Kastelli u Swar tal-Irħula tar-Re Dwardu fi Gwynedd

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kastell ta' Caernarfon.

Il-Kastelli u Swar tal-Irħula tar-Re Dwardu fi Gwynedd huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsabu fi Gwynedd, Wales.[1] Is-sit jinkludi l-kastelli ta' Beaumaris u ta' Harlech u l-kastelli u s-swar tal-irħula ta' Caernarfon u ta' Conwy. L-UNESCO tqis li dawn il-kastelli u s-swar tal-irħula huma "l-ifjen eżempji tal-arkitettura militari tal-aħħar tas-seklu 13 u tal-bidu tas-seklu 14 fl-Ewropa".

Il-fortifikazzjonijiet jiffurmaw parti miċ-Ċirku tal-Ħadid mibni minn Dwardu I wara li invada t-Tramuntana ta' Wales fl-1282. Dwardu rebaħ kontra l-prinċpijiet lokali ta' Wales f'kampanja militari ewlenija u kkolonizza l-inħawi b'mod permanenti. Huwa ħoloq irħula ffortifikati ġodda, protetti minn kastelli, fejn l-immigranti Ingliżi setgħu jinsedjaw ruħhom u jamministraw t-territorji. Il-proġett sewa kemxa flus u battal ir-riżorsi rjali sal-aħħar. Fl-1294 kien hemm rewwixti ġodda f'Wales taħt it-tmexxija ta' Madog ap Llywelyn. Conwy u Harlech baqgħu jingħataw il-provvisti bil-baħar u rreżistew l-attakki, iżda Caernarfon, li kienet għadha tlestiet parzjalment, ma felħitx tirreżisti. Wara r-rewwixti, Dwardu saħħaħ il-programm ta' kostruzzjoni u ordna li jinbeda x-xogħol f'Beaumaris. Madankollu, il-gwerer ta' Dwardu fl-Iskozja bdew jikkonsmaw il-finanzjamenti rjali, u x-xogħol reġa' majna. Ix-xogħol ta' kostruzzjoni fil-fortifikazzjonijiet kollha waqaf sal-1330, mingħajr ma Caernarfon u Beaumaris kienu tlestew għalkollox.

Il-fortifikazzjonijiet kellhom rwol importanti fil-kunflitti fit-Tramuntana ta' Wales fis-sekli ta' wara. Kienu involuti fir-Rewwixta ta' Wales tal-bidu tas-seklu 15 u fil-Gwerer tal-Ward fl-aħħar tas-seklu 15. Minkejja d-deklin tal-importanza militari wara s-suċċessjoni tad-dinastija Tudor fuq it-tron fl-1485, reġgħu ntużaw matul il-Gwerra Ċivili Ingliża fis-seklu 17. Wara l-kunflitt, il-Parlament ordna l-qerda apposta ta' partijiet ta' Conwy u ta' Harlech, iżda t-theddida ta' invażjoni favur l-irjalisti mill-Iskozja żgurat li Caernarfon u Beaumaris jinżammu intatti. Madankollu, sal-aħħar tas-seklu 17, il-kastelli kienu saru fdalijiet. Saru popolari mal-artisti li żaruhom lejn l-aħħar tas-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19, u l-għadd ta' viżitaturi żdied meta l-aċċess għar-reġjun ittejjeb matul l-era Vitorjana. L-istat Brittaniku investa bil-kbir fil-kastelli u fis-swar tal-irħula matul is-seklu 20, u rrestawra bosta mill-karatteristiċi Medjevali tagħhom. Fl-1986, is-siti kollha tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bħala eżempji straordinarji ta' fortifikazzjonijiet u ta' arkitettura militar mibnija fis-seklu 13, u issa jiġu amministrati bħala attrazzjonijiet turistiċi mill-aġenzija tal-wirt storiku ta' Wales Cadw.[1]

Għall-biċċa l-kbira tas-seklu 20, il-kastelli u s-swar tal-irħula kienu meqjusa primarjament minn perspettiva militari. L-użu ta' difiżi konċentriċi, ta' bastjuni u ta' daħliet sostanzjali wassal biex D. J. Cathcart King jiddeskrivihom bħala l-"apoġew tal-kostruzzjoni tal-kastelli Ingliżi",[2] u biex Sidney Toy jivvalutahom bħala "wħud mill-iżjed kastelli setgħana ta' kwalunkwe era jew pajjiż".[3] Fl-aħħar tas-seklu 20 u fil-bidu tas-seklu 21, storiċi bħal Michael Prestwich u Abigail Wheatley saħqu wkoll fuq ir-rwol tas-sit bħala palazzi u simboli tas-setgħa rjali. Il-pożizzjoni ta' kastell bħal dawk ta' Caernarfon u ta' Conwy intgħażlet minħabba l-importanza politika iżda wkoll għall-funzjonijiet militari, fil-quċċata ta' siti ta' sjieda tal-prinċpijiet ta' Wales. Il-kastelli kienu jinkorporaw appartamenti u ġonna lussużi, bil-ħsieb li jsostnu lil qrati rjali kbar fil-lussu. Il-kastell u s-swar ta' Caernarfon kienu jinkorporaw xogħol għali bil-ġebel, x'aktarx bil-ħsieb li jiġu evokati xbihat tas-setgħa imperjali ta' Arthur jew tar-Rumani sabiex jissaħħaħ il-prestiġju personali ta' Dwardu. Ir-rwol preċiż tal-arkitett irjali James of Saint George fil-proġetti tal-kostruzzjoni, u l-influwenza tal-Kontea nattiva tiegħu ta' Savoia fuq id-disinni, għadha dibattuta mill-akkademiċi. Madankollu, is-sorsi primarji jindikaw tabilħaqq li qeda rwol ewlieni, u jiddeskrivuh bħala "Magistro Jacobo de sancto Georgio, Magistro operacionum Regis in Wallia" jew "Mastru Ġakbu ta' San Ġorġ, Mastru tal-Opri tar-Re f'Wales".[4]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Sekli 13-14[immodifika | immodifika s-sors]

Sfond[immodifika | immodifika s-sors]

Ritratt fl-Abbazija ta' Westminster, li huwa maħsub li huwa ta' Dwardu I.

Il-kastelli u s-swar ta' Dwardu fi Gwynedd inbnew bħala konsegwenza tal-gwerer miġġielda għall-kontroll ta' Wales fl-aħħar tas-seklu 13. Ir-rejiet tal-Ingilterra u l-prinċpijiet ta' Wales issieltu għall-kontroll tar-reġjun mis-snin 70 tas-seklu 11, u n-nobbli u l-insedjaturi Normanni u Ingliżi bil-mod il-mod espandew it-territorji tagħhom matul diversi sekli. Madankollu fis-snin 60 tas-seklu 13, il-mexxej ta' Wales Llywelyn ap Gruffudd sfrutta gwerra ċivili bejn Enriku III u l-barunijiet ribelli fl-Ingilterra biex isir is-setgħa dominanti, u ġie formalment rikonoxxut bħala l-Prinċep ta' Wales skont it-Trattat ta' Montgomery.[5][6][7]

Dwardu I sar ir-re tal-Ingilterra fl-1272. Dwardu kellu esperjenza estensiva fil-gwerer u fl-assedji, wara li ġġieled f'Wales fl-1257, mexxa l-assedju ta' sitt xhur tal-Kastell ta' Kenilworth fl-1266 u ngħaqad mal-kruċjata lejn it-Tramuntana tal-Afrika fl-1270. Huwa kien ra bosta fortifikazzjonijiet Ewropej, inkluż ir-raħal iffortifikat u d-disinn tal-kastell ta' Aigues-Mortes. Malli tela' fuq it-tron, waħda mill-ewwel azzjonijiet ta' Dwardu kienet ir-rinnovazzjoni u l-estensjoni tal-fortizza rjali tat-Torri ta' Londra. Dwardu kien responsabbli wkoll għall-kostruzzjoni ta' sekwenza ta' rħula ppjanati, normalment iffortifikati bis-swar, imsejħa bastides fil-Gaskonja bħala parti minn tentattiv biex isaħħaħ l-awtorità tiegħu fir-reġjun. Dwardu awtorizza wkoll li jinbnew irħula ppjanati ġodda madwar l-Ingilterra.[8]

Sadanittant, ir-relazzjonijiet bejn Dwardu u Llywelyn malajr marru għall-agħar, u dan wassal biex Dwardu jinvadi t-Tramuntana ta' Wales fl-1276 f'tentattiv li jdgħajjef il-poter ta' Llywelyn. Matul il-gwerra Dwardu bena diversi kastelli ewlenin sabiex jikkontrolla aħjar ir-reġjun u sabiex jaġixxu bħala bażijiet għall-kampanji militari. Dwardu kellu suċċess, u t-Trattat ta' Aberconwy fl-1277 afferma mill-ġdid id-dominju Ingliż, u l-biċċa l-kbira tat-territorji ta' Llwelyn ġew maqsuma bejn l-aħwa tiegħu u Dwardu.[9]

Gwerra tal-1282-1283[immodifika | immodifika s-sors]

Rikostruzzjoni tal-kastell u tas-swar ta' Conwy fl-aħħar tas-seklu 13.

Dwardu u l-alleati tiegħu fost il-prinċpijiet ta' Wales ftit wara bdew jitlewmu, u fil-bidu tal-1282 faqqgħet ribelljoni, immexxija minn ħu Llywelyn, Dafydd ap Gruffydd. Dwardu wieġeb għar-ribelljoni billi mmobilizza armata rjali ta' 8,000 suldat tal-fanterija u 750 suldat tal-kavallerija, li mmarċjaw fit-Tramuntana lejn Rhuddlan, filwaqt li fin-Nofsinhar u fiċ-ċentru ta' Wales kien hemm forzi tan-nobbli li avvanzaw minn Carmarthen u minn Montgomery. Dwardu mbagħad mexxa invażjoni navali fuq il-Gżejra ta' Anglesey u fforma pont temporanju għall-qsim lejn l-art kontinentali, u ħa l-gwerra lejn l-artijiet ta' Snowdonia fil-qalba ta' Wales. Llywelyn inqatel f'Diċembru, u fil-bidu tal-1283 Dafydd inqabad u ġie ġustizzjat.

Iktar milli jirrepeti l-arranġamenti devoluti ta' trattati preċedenti, minflok Dwardu għażel li jikkolonizza b'mod permanenti t-Tramuntana ta' Wales. Il-bqija tal-familja rjali ta' Llywelyn u ta' Dafydd ġiet mifnija u l-artijiet tagħhom ġew maqsuma fost in-nobbli Ingliżi ewlenin. Il-governanza ta' Wales ġiet irriformata, u l-arranġamenti stabbiliti fl-Istatut ta' Rhuddlan, ippromulgat fit-3 ta' Marzu 1284. Wales ġie maqsum f'kontej u f'distretti (shires), u ġie emulat il-mod kif l-Ingilterra kienet iggvernata. Inħolqu tliet distretti ġodda fil-Majjistral: Caernarfon, Merioneth u Anglesey.

Bħala parti minn din l-iskema, fl-1283 Dwardu ordna l-kostruzzjoni ta' kastelli u ta' swar tal-irħula ġodda madwar it-territorji okkupati, parzjalment biex iħeġġeġ migrazzjoni sostanzjali fir-reġjun mill-Ingilterra. Fosthom kien hemm il-kastell u s-swar ta' Caernarfon, faċċata tax-xmara Seiont; il-kastell u s-swar ta' Conwy, għall-kontroll tal-punt ta' qsim fuq ix-xmara Conwy; u l-Kastell ta' Harlech, għall-protezzjoni ta' port marittimu u tar-raħal Ingliż li kien għadu kemm ġie stabbilit. X'aktarx li kien hemm pjanijiet biex jiġi stabbilit kastell u insedjament iffortifikat qrib ir-raħal importanti strateġikament ta' Llanfaes on Anglesey – li mbagħad sar Beaumaris – iżda dawn ġew posposti minħabba l-ispejjeż tal-proġetti l-oħra.

L-irħula l-ġodda kienu ċentri amministrattivi importanti għall-istrutturi governattivi Ingliżi l-ġodda: Caernarfon u Harlech kienu ċ-ċentri tad-distretti l-ġodda, u Conwy kien responsabbli għal kontea ġdida. Il-kastelli kienu ċentri militari ewlenin, iżda kienu ddisinjati wkoll biex jiffunzjonaw bħala palazzi rjali, li kienu kapaċi jsostnu l-abitazzjonijiet tar-re u tar-reġina fil-kumdità u fis-sigurtà kollha. Diversi proġetti kellhom importanza simbolika speċjali wkoll. Conwy ġiet ippożizzjonata apposta fuq l-Abbazija ta' Aberconwy, il-post funebri tradizzjonali tal-prinċpijiet ta' Wales; l-abbazija ġiet rilokata tmien mili iktar 'il ġewwa. Il-mexxejja nattivi ta' Wales kienu hemżu importanza speċjali mill-eks sit tar-Rumani f'Caernarfon għas-simboliżmu imperjali tiegħu, u partijiet mill-fortifikazzjonijiet tal-prinċpijiet ta' Wales inħatfu u reġgħu ntużaw simbolikament biex jinbena l-kastell il-ġdid ta' Dwardu hemmhekk. Is-sit tal-Kastell ta' Harlech ġie assoċjat mal-leġġenda ta' Branwen, prinċipessa ta' Wales.

Rikostruzzjoni tal-kastell u tas-swar ta' Caernarfon fl-aħħar tas-seklu 13.

Dwardu qabbad arkitetti u inġiniera fdati biex jieħdu ħsieb il-proġetti, u fosthom l-iktar prominenti kienu l-Mastru Ġakbu ta' San Ġorġ minn Savoia, iżda anke l-ħabib qarib ta' Dwardu, Otto de Grandson, is-suldat Sir John de Bonvillars u l-mastru bennej John Francis. L-Ingliżi kienu bnew kastelli meta faqqa' l-kunflitt tal-1272, u normalment kienu jkunu ikbar u iktar għaljin minn dawk tal-mexxejja lokali ta' Wales, iżda l-fortifikazzjonijiet ġodda xorta waħda kienu fuq skala iktar grandjuża. Il-mastrudaxxi, dawk li kienu jħaffru l-ħniedaq u l-bennejja ġew miġbura mix-xeriffi lokali mill-Ingilterra kollha u kienu jinġabru f'Chester u fi Bristol, qabel ma ntbagħtu lejn it-Tramuntana ta' Wales fir-rebbiegħa, u kienu jirritornaw id-dar kull xitwa. L-għadd ta' ħaddiema involuti tant kien kbir li kellhom impatt sinifikanti fuq il-forza tax-xogħol nazzjonali tal-Ingilterra. L-ispejjeż kienu enormi għal dak iż-żmien: biex inbnew il-kastell u s-swar ta' Caernarfon swew £15,500, il-kastell u s-swar ta' Conwy swew madwar £15,000 u l-Kastell ta' Harlech sewa £8,190.

L-irħula ffortifikati ġew ippjanati b'mod regolari, abbażi tal-esperjenza miksuba mill-bastides ekwivalenti fi Franza u minn diversi insedjamenti ppjanati Ingliżi. Ir-residenti l-ġodda tagħhom kienu migranti Ingliżi, u ċ-ċittadini lokali minn Wales ma tħallewx jgħixu fi ħdan il-fortifikazzjonijiet. L-irħula kellhom diversi livelli ta' suċċess. F'termini ta' kirjiet, il-proprjetajiet tal-irħula taċ-ċittadini mikrija mill-Kuruna kienu kif ġej: Conwy kellha 99 għall-ħabta tal-1295 u Caernarfon kellha 57 fl-1298. Harlech baqgħet lura bħala tkabbir, u r-raħal kellu 24 u nofs biss fl-1305. Il-kastelli kienu fdati lill-kuntistabbli minn Dwardu, li ġew inkarigati jiddefenduhom, u f'xi każijiet, ingħataw is-setgħa li jiddefendu s-swar ukoll. Ġew stabbiliti gwarniġjoni permanenti ta' suldati, 40 f'Caernarfon, 30 f'Conwy u 36 f'Harlech, mgħammra bil-qwies u l-kurazzi. Il-kastelli u l-irħula kollha kienu portijiet u l-provvisti setgħu jitwasslulhom bil-baħar f'każ ta' bżonn. Dan kien vantaġġ strateġiku importanti peress li l-flotta navali ta' Dwardu kellha dominju kważi totali madwar il-kosta ta' Wales. Il-kastelli kollha kienu mgħammra b'daħla fuq wara li kienet tippermettilhom jingħataw il-provvisti direttament mill-baħar anke jekk ir-raħal ikun ġarrab telfa.

Ribelljoni tal-1294-1295[immodifika | immodifika s-sors]

Rikostruzzjoni tal-Kastell ta' Harlech fil-bidu tas-seklu 14; veduta mill-baħar.

Il-fortifikazzjonijiet ta' Dwardu ġew ittestjati fl-1294 meta Madog ap Llywelyn irribella kontra t-tmexxija Ingliża, bl-ewwel rewwixta ewlenija mill-konkwista. Milli jidher iċ-ċittadini ta' Wales inkorlaw minħabba l-introduzzjoni tat-tassazzjoni, u Madog kellu appoġġ popolari konsiderevoli. Sa tmiem is-sena, Dwardu kien irritorna lejn Wales b'armata kbira u avvanza lejn il-Punent minn Chester, u laħaq il-kastell tiegħu f'Conwy sal-Milied. Hemmhekk inqabad f'nasba u ġie assedjat sa Jannar 1295, u seta' jingħata l-provvisti mill-baħar biss, qabel ma waslu l-forzi biex jeħilsuh fi Frar. Harlech ġiet assedjata wkoll iżda ma ġarrbitx telfa bis-saħħa tal-wasla tal-provvisti bil-baħar mill-Irlanda. Madankollu, Caernarfon kienet għadha tlestiet parzjalment biss u ġiet attakkata mill-forzi ta' Wales u l-kastell u r-raħal ingħataw in-nar. F'Anglesey, il-forzi ta' Wales qatlu lix-xeriff irjali. Fir-rebbiegħa Dwardu rnexxielu jwettaq kontrattakk b'qawwa ta' 35,000 suldat, u rnexxielu jrażżan ir-rewwixta u joqtol lil Madog.

Wara r-ribelljoni, Dwardu ordna li jinbeda x-xogħol ta' tiswija u ta' tlestija ta' Caernarfon. Ladarba Anglesey ġiet okkupata mill-ġdid huwa beda javvanza wkoll fir-rigward tal-pjanijiet li kienu ġew imdewma sabiex jiffortifika l-inħawi. Is-sit li ntgħażel issejjaħ Beaumaris u kien madwar mil (1.6 kilometru) mir-raħal ta' Llanfaes f'Wales. Għaldaqstant ittieħdet id-deċiżjoni li l-popolazzjoni minn Wales tiġi mċaqilqa xi 12-il mil (19-il kilometru) lejn il-Lbiċ, fejn inħoloq insedjament għalihom imsejjaħ Newborough. Id-deportazzjoni taċ-ċittadini lokali ta' Wales wittiet it-triq għall-kostruzzjoni ta' raħal Ingliż, protett minn kastell sostanzjali. Programm aħrax ta' kostruzzjoni beda fis-sit taħt it-tmexxija ta' Ġakbu ta' San Ġorġ, u l-forza tax-xogħol kienet tgħix f'għorfiet temporanji fiċ-ċentru tal-fortifikazzjoni li kienet qed tinbena. Il-proġett kien għali ħafna, u spiss kien hemm l-arretrati, u sal-1300 kien sewa madwar £11,000. Minkejja n-nuqqas ta' swar, l-insedjament tal-madwar kiber malajr u sal-1305 kellu 132 struttura u kwart li ċ-ċittadini kienu qed iħallsu l-kera għalihom lill-Kuruna.

Sal-1300 Harlech u Conwy biss kienu tlestew għalkollox: is-swar ta' Caernarfon kienu tlestew, iżda l-biċċa l-kbira tal-kastell kienet għadha ma tlestiex u fil-Kastell ta' Beaumaris is-swar interni kienu għadhom nofs l-għoli maħsub, b'distakki fis-swar esterni. Sal-1304 il-programm kollu tal-kostruzzjoni f'Wales kien sewa mill-inqas £80,000, kważi sitt darbiet iktar mill-introjtu annwali ta' Dwardu. Sadanittant Dwardu kien impenjat f'sekwenza twila ta' gwerer fl-Iskozja li bdiet ittelliflu l-attenzjoni u tbattallu r-riżorsi finanzjarji tiegħu, u minħabba f'hekk ix-xogħol fuq il-kastelli ta' Wales majna. Fl-1306 Dwardu kien imħasseb dwar invażjoni Skoċċiża possibbli fit-Tramuntana ta' Wales, u dan xpruna x-xogħol tal-kostruzzjoni, iżda l-flus xorta waħda kienu ferm iktar limitati minn qabel. Sal-1330 ix-xogħol kollu kien waqaf, u Caernarfon u Beaumaris qatt ma tlestew għalkollox.

Deklin[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Daħla tat-Tramuntana fis-swar ta' Caernarfon.

Il-manutenzjoni tal-kastelli kienet biċċa xogħol iebsa, u f'qasir żmien ġew ittraskurati. Il-flus mogħtija lill-kuntistabbli tal-kastelli għall-manutenzjoni tal-kastelli u għaż-żamma tal-gwarniġjon ma kinux wisq, iżda komplew jonqsu b'mod konsiderevoli matul is-seklu 14. Il-kuntistabbli tal-Kastell ta' Conwy kien jingħata £190 fis-sena fl-1284, iżda mbagħad ingħata £40 fis-sena sas-snin 90 tas-seklu 14; il-finanzjament ta' Harlech naqas bl-istess mod minn £100 fis-sena għal £20 fis-sena biss sal-1391. Sal-1321 stħarriġ irrapporta li Conwy ma kinitx mgħammra sew, u kellha mħażen limitati b'soqfa jqattar l-ilma minnhom u bl-injam bis-susa, u fis-snin 30 tas-seklu 14, Dwardu III ingħata l-parir li l-ebda wieħed mill-kastelli ma kien fi stat tajjeb biex jospita l-qorti rjali li kieku kellu jżur ir-reġjun. Stħarriġ tal-1343 wera li l-kastell ta' Beaumaris kellu bżonn xogħol estensiv, u diversi torrijiet kien mitluqa.

Xi kultant twettqu tiswijiet u rinnovazzjonijiet. Meta Dwardu II ġie mhedded fin-Nofsinhar ta' Gwynedd mill-familja nobbli ta' Mortimer Marcher, huwa ordna lix-xeriff tiegħu, Sir Gruffudd Llywd, biex jestendi d-difiżi sad-daħla b'torrijiet addizzjonali. Dwardu, il-Prinċep l-Iswed wettaq xogħol estensiv f'Caernarfon wara li ħa kontroll tal-fortifikazzjoni fl-1343.

Fl-aħħar tas-seklu 14, il-Kastell ta' Conwy kien involut fil-waqgħa ta' Richard II. Richard irritorna mill-Irlanda f'Awwissu 1399 u fittex il-kenn fil-kastell għand il-forzi tal-għadu tiegħu, Henry Bolingbroke. Henry Percy, emissarju ta' Bolingbroke, mar fil-kastell biex iwettaq in-negozjati mar-re. Henry Percy ħa ġurament fil-kappella tal-kastell sabiex jipproteġi lir-re jekk jaqbel li jitlaq mill-kastell, iżda meta Richard telaq ittieħed priġunier minnufih, u iktar 'il quddiem ittieħed u miet priġunier fil-Kastell ta' Pontefract.

Sekli 15-17[immodifika | immodifika s-sors]

Rewwixta ta' Wales u l-Gwerer tal-Ward[immodifika | immodifika s-sors]

John Speed irreġistra l-kastelli u s-swar f'sekwenza ta' mapep famużi tal-1610, bħal din li turi l-kastell u s-swar ta' Beaumaris.

It-tensjonijiet bejn Wales u l-Ingilterra ppersistew u baqa' għaddejjin fl-1400 meta faqqgħet ir-Rewwixta ta' Wales. Fil-bidu tal-kunflitt, il-gwarniġjon ta' Harlech ġie mgħammar ħażin u l-Kastell ta' Conwy ġie ttraskurat. Il-Kastell ta' Conwy ittieħed fil-bidu tal-kunflitt minn żewġ aħwa minn Wales, li ħadu l-kontroll tal-fortizza f'attakk ħesrem, u b'hekk ir-ribelli ta' Wales setgħu jattakkaw u jaqbdu l-kumplament tar-raħal iffortifikat. Caernarfon ġiet assedjata fl-1401, u f'Novembru seħħet il-Battalja ta' Tuthill fil-qrib bejn id-difensuri ta' Caernarfon u l-assedjaturi. Fl-1403 u fl-1404, Caernarfon ġiet assedjata mill-ġdid mit-truppi ta' Wales b'appoġġ mill-qawwiet Franċiżi, iżda rreżistiet l-attakki. Beaumaris kellha xorti inqas tajba u ġiet assedjata u nqabdet mir-ribelli fl-1403, u reġgħet ittieħdet mill-qawwiet irjali fl-1405. Harlech ġiet attakkata u ttieħdet fl-aħħar tal-1404, u saret il-kwartieri ġenerali militari ta' Glyndŵr sakemm il-qawwiet Ingliżi taħt il-kmand ta' Enriku V futur reġa' ħa l-kastell matul ix-xitwa tal-1408-1409. Sal-1415 ir-rewwixta kienet trażżnet għalkollox, iżda l-prestazzjoni tal-kastelli u tas-swar ġiet ivvalutata mill-istoriku Michael Prestwich li kienet "suċċess parzjali biss".

Iktar 'il quddiem f'dak is-seklu, sensiela ta' gwerer ċivili magħrufa bħala l-Gwerer tal-Ward faqqgħu bejn il-fazzjonijiet rivali tad-dinastiji ta' Lancaster u ta' York. Wara l-Battalja ta' Northampton fl-1460, Harlech intużat bħala rifuġju għar-Reġina Margaret ta' Anjou, u bejn l-1461 u l-1468 inħatfet mill-fazzjonijiet ta' Lancaster li kienu favuriha, taħt il-kmand ta' Dafydd ap Ieuan, kontra l-fazzjonijiet ta' York li kienu favur Dwardu IV. Bis-saħħa tad-difiżi naturali tagħha u r-rotta tal-provvisti mill-baħar, Harlech irreżistiet u eventwalment saret l-aħħar fortizza ewlenija taħt il-kontroll ta' Lancaster. Finalment ċeda wara assedju ta' xahar, u dawn l-avvenimenti jingħad li ispiraw il-kanzunetta Men of Harlech (Irġiel ta' Harlech).

It-tlugħ tad-dinastija Tudor fuq it-tron Ingliż fl-1485 immarka t-tmiem tal-Gwerer tal-Ward u mmarka bidla fil-mod kif Wales kienet tiġi amministrata. Id-dinastija Tudor oriġinat minn Wales, u t-tmexxija tagħhom naqqset l-ostilitajiet bejn iċ-ċittadini ta' Wales u tal-Ingilterra. B'hekk, il-kastelli ta' Dwardu saru inqas importanti. Ġew mitluqa, u fl-1538 ġie rrapportat li bosta kastelli f'Wales kienu "moche ruynous and ferre in decaye for lakke of tymely reparations" (fi stat ta' fdalijiet u ġew mitluqa minħabba nuqqas ta' tiswijiet). Il-Kastell ta' Harlech milli jidher ma sarulux tiswijiet wara l-assedju tal-1468, u ġie dilapidat għalkollox. Il-Kastell ta' Conwy ġie rrestawrat minn Enriku VIII fis-snin 20 u 30 tas-seklu 16, iżda wara ftit reġa' ġie mitluq, u nbigħ mill-Kuruna fl-1627. L-ilmenti dwar il-qagħda mwiegħra ta' Beaumaris żdiedu, u mill-1609 il-kastell kien "utterlie decayed" (mitluq għall-aħħar). Il-ħitan tal-Kastell ta' Caernarfon kienu intatti, iżda l-binjiet fuq ġewwa kienu mitluqa u ċedew. Fl-1610 il-kartografu John Speed ipproduċa sekwenza famuża ta' mapep pittoreski tal-irħula tat-Tramuntana ta' Wales, inkluż il-kastelli u l-fortifikazzjonijiet tagħhom, li saru xbihat ikoniċi tas-siti fil-bidu tas-seklu 17.

Gwerra Ċivili Ingliża u wara[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Daħla tal-Kastell ta' Harlech, li kienet inqerdet apposta mill-Parlament wara l-Gwerra Ċivili Ingliża.

Il-Gwerra Ċivili Ingliża faqqgħet fl-1642 bejn dawk li kienu favur l-irjalisti ta' Karlu I u dawk li kienu favur il-Parlament. Il-fortifikazzjonijiet fit-Tramuntana ta' Wales baqgħu f'idejn dawk li kienu favur ir-re u f'xi każijiet saru strateġikament importanti bħala parti mir-rotta ta' komunikazzjoni bejn il-qawwiet irjali li kienu qed joperaw fl-Ingilterra u l-provvisti u r-rinforzi fl-Irlanda. Il-kastelli u d-difiżi tal-irħula sarulhom it-tiswijiet bi spejjeż konsiderevoli u reġgħu bdew jintużaw mill-irjalisti lokali. Madankollu, il-Parlament kien minn fuq fl-Ingilterra u sal-1646 l-armati tiegħu rnexxielhom jintervjenu fit-Tramuntana ta' Wales. Caernarfon, Beaumaris u Conwy ittieħdu dik is-sena. Harlech – l-aħħar fortizza favur ir-re – arrendiet f'Marzu 1647, u dan immarka t-tmiem tal-ewwel fażi tal-gwerra ċivili.

Wara l-gwerra, il-Parlament ordna t-twaqqigħ tal-kastelli madwar il-pajjiż, sabiex jeqred l-istrutturi apposta ħalli ma jintużawx f'xi rewwixti rjalisti sussegwenti. It-Tramuntana ta' Wales kien każ speċjali, peress li kien hemm tħassib li Karlu II seta' jmexxi rewwixta Presbitera fl-Iskozja u jagħmel attakk mill-baħar fuq ir-reġjun. Conwy, Caernarfon u Beaumaris inizjalment ġew mgħammra b'gwarniġjon mill-Parlament sabiex jgħinu fid-difiża kontra tali attakk. Il-Kastell ta' Conwy iktar 'il quddiem ġie meqrud parzjalment fl-1655, iżda l-Kastelli ta' Caernarfon u ta' Beaumaris ħelsuha għalkollox. Il-Kastell ta' Harlech, li kien potenzjalment inqas fil-mira tal-Iskoċċiżi, ġie meqrud mill-Parlament sabiex ma jkunx jista' jintuża, iżda ma twaqqax għalkollox.

Fl-1660 Karlu II reġa' tela' fuq it-tron u s-sjieda tal-kastelli reġgħet inbidlet għal darb'oħra. Il-Kastell ta' Beaumaris għadda għand il-kontroll tal-familja Bulkeley, li tradizzjonalment kienu l-kuntistabbli tal-kastell, li minnufih neħħew il-kumplament tal-materjal li kien għad fadallu l-kastell, inkluż is-soqfa, u l-Kastell ta' Conwy ġie rritornat lill-familja Conway, li neħħew iċ-ċomb u l-injam tal-kastell, u b'hekk spiċċa fdalijiet biss ukoll. Il-gvern il-ġdid ta' Karlu qies il-Kastell u s-swar ta' Caernarfon bħala riskju għas-sigurtà u ordna li jinqerdu, iżda din l-ordni qatt ma nħarġet, x'aktarx minħabba l-ispejjeż involuti.

Sekli 18-21[immodifika | immodifika s-sors]

Attrazzjonijiet pittoreski[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-rappreżentazzjoni pittoreska ta' J. M. W. Turner tal-Kastell ta' Caernarfon.

Is-siti beda jkollhom sjieda privata varjata. Lord Thomas Bulkeley xtara Beaumaris mill-Kuruna fl-1807, u inkorpora l-kastell fil-park ta' madwar ir-residenza lokali tiegħu. Il-Kastell ta' Conwy ġie mwelli mid-dixxendenti tal-familja Conway lill-familja Holland. Fl-aħħar tas-seklu 18 u fil-bidu tas-seklu 19, il-fdalijiet tal-kastelli bdew jitqiesu pittoreski u sublimi, u bdew jattiraw diversi viżitaturi u artisti. Din ix-xejra ġiet imħeġġa mill-avvenimenti tal-Gwerer ta' Napuljun fil-bidu tas-seklu 19, iżda fl-istess ħin l-artisti Brittaniċi kienu qed isibuha diffiċli biex iżuru l-kontinent, għaldaqstant minflok bosta vvjaġġaw lejn it-Tramuntana ta' Wales. Fost dawn l-artisti kien hemm John Cotman, Henry Gastineau, Thomas Girtin, Moses Griffith, Julius Ibbetson, Paul Sandby, J. M. W. Turner u John Varley. Is-siti nħakmu mill-veġetazzjoni u fis-snin 30 tas-seklu 19 l-istrutturi tal-ġebel tal-Kastell ta' Caenarfon bdew iċedu, u l-Kuruna impjegaw lil Anthony Salvin biex iwettqu tiswijiet ta' emerġenza.

L-infrastruttura tat-trasport lejn ir-reġjun bdiet titjieb matul is-seklu 19, u b'hekk żdied il-fluss ta' viżitaturi lejn is-siti, inkluż ir-Reġina Vitorja futura fl-1832. Għall-ħabta ta' nofs is-seklu 19 bdiet ir-riċerka akkademika dwar is-siti, b'mod partikolari dwar il-Kastelli ta' Caernarfon u ta' Conwy. L-interess tal-gvern lokali u ċentrali beda jiżdied. Fl-1865 il-Kastell ta' Conwy għadda f'idejn it-tmexxija ċivika tar-raħal ta' Conwy li bdiet ix-xogħol tar-restawr fuq il-fdalijiet, inkluż ir-rikostruzzjoni tat-torri mġarraf tal-furnar. Mis-snin 70 tas-seklu 19 'il quddiem, il-gvern iffinanzja t-tiswijiet tal-Kastell ta' Caernarfon. Il-viċi kuntistabbli, Llewellyn Turner, issorvelja x-xogħol, li b'mod kontroversjali wettaq ir-restawr u rikostruzzjoni tal-kastell, minflok sempliċement wettaq il-konservazzjoni tal-istrutturi tal-ġebel eżistenti. Minkejja l-protesti tar-residenti lokali, il-ħandaq lejn it-Tramuntana tal-kastell ġie kklerjat mill-binjiet post-Medjevali li tqies li kienu qed jirvinaw il-veduta.

Restawr statali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Conwy u t-tliet pontijiet tas-sekli 19 u 20.

Fil-bidu tas-seklu 20, l-istat Brittaniku ċentrali beda jakkwista mill-ġdid il-kontroll tas-siti. Il-Kastell ta' Caernarfon qatt ma kien telaq mill-kontroll dirett tal-Kuruna, iżda l-Kastell ta' Harlech ġie ttrasferit għall-kontroll tal-Uffiċċju tax-Xogħlijiet fl-1914, il-Kastell ta' Beaumaris ġie ttrasferit fl-1925 u l-Kastell ta' Conwy finalment ġie mwelli lill-Ministeru għax-Xogħlijiet fl-1953. L-istat investa ferm fil-konservazzjoni tas-siti. Fis-snin 20 tas-seklu 20, saru programmi ta' konservazzjoni fuq skala kbira fil-Kastelli ta' Beaumaris u ta' Harlech, billi tneħħiet il-veġetazzjoni li kienet kibret, billi tħaffer il-ħandaq mill-ġdid u billi saru t-tiswijiet fuq l-istrutturi tal-ġebel, iżda mill-bqija s-siti tħallew intatti u ġiet evitata r-rikostruzzjoni totali. Fis-snin 50 u 60 tas-seklu 20 sar xogħol estensiv f'Conwy, inkluż l-ikklerjar ta' binjiet iktar ġodda li kienu nbnew mas-swar tas-seklu 13.

Ir-riċerka akkademika żdiedet fil-bidu tas-seklu 20, il-Ministeru għax-Xogħlijiet ħa l-kontroll tas-siti, u l-gvern beda jonfoq fuq dawn l-investigazzjonijiet. Storiċi bħal Sidney Toy u Charles Peers ippubblikaw xi xogħol dwar is-siti, u r-riċerka tkompliet taħt Arnold Taylor, li ngħaqad mal-Uffiċċju tax-Xogħlijiet bħala assistent spettur fl-1935. Rapporti akkademiċi ewlenin ġew ippubblikati fis-snin 50 tas-seklu 20 u b'hekk ir-reputazzjoni tas-siti ssaħħet. Taylor kien strumentali wkoll fl-oppożizzjoni li rnexxiet kontra l-proġetti tat-toroq li ġew proposti fis-snin 70 tas-seklu 20 li kien ikollhom impatt sostanzjali fuq id-dehra tas-sit ta' Conwy. Lejn l-aħħar tas-seklu 20, rikostruzzjonijiet dettaljati tal-kastelli ġew impittra minn artisti storiċi, fosthom Terry Ball, John Banbury u Ivan Lapper.

Fl-1984 Cadw ġiet stabbilita bħala s-servizz tal-ambjent storiku tal-gvern ta' Wales u saret responsabbli għall-ġestjoni tal-erba' siti, li ġew amministrati bħala attrazzjonijiet turistiċi. Fl-2007, iżjed minn 530,000 ruħ żaru s-siti. Fl-aħħar tas-seklu 20 u fil-bidu tas-seklu 21, il-kastelli u s-swar kellhom rwol prominenti fid-dibattiti dwar l-identità taċ-ċittadini ta' Wales. L-użu ta' Caernarfon fl-investitura tal-Prinċep ta' Wales fl-1911 u fl-1969, pereżempju, ġiet ikkontestata min-nazzjonalisti ta' Wales, fosthom Alun Ffred Jones. Cadw espandiet l-interpretazzjoni pprovduta fis-siti sabiex tagħmel iktar enfasi fuq l-impatt tal-ħolqien tal-kastelli fuq iċ-ċittadini nattivi ta' Wales, u r-rwol tal-prinċpijiet ta' Wales fl-avvenimenti li wasslu sal-invażjoni tal-1282 stess.

Ħolqien tas-Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1986 is-siti ġew iddikjarati kollettivament bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bit-titlu uffiċjali Kastelli u Swar tal-Irħula tar-Re Dwardu fi Gwynedd.[1] L-UNESCO kkunsidrat li l-kastelli u s-swar tal-irħula kienu "l-ifjen eżempji tal-arkitettura militari tal-aħħar tas-seklu 13 u tal-bidu tas-seklu 14 fl-Ewropa". L-UNESCO kkwotat ukoll l-importanza tar-rabtiet tas-siti ma' Dwardu I u ma' Ġakbu ta' San Ġorġ, l-iskala tagħhom u l-arkitettura militari avvanzata, u l-kundizzjoni pjuttost tajba u d-dokumentazzjoni storika tagħhom. Is-siti jeħtieġu manutenzjoni kontinwa, u bħala eżempju ta' dan, intefqu £239,500 bejn l-2002-2003 għall-manutenzjoni tal-partijiet storiċi tal-proprjetajiet. Ġew stabbiliti wkoll "żoni ta' lqugħ" madwar is-siti, bl-għan li jiġu protetti l-veduti u l-ambjent tal-madwar minn xi żviluppi jew ħsarat mhux xierqa. Is-siti huma protetti bħala Monumenti Skedati tar-Renju Unit, Binjiet Elenkati u minn leġiżlazzjoni taż-żona ta' konservazzjoni.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastelli u s-Swar tal-Irħula tar-Re Dwardu fi Gwynedd ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Arkitettura[immodifika | immodifika s-sors]

Interpretazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Arkitettura militari[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Beaumaris mill-ajru bid-difiżi konċentriċi tiegħu.

Il-Kastelli u Swar tal-Irħula tar-Re Dwardu fi Gwynedd jinkorporaw firxa ta' karatteristiċi militari żviluppati fl-aħħar tas-seklu 13. B'hekk, għall-biċċa l-kbira tas-seklu 20, l-istoriċi rrigwardaw dawn is-siti bħala l-quċċata evoluzzjonarja tal-arkitettura militari xjentifika. D. J. Cathcart King iddeskrivihom bħala l-"apoġew tal-kostruzzjoni tal-kastelli Ingliżi", u Sidney Toy ikkunsidrahom bħala "wħud mill-iżjed kastelli setgħana ta' kwalunkwe era jew pajjiż". Is-siti kienu jinkludu difiżi konċentriċi, li fihom is-swar interni tal-kastell kienu inkorporati għalkollox fi ħdan id-difiżi esterni, b'għoli u b'angoli li ġie kkalkulat li kienu jippermettu liż-żewġ settijiet ta' swar jintużaw għall-isparar fuq l-attakkanti esterni, kif joħroġ fid-dieher fil-Kastelli ta' Harlech u ta' Beaumaris. Siti dojoq bħal dak ta' Conwy minflok inbnew fuq formazzjonijiet tal-blat għoljin, għaldaqstant kwalunkwe attakk kien ikun diffiċli li jitwettaq. Ġew inkorporati amberżuni għall-qwies u bastjuni fid-difiżi, b'diversi pjattaformi tal-isparar mibnija fis-swar sabiex jippermettu l-isparar f'daqqa minn bosta arċiera. Dawn ġew difiżi iktar f'xi każijiet b'daħliet b'torrijiet tewmin karatteristiċi, li kienu jissostitwixxu l-fortizzi iktar antiki bħala fortizzi għad-difiża.

Minkejja dawn il-vantaġġi strateġiċi kollha, issa ġie rrikonoxxut li l-kastelli u s-swar tal-irħula kellhom dgħufijiet militari wkoll. Il-kastelli kienu ferm ikbar milli kien hemm bżonn biex jipproteġu minn xi attakk miċ-ċittadini ta' Wales, iżda l-iskala stess tagħhom kienet tfisser li l-Kuruna ma setgħetx tiflaħ tieħu ħsieb il-manutenzjoni jew il-gwarniġjon tagħhom b'mod xieraq. Il-fortifikazzjonijiet f'xi wħud mis-siti kienu sempliċement kbar wisq, u kif jinnota l-istoriku Michael Prestwich, proġetti iżgħar x'aktarx li kienu jkunu iktar effettivi. Iktar milli s-siti ġew iddisinjati b'mod xjentifiku, l-istoriku Richard Morris issuġġerixxa li "tingħata l-impressjoni ta' grupp elitista ta' ġellieda militari, kumpanni dejjiema armati tar-re, involuti f'orġja ta' espressjoni arkitettonika militari b'baġit kważi illimitat".

Arkitettura u simboliżmu tal-palazzi[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Caernarfon kien maħsub biex jaqdi funzjoni ta' palazz irjali, u sabiex ix-xbiha Biżantina jew Rumana tintuża biex tissaħħaħ il-leġittimità ta' Dwardu.

Madankollu, ir-riċerka arkitettonika fl-aħħar tas-seklu 20 u fil-bidu tas-seklu 21 iffukat inqas fuq l-aspetti militari tal-fortifikazzjonijiet, u iktar fuq ir-rwoli tagħhom bħala palazzi lussużi u simboli tas-setgħa rjali. Kull wieħed mill-kastelli kien iddisinjat biex ikun jista' jsostni u jilqa' l-qorti rjali, jekk xi darba żżurhom. Fl-aħħar tas-seklu 13, dan kien ifisser li jkun hemm diversi settijiet ta' kompartimenti privati, faċilitajiet diskreti ta' servizz u arranġamenti tas-sigurtà, u għaldaqstant ġew prodotti palazzi rjali f'minjatura. Uħud minnhom għadhom jeżistu u għadhom pjuttost intatti; il-Kastell ta' Conwy, pereżempju, skont l-istoriku Jeremy Ashbee "fih l-aqwa sensiela ppreservata ta' kompartimenti rjali privati Medjevali fl-Ingilterra u f'Wales", inkluż ġnien privat għall-użu tar-reġina. Meta nbnew, il-kastelli kienu ferm iżjed ikkuluriti minn illum il-ġurnata, skont il-gosti tas-seklu 13. Pereżempju f'Conwy, is-swar kienu miżbugħa bojod bi tkaħħil abjad tal-ġir, u t-toqob fihom jaf kienu jintużaw biex jintwerew tarki miżbugħin imsejħa targes mas-swar.

Il-kastelli kienu wkoll dikjarazzjoni imperjali ċara dwar l-intenzjonijiet ta' Dwardu li jmexxi fit-Tramuntana ta' Wales fuq bażi permanenti. Kif ġie nnotat diġà, tipikament kienu jinsabu fuq siti li kienu ġew assoċjati mal-eks prinċpijiet ta' Wales. Il-Kastell ta' Caernarfon, b'mod partikolari, jispikka għall-użu ta' ġebel ikkulurit bi strixxi fil-ħitan, statwi ta' ajkli, u torrijiet poligonali iktar milli tondi. Kien hemm dibattitu akkademiku estensiv dwar l-interpretazzjoni ta' dawn il-karatteristiċi. L-istoriku Arnold Taylor argumenta li d-disinn tal-kastell kien rappreżentazzjoni tas-Swar ta' Kostantinopli. Għaldaqstant, l-użu konxju tax-xbihat Biżantini jew tal-Imperu Ruman kien turija tal-awtorità min-naħa ta' Dwardu I. Xogħol reċenti mill-istoriku Abigail Wheatley jissuġġerixxi li d-disinn tal-Kastell ta' Caernarfon kien tabilħaqq turija tal-awtorità ta' Dwardu, iżda kienet tevoka x-xbihat mis-siti Rumani fir-Renju Unit bl-intenzjoni li tinħoloq allużjoni tal-leġittimità Arturjana għar-re.

Influwenza ta' Savoia[immodifika | immodifika s-sors]

Is-swar u t-torrijiet ta' Saillon u l-karatteristiċi difensivi tal-Kastell ta' La Bâtiaz.

Is-siti ta' Dwardu għandhom rabtiet arkitettoniċi b'saħħithom mal-kastelli u mas-swar tal-irħula li nbnew fil-Kontea ta' Savoia fit-Tramuntana tal-Italja matul l-istess perjodu. Ix-xebħ bejn iż-żewġ settijiet ta' binjiet ġie nnotat għall-ewwel darba mill-istoriku Arnold Taylor fis-snin 50 tas-seklu 20. Fost karatteristiċi oħra hemm id-daħliet bl-arkati semiċirkolari, l-istil tat-twieqi, il-pożizzjonament tal-amberżuni, it-torrijiet ċirkolari għoljin u l-istil tas-swar bil-pinnakli fix-xogħlijiet ta' Dwardu fit-Tramuntana ta' Wales; fil-Kontea ta' Savoia dawn il-karatteristiċi jidhru fid-difiżi tal-Kastelli ta' Saillon, ta' La Bâtiaz u ta' Chillon. Bosta minn dawn il-karatteristiċi simili tqies li huma frott l-influwenza tal-arkitett minn Savoia, il-Mastru Ġakbu ta' San Ġorġ, impjegat minn Dwardu I, li ġab miegħu arkitetti oħra minn Savoia lejn it-Tramuntana ta' Wales.

Madankollu, ir-riċerka tal-bidu tas-seklu 21 issuġġeriet li r-rwol ta' Mastru Ġakbu, u l-influwenza minn Savoia inġenerali, jaf ġew sovravalutati. Ix-xogħol bil-ġebel tas-siti tat-Tramuntana ta' Wales huwa ta' kwalità ferm ikbar minn dik tat-Tramuntana tal-Italja, u karatteristiċi ewlenin – bħad-daħliet – mhumiex preżenti f'Savoia. Ir-riċerka tindika li Mastru Ġakbu milli jidher kellu wkoll funzjoni iktar b'saħħitha ta' ġestjoni tal-proġett, iktar milli rwol ta' disinn arkitettoniku, fl-iżvilupp tas-siti. Barra minn hekk, f'xi każijiet, l-istrutturi rilevanti ta' Savoia nbnew biss wara li Ġakbu kien telaq mir-reġjun, u qatt ma setgħu ġew osservati mill-arkitett. Għaldaqstant, ix-xebħ fid-dettalji arkitettoniċi jaf huwa frott ir-rwol usa' li kellhom fil-proġetti l-artiġjani u l-inġinieri minn Savoia, iktar milli frott ix-xogħol ta' individwu.

Siti[immodifika | immodifika s-sors]

Kastell ta' Beaumaris[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Beaumaris

Il-Kastell ta' Beaumaris inbena bejn wieħed u ieħor fil-livel tal-baħar u nbena bil-ġebla lokali ta' Anglesey. Id-disinn tal-kastell ifforma sezzjoni interna u oħra esterna, imdawra kull waħda b'ħandaq, li issa huwa parzjalment mimli bl-ilma. Id-daħla prinċipali tal-kastell kienet id-"Daħla qrib il-Baħar", li kienet tippermetti li l-kastell jirċievi l-provvisti direttament mill-baħar permezz ta' baċir mareali. Il-baċir kien protett b'sur li iktar 'il quddiem ġie msejjaħ il-Mogħdija tat-Tiraturi u b'pjattaforma tal-isparar li jaf kellha fiha makkinarju militari tal-assedju matul il-Medju Evu. Is-sezzjoni esterna kienet tikkonsisti minn sur bi tmien naħat u bi tnax-il turretta; daħla waħda kienet b'pont li jitla' u jinżel kienet tinsab qrib il-baħar, u daħla oħra, id-Daħla ta' Llanfaes, kienet tagħti għan-naħa tat-Tramuntana tal-kastell. Is-swar tas-sezzjoni interna kienu iktar sostanzjali minn dawk tas-sezzjoni esterni, b'torrijiet enormi u b'żewġ daħliet kbar. Is-sezzjoni interna kienet maħsuba biex tospita l-akkomodazzjoni u binjiet domestiċi oħra tal-kastell, b'sensiela ta' binjiet tul in-naħat tal-Punent u tal-Lvant tas-sezzjoni; għad hemm fdalijiet tal-kenuri ta' dawn il-binjiet.

L-istoriku Arnold Taylor iddeskriva lil Beaumaris bħala "l-iżjed eżempju perfett ta' ppjanar konċentriku simetriku" fir-Renju Unit, u għal bosta snin il-kastell kien meqjus bħala l-quċċata tal-inġinerija militari matul ir-renju ta' Dwardu I. Il-kastell jitqies mill-UNESCO li huwa "kisba artistika unika" minħabba l-mod kif jikkombina "strutturi b'ħajt dobblu karatteristiċi tas-seklu 13 fi pjanta ċentrali" u minħabba s-sbuħija tal-"proporzjonijiet u xogħol bil-ġebel" tiegħu.

Kastell ta' Harlech[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Harlech

Il-Kastell ta' Harlech jinsab fuq il-quċċata ta' għolja żgħira tal-blat imsejħa l-Koppla ta' Harlech; din l-art tinżel f'daqqa lejn it-Tramuntana u lejn il-Punent, u foss imħaffer fil-blat jipproteġi l-approċċi l-oħra lejn il-kastell. Il-kastell għandu disinn konċentriku, b'linja waħda ta' difiżi inkorporata f'linja oħra, li jiffurmaw sezzjoni interna u esterna; is-swar esterni oriġinarjament kienu kemxejn ogħla mill-preżent. Il-Kastell ta' Harlech inbena minn ġebel ramli lokali b'lewn griż fl-aħdar, bi blokok regolari kbar li ntużaw għat-torrijiet u materjal irregolari, x'aktarx li ttieħed mill-foss, li ntuża għas-swar. Id-daħla prinċipali tal-kastell kienet tinvolvi l-qsim ta' pont tal-ġebel bejn iż-żewġ torrijiet tal-foss fil-Lvant u l-istruttura prinċipali ta' difiża tad-daħla; ma fadal kważi xejn mit-torrijiet ta' ħdejn il-pont illum u minflok il-pont hemm mogħdija tal-injam li tagħti għad-daħla tal-kastell. Daħla qrib l-ilma tinsab quddiem taraġ protett, b'127 tarġa li jibqgħu neżlin sa taħt l-irdumijiet.

L-istruttura difensiva ta' ħdejn id-daħla għandha żewġ torrijiet difensivi kbar "b'għamla ta' D" fuq kull naħa tad-daħla. Il-passaġġ li jagħti għall-kastell kien mgħasses minn tliet xatbiet tal-ħadid u minn tal-inqas żewġ bibien tqal. L-istruttura difensiva ta' ħdejn id-daħla fiha żewġ sulari, maqsuma f'diversi kmamar. Kull sular fih tliet twieqi kbar li jagħtu għal fuq is-sezzjoni interna; it-tieni sular fih żewġ twieqi kbar addizzjonali fuq in-naħat tal-istruttura difensiva. Din tal-aħħar kienet mgħammra bil-kenuri u oriġinarjament kellha ċmieni prominenti. Is-sezzjoni interna hija mgħassa b'erba' torrijiet ċirkolari kbar li tul iż-żmien kemm-il darba kellhom kantina u post fejn kienet tinħadem l-artillerija. Diversi binjiet inbnew madwar is-sezzjoni interna, inkluż kappella, kċina, binjiet tas-servizz, foss tal-qamħ u sala kbira. Il-parapetti bid-dars jaf oriġinarjament inbnew bi tliet strutturi ppuntati fil-quċċata bħal tal-Kastell ta' Conwy, għalkemm ma tantx fadal wisq fdalijiet tagħhom attwalment.

Kastell u swar ta' Caernarfon[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell u s-Swar ta' Caernarfon
It-Torri tal-Grigal ta' Caernarfon.
Is-swar ta' Caernarfon mal-baħar.

Il-Kastell ta' Caernarfon huwa maqsum f'sezzjoni ta' fuq u f'sezzjoni t'isfel. Is-sezzjoni t'isfel kienet tospita l-akkomodazzjoni rjali, filwaqt li s-sezzjoni ta' fuq kienet tospita l-faċilitajiet tas-servizz u l-akkomodazzjoni għall-gwarniġjon. Dawn huma mdawra bi swar, u huma difiżi b'torrijiet poligonali. Galleriji difensivi għall-ispirar inbnew tul in-naħa tan-Nofsinhar tal-kastell. Hemm żewġ daħliet prinċipali, id-Daħla tar-Re, min-naħa tar-raħal, u d-Daħla tar-Reġina, b'aċċess iktar dirett għall-kastell. Mill-binjiet li kien hemm fi ħdan il-kastell fadal biss il-pedamenti. Li kieku l-Kastell ta' Caernarfon laħaq tlesta kif kien maħsub, seta' jospita qorti rjali ta' diversi mijiet ta' nies. Fl-opinjoni tal-istoriku militari Allen Brown, il-Kastell ta' Caernarfon kien "wieħed mill-iżjed konċentrazzjonijiet formidabbli tal-artillerija fil-Medju Evu".

Is-swar tar-raħal ta' Caernarfon jipprovdu ċirkwit sħiħ twil 734 metru (2,408 pied) madwar ir-raħal, u jħaddnu 4.18 ettari (10.3 akri). Inbnew l-iktar mill-istess ġebel tal-ġir karboniferu li ntuża għall-kostruzzjoni tal-kastell. It-tmien torrijiet tul is-swar huma fil-biċċa l-kbira mbuzzati 'l barra mingħajr ħitan fuq in-naħa ta' ġewwa tat-torrijiet, u oriġinarjament kienu jinkludu pontijiet tal-injam li kienu jitilgħu u jinżlu sabiex l-aċċess tul sezzjonijiet tas-swar seta' jitneħħa f'każ ta' xi attakki. Iż-żewġ daħliet oriġinali tar-raħal kienu d-Daħliet tal-Punent u tal-Lvant. Id-Daħla tal-Punent kienet tħares lejn il-port, u kienet magħrufa wkoll bħala d-Daħla tad-Deheb, b'referenza għad-daħla prinċipali fil-belt ta' Kostantinopli.

Kastell u swar ta' Conwy[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell u s-Swar ta' Conwy
Il-Kastell ta' Conwy.
Is-swar ta' Conwy.

Il-Kastell ta' Conwy donnu jgħannaq l-irdumijiet tal-blat tul il-kosta u nbena bil-ġebel ramli griż u bil-ġebla tal-ġir. Ħafna mill-ġebel tal-kastell ittieħed mill-irdumijiet stess, x'aktarx meta s-sit ġie kklerjat għall-ewwel darba. Il-kastell għandu pjanta rettangolari u huwa maqsum f'sezzjoni interna u oħra esterna, b'erba' torrijiet kbar fuq kull naħa. Wieħed jasal għad-daħla prinċipali tal-kastell minn ġol-bastjun tal-Punent, li huwa difiża esterna quddiem id-daħla prinċipali. Il-bastjun fih l-iżjed gallariji tal-ġebel bl-amberżuni bikrin fir-Renju Unit. Daħla fuq wara oriġinarjament kienet tagħti 'l isfel għax-xmara fejn kien hemm baċir żgħir, biex b'hekk il-viżitaturi ewlenin setgħu jidħlu fil-kastell bil-privatezza kollha u biex il-fortizza setgħet tingħata l-provvisti bid-dgħajjes. Is-sezzjoni esterna tal-Kastell ta' Conwy oriġinarjament kienet miżgħuda binjiet amministrattivi u tas-servizz. Is-sezzjoni interna kienet isseparata mis-sezzjoni esterna permezz ta' ħajt, pont li jitla' u jinżel u daħla b'xatba, protetta b'foss imħaffer fil-blat. Fuq ġewwa, kienet tospita l-kmamar għall-qorti rjali u għall-eqreb persunal tagħhom kif ukoll il-faċilitajiet tas-servizz. Fuq in-naħa tal-Lvant tas-sezzjoni interna hemm bastjun ieħor li jikkonfina l-ġnien tal-kastell.

Is-swar tar-raħal ta' Conwy jiffurmaw ċirkwit triangolari twil 1.3 kilometru (0.81 mil) madwar ir-raħal, u jikkonfinaw 10 ettari (25 akru). Inbnew l-iktar bl-istess ġebel ramli u ġebla tal-ġir lokali li ntużaw għall-kastell, iżda b'ġebel riolitiku addizzjonali tul il-partijiet ta' fuq tas-swar tal-Lvant. Meta nbnew, x'aktarx li s-swar kienu miżbugħ bl-abjad għalkollox. Il-21 torri li għad fadal huma fil-biċċa l-kbira mbuzzati 'l barra mingħajr ħajt fuq in-naħa ta' ġewwa tat-torrijiet, u oriġinarjament kellhom pontijiet tal-injam li setgħu jitneħħew biex sezzjonijiet sħaħ tas-swar ma kienx ikollhom aċċess f'kaz ta' xi attakk. Il-partijiet ta' fuq nett tas-swar fihom disinn mhux tas-soltu li juża sekwenza ta' ċnagen orizzontali 'il barra li jipprovdu mogħdija ċatt u relattivament wiesgħa għall-mixi. Sett uniku ta' tnax-il latrina Medjevali nbnew fis-swar tan-Nofsinhar tar-raħal, li għall-ewwel kienu nbnew biex jintużaw mill-persunal irjali li kien jaħdem fil-binjiet fil-qrib fis-seklu 13.

Il-Kastell ta' Beaumaris.

Biblijografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Allen Brown, Reginald (1984), The Architecture of Castles: A Visual Guide, B. T. Batsford, ISBN 0-7134-4089-9.
  • Ashbee, Jeremy (2007), Conwy Castle, Cardiff, ir-Renju Unit: Cadw, ISBN 978-1-85760-259-3.
  • Avent, Richard (2010), "The Conservation and Restoration of Caernarfon Castle 1845–1912", in Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, UK: Oxbow Books, pp. 140–149, ISBN 978-1-84217-380-0.
  • Brears, Peter (2010), "Food Supply and Preparation at the Edwardian Castles", in Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books, pp. 85–98, ISBN 978-1-84217-380-0.
  • Cannon, John (1997), The Oxford Companion to British History, Oxford, ir-Renju Unit: Oxford University Press, ISBN 978-0-19-866176-4.
  • Coldstream, Nicola (2010), "James of St George", f'Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books, pp. 37–45, ISBN 978-1-84217-380-0.
  • Creighton, Oliver; Higham, Robert (2003), Medieval Castles, Princes Risborough, ir-Renju Unit: Shire Archaeology, ISBN 978-0-7478-0546-5.
  • Creighton, Oliver; Higham, Robert (2005), Medieval Town Walls: an Archaeology and Social History of Urban Defence, Stroud, ir-Renju Unit: Tempus, ISBN 978-0-7524-1445-4.
  • Davies, R. R. (1995), The Revolt of Owain Glyn Dŵr, Oxford: Oxford University Press, ISBN 978-0-19-820508-1.
  • Given-Wilson, Chris (2011), The English Nobility in the Late Middle Ages, Londra, ir-Renju Unit: Routledge, ISBN 978-0-203-44126-8.
  • Goodall, John (2011), The English Castle, New Haven, l-Istati Uniti u Londra, ir-Renju Unit: Yale University Press, ISBN 978-0-300-11058-6.
  • Gravett, Christopher (2007), The Castles of Edward I in Wales 1277–1307, Oxford, ir-Renju Unit: Osprey Publishing, ISBN 978-1-84603-027-7.
  • Hicks, Michael (2012), The Wars of the Roses, New Haven, l-Istati Uniti u Londra, ir-Renju Unit: Yale University Press, ISBN 978-0-300-18157-9.
  • Jones, Alun Ffred (2010), "King Edward I's Castles in North Wales – Now and Tomorrow", in Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books, pp. 198–202, ISBN 978-1-84217-380-0.
  • Kenyon, John (2010), "Arnold Taylor's Contribution to the Study of the Edwardian Castles in Wales", in Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books, pp. 150–154, ISBN 978-1-84217-380-0.
  • King, D. J. Cathcart (1991), The Castle in England and Wales, Londra, ir-Renju Unit: Routledge, ISBN 978-0-415-00350-6.
  • Lepage, Jean-Denis G. G. (2012), British Fortifications Through the Reign of Richard III: an Illustrated History, Jefferson, l-Istati Uniti: McFarland, ISBN 978-0-7864-5918-6.
  • Liddiard, Robert (2005), Castles in Context: Power, Symbolism and Landscape, 1066 to 1500, Macclesfield, ir-Renju Unit: Windgather Press Ltd, ISBN 0-9545575-2-2.
  • Lilley, Keith D. (2010), "The Landscapes of Edward's New Towns: Their Planning and Design", in Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books, pp. 99–113, ISBN 978-1-84217-380-0.
  • Lott, Graham (2010), "The Building Stones of the Edwardian Castles", in Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books, pp. 114-120, ISBN 978-1-84217-380-0.
  • Morris, Richard (1998), "The Architecture of Arthurian Enthusiasm: Castle Symbolism in the Reigns of Edward I and his Successors", in Strickland, Matthew (ed.), Armies, Chivalry and Warfare in Medieval England and France, Stamford, ir-Renju Unit: Paul Watkins, ISBN 978-1-871615-89-0.
  • Pounds, N. J. G. (1994), The Medieval Castle in England and Wales: A Social and Political History, Cambridge, ir-Renju Unit: Cambridge University Press, ISBN 978-0-521-45099-7.
  • Prestwich, Michael (2003) [1980], The Three Edwards: War and State in England, 1272–1377 (2nd ed.), Londra, ir-Renju Unit: Routledge, ISBN 978-0-415-30309-5.
  • Prestwich, Michael (2010), "Edward I and Wales", in Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books, pp. 1–8, ISBN 978-1-84217-380-0.
  • Stephenson, David (2010), "From Llywelyn ap Gruffudd to Edward I: Expansionist Rulers and Welsh Society in Thirteenth-Century Gwynedd", in Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books, pp. 9–15, ISBN 978-1-84217-380-0.
  • Taylor, Arnold (1987), "The Beaumaris Castle building account of 1295–1298", in John R. Kenyon; Richard Avent (eds.), Castles in Wales and the Marches: Essays in Honour of D. J. Cathcart King, Cardiff, ir-Renju Unit: University of Wales Press, pp. 125-142, ISBN 0-7083-0948-8.
  • Taylor, Arnold (2008) [1953], Caernarfon Castle (6 ed.), Cardiff, ir-Renju Unit: Cadw, ISBN 978-1-85760-209-8.
  • Taylor, Arnold (2004) [1980], Beaumaris Castle (5 ed.), Cardiff, ir-Renju Unit: Cadw, ISBN 1-85760-208-0.
  • Thompson, M. W. (1991), The Rise of the Castle, Cambridge, ir-Renju Unit: Cambridge University Press, ISBN 978-0-521-08853-4.
  • Thompson, M. W. (1994), The Decline of the Castle, Leicester, ir-Renju Unit: Harveys Books, ISBN 1-85422-608-8.
  • Toy, Sidney (1985) [1939], Castles: Their Construction and History, New York, l-Istati Uniti: Dover, ISBN 978-0-486-24898-1.
  • Taylor, Arnold (2007), Harlech Castle (4th ed.), Cardiff, ir-Renju Unit: Cadw, ISBN 978-1-85760-257-9.
  • Wheatley, Abigail (2010), "Caernarfon Castle and its Mythology", f'Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books, pp. 129–139, ISBN 978-1-84217-380-0.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Castles and Town Walls of King Edward in Gwynedd". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-08.
  2. ^ King, D. J. Cathcart (1991), The Castle in England and Wales, Londra, ir-Renju Unit: Routledge, ISBN 978-0-415-00350-6. p. 107.
  3. ^ Toy, Sidney (1985) [1939], Castles: Their Construction and History, New York, l-Istati Uniti: Dover, ISBN 978-0-486-24898-1. p. 153.
  4. ^ TNA 372/131/26.
  5. ^ Ashbee, Jeremy (2007), Conwy Castle, Cardiff, ir-Renju Unit: Cadw, ISBN 978-1-85760-259-3. p. 5.
  6. ^ Taylor, Arnold (2004) [1980], Beaumaris Castle (5 ed.), Cardiff, ir-Renju Unit: Cadw, ISBN 1-85760-208-0. pp. 6-7.
  7. ^ Prestwich, Michael (2010), "Edward I and Wales", in Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books, pp. 1–8, ISBN 978-1-84217-380-0.
  8. ^ Prestwich, Michael (2010), "Edward I and Wales", in Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books ISBN 978-1-84217-380-0. p. 5.
  9. ^ Prestwich, Michael (2010), "Edward I and Wales", in Williams, Diane; Kenyon, John (eds.), The Impact of Edwardian Castles in Wales, Oxford, ir-Renju Unit: Oxbow Books, ISBN 978-1-84217-380-0. pp. 1-2.