Aqbeż għall-kontentut

Knisja ta' Santa Marija tal-Grazzji (Milan)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Knisja ta' Santa Marija tal-Grazzji, Milan

Il-Knisja ta' Santa Marija tal-Grazzji, Milan, l-Italja, hija bażilika u santwarju tal-Ordni tad-Dumnikani fil-parroċċa ta' San Vittore al Corpo. L-arkitettura tat-tribuna, li nbniet bejn l-1492 u l-1493 skont ir-rieda tad-Duka ta' Milan Ludovico il Moro li xtaq mawżolew għall-familja tiegħu, hija waħda mill-aqwa binjiet tar-Rinaxximent fit-Tramuntana tal-Italja.

Il-knisja, flimkien mal-affresk tal-Aħħar Ċena ta' Leonardo da Vinci li jinsab fir-refettorju tal-kunvent, kienet it-tieni sit li ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[1] wara l-inċiżjonijiet fil-blat ta' Valcamonica.[2]

It-tribuna ta' Donato Bramante

Fl-1459, id-Duka ta' Milan Francesco Sforza ordna l-kostruzzjoni tat-tieni kunvent Dumnikan f'Milan, wara l-insedjament antik ta' Sant'Eustorgio li jmur lura għall-1227, li kien inbena 11-il sena biss wara t-twaqqif tal-Ordni Dumnikana. Il-kongregazzjoni tad-Dumnikani, li kienet stabbiliet ruħha fejn illum hemm San Vittore al Corpo, fl-1460 irċeviet donazzjoni ta' roqgħa art mill-Konti Gaspare Vimercati, f'isem il-familja Sforza. Fuq din l-art kien hemm kappella żgħira ddedikata lil Santa Marija tal-Grazzji u binja li kienet tintuża mit-truppi tal-Konti Vimercati. Fl-10 ta' Settembru 1463 tpoġġiet il-ġebla tax-xewka tal-kunvent. Il-kostruzzjoni bdiet minn dak li llum huwa magħruf bħala l-Kjostru tal-Mejtin, biswit il-kappella primittiva tal-Verġni tal-Grazzji, li llum tikkorrispondi għall-aħħar kappella tan-navata tax-xellug tal-knisja. Ix-xogħlijiet tmexxew mill-arkitett Guiniforte Solari, li kien magħruf sew f'Milan għaliex diġà kien ħadem bħala l-inġinier ewlieni tad-Duomo u l-Isptar Maġġuri ta' Milan kif ukoll tal-Monasteru Kartusjan ta' Pavia. Bis-saħħa tal-finanzi mill-Konti Vimercati f'isem il-familja Sforza, il-kunvent tlesta fl-1469, kif jirrakkonta l-patri Dumnikan Gattico, fil-ġrajja tiegħu tant prezzjuża biex wieħed seta' jifhem kif mexew il-fażijiet ta' kostruzzjoni tal-kumpless tul is-snin.[3]

Il-knisja wara l-bumbardamenti tal-gwerra fl-1943

Il-kunvent inbena skont id-disinni ta' Solari madwar tliet kjostri: il-kjostru fejn oriġinarjament kienu joqogħdu t-truppi tal-Konti Vimercati li ġie inkorporat fil-kostruzzjoni, il-kjostru l-kbir fejn kien hemm iċ-ċelel tal-patrijiet Dumnikani, u l-Kjostru tal-Mejtin biswit il-knisja. Dan il-kjostru kien inqered għalkollox mill-bumbardamenti fl-1943 u ġie rikostruwit wara l-gwerra. Fit-Tramuntana tiegħu hemm in-naħa tat-Tramuntana tal-knisja, filwaqt li fit-tliet naħat l-oħra tal-kjostru hemm portiku bil-kolonni tal-granit tat-tip serizzo b'kapitelli Gotiċi bil-weraq lixx. Fuq il-portiku, fil-Lvant hemm il-Kappella tal-Grazzji l-antika u s-swali tal-Kapitlu u tal-Lokutorju, filwaqt li fit-Tramuntana hemm il-librerija, li Solari ddisinja fuq il-mudella tal-librerija famuża tal-kunvent Dumnikan ta' San Mark f'Firenze, ipproġettata minn Michelozzo xi għoxrin sena qabel. Fin-Nofsinhar hemm ir-refettorju li fih l-affresk famuż tal-Aħħar Ċena ta' Leonardo da Vinci.[4]

L-Aħħar Ċena

Is-sala rettangolari ta' Pietro Maschera hija msaqqfa b'mod elaborat f'għamla ta' bittija u b'riffieda qishom "dwiefer" li jingħaqdu ma' riffieda qishom "umbrelel". Minn ġewwa s-sala kienet iddekorata kompletament b'affreski fuq il-ħitan u s-saqaf. B'xorti ħażina, is-saqaf u l-ħitan prinċipali kienu ġġarrfu, għaldaqstant kulma fadal mill-affreski huwa l-affresk tal-Aħħar Ċena ta' Leonardo da Vinci fuq il-ħajt tal-lemin u l-affresk tal-Kruċifissjoni ta' Donato Montorfano fuq il-ħajt tax-xellug, li kienu temi tipiċi tar-refettorji fil-kunventi dak iż-żmien.

L-affresk tal-Kruċifissjoni huwa l-opra tal-arti kkonservata maġġuri tal-pittur minn Milan. Fl-arkitettura interessanti mpittra fl-isfond, diġà kienu preżenti elementi li kienu jintużaw minn Donato Bramante. Minkejja t-tiġrif tar-refettorju, l-opra tal-arti tinsab f'kundizzjoni pjuttost tajba. Min-naħa l-oħra, l-opri tar-ritratti tal-familja Dukali ta' Leonardo da Vinci ntilfu għalkollox. Dawn kienu jinsabu fl-irkejjen maġenb l-affresk: Ludovico il Moro u Massimiliano fuq il-lemin, Beatrice u Francesco fuq ix-xellug. Dawn ir-ritratti kienu saru bl-istess teknika tal-pittura bin-niexef li ntużat għall-Aħħar Ċena, u li inizjalment kważi wasslet biex l-opra tal-arti tisparixxi. Giorgio Vasari kien ra u faħħar dawn l-opri tal-arti meta kien żar il-belt ta' Milan.[5]

Il-portal ċentrali

Il-kostruzzjoni tal-knisja bdiet, kif kienet drawwa li ssir dak iż-żmien, miż-żona tal-apsida, flimkien mal-kostruzzjoni tal-kunvent. Tul il-proġett, l-arkitett Solari żamm mat-tradizzjoni Gotika kkonsolidata fit-Tramuntana tal-Italja u bena bażilika bi tliet navati, imsaqqfa bir-riffieda ġejjin għall-ponta, u b'faċċata f'għamla ta' tinda. Il-materjali tal-kostruzzjoni wkoll isegwu t-tradizzjoni tal-Lombardija, bil-brikks għall-ħitan u bil-granit għall-kolonni u l-kapitelli. Il-pjanta tal-bażilika hija tipika tal-knejjes qishom sala, bi tliet navati baxxi u wesgħin, isseparati permezz ta' kolonni tal-ġebel li jippermettu li jidħol iktar dawl, sabiex jinħoloq ambjent unitarju, żviluppat iktar orizzontalment milli vertikalment.[6] In-navati huma mgħottija b'riffieda f'għamla ta' salib, u jserrħu fuq kolonni b'kapitelli bil-weraq.[7]

It-tribuna ta' Bramante minn barra

Biswit in-navati minuri hemm ringiela ta' seba' kappelli kwadri tal-ġenb, imdawla b'tieqa tonda ċentrali u żewġ twieqi f'għamla ta' ħnejja akuta. L-istruttura hija l-istess bħal tas-sede Dumnikana ta' qabel iddedikata lil Sant'Eustorgio, kif ukoll bħal xogħlijiet oħra ta' Solari f'Milan bħall-Abbazija ta' Casoretto, il-Knisja ta' San Pietru f'Gessate u l-Knisja ta' Santa Marija tal-Paċi.

Il-faċċata sempliċi f'għamla ta' tinda hija maqsuma f'ħames sezzjonijiet permezz ta' sitt riffieda. Il-wisa' hija kważi d-doppju tal-għoli. L-għoli xorta waħda huwa iktar minn dak tan-navati interni, kif wieħed jista' jara mill-okuli fil-ħitan, li jinsabu iktar 'il fuq mis-saqaf proprja tal-knisja. Id-dekorazzjoni esterna mhijiex esaġerata u tinkludi riljievi u disinni bil-brikks li jagħmluha ta' gwarniċ għar-rużuni u għat-twieqi tal-knisja. Il-bibien tal-ġnub bilkemm għandhom dekorazzjoni, peress li waqt ir-restawr li sar fis-seklu 19 tneħħew il-portali Barokki mwettqa minn Luca Beltrami, biex il-knisja terġa' tingħata l-bixra oriġinali tagħha tas-seklu 15.

Il-portal ċentrali magħmul mill-irħam abjad, huwa l-ewwel intervent fejn Ludovico il Moro hemm ta' rasu, kif ħa f'idejh il-patroċinju tax-xogħlijiet wara l-Konti Vimercati. Fuq iż-żewġ pedestalli f'għamla ta' kubu, hemm kolonni tal-irħam abjad, iddekorati b'motiv bil-fjuri fuq il-ġebla. Iktar lura, hemm pilastri ddekorati qishom kandilabri. Fuq nett hemm lunetta b'riffieda qishom xkaffi, fejn hemm affresk tas-seklu 18 ta' Bellotti. Il-proġett ta' dan il-portal, flimkien mat-tribuna, jiġi attribwit lil Bramante, għalkemm mhux b'unanimità. L-irħam abjad ileqq, il-grazzja tad-dekorazzjonijiet ta' ispirazzjoni klassika u l-linearità ġeometrika tal-portal joħolqu kuntrast mal-istruttura sempliċi bil-brikks tal-faċċata.[7]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja u l-Kunvent Dumnikan ta' Santa Marija tal-Grazzji flimkien mal-Aħħar Ċena ta' Leonardo da Vinci ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980. Il-valur universali straordinarju ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem", ladarba l-Aħħar Ċena waħedha tirrappreżenta kisba artistika unika u storika ta' valur universali straordinarju għall-istorja tal-arti u l-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ", ladarba dan is-sit influwenza ferm mhux biss l-iżvilupp ta' tema ikonografika waħda, iżda wkoll l-iżvilupp kollu tal-pittura, filwaqt li witta t-triq għal fażi ġdida fl-istorja tal-arti.[1]

  1. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Church and Dominican Convent of Santa Maria delle Grazie with "The Last Supper" by Leonardo da Vinci". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-15.
  2. Centre, UNESCO World Heritage. "Rock Drawings in Valcamonica". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-15.
  3. P. Girolamo Gattico, O.P., Descrizione succinta e vera delle cose spettanti alla Chiesa e al convento di Santa Maria delle Grazie e di Santa maria della Rosa e suo luogo e altre loro cose in Milano dell'ordine dei predicatori, (sec.XVIII), Archivio di Stato di Milano, Fondo di Religione, Conventi, Milano.
  4. Maria Teresa Fiorio, Le chiese di Milano, p.89, Electa, 2006. ISBN: 9788837037635.
  5. Mina Gregori (a cura di), Pittura a Milano, Rinascimento e Manierismo.
  6. Maria Teresa Fiorio, Le chiese di Milano, pp. 84-85, Electa, 2006. ISBN: 9788837037635.
  7. 1 2 Diversi awturi, Santa Maria delle Grazie in Milano, p. 52.