Kanal il-Kbir (iċ-Ċina)
Il-Kanal il-Kbir (biċ-Ċiniż: 大运河; bil-Pinjin: Dà yùnhé) jinkludi sistema ta' kanali interkonnessi li jikkollegaw diversi xmajjar ewlenin fit-Tramuntana u fil-Lvant taċ-Ċina, li kienet isservi bħala infrastruttura importanti tat-trasport fuq l-ilma bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar matul il-perjodi Medjevali u premoderni taċ-Ċina. Il-Kanal il-Kbir huwa l-itwal mogħdija tal-ilma artifiċjali fid-dinja u huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
Huwa maħsub li l-parti prinċipali tal-Kanal il-Kbir, magħrufa fost iċ-Ċiniżi bħala l-Kanal il-Kbir ta' Jing–Hang, hija estiża għal 1,776 kilometru (1,104 mili) u hija maqsuma f'6 subsezzjonijiet prinċipali. Il-Kanal ta' Jiangnan huwa estiż mix-xmara Qiantang f'Hangzhou sax-xmara Yangtze f'Zhenjiang; il-Kanal Intern huwa estiż mix-xmara Yangtze f'Yangzhou sax-xmara Huai f'Huai'an, li għal sekli sħaħ kien iservi wkoll bħala l-punt ta' kollegament mal-mogħdija preċedenti tax-Xmara s-Safra; il-Kanal Nofsani huwa estiż minn Huai'an sal-Lagi ta' Nansi; il-Kanal ta' Lu huwa estiż mil-lagi ta' wara Jining sal-mogħdija attwali tax-Xmara s-Safra sax-xmara Wei f'Linqing; il-Kanal tan-Nofsinhar huwa estiż minn Linqing sax-xmara Hai f'Tianjin; u l-Kanal tat-Tramuntana huwa estiż minn Tianjin sa Tongzhou fil-periferiji ta' Beijing. B'hekk, il-Kanal il-Kbir jgħaddi mill-provinċji u mill-muniċipalitajiet ta' Zhejiang, Jiangsu, Shandong, Hebei, Tianjin u Beijing. Fl-2014, il-gvern Ċiniż u l-UNESCO rrikonoxxew il-Kanal tal-Lvant ta' Zhejiang minn Hangzhou sa Ningbo tul il-Kanali preċedenti ta' Tongji u ta' Yongji bħala komponent uffiċjali tal-Kanal il-Kbir.[1]
L-iżjed sezzjonijiet antiki ta' dak li issa jitqies bħala l-Kanal il-Kbir tlestew fil-bidu tas-seklu 5 Q.K. matul il-kunflitti tar-rebbiegħa u tal-ħarifa taċ-Ċina, sabiex jipprovdu rotot tat-trasport tal-provvisti għall-istati ta' Wu u ta' Yue. In-network tlesta mill-Imperatur Yang tad-dinastija Sui fis-609 W.K., u kkollega r-reġjun għammiel ta' Jiangnan fin-Nofsinhar mal-belt kapitali tiegħu f'Luoyang fil-Punent u mal-armati tiegħu fit-Tramuntana mbiegħda. Il-gwerer tiegħu li la kellhom suċċess u lanqas kienu popolari, flimkien mal-ammont kbir ta' xogħol sfurzat meħtieġ biex jinħoloq il-kanal kienu fost il-fatturi prinċipali li wasslu għall-waqgħa rapida tad-dinastija Sui, iżda l-kollegament tal-korpi tal-ilma u taċ-ċentri tal-populazzjoni ewlenin taċ-Ċina kienu tassew ta' benefiċċju. Kanali addizzjonali kienu jwasslu l-provvisti lil Chang'an (issa Xi'an) u saħansitra iktar lejn il-Punent taħt id-dinastija Tang filwaqt li l-irħula intermedji tul il-mogħdija tal-ilma prinċipali saru ċ-ċentri ekonomiċi tal-imperu. L-għargħar perjodiku tax-Xmara s-Safra hedded is-sikurezza u l-funzjonament tal-kanal, filwaqt li matul żmien il-gwerra, id-digi għoljin tax-xmajjar xi kultant tkissru apposta biex idewwmu jew jeqirdu għalkollox lit-truppi tal-għadu kull meta kienu javvanzaw. Minkejja dan, ir-restawr u t-titjib tal-kanal u x-xogħlijiet assoċjati tal-kontroll tal-għargħar saru bħala dmir minn kull dinastija suċċessiva. Il-kanal kellu rwol ewlieni biex perjodikament jerġa' jgħaqqad it-Tramuntana u n-Nofsinhar taċ-Ċina, u l-uffiċjali inkarigati biex jieħdu ħsieb il-kanal u l-impjanti tal-melħ fil-madwar saru tassew għonja. Minkejja l-ħsara mill-għargħar, mir-ribelljonijiet u mill-gwerer, l-importanza tal-kanal kibret biss bit-tneħħija tal-belt kapitali lejn Khanbaliq taħt il-Yuan Mongoli u lejn Beijing taħt l-Imperatur Yongle tad-dinastija Ming u taħt id-dinastija Qing ta' Manchu. Minkejja l-importanza tal-linji ferrovjarji u tat-toroq fiċ-Ċina moderna, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ħadmet sabiex ittejjeb in-navigabbiltà tal-kanal mill-aħħar tal-Gwerra Ċivili Ċiniża u l-parti tan-Nofsinhar tax-Xmara s-Safra għadha tintuża ħafna mill-barkuni għall-ġarr tal-merkanzija tqila. Iż-żieda fit-tħassib dwar it-tniġġis fiċ-Ċina u b'mod partikolari dwar l-użu tal-Kanal il-Kbir bħala l-mogħdija tal-Lvant tal-Proġett ta' Devjazzjoni tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana — maħsub biex jipprovdi ilma tajjeb għax-xorb lit-Tramuntana — wasslet għal regolamenti u diversi proġetti biex tittejjeb il-kwalità tal-ilma tul il-mogħdija tal-ilma.
L-ikbar għoli tal-kanal hija elevazzjoni ta' 42 metru (138 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar fil-bażi tal-għoljiet ta' Shandong.[2] Il-bastimenti fil-kanali Ċiniżi ma kellhomx problemi biex jilħqu elevazzjonijiet ogħla wara li l-uffiċjal u l-inġinier tad-dinastija Song Qiao Weiyue vvinta l-magħlaq tal-aġġustament tal-livell tal-ilma fis-seklu 10.[3] Il-kanal ġie ammirat minn bosta viżitaturi matul l-istorja tiegħu, inkluż il-patri Ġappuniż Ennin (794–864), l-istoriku Persjan Rashid al-Din Hamadani (1247–1318), l-uffiċjal Korean Choe Bu (1454–1504), u l-missjunarju Taljan Matteo Ricci (1552–1610).[4][5]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Perjodi bikrin
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-aħħar tal-perjodu tar-rebbiegħa u tal-ħarifa, ir-Re Fuchai ta' Wu (li l-belt kapitali tiegħu kienet tinsab f'Suzhou attwali), reħielha lejn it-Tramuntana sabiex jattakka l-Istat ta' Qi. Huwa ordna li jinbena kanal għall-kummerċ kif ukoll bħala mezz biex ikun jista' jibgħat bosta provvisti lejn it-Tramuntana f'każ li l-qawwiet tiegħu jitħabtu mal-istati tat-Tramuntana ta' Song u ta' Lu. Dan sar magħruf bħala l-Kanal ta' Han jew ta' Hangou (邗溝, 邗沟, Hángōu). Ix-xogħol inbeda fl-486 Q.K., min-Nofsinhar ta' Yangzhou sat-Tramuntana ta' Huai'an f'Jiangsu, u fi żmien tliet snin il-Kanal ta' Han ikkollega x-xmara Yangtze max-xmara Huai permezz tal-mogħdijiet tal-ilma, tal-lagi u tal-imraġ eżistenti.
Il-Kanal ta' Han huwa magħruf bħala t-tieni l-eqdem sezzjoni tal-Kanal il-Kbir minn żmien il-Kanal ta' Hong (鴻溝, 鸿沟, Hónggōu, "il-Kanal tal-Wiżż Selvaġġi" jew "il-Kanal Imbiegħed") li x'aktarx kien hemm qablu. Kien jikkollega x-Xmara s-Safra qrib Kaifeng max-xmajjar Si u Bian, u sar il-mudell għat-tiswir tal-Kanal il-Kbir fit-Tramuntana. Id-data eżatta tal-kostruzzjoni tal-Kanal ta' Hong mhijiex ċerta; issemma għall-ewwel darba mid-diplomatiku Su Qin fit-330 Q.K. meta kien qed jiddiskuti dwar il-konfini tal-istat. L-istoriku Sima Qian (145–90 Q.K.) ma kienx jaf id-data storika tal-kostruzzjoni tiegħu, u qiegħed id-diskussjoni dwaru wara x-xogħlijiet leġġendarji ta' Yu l-Kbir; l-istudjużi moderni issa jqisu li jmur lura għas-seklu 6 Q.K.
Dinastija Sui
[immodifika | immodifika s-sors]L-unifikazzjoni mill-ġdid taċ-Ċina fi żmien id-dinastija Sui (581–618) temmet tliet sekli ta' kaos mir-Rivoluzzjoni tal-Ħames Barbari, u l-istabbiltà politika mġedda ppermettiet kemm it-tiswija mifruxa tal-kanali u tas-sistemi tal-kontroll tal-għargħar eżistenti, kif ukoll il-kostruzzjoni ta' kanali ġodda. Il-kunsiderazzjoni primarja tal-kanali tad-dinastija Sui kienet il-ħtieġa li tilħaq ir-riżorsi ekonomiċi u agrikoli dejjem jiżdiedu tar-reġjun ta' Jiangnan fix-Xlokk sabiex tissaħħaħ il-belt kapitali prinċipali tad-dinastija Sui f'Luoyang lejn il-Punent u biex twassal il-provvisti lill-armati tal-ispedizzjonijiet tad-dinastija Sui fil-Gwerer bejn Goguryeo u s-Sui lejn il-Grigal. L-istabbiliment tal-Kanal il-Kbir għamel tajjeb ukoll għall-ħtieġa ta' gwarniġjoni tal-armati biex isiru bdiewa-milizji temporanji awtosuffiċjenti filwaqt li jgħassu l-fruntieri nexfin bejn iċ-Ċina, Goguryeo u Göktürk.
Proġett ta' kostruzzjoni ta' diga fil-587 tul ix-Xmara s-Safra —issorveljat mill-inġinier Liang Rui — stabbilixxa xatbiet tal-imgħalaq tal-kanal biex jirregolaw il-livelli tal-ilma għall-kanal. Skali doppji ġew installati biex id-dgħajjes jiġu olzati meta d-differenza fil-livelli tal-ilma kienet tkun kbira wisq biex jitħaddem il-magħlaq. B'mod simili, sas-sena 600, inġemgħu bosta depożiti fil-qiegħ tal-Kanal ta' Hong, li ostakolaw il-barkuni tax-xmara li kellhom pixka fonda wisq għall-ilmijiet tal-kanal. L-inġinieri ewlieni tad-dinastija Sui, Yuwen Kai, issuġġerixxa t-tħaffir ta' kanal ġdid parallel mal-kanal eżistenti, li kellu jiġi ddevjat minnu f'Chenliu (Yanzhou). Il-kanal il-ġdid kellu jgħaddi mhux minn Xuzhou iżda minn Suzhou, biex jiġi evitat li jiġi kkollegat max-xmara Si, u minflok iservi ta' kollegament dirett max-xmara Huai kemm kemm il-Punent tal-Lag ta' Hongze. Bix-xogħol irreġistrat ta' ħames miljun persuna taħt is-superviżjoni ta' Ma Shumou, l-ewwel sezzjoni ewlenija tal-Kanal il-Kbir tlestiet fis-605 u ġiet imsejħa Bian Qu.
Il-Kanal il-Kbir tlesta għalkollox mis-604 sas-609 taħt l-Imperatur Yang, l-ewwel billi kkollega l-belt kapitali tiegħu ta' Yangzhou fil-Majjistral ma' Luoyang permezz tal-Kanal ta' Tongji (通濟渠, 通济渠, Tōngjì Qú). Imbagħad ikkollega lil Yangzhou fix-Xlokk ma' Suzhou u ma' Hangzhou permezz tal-Kanal ta' Jiangnan u kkollega lil Luoyang fil-Grigal mal-gwerer tiegħu mal-Korea permezz tal-Kanal ta' Yongji (永濟渠, 永济渠, Yǒngjì Qú). Wara t-tlestija tan-network fis-609, l-Imperatur Yang jingħad li mexxa flotta ta' bastimenti ta' 105 kilometri (65 mil) mit-Tramuntana 'l isfel sal-belt kapitali tiegħu fin-Nofsinhar f'Yangzhou. Dan il-proċess kien jinvolvi wkoll tariffi kbar ta' xogħol ċirkoskritt u ġie spjegat fid-dettall fir-Reġistru tal-Ftuħ tal-Kanal (開河記, 开河记, Kāihéjì).
Dak iż-żmien, il-Kanal il-Kbir baqa' juża kanali artifiċjali mhux kontigwi u mogħdijiet kanalizzati u naturali, iktar minn kanal artifiċjali kontinwu uniku. Madankollu, b'mod parallel mal-mogħdija tal-kanali, kien hemm triq imperjali bi stalel f'intervalli regolari biex tiġi appoġġata sistema rapida ta' kurriera. Tħawwlu wkoll linji ta' siġar tul partijiet mill-kanal bħala paraventi.
Dinastiji Tang sa Yuan
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm il-belt kapitali tad-dinastija Tang (618–907) f'Chang'an kienet l-iżjed metropoli prosperuża taċ-Ċina fl-aqwa tagħha, kienet il-belt ta' Yangzhou — qrib il-Kanal il-Kbir — li kienet iċ-ċentru ekonomiku ta' żmien id-dinastija Tang. Apparti li kienet is-sede tal-monopolju tal-melħ tal-gvern u l-ikbar ċentru tal-produzzjoni industrijali premoderna tal-imperu, Yangzhou kienet ukoll il-punt ċentrali ġeografiku tul l-assi kummerċjali mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, u b'hekk saret iċ-ċentru ewlieni għat-trasport tal-merkanzija min-Nofsinhar għat-Tramuntana. Wieħed mill-ikbar benefiċċji tas-sistema tal-kanali fid-dinastija Tang — u fid-dinastiji sussegwenti — kien li naqqas il-kost tat-trasport tal-qmuħ li kien jinġabar bħala taxxi (caoyun) mid-delta tax-xmara Yangtze sat-Tramuntana taċ-Ċina. Saru żidiet minuri lill-kanal wara l-perjodu tad-dinastija Sui sabiex jitnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar, iżda inġenerali ma kien hemm l-ebda differenza fundamentali bejn il-Kanal il-Kbir tad-dinastija Sui u dak tad-dinastija Tang.
Sas-735, ġie rreġistrat li madwar 149,685,400 kilogramma (165,000 tunnellata) ta' qmuħ kienu jiġu ttrasportati kull sena tul il-kanal. Il-gvern tad-dinastija Tang issorvelja l-effiċjenza tal-magħlaq tal-kanal u bena fosos tal-qmuħ tul ir-rotta f'każ ta' għargħar jew xi diżastru ieħor li setgħu jxekklu l-ġarr tal-merkanzija. Sabiex jiġi żgurat it-trasport bla xkiel tal-qmuħ, il-Kummissarju tat-Trasport Liu Yan (mis-763 sas-779) ordna d-disinn u l-kostruzzjoni ta' barkuni speċjali tax-xmara tajbin għall-fond ta' kull sezzjoni tal-kanal kollu.
Wara r-ribelljoni ta' An Lushan (755–763), l-ekonomija tat-Tramuntana taċ-Ċina qalgħet daqqa ta' ħarta kbira u qatt ma rpiljat minħabba l-gwerer u l-għargħar kostanti tax-Xmara s-Safra. Dan seħħ ukoll fit-858, meta għargħar kbir tul il-Kanal il-Kbir għerreq eluf ta' akri ta' raba' agrikolu u qatel lil għexieren ta' eluf ta' nies fil-Pjanura tat-Tramuntana taċ-Ċina. Avveniment bħal dan seta' jnaqqas il-leġittimità ta' dinastija fit-tmun billi seta' jwassal biex oħrajn iqisuha li kienet tilfet il-Mandat tas-Smewwiet; din kienet raġuni valida biex l-awtoritajiet dinastiċi jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tal-kanal biex ikun effiċjenti u jimxi ħarir.
Il-belt ta' Kaifeng kibret u saret ċentru ewlieni, u iktar 'il quddiem saret il-belt kapitali tad-dinastija Song (960–1279). Għalkemm il-portijiet marittimi internazzjonali tad-dinastiji Tang u Song — l-ikbar kienu Guangzhou u Quanzhou, rispettivament — u l-kummerċ barrani marittimu kattru l-ġid għall-merkanti, kien il-Kanal il-Kbir fi ħdan iċ-Ċina li xpruna l-ikbar ammont ta' attività ekonomika u profitti kummerċjali. Matul żmien id-dinastija Song u l-perjodi iktar bikrin, il-barkuni okkażjonalment kienu jaħbtu u jgħerqu tul is-sezzjoni ta' Shanyang Yundao tal-Kanal il-Kbir huma u jgħaddu l-iskali doppji, u iktar iva milli le kienu jinsterqulhom it-taxxi tal-qmuħ minn ħallelin lokali. Dan wassal biex Qiao Weiyue, Assistent Kummissarju tat-Trasport għal Huainan, ivvinta sistema ta' xatbiet doppji magħrufa bħala l-magħlaq tal-aġġustament tal-livell tal-ilma fid-984. Bis-saħħa ta' din l-invenzjoni l-bastimenti setgħu jistennew fi spazju magħluq bix-xatbiet sakemm l-ilma jitbattal sal-livelli xierqa; iċ-Ċiniżi bnew ukoll ħangars imsaqqfa fuq dan l-ispazju bħala protezzjoni ulterjuri għall-bastimenti.
Il-biċċa l-kbira tal-Kanal il-Kbir iġġarraf għal diversi snin wara l-1128, meta l-gvernatur ta' Kaifeng Du Chong (杜充, Dù Chōng, li miet fl-1141) iddeċieda li jkisser id-digi li kienu qed iżommu l-ilmijiet tax-Xmara s-Safra sabiex jeqred l-invażuri ta' Jurchen li kienu qed javvanzaw matul il-gwerer bejn id-dinastiji Jin–Song. Matul sensiela ta' għargħar, ix-xmara ġiet iddevjata għalkollox fin-Nofsinhar ta' Shandong, qabdet il-mogħdija tax-xmara Si u battlet ix-Xmara s-Safra fil-Lag ta' Hongze u fil-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina għal sekli sħaħ. Id-dinastija Jin ta' Jurchen kienet kontinwament f'battalji kontra d-dinastija Song f'dan ir-reġjun. Dawn il-battalji wasslu għad-dilapidazzjoni tal-kanal sal-invażjoni tal-Mongoli fis-seklu 13 li mbagħad bdew it-tiswijiet meħtieġa.
Matul id-dinastija Yuan tal-Mongoli (1271–1368), il-belt kapitali taċ-Ċina ġiet ittrasferita lejn Beijing, u b'hekk ġiet eliminata l-ħtieġa għall-fergħa tal-kanal bi flus fil-Punent lejn Kaifeng jew Luoyang. Sezzjoni tħaffret tul il-bażi tal-għoljiet tal-katina muntanjuża ta' Shandong matul is-snin 80 tas-seklu 13, u b'hekk it-tul kumplessiv tal-kanal tqassar b'saħansitra 700 kilometru (430 mil), u b'hekk it-tul totali kien ta' madwar 1,800 kilometru (1,100 mil), u Hangzhou u Beijing ġew ikkollegati permezz ta' mogħdija tal-ilma diretta mit-Tramuntana għan-Nofsinhar għall-ewwel darba. Bħal fi żmien id-dinastiji Song u Jin, il-kanal ġie mitluq matul id-deklin tad-dinastija Yuan.
Bħala infrastruttura, il-Kanal il-Kbir kellu influwenza fuq xogħlijiet arkitettoniċi oħra fil-Punent. Il-Kanal ta' Erie fl-Amerka ta' Fuq huwa ddisinjat u ġie ispirat mill-arkitettura Ċiniża. Bosta raw il-kanal bħala vantaġġ ekonomiku li seta' jġib miegħu prosperità ekonomika. Il-Ġurnali ta' Matteo Ricci jiddeskrivi l-kanal b'dettall kbir u jiddokumentaw il-prosperità ekonomika. Il-magħlaq tal-aġġustament tal-livell tal-ilma huwa wieħed mill-iżjed karatteristiċi notevoli tal-Kanal ta' Erie b'rabta diretta mal-infrastruttura tal-Kanal il-Kbir u jintuża f'korpi tal-ilma simili oħra.
Restawr tad-dinastija Ming
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kanal il-Kbir ġie rinnovat kważi għalkollox bejn l-1411 u l-1415 matul żmien id-dinastija Ming (1368–1644). Maġistrat ta' Jining, Shandong bagħat memorandum lit-tron tal-Imperatur Yongle sabiex jipprotesta kontra l-mezzi mhux effiċjenti għat-trasport ta' 4,000,000 dan (428,000,000 litru) ta' qmuħ fis-sena permezz ta' trasferiment tul diversi xmajjar u kanali differenti f'barkuni skont il-fond tax-xmara Huai, u li mbagħad jerġgħu jiġu ttrasferiti fuq barkuni fondi ladarba l-vjeġġ tal-qmuħ kien ikun wasal fix-Xmara s-Safra. L-inġiniera Ċiniżi bnew diga biex jiddevjaw ix-xmara Wen lejn ix-Xlokk sabiex jalimentaw 60 % tal-ilma tagħha fit-Tramuntana lejn il-Kanal il-Kbir, u l-kumplament fin-Nofsinhar. Huma ħaffru erba' ġibjuni kbar f'Shandong biex jirregolaw il-livelli tal-ilma, u b'hekk setgħu jevitaw l-ippompjar tal-ilma minn sorsi lokali u mill-ilma tal-pjan. Bejn l-1411 u l-1415 total ta' 165,000 ħaddiem ħammlu l-qiegħ tal-kanal f'Shandong u bnew kanali, xtut u mgħalaq ġodda.
L-Imperatur Yongle ttrasferixxa l-belt kapitali tad-dinastija Ming minn Nanjing lejn Beijing fl-1403. B'hekk Nanjing ġiet imċaħħda mill-istatus tagħha bħala ċentru politiku ewlieni taċ-Ċina. Il-ftuħ mill-ġdid tal-Kanal il-Kbir kien ta' benefiċċju wkoll għal Suzhou peress li kienet f'pożizzjoni aħjar tul l-arterja prinċipali tal-Kanal il-Kbir, u b'hekk saret l-ikbar ċentru ekonomiku taċ-Ċina matul żmien id-dinastija Ming. L-uniku kompetitur ieħor vijabbli ta' Suzhou fir-reġjun ta' Jiangnan kienet Hangzhou, iżda kienet tinsab 200 kilometru (120 mil) iktar 'l isfel tul il-Kanal il-Kbir u 'l bogħod mid-delta prinċipali. Saħansitra n-nawfragu Korean Choe Bu (1454–1504) — hu u jivvjaġġa għal ħames xhur fiċ-Ċina kollha fl-1488 — irrikonoxxa li Hangzhou ma kinitx kompetitur iżda alimentatur ekonomiku tas-suq ta' Suzhou u tal-madwar. Għaldaqstant, il-Kanal il-Kbir serva sabiex isaħħaħ jew idgħajjef il-ġid ekonomiku ta' ċerti bliet tul ir-rotta tiegħu u serva bħala arterja ekonomika tal-kummerċ indiġenu fi ħdan iċ-Ċina.
L-istudjuż Gu Yanwu tad-dinastija Qing bikrija (1644–1912) stima li d-dinastija Ming preċedenti kellha timpjega 47,004 ħaddiema full-time rreklutati permezz tas-sistema tal-corvée magħrufa bħala lijia sabiex issir il-manutenzjoni tas-sistema kollha tal-kanal. Huwa magħruf li 121,500 suldat u uffiċjal kienu meħtieġa sempliċement għat-tħaddim tal-11,775 barkun tal-qmuħ tal-gvern f'nofs is-seklu 15.
Apparti l-funzjoni tiegħu bħala rotta tat-trasport tal-qmuħ u bħala arterja ewlenija tal-kummerċ indiġenu fuq ix-xmajjar fiċ-Ċina, il-Kanal il-Kbir kien ilu wkoll jintuża bħala rotta tal-kurriera mħaddma mill-gvern. Fid-dinastija Ming, kien hemm stazzjonijiet tal-kurriera uffiċjali f'intervalli ta' 35 sa 45 kilometru (22 sa 28 mil). Kull stazzjon tal-kurriera ġie assenjat isem differenti u kollha kemm huma ġew popolarizzati permezz tal-kanzunetti tal-ivvjaġġar ta' dak il-perjodu.
Dinastija Qing
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Manchu invadew iċ-Ċina f'nofs is-seklu 17, billi tħallew jgħaddu mill-mogħdijiet muntanjużi tat-Tramuntana mill-ġeneral Ċiniż Wu Sangui ladarba l-belt kapitali tad-dinastija Ming f'Beijing kienet sfat f'idejn armata ribelli. Il-Manchu stabbilew id-dinastija Qing (1644–1912), u taħt it-tmexxija tagħhom, il-Kanal il-Kbir ġie ssorveljat u saritlu l-manutenzjoni meħtieġa bħalma saru fil-perjodi iktar bikrin.
Fl-1855, ix-Xmara s-Safra faret u bidlet il-mogħdija tal-ilma tagħha, u b'hekk qatgħet il-mogħdija tal-ilma tal-kanal f'Shandong. Dan ġie previst minn uffiċjal Ċiniż fl-1447, li rrimarka li l-għargħar tax-Xmara s-Safra setgħu jwasslu biex il-Kanal il-Kbir jitqies bħala griżmejn li faċilment setgħu jiġu fgati (dan wassal biex xi uffiċjali talbu biex il-vjeġġi tal-qmuħ jerġgħu jibdew isiru mill-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina). Fl-1855, id-digi tal-kanal infetħu biex jgħerrqu t-truppi tal-Ispedizzjoni tat-Tramuntana tar-Ribelljoni ta' Taiping li kienu qed javvanzaw.
Ċina moderna
[immodifika | immodifika s-sors]Minħabba diversi fatturi — id-diffikultà tal-qsim tax-Xmara s-Safra, iż-żieda fl-iżvilupp ta' rotta marittima alternattiva għall-bastimenti tat-trasport tal-qmuħ, u l-ftuħ ta' Linja Ferrovjarja bejn Tianjin u Pukou u ta' Linja Ferrovjarja bejn Beijing u Hankou — l-importanza tal-kanal battiet u għal deċennji sħaħ il-partijiet tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar baqgħu separati. Bosta mis-sezzjonijiet tal-kanal ġew mitluqa, u xi partijiet reġgħu saru għelieqi ċatti. Anke llum il-ġurnata, il-Kanal il-Kbir ma reġax kiseb għalkollox l-importanza li kellu qabel l-għargħar ta' nofs is-seklu 19. Wara l-istabbiliment tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-1949, il-ħtiġea għall-iżvilupp ekonomiku wasslet biex l-awtoritajiet jordnaw xogħol kbir ta' rikostruzzjoni.
Il-Kanal il-Kbir kellu rwol ewlieni matul il-Qabża l-Kbir 'Il Quddiem ta' Mao Zedong peress li pprovda mod effiċjenti għat-trasport tal-qmuħ. Ġie rinnovat iktar wara r-Riforma u l-Ftuħ ta' Deng Xiaoping, permezz tat-titjib fil-kundizzjonijiet ekonomiċi li wasslu għal iktar investiment fl-infrastruttura. L-importanza ekonomika tal-kanal x'aktarx li se tkompli. Il-gvernijiet provinċjali ta' Shandong, Jiangsu, u ta' Zhejiang wettqu tħammil bil-ħsieb li jżidu l-kapaċità tat-trasport b'40 % sal-2012. Il-gvern ċentrali wassal biex ir-rotta prinċipali tal-Kanal il-Kbir issir il-mogħdija tal-Lvant tal-Proġett ta' Devjazzjoni tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana, permezz ta' impjanti enormi tal-ippompjar li ddiriġew l-ilma mill-ġdid mid-delta tax-xmara Yangtze għat-Tramuntana li kienet iktar niexfa.
Il-kanal tniġġes ferm matul l-industrijalizzazzjoni taċ-Ċina. Sas-snin 90 tas-seklu 20, l-ekwipaġġi tal-barkuni tal-kanal kienu jindunaw li waslu qrib Hangzhou minħabba l-intiena tal-ilma iswed li kellhom jgħaddu minnhom. B'mod simili, is-sajjieda fil-Lag ta' Dongping f'Shandong oġġezzjonaw kontra l-introduzzjoni tal-ilma mix-xmara Yangtze bħala parti mill-Proġett ta' Devjazzjoni tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana meta raw li b'hekk il-ħut kien qed imut u kienu qed jaqbdu inqas ħut. Matul is-seklu 21, saru iktar sforzi biex jittejbu l-kundizzjonijiet ambjentali tul il-kanal. Madwar Hangzhou, pereżempju, fl-2001 inbeda proġett ta' restawr ta' $250 miljun li tejjeb il-kwalità tal-ilma tant li ma għadux jinten u reġa' qed isostni l-għajxien ta' xi fawna.
Fit-22 ta' Ġunju 2014, il-Konferenza tal-UNESCO dwar is-Siti ta' Wirt Dinji niżżlet il-Kanal il-Kbir fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Sezzjonijiet storiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Erbatax-il seklu ta' kostruzzjoni fil-kanal li wasslu għall-mogħdija tal-ilma attwali, wasslu wkoll għal għadd ta' sezzjonijiet storiċi tul il-kanal. Uħud minnhom għebu maż-żmien, filwaqt li oħrajn għadhom jeżistu parzjalment, u oħrajn jiffurmaw il-bażi għall-kanal modern. Dawn li ġejjin huma l-iżjed sezzjonijiet importanti iżda mhumiex eżawrjenti.
Kanal ta' Jia
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-12 Q.K., sabiex tissolva l-problema tal-Kanal il-Kbir li kellu juża 160 kilometru (100 mil) tal-mogħdija perikoluża tax-Xmara s-Safra fit-Tramuntana ta' Jiangsu, raġel jismu Li Hualong ħoloq il-Kanal ta' Jia. Ingħata isem ix-xmara Jia peress li jsegwi l-mogħdija tal-ilma tagħha, u kien twil 140 kilometru (87 mil) minn Xiazhen (illum Weishan) max-xatt tal-Lag ta' Weishan f'Shandong sa Suqian f'Jiangsu. Il-kostruzzjoni tal-Kanal ta' Jia ħalliet biss 100 kilometru (62 mil) ta' navigazzjoni fuq ix-Xmara s-Safra tul il-Kanal il-Kbir, minn Suqian sa Huai'an, li sal-1688 tneħħew permezz tal-kostruzzjoni tal-Kanal Nofsani minn Jin Fu.
Kanal il-Ġdid ta' Nanyang
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1566, sabiex jiġu evitati l-problemi tal-għargħar tax-Xmara s-Safra madwar Yutai (issa max-xatt tal-Punent tal-Lag ta' Weishan), infetaħ il-Kanal il-Ġdid ta' Nanyang. Kien estiż għal 75 kilometru (47 mil) minn Nanyang (issa r-raħal ta' Nanyang, fiċ-ċentru tal-Lag ta' Weishan) sal-insedjament iż-żgħir ta' Liucheng (qrib il-villaġġ modern ta' Gaolou, il-Kontea ta' Weishan, Shandong) fit-Tramuntana tal-belt ta' Xuzhou. Din il-bidla fil-fatt ċaqilqet il-Kanal il-Kbir mill-art baxxa li dejjem kienet tkun f'periklu ta' għargħar fil-Punent tal-Lag ta' Weishan lejn art marġinalment iktar għolja fil-Lvant tal-lag. Kien alimentat mill-fluss tax-xmajjar mil-Lvant għall-Punent mill-konfini tal-katina muntanjuża ta' Shandong.
Kanal ta' Huitong
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-Tramuntana tas-sezzjoni tal-quċċata tal-Kanal ta' Jizhou, il-Kanal ta' Huitong kien estiż għan-niżla, u kien alimentat prinċipalment mix-xmara Wen, biex imbagħad jingħaqad max-xmara Wei fil-belt ta' Linqing. Fl-1289, stħarriġ ġeoloġiku ppreċeda l-kostruzzjoni tiegħu li damet sena. Il-Kanal ta' Huitong, li nbena minn inġinier jismu Ma Zhizhen, kien estiż fuq art b'niżla qawwija u minħabba l-konċentrazzjoni kbira ta' mgħalaq ġie mlaqqam bħala chahe jew zhahe, jiġifieri "ix-xmara tal-imgħalaq". L-għadd kbir ta' fawwariet tal-alimentazzjoni li kellu (bejn mitejn u erba' mija, skont il-metodu tal-għadd u l-istaġun tas-sena) wasslu biex jissejjaħ ukoll bħala l-quanhe jew "ix-xmara tal-fawwariet".
Kanal ta' Jizhou
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kanal ta' Jizhou, l-ewwel sezzjoni tassew tal-quċċata tal-Kanal il-Kbir, inbena mill-Oqruqči Mongoli fl-1238 biex jikkollega lil Jining mat-tarf tan-Nofsinhar tal-Kanal ta' Huitong. Kien jitla' sa għoli ta' 42 metru (138 pied) 'il fuq mix-xmara Yangtze, iżda minħabba fatturi ambjentali u tekniċi tħalla bi skarsezzi kroniċi ta' ilma sa ma reġa' nbena fl-1411 minn Song Li tad-dinastija Ming. It-titjib li għamel Song Li, skont ir-rakkomandazzjoni ta' raġel lokali jismu Bai Ying, kien jinkludi l-kostruzzjoni ta' digi max-xmajjar Wen u Guang u l-kostruzzjoni ta' kanali laterali sabiex jalimentaw il-lagi li kienu jservu bħala ġibjuni fil-quċċata nett, f'raħal żgħir jismu Nanwang.
Passaġġ tad-Duka Huan
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-369 W.K., il-Ġeneral Huan Wen tad-dinastija Jin tal-Lvant ikkollega l-widien baxxi tax-xmara Huai u tax-Xmara s-Safra. Huwa kiseb dan billi għaqqad iż-żewġ tributarji ta' dawn ix-xmajjar, Si u Ji rispettivament, fl-eqreb punt tagħhom, tul korp tal-ilma baxx tal-katina muntanjuża ta' Shandong. Il-kanal primittiv tal-quċċata ta' Huan Wen sar mudell għall-inġiniera tal-Kanal ta' Jizhou.
Kanal ta' Yilou
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kanal ta' Shanyang oriġinarjament kien jagħti għax-xmara Yangtze ftit fin-Nofsinhar ta' Yangzhou. Maż-żmien, ix-xatt tat-Tramuntana tax-xmara Yangtze mtliet bid-depożiti u nħolqot il-gżira bir-ramel ta' Guazhou, għaldaqstant sar meħtieġ li d-dgħajjes jaqsmu l-Kanal ta' Jiangnan biex ibaħħru r-rotta t-twila kollha madwar it-tarf tal-Lvant ta' dik il-gżira. Wara qsim partikolarment iebes tax-xmara Yangtze minn Zhenjiang, il-prefett lokali wettaq kanal imħaffer direttament minn naħa għall-oħra ta' Guazhou sabiex inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u l-qsim ikun iktar sikur. Il-Kanal ta' Yilou nfetaħ fis-738 u għadu jeżisti, għalkemm mhux bħala partio mir-rotta l-moderna tal-Kanal il-Kbir.
Mogħdija moderna
[immodifika | immodifika s-sors]Nominalment il-Kanal il-Kbir huwa estiż bejn Beijing u Hangzhou b'tul totali ta' 1,794 kilometru (1,115-il mil); madankollu, is-sezzjoni minn Hangzhou sal-Kontea ta' Liangshan biss attwalment hija navigabbli. Illum il-ġurnata l-mogħdija tal-ilma tiegħu hija maqsuma f'seba' sezzjonijiet. Min-Nofsinhar għat-Tramuntana dawn huma l-Kanal ta' Jiangnan Canal, il-Kanal ta' Li, il-Kanal Intern, il-Kanal Nofsani, il-Kanal ta' Lu, il-Kanal tan-Nofsinhar, il-Kanal tat-Tramuntana u x-xmara Tonghui.
Lag Artifiċjali ta' Lianhu
Il-Lag Artifiċjali ta' "Lianhu" kien jintuża biex jalimenta l-ilma lis-sezzjoni tal-Kanal il-Kbir qrib Jiangnan. Ladarba l-kanal kien artifiċjali, ma kienx hemm biżżejjed fluss tal-ilma naturali biex il-kanal jinżamm b'fond xieraq sabiex il-bastimenti jkunu jistgħu jinnavigaw fuqu. Għalhekk kien jintuża lag artifiċjali biex jalimenta l-ilma lis-sezzjoni ta' Jiangnan tal-Kanal il-Kbir. Dan kien protett mill-gvern permezz tal-irkupru tal-art u kwalunkwe użu tal-ilma tal-lag mingħajr tassazzjoni xierqa kien meqjus bħala illegali. Kellu jiġi protett mill-isfruttament għall-profitt, iżda minħabba li l-gvern inbidel matul is-snin, il-Lag ta' Lianhu sarlu rkupru tal-art kemm-il darba u maż-żmien beda jsir iktar baxx. Il-gvern bidel il-lag biex jagħmel iktar profitt mir-raba' agrikolu u b'hekk kien hemm iktar irkupru tal-art u tisqija agrikola bl-ilma tal-lag. Dan beda jwassal għal nuqqas ta' alimentazzjoni kif suppost għall-Kanal il-Kbir mil-Lag ta' Lianhu. In-nuqqas ta' fond minħabba l-irkupru tal-art u l-għoli tal-kostijiet tal-manutenzjoni wasslu biex il-lag ma jibqax iktar prattiku għall-użu. Minkejja li kien lag artifiċjali xorta waħda kien attrazzjoni mill-isbaħ. Ħafna nies differenti faħħru s-sbuħija tiegħu u nkitbu bosta poeżiji dwar il-lag. Fl-aħħar snin, l-użi rikreattivi tal-lag saru iktar popolari u jaf iwasslu biex il-lag jiġi rrestawrat.
Kanal ta' Jiangnan
[immodifika | immodifika s-sors]Din is-sezzjoni tal-kanal hija l-iżjed waħda fin-Nofsinhar u hija estiża minn Hangzhou f'Zhejiang, fejn il-kanal jikkollega max-xmara Qiantang, sa Zhenjiang f'Jiangsu, fejn jiltaqa' max-xmara Yangtze. Wara li jitlaq minn Hangzhou lejn it-Tramuntana fid-direzzjoni ta' Beijing, il-kanal jgħaddi madwar il-konfini tal-Lvant tal-Lag ta' Tai, u jgħaddi mill-bliet ewlenin ta' Jiaxing, ta' Suzhou, ta' Wuxi u ta' Changzhou qabel ma jasal f'Zhenjiang.
Il-Kanal ta' Jiangnan (jew in-"Nofsinhar tax-xmara Yangtze") jintuża ferm mit-traffiku tal-barkuni li jittrasportaw il-faħam, il-kontejners u l-materjali tal-kostruzzjoni lejn id-delta li qed tiżviluppa b'rata mgħaġġla. Ġeneralment ikollu wisa' minima ta' 100 metru fiċ-ċentri kkonġestjonati tal-bliet, u sikwit id-doppju jew it-triplu ta' din il-wisa' fil-kampanja tal-madwar. F'dawn l-aħħar snin, tħaffru kanali sekondarji wesgħin madwar il-bliet ewlenin biex jitnaqqsu l-konġestjonijiet tat-traffiku.
Is-sezzjoni ta' Suzhou tal-Kanal ta' Jiangnan tnixxi mill-parti tal-Punent tal-belt. Tinkludi għaxar daħliet tal-belt u iktar minn 20 pont tal-ġebel b'disinn tradizzjonali, kif ukoll żoni storiċi, tempji u paviljuni li ġew ippreservati sew.
Kanal Intern
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kanal Intern huwa estiż bejn ix-xmajjar Yangtze u Huai, u jgħaddi madwar il-Lagi ta' Shaobo, ta' Gaoyou u ta' Hongze ta' Jiangsu ċentrali. Din is-sezzjoni tikkolega l-bliet ta' Huai'an u ta' Yangzhou. Hawnhekk l-art lejn il-Punent tal-kanal hija ogħla mill-qiegħ tal-kanal, filwaqt li l-art lejn il-Lvant hija iktar baxxa. Storikament, ir-reġjun ta' Shanghe fil-Punent tal-kanal kien iktar suxxettibbli għal għargħar frekwenti, filwaqt li r-reġjun ta' Xiahe lejn il-Lvant ġie affettwat inqas mill-għargħar għalkemm il-ftit għargħar li kien hemm ikkawżaw ħsara kbira minħabba li ma ħadmux ix-xatbiet tal-aġġustament tal-livell tal-ilma tal-Kanal il-Kbir. Xogħlijiet reċenti ippermettew l-ilmijiet tal-għargħar minn Shanghe jiġu ddevjati b'mod sikur lejn il-baħar. Bħall-Kanal ta' Jiangnan, il-Kanal Intern jintuża ferm mit-traffiku tal-barkuni li jittrasportaw il-faħam, il-materjali tal-kostruzzjoni u kulma jmur bosta kontejners madwar il-Provinċja ta' Jiangsu.
Kanal Nofsani
[immodifika | immodifika s-sors]Din is-sezzjoni tal-Kanal Nofsani hija estiża minn Huai'an sal-Lag ta' Weishan, u tgħaddi mil-Lag ta' Luoma u ssegwi iktar minn mogħdija waħda tal-ilma, minħabba l-impatt ta' sekli ta' għargħar tax-Xmara s-Safra. Wara Pizhou, mogħdija tal-ilma mit-Tramuntana tgħaddi minn Tai'erzhuang u tidħol fil-Lag ta' Weishan f'Hanzhuang qabel ma tgħaddi lejn Nanyang u Jining (din il-mogħdija tal-ilma hija l-fdal tal-Kanal il-Ġdid ta' Nanyang tal-1566 – ara iktar 'l isfel). Mogħdija tal-ilma min-Nofsinhar tgħaddi qrib Xuzhou u tidħol fil-Lag ta' Weishan qrib Peixian. Din il-mogħdija tal-aħħar tintuża inqas illum il-ġurnata. Il-kanal jintuża mit-traffiku tal-barkuni li jittrasportaw il-faħam u l-materjali tal-kostruzzjoni madwar it-Tramuntana tal-Provinċja ta' Jiangsu.
Kanal ta' Lu
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-Lag ta' Weishan, iż-żewġ mogħdijiet tal-ilma jidħlu fil-Provinċja ta' Shandong. Minn hemmhekk sa Linqing, il-kanal jissejjaħ il-Kanal ta' Lu jew ta' Shandong. Jaqsam sensiela ta' lagi — Zhaoyang, Dushan u Nanyang — li nominalment jiffurmaw korp tal-ilma kontinwu. Attwalment, minħabba devjazzjonijiet tal-ilma, il-lagi spiss ikunu kważi art niexfa għalkollox. Fit-Tramuntana tal-Lag ta' Nanyang li jinsab l-iktar fit-Tramuntana hemm il-belt ta' Jining. Iktar 'il quddiem, madwar 30 kilometru (19-il mil) fit-Tramuntana ta' Jining, l-ogħla elevazzjoni tal-kanal (38.5 metru jew 126 pied 'il fuq mil-livell tal-baħar) tintlaħaq fir-raħal ta' Nanwang. Fis-snin 50 tas-seklu 20, tħaffer kanal ġdid lejn in-Nofsinhar tas-sezzjoni l-antika fil-quċċata. Din is-sezzjoni issa hija niexfa, filwaqt li l-kanal il-ġdid ma fihx biżżejjed ilma biex ikun navigabbli. Madwar 50 kilometru (31 mil) iktar fit-Tramuntana, qrib il-Lag ta' Dongping, il-kanal jilħaq ix-Xmara s-Safra. Hemmhekk ma jifdallux ilma u għaldaqstant ma għadux jikkollega max-xmara. Jerġa' jfeġġ fil-belt ta' Liaocheng max-xatt tat-Tramuntana, fejn b'mod intermittenti jnixxi minn kanal rinnovat tal-ġebel, u jilħaq il-belt ta' Linqing mal-konfini bejn Shandong u Hebei. Il-Kontea ta' Liangshan hija l-punt tat-Tramuntana tal-kanal għat-traffiku tal-barkuni.
Kanal tan-Nofsinhar
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ħames sezzjoni tal-kanal hija estiża għal distanza ta' 524 kilometru (326 mil) minn Linqing sa Tianjin tul il-mogħdija tal-ilma kanalizzata tax-xmara Wei. Għalkemm hija waħda mill-iżjed sezzjonijiet fit-Tramuntana, isimha ġej mill-pożizzjoni tagħha b'rabta ma' Tianjin. Ix-xmara Wei f'dan il-punt hija mniġġsa ferm, filwaqt li n-nixfa u l-estrazzjoni tal-ilma industrijali wasslu biex ikun baxx wisq għan-navigazzjoni. Il-kanal, issa fil-Provinċja ta' Hebei, jgħaddi mill-bliet ta' Dezhou u ta' Cangzhou. Għalkemm għall-viżitaturi l-kanal jidher bħallikieku huwa mogħdija tal-ilma fonda f'dawn iċ-ċentri tal-bliet, il-fond tiegħu jinżamm bis-saħħa ta' digi u jkun l-iktar fond meta jgħaddi mill-kampanja tal-madwar. F'dan il-punt, il-kanal jingħaqad max-xmara Hai fiċ-ċentru tal-belt ta' Tianjin qabel ma jdur lejn il-Majjistral.
Kanal tat-Tramuntana u x-Xmara Tonghui
[immodifika | immodifika s-sors]F'Tianjin, il-kanal jibqa' sejjer lejn il-Majjistral, u għal żmien qasir isegwi l-mogħdija tal-ilma ta' Yongding, tributarja tax-xmara Hai, qabel ma jofroq lejn Tongzhou fit-tarf tal-muniċipalità ta' Beijing. Hemmhekk il-kanal modern jieqaf u nbena Park Kulturali tal-Kanal il-Kbir. Matul id-dinastija Yuan, kanal ieħor tul ix-xmara Tonghui kien jikkollega lil Tongzhou ma' maħżen imsejjaħ Houhai jew "baħar ta' wara" fiċ-ċentru ta' Beijing. Madankollu, matul żmien id-dinastiji Ming u Qing, il-livell tal-ilma fix-xmara Tonghui niżel u l-bastimenti ma setgħux jivvjaġġaw minn Tongzhou sa Beijing. B'hekk Tongzhou saret il-punt tat-Tramuntana tat-trasport fuq il-kanal. Il-merkanzija kienet tinħatt f'Tongzhou u kienet tiġi ttrasportata lejn Beijing bl-art. Ix-xmara Tonghui għadha teżisti bħala kanal wiesa' tal-konkos f'każ ta' maltempati u għad-drenaġġ tas-subborgi ta' Beijing.
Kanal tal-Lvant ta' Zhejiang
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kanal tal-Lvant ta' Zhejiang huwa estiż għal 239 kilometru (149 mil) tul il-pjanura kostali fin-Nofsinhar tal-Bajja ta' Hangzhou fit-Tramuntana ta' Zhejiang. Jibda fix-xmara Qiantang f'Xixing, id-Distrett ta' Binjiang, Hangzhou; jaqsam ix-xmara Cao'e f'Shaoxing; u jikkollega x-xmara Yong u l-portijiet tal-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina f'Ningbo.
Dan il-kanal bejn Hangzhou–Ningbo beda bħala l-Kanal ta' Shanyin li ġie skavat f'Shaoxing mill-uffiċjali tad-dinastija Yue Fan Li fil-bidu tas-seklu 5 Q.K. matul il-perjodu tar-rebbiegħa u tal-ħarifa taċ-Ċina. Minkejja d-diffikultà biex jiġu kkollegati d-diversi korpi tal-ilma tar-rotta, ir-rotta attwali tlestiet permezz tal-kostruzzjoni tal-Kanal ta' Xixing mill-uffiċjal tad-dinastija Jin He Xun fl-aħħar tas-seklu 3 W.K. Il-kanal kien arterja importanti tat-trasport u tal-provvisti għar-reġjun matul il-perjodi tan-nuqqas ta' unità fiċ-Ċina Medjevali u kien partikolarment prosperuż u vitali matul id-dinastija Song tan-Nofsinhar, li stabbiliet il-belt kapitali tagħha f'Lin'an fejn illum il-ġurnata hemm Hangzhou. Matul id-dinastiji Yuan, Ming u Qing, l-importanza tal-kanal battiet iżda l-kanal baqa' navigabbli sal-iżvilupp tal-linji ferrovjarji u t-toroq fis-sekli 19 u 20. Ir-rinnovazzjoni tal-kanal għall-użu mill-barkuni moderni beda fl-2002 u tlesta għajr għaż-żoni madwar Ningbo fl-2009, u tlesta għalkollox fl-aħħar tal-2013.
F'Novembru 2008, il-Kanal tal-Lvant ta' Zhejiang żdied man-nominazzjoni tal-Kanal il-Kbir bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u f'Mejju 2013, ġie inkluż uffiċjalment bħala parti mill-Kanal il-Kbir u ġie elenkat fost is-seba' grupp ta' Siti Storiċi u Kulturali Ewlenini Protetti fil-Livell Nazzjonali mill-gvern Ċiniż. Fl-2014, ġie inkluż mal-kanali ta' Beijing–Hangzhou tad-dinastiji Sui u Tang bħala parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kanal il-Kbir ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Sezzjonijiet Reġistrati u Komponenti tas-Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tal-Kanal il-Kbir huwa magħmul minn 31 sezzjoni u minn għadd ta' siti aċċessorji.[1]
Provinċja | Prefettura | Sezzjoni tal-Mogħdija tal-Ilma | Siti sussidjarji | |
---|---|---|---|---|
Beijing | TH-01 | Sezzjoni tal-Kanal ta' Tonghui taċ-Ċentru Storiku ta' Beijing (il-Kanal Antik ta' Yuhe) | Magħlaq Superjuri ta' Chengqing, Magħlaq Nofsani ta' Chengqing, Shichahai | |
TH-02 | Sezzjoni ta' Tongzhou tal-Kanal ta' Tonghui | |||
Tianjin | BY-01 | Sezzjoni ta' Sanchakou tal-Kanal tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar ta' Tianjin | ||
Hebei | Cangzhou | NY-01 | Sezzjoni ta' Cangzhou-Hengshui-Dezhou tal-Kanal tan-Nofsinhar | Diga ta' Lianzhen ta' Xiejia, Impjant Kritiku tal-Ħamrija Kkumpattjata ta' Hujiakou |
Hengshui | ||||
Shandong | Dezhou | |||
Liaocheng | HT-01 | Sezzjoni ta' Lingqing tal-Kanal ta' Huitong | Sala tad-Dwana ta' Linqing | |
HT-02 | Sezzjoni ta' Yanggu tal-Kanal ta' Huitong | Magħlaq Inferjuri ta' Echeng, Magħlaq Superjuri ta' Echeng, Magħlaq Inferjuri ta' Jingmen, Magħlaq Superjuri ta' Jingmen | ||
Taian | HT-03 | Kumpless tal-Kontroll tal-Ilma ta' Nanwang u l-Kanal ta' Xiaowen | Diga ta' Daicun | |
Jining | Shili Lock, Xujiankou Doumen Ruins, Xingtong Doumen Ruins, Upper Wenyun Canal Zhuanqi Dike, Liulin Lock, Nanwang Water Diversion Point's Dragon King Temple Ruins, Siqianpu Lock | |||
HT-04 | Sezzjoni ta' Weishan tal-Kanal ta' Huitong | Magħlaq ta' Lijian | ||
Zaozhuang | ZH-01 | Sezzjoni ta' Tai'erzhuang tal-Kanal ta' Zhongyun (il-Kanal antik tal-Qamar) | ||
Suqian | ZH-02 | Sezzjoni ta' Suqian tal-Kanal ta' Zhongyun | Palazz Temporanju fit-Tempju tar-Re Dragun | |
Henan | Anyang | WH-01 | Sezzjoni ta' Huaxian-Xunxian tal-Kanal ta' Yongji (il-Kanal ta' Weihe) | |
Hebi | ||||
WH-02 | Sezzjoni tal-Fdalijiet tal-Fosos tal-Qamħ ta' Liyang | Fosos tal-Qamħ ta' Liyang | ||
Luoyang | TJ-01 | Sezzjoni tal-Fdalijiet tal-Fosos tal-Qamħ Nru 160 ta' Hanjia | ||
TJ-02 | Sezzjoni tal-Fosos tal-Qamħ ta' Huiluo | |||
Zhengzhou | TJ-03 | Sezzjoni ta' Zhengzhou tal-Kanal ta' Tongji | ||
Shangqiu | TJ-04 | Sezzjoni ta' Shanqiu ta' Nanguan tal-Kanal ta' Tongji | ||
TJ-05 | Sezzjoni ta' Shanqiu Xiayi tal-Kanal ta' Tongji | |||
Anhui | Huaibei | TJ-06 | Sezzjoni tal-Fdalijiet tal-Kanal ta' Liuzi | Fdalijie tal-Pont ta' Liuzi |
Suzhou | TJ-07 | Sezzjoni ta' Sixian tal-Kanal ta' Tongji | ||
Jiangsu | Huai'an | HY-01 | Kumpless tal-Ġestjoni tal-Ilma ta' Qingkuo
Sezzjoni ta' Huai'an tal-Kanal ta' Huaiyang |
Magħlaq ta' Shuangjin, Magħlaq ta' Qingjiang, Diga tal-Ġebel tal-Lag ta' Hongze |
HY-02 | Fdalijiet tas-Sala tal-Ministeru tat-Trasport tal-Ilma | |||
Yangzhou | HY-03 | Sezzjoni ta' Yangzhou tal-Kanal ta' Huaiyang | Magħlaq ta' Liubao, Postazzjoni ta' Yucheng, Diga Antika ta' Shaobo, Imħażen ta' Shaobo, Lag ta' Shouxi, Palazz Temporanju tat-Tempju ta' Tianning, Geyuan, Residenza ta' Wang Lumen, Tempju ta' Yanzong, Residenza ta' Lu Shaoxu | |
Changzhou | JN-01 | Sezzjoni tal-Belt ta' Changzhou tal-Kanal ta' Jiangnan | ||
Wuxi | JN-02 | Sezzjoni tal-Belt ta' Wuxi tal-Kanal ta' Jiangnan | Kwartier Storiku tal-Pont ta' Qingming | |
Suzhou | JN-03 | Sezzjoni ta' Suzhou tal-Kanal ta' Jiangnan (biċ-Ċiniż: 江南运河苏州段) | Panmen, Pont ta' Baodai, Kwartier Storiku ta' Shantang, Kwartier Storiku ta' Pingjiang, Rampa Antika tal-Irmonk tal-Kanal ta' Wujian | |
Zhejiang | Huzhou | JN-05 | Sezzjoni ta' Nanxun tal-Kanal ta' Jiangnan | Belt Antika ta' Nanxun |
Jiaxing | JN-04 | Sezzjoni ta' Jiaxing-Hanzhou tal-Kanal ta' Jiangnan | Fdalijiet tal-Magħlaq ta' Chang'an, Pont ta' Changhong | |
Hangzhou | Fdalijiet tad-Daħla tal-Ilma ta' Fengshan, Fosos tal-Qamħ ta' Fuyi, Pont ta' Gongchen, Pont ta' Guangji, Kwartier Storiku ta' Qiaoxi | |||
ZD-01 | Sezzjoni ta' Xiaoshan-Shaoxing tal-Kanal Zhedong | Fdalijiet tal-Maħżen u taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta' Xixing | ||
Shaoxing | Pont ta' Bazi, Kwartier Storiku tal-Pont ta' Bazi, Mogħdija Antika tal-Irmonk ta' Shaoxing | |||
ZD-02 | Sezzjoni ta' Shangyu-Yuyao tal-Kanal ta' Zhedong (il-Kanal antik ta' Yuyu) | |||
Ningbo | ||||
ZD-03 | Sezzjoni ta' Ningbo tal-Kanal ta' Zhedongyun | |||
ZD-04 | Sezzjoni ta' Ningbo-Sanjiangkou | Sala tax-Xirka ta' Qing'an |
Elevazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm nominalment il-kanal jgħaddi mill-korpi tal-ilma ta' ħames sistemi ta' xmajjar, fil-verità l-varjazzjoni bejniethom tant hi baxxa li fih sezzjoni waħda f'elevazzjoni. L-elevazzjoni tal-qiegħ tal-kanal tvarja minn metru taħt il-livell tal-baħar f'Hangzhou għal 38.5 metru fil-quċċata tiegħu. F'Beijing, l-elevazzjoni tal-kanal tilħaq is-27 metru, alimentat minn nixxigħat bi fluss 'l isfel mill-muntanji lejn il-Punent. Il-fluss tal-ilma jnixxi minn Beijing lejn Tianjin, mit-Tramuntana ta' Nanwang lejn Tianjin, min-Nofsinhar ta' Nanwang lejn Yangzhou. Il-livell tal-ilma fil-Kanal ta' Jiangnan jibqa' kemm kemm 'il fuq mil-livell tal-baħar (ix-xifer ta' Zhenjiang huwa 12-il metru ogħla minn dak tax-xmara Yangtze).
Użi
[immodifika | immodifika s-sors]Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Mid-dinastija Tang sad-dinastija Qing, il-Kanal il-Kbir intuża bħala l-arterja prinċipali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar taċ-Ċina u kien essenzjali għat-trasport tal-qmuħ lejn Beijing. Għalkemm kien jintuża l-iktar għat-trasport tal-qmuħ, fuqu kienu jiġu ttrasportati prodotti bażiċi oħra u l-kuritur tul il-kanal żviluppa f'mogħdija ekonomika importanti. I-rekords juru li fl-aqwa tiegħu, kull sena iktar minn 8,000 dgħajsa kienu jittrasportaw bejn erba' u sitt miljun dan (240,000–360,000 tunnellata metrika) ta' qmuħ. Il-konvenjenza tat-trasport ippermettiet ukoll lill-mexxejja biex jagħmlu mawriet ta' spezzjoni lejn in-Nofsinhar taċ-Ċina. Fid-dinastija Qing, l-Imperaturi Kangxi u Qianlong għamlu tnax-il mawra lejn in-Nofsinhar, u dejjem ħlief darba waslu sa Hangzhou.
Il-Kanal il-Kbir ippermetta wkoll l-iskambju kulturali u l-integrazzjoni politika bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar taċ-Ċina. Il-kanal ħalla impressjoni distinta fuq uħud mill-viżitaturi Ewropej bikrin taċ-Ċina. Marco Polo rrakkonta dwar il-pontijiet bl-arkati tal-Kanal il-Kbir kif ukoll dwar l-imħażen u l-kummerċ prosperuż tal-bliet fis-seklu 13. Il-missjunarju Kattoliku Ruman famuż Matteo Ricci vvjaġġa minn Nanjing sa Beijing tul il-kanal fl-aħħar tas-seklu 16.
Mill-istabbiliment tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-1949, il-kanal intuża primarjament għat-trasport ta' ammonti kbar ta' oġġetti sfużi bħal brikks, żrar, ramel, diżel u faħam. L-imgħalaq ta' Jianbi tul ix-xmara Yangtze attwalment jaġġustaw xi 75,000,000 tunnellata metrika kull sena, u l-Kanal ta' Li huwa previst li jilħaq il-100,000,000 tunnellata metrika fil-ftit snin li ġejjin. Meta nbena għall-ewwel darba, il-kanal intuża bħala sors ewleini tat-trasport, u kien jikkollega t-Tramuntana u n-Nofsinhar taċ-Ċina. Bl-introduzzjoni tal-linji ferrovjarji ta' veloċità għolja u tat-toroq fiċ-Ċina moderna, it-trasport tal-passiġġier tul il-kanal sar ferm inqas komuni.
Attwalment, il-bastimenti jistgħu jivvjaġġaw sa Jining biss. Is-sezzjoni minn Jining sa Beijing mhijiex disponibbli għat-trasport minħabba li nġemgħu d-depożiti mix-Xmara s-Safra u minħabba n-nuqqas ta' sorsi tal-ilma. Hemm pjanijiet fis-seħħ biex jerġa' jkun jista' jsir it-trasport tul il-kanal sa Tai'an.
Proġett tat-Trasferiment tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kanal il-Kbir ġie mmodernizzat biex jintuża bħala r-Rotta tal-Lvant tal-Proġett tat-Trasferiment tal-Ilma min-Nofsinhar għat-Tramuntana. Iktar ilma jiġi ppompjat fil-kanal mix-xmara Yangtze f'Jiangdu qrib Yangzhou permezz ta' impjant tal-ippompjar ta' 400 m3/s (14,000 pied kubu/s). Dan l-ilma jerġa' jiġi ppompjat permezz ta' 23 impjant sakemm jasal sal-korp tal-ilma f'Nanwang. Imbagħad, il-fluss tal-ilma jsir bil-gravità, kanal sekondarju jgħaddi l-ilma sal-peniżola ta' Shandong, u l-kanal prinċiopali jaqsam ix-Xmara s-Safra permezz ta' 7.9 kilometri ta' mini u ta' flussi minn rotta mmodifikata għall-ġibjuni f'Tianjin. Il-fluss tal-ilma żejjed ippermetta l-bidu ta' diversi proġetti għall-istabbiliment mill-ġdid tat-trasport tal-merkanzija fil-parti tat-Tramuntana tal-Kanal il-Kbir.
Vjaġġaturi notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1169, biċ-Ċina maqsuma bejn id-dinastija Jin immexxija minn Jurchen fit-Tramuntana u d-dinastija Song tan-Nofsinhar fin-Nofsinhar, l-Imperatur Xiaozong tad-dinastija Song tan-Nofsinhar bagħat delegazzjoni lejn Jurchen biex iwasslu t-tislijiet tiegħu lill-mexxej tagħhom għas-Sena l-Ġdida. Uffiċjal u studjuż jismu Lou Yue, li kien segretarju tad-delegazzjoni, żamm rendikont tal-vjaġġ, li l-biċċa l-kbira minnu sar fuq il-Kanal il-Kbir, u mar-ritorn tiegħu bagħat id-Djarju ta' Vjaġġ lejn it-Tramuntana lill-imperatur.
Fl-1170, il-poeta, il-politiku u l-istoriku Lu You vvjaġġa tul il-Kanal il-Kbir minn Shaoxing sax-xmara Yangtze, u żamm rendikont tal-progress tiegħu f'djarju.
Fl-aħħar tas-seklu 13, Marco Polo vvjaġġa b'mod estensiv fiċ-Ċina u matul il-vjaġġi tiegħu qatta' xi żmien fuq il-Kanal il-Kbir, li dak iż-żmien kien arterja ewlenija għat-trasport tal-ħarir, tal-porċellana u tal-inbid.
Fl-1345, il-vjaġġatur mill-Magreb Ibn Battuta vvjaġġa fiċ-Ċina tul ix-xmara Abe Hayat (il-Kanal il-Kbir) sal-belt kapitali ta' Khanbalik (Beijing).
Fl-1488, l-istudjuż nawfragu Korean Choe Bu vvjaġġa t-tul kollu tal-Kanal il-Kbir fi triqtu minn Zhejiang sa Beijing (u sal-Korea) u ħalla rendikont dettaljat dwar il-vjaġġ tiegħu.
Fl-1600, Matteo Ricci vvjaġġa lejn Beijing minn Nanjing permezz tal-mogħdija tal-ilma tal-Kanal il-Kbir biex jikseb l-appoġġ tal-Imperatur Wanli tad-dinastija Ming bl-għajnuna ta' Wang Zhongde, id-Direttur tal-Bord tar-Riti fil-gvern ċentrali taċ-Ċina ta' dak iż-żmien.
Fl-1793, wara missjoni diplomatika lejn Jehol li ma tatx frott, parti kbira mill-ambaxxata ta' Lord Macartney reġgħet lura lejn id-delta tax-xmara Yangtze permezz tal-Kanal il-Kbir.
Fl-1848, Robert Fortune wasal f'Hang Chow Foo permezz tal-Kanal il-Kbir matul il-vjaġġ tiegħu biex isib il-pjanti tat-te.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Chisholm, Hugh, ed. (1911). "China" . Encyclopædia Britannica. Vol. 6 (11th ed.). Cambridge University Press. p. 168.
- Benn, Charles. (2002). China's Golden Age: Everyday Life in the Tang Dynasty. Oxford University Press. ISBN 0-19-517665-0.
- Bishop, Kevin (1997). China's Imperial Way. Hong Kong: Odyssey.
- Bowman, John S. (2000). Columbia Chronologies of Asian History and Culture. New York: Columbia University Press.
- Brook, Timothy. (1998). The Confusions of Pleasure: Commerce and Culture in Ming China. Berkeley: University of California Press. ISBN 0-520-22154-0
- Carles, W.R. (1900). The Grand Canal of China. Shanghai: Journal of the North China Branch RAS, Vol. 31, pp. 102–115, volum tal-1896-1897, li fil-fatt ġie ppubblikat fl-1900.
- Ebrey, Patricia Buckley (1999). The Cambridge Illustrated History of China. Cambridge: Cambridge University Press. ISBN 0-521-66991-X (paperback).
- Fairbank, John King and Merle Goldman (1992). China: A New History; Second Enlarged Edition (2006). Cambridge: MA; Londra: The Belknap Press of Harvard University Press. ISBN 0-674-01828-1.
- Gandar, Dominique (1903). Le Canal Imperial: Etude Historique et Descriptive. Shanghai: Imprimerie de la Mission Catholique. Variétés Sinologiques No. 4.
- Garnett, J.W. (1907). Report by Mr. J.W. Garnett of a Journey through the Provinces of Shantung and Kiangsu. British Parliamentary Papers, China No.1, CD3500. Londra: HMSO.
- Hinton, Harold C. (1956). The Grain Tribute System of China (1845-1911). Cambridge: Harvard University Press.
- Liao Pin, ed. (1987). The Grand Canal: An Odyssey. Beijing: Foreign Languages Press.
- Martin, W.A.P. (1897). A Cycle of Cathay.
- Needham, Joseph. (1986). Science and Civilization in China: Volume 4, Physics and Physical Technology, Part 3, Civil Engineering and Nautics. Taipei: Caves Books, Ltd. ISBN 0-521-07060-0
- New China News Ltd. (1984). The Grand Canal of China. Hong Kong: South China Morning Post Ltd.
- Staunton, George (1797). An Authentic Account of an Embassy ...to the Emperor of China.
- China's Ancient Lifeline, Mejju 2013, ir-rivista National Geographic.
- 中国运河, 竞放、杜家驹 主编, 金陵书社 1997年; China's Canal, Jing Fang and Du Jiaju eds, Jinling Book Society, 1997.