Knisja ta' Santa Marija tal-Grazzji (Milan)
Il-Knisja ta' Santa Marija tal-Grazzji, Milan, l-Italja, hija bażilika u santwarju tal-Ordni tad-Dumnikani fil-parroċċa ta' San Vittore al Corpo. L-arkitettura tat-tribuna, li nbniet bejn l-1492 u l-1493 skont ir-rieda tad-Duka ta' Milan Ludovico il Moro li xtaq mawżolew għall-familja tiegħu, hija waħda mill-aqwa binjiet tar-Rinaxximent fit-Tramuntana tal-Italja.
Il-knisja, flimkien mal-affresk tal-Aħħar Ċena ta' Leonardo da Vinci li jinsab fir-refettorju tal-kunvent, kienet it-tieni sit li ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[1] wara l-inċiżjonijiet fil-blat ta' Valcamonica.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1459, id-Duka ta' Milan Francesco Sforza ordna l-kostruzzjoni tat-tieni kunvent Dumnikan f'Milan, wara l-insedjament antik ta' Sant'Eustorgio li jmur lura għall-1227, li kien inbena 11-il sena biss wara t-twaqqif tal-Ordni Dumnikana. Il-kongregazzjoni tad-Dumnikani, li kienet stabbiliet ruħha fejn illum hemm San Vittore al Corpo, fl-1460 irċeviet donazzjoni ta' roqgħa art mill-Konti Gaspare Vimercati, f'isem il-familja Sforza. Fuq din l-art kien hemm kappella żgħira ddedikata lil Santa Marija tal-Grazzji u binja li kienet tintuża mit-truppi tal-Konti Vimercati. Fl-10 ta' Settembru 1463 tpoġġiet il-ġebla tax-xewka tal-kunvent. Il-kostruzzjoni bdiet minn dak li llum huwa magħruf bħala l-Kjostru tal-Mejtin, biswit il-kappella primittiva tal-Verġni tal-Grazzji, li llum tikkorrispondi għall-aħħar kappella tan-navata tax-xellug tal-knisja. Ix-xogħlijiet tmexxew mill-arkitett Guiniforte Solari, li kien magħruf sew f'Milan għaliex diġà kien ħadem bħala l-inġinier ewlieni tad-Duomo u l-Isptar Maġġuri ta' Milan kif ukoll tal-Monasteru Kartusjan ta' Pavia. Bis-saħħa tal-finanzi mill-Konti Vimercati f'isem il-familja Sforza, il-kunvent tlesta fl-1469, kif jirrakkonta l-patri Dumnikan Gattico, fil-ġrajja tiegħu tant prezzjuża biex wieħed seta' jifhem kif mexew il-fażijiet ta' kostruzzjoni tal-kumpless tul is-snin.[3]
Kunvent
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kunvent inbena skont id-disinni ta' Solari madwar tliet kjostri: il-kjostru fejn oriġinarjament kienu joqogħdu t-truppi tal-Konti Vimercati li ġie inkorporat fil-kostruzzjoni, il-kjostru l-kbir fejn kien hemm iċ-ċelel tal-patrijiet Dumnikani, u l-Kjostru tal-Mejtin biswit il-knisja. Dan il-kjostru kien inqered għalkollox mill-bumbardamenti fl-1943 u ġie rikostruwit wara l-gwerra. Fit-Tramuntana tiegħu hemm in-naħa tat-Tramuntana tal-knisja, filwaqt li fit-tliet naħat l-oħra tal-kjostru hemm portiku bil-kolonni tal-granit tat-tip serizzo b'kapitelli Gotiċi bil-weraq lixx. Fuq il-portiku, fil-Lvant hemm il-Kappella tal-Grazzji l-antika u s-swali tal-Kapitlu u tal-Lokutorju, filwaqt li fit-Tramuntana hemm il-librerija, li Solari ddisinja fuq il-mudella tal-librerija famuża tal-kunvent Dumnikan ta' San Mark f'Firenze, ipproġettata minn Michelozzo xi għoxrin sena qabel. Fin-Nofsinhar hemm ir-refettorju li fih l-affresk famuż tal-Aħħar Ċena ta' Leonardo da Vinci.[4]
Refettorju
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sala rettangolari ta' Pietro Maschera hija msaqqfa b'mod elaborat f'għamla ta' bittija u b'riffieda qishom "dwiefer" li jingħaqdu ma' riffieda qishom "umbrelel". Minn ġewwa s-sala kienet iddekorata kompletament b'affreski fuq il-ħitan u s-saqaf. B'xorti ħażina, is-saqaf u l-ħitan prinċipali kienu ġġarrfu, għaldaqstant kulma fadal mill-affreski huwa l-affresk tal-Aħħar Ċena ta' Leonardo da Vinci fuq il-ħajt tal-lemin u l-affresk tal-Kruċifissjoni ta' Donato Montorfano fuq il-ħajt tax-xellug, li kienu temi tipiċi tar-refettorji fil-kunventi dak iż-żmien.
L-affresk tal-Kruċifissjoni huwa l-opra tal-arti kkonservata maġġuri tal-pittur minn Milan. Fl-arkitettura interessanti mpittra fl-isfond, diġà kienu preżenti elementi li kienu jintużaw minn Donato Bramante. Minkejja t-tiġrif tar-refettorju, l-opra tal-arti tinsab f'kundizzjoni pjuttost tajba. Min-naħa l-oħra, l-opri tar-ritratti tal-familja Dukali ta' Leonardo da Vinci ntilfu għalkollox. Dawn kienu jinsabu fl-irkejjen maġenb l-affresk: Ludovico il Moro u Massimiliano fuq il-lemin, Beatrice u Francesco fuq ix-xellug. Dawn ir-ritratti kienu saru bl-istess teknika tal-pittura bin-niexef li ntużat għall-Aħħar Ċena, u li inizjalment kważi wasslet biex l-opra tal-arti tisparixxi. Giorgio Vasari kien ra u faħħar dawn l-opri tal-arti meta kien żar il-belt ta' Milan.[5]
Bażilika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kostruzzjoni tal-knisja bdiet, kif kienet drawwa li ssir dak iż-żmien, miż-żona tal-apsida, flimkien mal-kostruzzjoni tal-kunvent. Tul il-proġett, l-arkitett Solari żamm mat-tradizzjoni Gotika kkonsolidata fit-Tramuntana tal-Italja u bena bażilika bi tliet navati, imsaqqfa bir-riffieda ġejjin għall-ponta, u b'faċċata f'għamla ta' tinda. Il-materjali tal-kostruzzjoni wkoll isegwu t-tradizzjoni tal-Lombardija, bil-brikks għall-ħitan u bil-granit għall-kolonni u l-kapitelli. Il-pjanta tal-bażilika hija tipika tal-knejjes qishom sala, bi tliet navati baxxi u wesgħin, isseparati permezz ta' kolonni tal-ġebel li jippermettu li jidħol iktar dawl, sabiex jinħoloq ambjent unitarju, żviluppat iktar orizzontalment milli vertikalment.[6] In-navati huma mgħottija b'riffieda f'għamla ta' salib, u jserrħu fuq kolonni b'kapitelli bil-weraq.[7]
Biswit in-navati minuri hemm ringiela ta' seba' kappelli kwadri tal-ġenb, imdawla b'tieqa tonda ċentrali u żewġ twieqi f'għamla ta' ħnejja akuta. L-istruttura hija l-istess bħal tas-sede Dumnikana ta' qabel iddedikata lil Sant'Eustorgio, kif ukoll bħal xogħlijiet oħra ta' Solari f'Milan bħall-Abbazija ta' Casoretto, il-Knisja ta' San Pietru f'Gessate u l-Knisja ta' Santa Marija tal-Paċi.
Il-faċċata sempliċi f'għamla ta' tinda hija maqsuma f'ħames sezzjonijiet permezz ta' sitt riffieda. Il-wisa' hija kważi d-doppju tal-għoli. L-għoli xorta waħda huwa iktar minn dak tan-navati interni, kif wieħed jista' jara mill-okuli fil-ħitan, li jinsabu iktar 'il fuq mis-saqaf proprja tal-knisja. Id-dekorazzjoni esterna mhijiex esaġerata u tinkludi riljievi u disinni bil-brikks li jagħmluha ta' gwarniċ għar-rużuni u għat-twieqi tal-knisja. Il-bibien tal-ġnub bilkemm għandhom dekorazzjoni, peress li waqt ir-restawr li sar fis-seklu 19 tneħħew il-portali Barokki mwettqa minn Luca Beltrami, biex il-knisja terġa' tingħata l-bixra oriġinali tagħha tas-seklu 15.
Il-portal ċentrali magħmul mill-irħam abjad, huwa l-ewwel intervent fejn Ludovico il Moro hemm ta' rasu, kif ħa f'idejh il-patroċinju tax-xogħlijiet wara l-Konti Vimercati. Fuq iż-żewġ pedestalli f'għamla ta' kubu, hemm kolonni tal-irħam abjad, iddekorati b'motiv bil-fjuri fuq il-ġebla. Iktar lura, hemm pilastri ddekorati qishom kandilabri. Fuq nett hemm lunetta b'riffieda qishom xkaffi, fejn hemm affresk tas-seklu 18 ta' Bellotti. Il-proġett ta' dan il-portal, flimkien mat-tribuna, jiġi attribwit lil Bramante, għalkemm mhux b'unanimità. L-irħam abjad ileqq, il-grazzja tad-dekorazzjonijiet ta' ispirazzjoni klassika u l-linearità ġeometrika tal-portal joħolqu kuntrast mal-istruttura sempliċi bil-brikks tal-faċċata.[7]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Knisja u l-Kunvent Dumnikan ta' Santa Marija tal-Grazzji flimkien mal-Aħħar Ċena ta' Leonardo da Vinci ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980. Il-valur universali straordinarju ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem", ladarba l-Aħħar Ċena waħedha tirrappreżenta kisba artistika unika u storika ta' valur universali straordinarju għall-istorja tal-arti u l-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ", ladarba dan is-sit influwenza ferm mhux biss l-iżvilupp ta' tema ikonografika waħda, iżda wkoll l-iżvilupp kollu tal-pittura, filwaqt li witta t-triq għal fażi ġdida fl-istorja tal-arti.[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Church and Dominican Convent of Santa Maria delle Grazie with "The Last Supper" by Leonardo da Vinci". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-15.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Rock Drawings in Valcamonica". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-15.
- ^ P. Girolamo Gattico, O.P., Descrizione succinta e vera delle cose spettanti alla Chiesa e al convento di Santa Maria delle Grazie e di Santa maria della Rosa e suo luogo e altre loro cose in Milano dell'ordine dei predicatori, (sec.XVIII), Archivio di Stato di Milano, Fondo di Religione, Conventi, Milano.
- ^ Maria Teresa Fiorio, Le chiese di Milano, p.89, Electa, 2006. ISBN: 9788837037635.
- ^ Mina Gregori (a cura di), Pittura a Milano, Rinascimento e Manierismo.
- ^ Maria Teresa Fiorio, Le chiese di Milano, pp. 84-85, Electa, 2006. ISBN: 9788837037635.
- ^ a b Diversi awturi, Santa Maria delle Grazie in Milano, p. 52.