Kolonna tat-Trinità Mqaddsa, Olomouc

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kolonna tat-Trinità Mqaddsa, Olomouc

Il-Kolonna tat-Trinità Mqaddsa, Olomouc, fiċ-Ċekja hija monument Barokk li nbena bejn l-1716 u l-1754. L-iskop ewlieni kien li jiġu ċċelebrati l-Knisja Kattolika u l-fidi Kattolika, parzjalment bħala turija ta’ gratitudni għal tmiem il-pesta li kienet laqtet il-Moravja (illum iċ-Ċekja) bejn l-1713 u l-1715. Il-kolonna kienet ukoll titqies bħala espressjoni tal-patrijottiżmu lokali, ladarba l-artisti u l-artiġjani ewlenin kollha li ħadmu fuq dan il-monument kienu ċittadini ta’ Olomouc, u kważi l-qaddisin kollha li ntwerew fil-monument kienu marbuta b’xi mod jew b’ieħor mal-belt ta’ Olomouc, fil-provinċja tal-Lvant tal-Moravja, fiċ-Ċekja.

Il-kolonna hija l-ikbar grupp ta’ skulturi Barokki fiċ-Ċekja. Fis-sena 2000, il-kolonna tniżżlet fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO bħala waħda mill-ogħla espressjonijiet artistiċi Barokki fl-Ewropa Ċentrali.[1]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

L-istatwa indurata tat-Trinità Mqaddsa fil-quċċata tal-kolonna

Skont l-evalwazzjoni ta’ dan is-sit min-naħa tal-ICOMOS, il-kostruzzjoni ta’ kolonni fil-pjazzi tal-bliet bħala turija tal-fidi speċjalment wara perjodi ta’ diżgrazzji bħall-pesta hija fenomenu esklużivament Barokk ta’ wara żmien ir-riformi Kattoliċi ta’ Trento, l-Italja. Il-bażi ikonografika tagħha hija msejsa fil-Bibbja, eżattament fil-Ktieb tar-Rivelazzjoni. Il-mudell li fuqu nbniet din il-kolonna x’aktarx li kienet il-kolonna li ilha fil-Pjazza Santa Maria Maggiore f’Ruma mill-1614.[2]

Dan il-monument għal Olomouc kien frott il-ħila u x-xogħol ta’ diversi artisti u artiġjani lokali, għalkemm ma tantx ġabilhom risq. L-ewwel wieħed li miet waqt ix-xogħlijiet kien Wenzel Render, bennej tal-monumenti u arkitett imperjali privileġġat. Hu kien l-ewwel wieħed li ħareġ bl-idea li tinbena din il-kolonna, ikkonvinċa lill-kunsill lokali tal-belt, iddisinjaha, bena l-ewwel livell tagħha u għen biex tiġi ffinanzjata l-kostruzzjoni.[3] Is-segwaċi tiegħu Franz Thoneck, Johann Wenzel Rokický u Augustin Scholtz ukoll ma għexux biżżejjed biex jilħqu jaraw il-kolonna titlesta. Il-kolonna tlestiet minn Johann Ignaz Rokický. Id-dekorazzjoni tal-iskultura nbdiet minn Phillip Sattler. Wara li Sattler miet, ix-xogħol għadda f’idejn Andreas Zahner li kompla billi għamel 18-il skultura u disa’ riljievi f’seba’ snin qabel ma miet hu wkoll. L-arġentier Simon Forstner, li għamel l-iskulturi tar-ram indurat tat-Trinità Mqaddsa u tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna, kellu kemxejn iktar xorti minn sħabu u rnexxielu jlesti x-xogħol brillanti tiegħu. Madankollu, ix-xogħol fuq l-iskulturi affettwalu saħħtu għaliex kien uża komposti tossiċi tal-merkurju waqt il-proċess tal-indurar.

Replika indurata ta’ balla li kienet laqtet il-kolonna

Wara li l-Kolonna tat-Trinità Mqaddsa tlestiet fl-1754, din saret sors ta’ kburija kbira għal Olomouc, peress li l-biċċa l-kbira tan-nies li ħadu sehem fil-ħolqien tagħha kienu ċittadini tal-belt. Il-kolonna ġiet ikkonsagrata b’ċelebrazzjoni kbira li attendiet għaliha l-Imperatriċi Marija Tereża u r-raġel tagħha Francis I.

Erba’ snin biss wara, Olomouc ġiet assedjata minn armata tal-Prussja u l-kolonna ġarrbet xi ħsarat minħabba li ntlaqtet diversi drabi mill-balal tal-kanuni tal-armata. Jingħad li ċ-ċittadini ta’ Olomouc għamlu purċissjoni biex jitolbu bi ħġarhom lill-ġeneral tal-armata biex ma jisparax lejn il-monument u l-Ġeneral James Keith ikkuntentahom. Il-kolonna sarulha t-tiswijiet ftit wara l-gwerra u replika indurata ta’ balla tal-ġebel tpoġġiet fl-istruttura fil-post eżatt fejn intlaqtet biex tfakkar lin-nies b’dan l-avveniment.[4]

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kolonna hija mimlija skulturi tar-ram indurat tat-Trinità Mqaddsa flimkien mal-Arkanġlu Gabrijel u t-Tlugħ is-Sema tal-Madonna.

Il-bażi tal-kolonna, fi tliet livelli, hija mdawra bi 18-il skultura tal-ġebel ta’ qaddisin u 14-il riljiev imnaqqax. Fl-ogħla livell tal-kolonna hemm il-qaddisin marbuta mal-ħajja ta’ Ġesù Kristu fid-dinja – il-ġenituri t’ommu Sant’Anna u San Ġwakkin, il-missier putattiv tiegħu San Ġużepp, u San Ġwann Battista, li kien qed iħejji għall-miġja tiegħu – li huma akkumpanjati minn San Lawrenz u San Ġlormu, il-qaddisin li huwa ddedikat għalihom il-bini muniċipali tal-belt ta’ Olomouc fl-istess pjazza tal-kolonna. Hemm tliet riljievi li jirrappreżentaw it-tliet virtujiet teoloġiċi: il-Fidi, it-Tama u l-Imħabba.

Taħthom, it-tieni livell huwa ddedikat lill-qaddisin tal-Moravja San Ċirillu u San Metodju, li kienu ġew hawnhekk biex ixerrdu l-Kristjaneżmu fis-sena 863 tant li San Metodju kien sar Arċisqof tal-Moravja, San Blasju, li f’ismu hija kkonsagrata waħda mill-knejjes ewlenin ta’ Olomouc, u l-patruni tal-Boemja fil-qrib, San Adalbertu ta’ Praga u San Ġwann ta’ Nepomuk.

L-istatwa ta’ San Ġwanni Sarkander

Fil-livell t’isfel nett hemm l-iskulturi tal-patrun Awstrijak, San Mawrizju, u tal-patrun tal-Boemja, San Vaklav, li f’isimhom kienu kkonsagrati żewġ knejjes importanti ta’ Olomouc, ta’ patrun Awstrijak ieħor, San Florjan, li kien jitqies bħala l-protettur minn diżastri varji, speċjalment min-nar, ta’ San Ġwann ta’ Capistrano, li kien jipprietka f’Olomouc, ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, membru tal-Ordni Franġiskana, li kien sid monasteru importanti f’Olomouc, u ta’ San Alwiġi ta’ Gonzaga, il-patrun tal-istudenti. L-iskultura ta’ dan tal-aħħar hija turija wkoll li Olomouc kienet kburija ħafna bl-università tagħha.[4]

Ir-riljievi tat-tnax-il appostlu jinsabu qalb dawn l-iskulturi kollha.[4]

Ġwanni Sarkander[immodifika | immodifika s-sors]

L-aħħar qaddis li ma ssemmiex f’din il-lista ta’ qaddisin huwa San Ġwann Sarkander. L-istatwa tiegħu, b’ġilju f’idu bħala simbolu ta’ purezza, tinsab fit-tieni livell. Ġwanni Sarkander kien qassis li ġie ttorturat sal-mewt fil-ħabs ta’ Olomouc fil-bidu tal-Gwerra ta’ Tletin Sena, peress li kif jingħad, hu rrifjuta li jikxef is-sigriet tal-qrar. Id-deċiżjoni li titqiegħed l-istatwa tiegħu marret kontra t-tradizzjoni, peress li Sarkander ma kienx għadu ġie kkanonizzat u lanqas ma kien għadu ġie bbeatifikat, u dan seta’ rriżulta f’problemi fi ħdan is-Santa Sede. Madankollu, tant kien hemm devoti kbar tiegħu li l-artiġjani ddeċidew li jissograw u jinkludu l-istatwa tiegħu fil-kolonna. Sarkander ġie bbeatifikat fl-1859 u ġie kkanonizzat fl-1995 fl-okkażjoni taż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Olomouc.[4]

Kappella interna[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-bażi tal-kolonna hemm ukoll kappella żgħira b’riljievi tal-offerta ta’ Kajjin mill-għelejjel tiegħu, tal-offerta ta’ Abel mill-ħrief tal-merħla tiegħu, tal-ewwel offerta maħruqa ta’ Noè wara d-Dulluvju, tal-offerta t’Abram ta’ ħaruf u t’ibnu Iżakk, u tal-mewt ta’ Ġesù. Il-bliet ta’ Ġerusalemm u ta’ Olomouc jidhru fl-isfond tal-aħħar riljiev.[4]

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kolonna tat-Trinità Mqaddsa f’Olomouc ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji fis-sena 2000 u x’aktarx li tkopri l-iżgħar żona iskritta fil-lista kollha (mingħajr ma titqies iż-żona ta’ lqugħ). Il-valur universali straordinarju ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”, ladarba l-kolonna titqies bħala wieħed mill-iżjed eżempji eċċezzjonali tal-ogħla espressjoni artistika Barokka fl-Ewropa Ċentrali; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba dan it-tip ta’ monument jikkostitwixxi turija materjali unika tal-fidi reliġjuża fl-Ewropa Ċentrali matul il-perjodu Barokk, u l-kolonna ta’ Olomouc tirrappreżenta l-iktar espressjoni straordinarja.[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Holy Trinity Column in Olomouc". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-15.
  2. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Holy Trinity Column in Olomouc (Evalwazzjoni PDF)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-15.
  3. ^ Schulz, Jindřich, ed. (2009). "Čestný sloup Nejsvětější Trojice". Dějiny Olomouce (in Czech). 1. Olomouc: Univerzita Palackého. pp. 453–456. ISBN 978-80-244-2370-8.
  4. ^ a b ċ d e Sváček, Libor (2015). UNESCO. pp. 92–95. ISBN 978-80-7339-067-9.