1936, reġa’ lura lejn art twelidu minħabba saħħtu.

Fl-1939 faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, u l-armata Nażista ma damitx ma qabżet il-fruntiera u daħlet fil-Polonja.

Fit-13 ta' Settembru 1939, il-kunvent ta' Niepokalanov kien okkupat min-Nażisti u l-patrijiet ittieħdu l-Ġermanja. Fosthom kien hemm Patri Kolbe, li iżda nħeles fit-8 ta' Diċembru. Lura f'Niepokalanov, huwa biddel il-kunvent f’rifuġju għal 3,000 Pollakk, li 2,000 minnhom kienu Lhud.

Fiż-17 ta’ Frar 1941 ġie arrestat u ttieħed f'ħabs fi Pawiak, f’Varsavja, fejn kontra qalbu kellu jinża l-libsa Frangiskana u flokha jilbes l-uniformi tal-priġunieri.

Fit-28 ta’ Mejju 1941 ħaduh fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz, fejn fl-ifran tiegħu nħarqu iktar minn ħames miljun ruħ. Hemm, Patri Kolbe sar numru: 16670. Il-Kmandant Krott kien jagħtih xogħol iebes iktar minn ħaddieħor. Darba, għabbieh b’tagħbija tqila u ġiegħlu jiġri biha. Huwa ma felaħx u waqa' bit-tagħbija. Krott qabad isawtu sakemm tilfu minn sensieh.

F’Lulju, Kolbe ntbagħat fil-kamp tal-invalidi, fi Blokk 14.

Jagħti ħajtu għal priġunier ieħor

[immodifika | immodifika s-sors]

Ġara li wieħed mill-priġunieri ħarab u skond il-liġi kiefra tal-kamp, għaxar priġunieri mill-istess blokk tiegħu kellhom jiġu maqtula bil-ġuħ fiċ-ċella tal-mewt.

Is-surġent Franġisk Gajowniczek meta ġie magħżul biex ikun wieħed mill-għaxra għajjat: "Għażiża marti miniex ser narak iżjed! Għeżież uliedi li llum ser issiru ltiema minn missierkom, insellmilkom darba għal dejjem!" Għal dan il-kliem Patri Kolbe ħareġ mil-linja tiegħu, neħħa l-berritta minn rasu, mar quddiem il-kmandant u waqt li wera b’idejh is-surġent, qallu: ”Jiena saċerdot kattoliku mill-Polonja; jiena xiħ; għalhekk irrid nieħu postu għax hu għandu l-mara u t-tfal”.

Patri Kolbe u d-disgħa l-oħra ġew imneżżgħin minn ħwejjiġhom u mitfugħin f’bunker fi Blokk 11, biex imutu bla ikel u bla xorb. Mill-bunker kien jinstema' kuljum talb u kant. Kolbe rnexxielu jibdel iċ-ċella tal-infern f’kappella.

Wara ġimgħatejn, sitta kienu mietu, tlieta kienu mitlufin minn sensihom u Patri Kolbe biss kien għadu ħaj u f’sensih. Temmewlu ħajtu b’injezzjoni tal-velenu. Lil Hans Boch, li tah l-injezzjoni qallu: "Int ma fhimt xejn mill-ħajja..." u filwaqt li dan ħares lejh mistagħġeb, Kolbe ssokta: "...il-mibegħda ma tiswa għalxejn... L-imħabba biss toħloq". L-aħħar kliem tiegħu, b'idu miftuħa, kien: "Ave Maria!". Dakinhar kien l-14 ta’ Awissu 1941.

Jirrakonta wieħed mill-gwardji tal-kamp, Borgoviec: “Mitluf fit-talb, newwel driegħu lill-bojja. Jien ma flaħtx u tlaqt 'il barra. Mort lura iktar tard u sibtu hemm bilqiegħda, mistrieħ mal-ħajt u rasu mmejla lejn ix-xellug. Għajnejh miftuħa beraħ iħarsu ‘l fuq”.

Iddikjarat qaddis

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-17 t’Ottubru 1971, Massimiljan Kolbe ġie ddikjarat Beatu minn Papa Pawlu VI

Fl-10 ta’ Ottubru 1982, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Qaddis u Martri tal-imħabba u “patrun ta' dan is-seklu diffiċli”, għax “imħabba akbar minn din m'hemmx, milli wieħed jagħti hajtu għal ħbiebu”.

Huwa l-qaddis patrun ta' dawk li għandhom problema tad-droga, tal-priġunieri politiċi, tal-familiji, tal-ġurnalisti, u tal-moviment favur il-ħajja.