Aqbeż għall-kontentut

Jules Pascin

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jules Pascin
Ħajja
Twelid Vidin, 31 Marzu 1885
Nazzjonalità Bulgarija
Stati Uniti tal-Amerka
Franza
Mewt Pariġi, 5 Ġunju 1930
Post tad-dfin Ċimiterju ta' Montparnasse
Kawża tal-mewt suwiċidju (tgħalliq)
Edukazzjoni
Alma mater Académie Colarossi (en) Translate
Lingwi Franċiż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
Illustratur
disinjatur
tipografu
Parteċipant
Moviment espressjoniżmu
Moviment artistiku ritratt

Julius Mordecai Pincas (twieled fil-31 ta' Marzu 1885 – miet fil-5 ta' Ġunju 1930), magħruf bħala Pascin (pronunzjat [pas.kin];[1][2] xi kultant pronunzjat qisu bil-Franċiż: [pas.kɛ̃] jew [pa.sɛ̃]), Jules Pascin, magħruf ukoll bħala l-"Prinċep ta' Montparnasse", kien artist Bulgaru tal-Iskola ta' Pariġi, magħruf għall-pitturi u għat-tpinġijiet tiegħu. Iktar 'il quddiem sar ċittadin Amerikan. L-iżjed suġġett frekwenti tiegħu kienu n-nisa, impittra jew impinġija b'pożi każwali, normalment għerwenin jew parzjalment lebsin.

Pascin ingħata l-edukazzjoni fi Vjenna u fi Munich. Huwa vvjaġġa għal xi żmien fl-Istati Uniti, u qatta' l-biċċa l-kbira tal-ħin tiegħu fin-Nofsinhar. Huwa magħruf l-iktar bħala pittur Pariġin, assoċjat mal-gruppi artistiċi ta' Montparnasse, u kien wieħed mill-emigrati tal-Iskola ta' Pariġi. Wara li tħabat mad-depressjoni u mal-alkoħoliżmu, huwa miet b'suwiċidju ta' 45 sena.

Ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Julius Mordecai Pincas twieled f'Vidin, il-Bulgarija, u kien it-tmien wild minn ħdax,[3] fi ħdan il-familja Lhudija Sefardika ta' merkant tal-qamħ imsejjaħ Marcus Pincas.[4] Oriġinarjament minn Ruse, il-familja Pincas kienet waħda mill-iktar għonja f'Vidin; huma kienu jixtru u jesportaw il-qamħ, ir-ross, il-qamħirrum u l-ġirasol.[5] Ommu, Sofie (Sophie) Pincas, kienet parti mill-familja Lhudija Sefardika Russo, li kienet ittrasferiet ruħha minn Trieste għal Zemun, fejn flimkien mar-raġel tagħha għexet qabel ma marret tgħix f'Vidin u fejn twieldu t-tfal il-kbar tagħhom.[6]

Il-familja kienet titkellem bil-Ġudeo-Spanjol id-dar.[7] Fl-1892, huwa mar jgħix mal-ġenituri tiegħu f'Bukarest, fejn missieru fetaħ kumpanija tal-qamħ, "Marcus Pincas & Co". Għal żmien qasir Pascin ħadem mad-ditta ta' missieru meta kellu ħmistax-il sena, iżda kien jiffrekwenta wkoll burdell lokali fejn wettaq l-ewwel tpinġijiet tiegħu. L-ewwel taħriġ artistiku tiegħu kien fi Vjenna fl-1902 ta' sbatax-il sena. Fl-1903 huwa mar jgħix fi Munich, fejn studja fl-akkademja ta' Moritz Heymann. Hemmhekk iltaqa' ma' Paul Klee, Alfred Kubin u Wassily Kandinsky.[8] Fl-1905 huwa beda jikkontribwixxi bi tpinġijiet f'Simplicissimus, rivista satirika ppubblikata fi Munich. Minħabba li missieru oġġezzjona li kunjom il-familja jiġi assoċjat ma' dawn it-tpinġijiet, l-artist meta kellu 20 sena adotta l-psewdonimu Pascin (anagramma ta' Pincas) bil-permess ta' missieru. Huwa baqa' jikkontribwixxi bi tpinġijiet f'ġurnal ta' Munich sal-1929.

F'Diċembru 1905, Pascin mar jgħix f'Pariġi, u sar parti mill-migrazzjoni kbira ta' artisti lejn dik il-belt fil-bidu tas-seklu 20. Hemmhekk ġie milqugħ minn "Les Dômiers", il-klijenti regolari tal-Cafe le Dome. Id-Dômiers introduċew lil Pascin ma' Hermaine David fl-1907, li kienet pittriċi wkoll u dak iż-żmien studenta fl-Académie Julian u studenta ta' Jean-Paul Laurens, u t-tnejn saru maħbubin. F'dik l-istess sena kellu l-ewwel wirja bħala solist fil-Gallerija ta' Paul Cassirer f'Berlin. Minkejja l-ħajja soċjali tiegħu, Pascin ħoloq eluf ta' akkwarelli u skizzi, kif ukoll tpinġijiet u karikaturi li bigħ lil diversi gazzetti u rivisti. Fl-1908, Pascin beda jistudja fl-Akkademja ta' Matisse. Pascin żar il-Louvre, u kellu interess speċjali fil-mastri tas-seklu 18, speċjalment Greuze, Boucher, Watteau u Fragonard.

Huwa eżibixxa x-xogħlijiet tiegħu f'galleriji kummerċjali, fis-Salon d'Automne, fis-Salon des Indépendants, f'wirjiet tas-Seċessjoni ta' Berlin u fis-Sonderbund-Ausstellung f'Köln. Bejn l-1905 u l-1914 huwa eżibixxa xi tpinġijiet bil-lapes, bl-akkwarelli u stampati, iżda qajla pitturi. Ma kienx qabel xi l-1907–1909 li pproduċa l-ewwel pitturi tiegħu, li kienu ritratti u pitturi ta' soġġetti għerwenin bi stil influwenzat mill-Fauviżmu u minn Cézanne. Huwa ried isir pittur bis-serjetà, iżda maż-żmien sar depress ħafna minħabba n-nuqqas ta' ksib ta' suċċess kritiku bl-isforzi tiegħu. Xejn ma kien sodisfatt bil-progress kajman tiegħu bil-mezz il-ġdid, u għaldaqstant studja l-arti tat-tpinġija fl-Académie Colarossi, u pitter kopji tal-mastri fil-Louvre. Huwa kellu wirjiet fl-Istati Uniti għall-ewwel darba fl-1913, meta tnax mix-xogħlijiet tiegħu ntwerew fil-Wirja tal-Armerija fi New York.

Pascin għamel rilokazzjoni lejn Londra malli faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija biex jevita l-lieva fl-armata Bulgara u mbagħad telaq lejn l-Istati Uniti fit-3 ta' Ottubru 1914. Fil-31 ta' Ottubru, Hermine David baħħret lejn l-Istati Uniti biex tingħaqad miegħu.

Les petites américaines (Little American Girls), 1916, żejt fuq it-tila, il-Mużew tal-Arti u l-Istorja tal-Lhud f'Pariġi.

Pascin u David għexu fl-Istati Uniti mill-1914 sal-1920, u evitaw l-Ewwel Gwerra Dinjija. Huma żaru l-Belt ta' New York, fejn David kellha wirja. Pascin kien jiffrekwenta n-nightclubs, u ltaqa' ma' artisti bħal Yasuo Kuniyoshi u Guy Pène du Bois, iżda l-biċċa l-kbira ta' żmienu fl-Amerka qattgħu jivvjaġġa fin-Nofsinhar. Huwa żar ukoll Kuba. Huwa għamel bosta tpinġijiet tal-ħajja fit-toroq f'Charleston, New Orleans, u ta' postijiet oħra li żar. Uħud mix-xogħlijiet tiegħu tal-1915 u tal-1916 huma ta' stil Kubist, li wara ftit abbandunah.

Fl-1918 Pascin iżżewweġ lil Hermine David fil-Muniċipju fil-Belt ta' New York. Ix-xhieda tagħhom kienu Max Weber u Maurice Sterne, ħbieb u pitturi li kienu jgħixu f'New York. F'Settembru 1920, Pascin ġie naturalizzat bħala ċittadin tal-Istati Uniti, b'appoġġ mingħand Alfred Stieglitz u Maurice Sterne, iżda reġa' lura lejn Pariġi ftit wara. Hemmhekk kellu relazzjoni ma' Lucy Vidil Krohg, li kienet il-maħbuba tiegħu għaxar snin qabel iżda kienet iżżewġet lill-pittur Norveġiż Per Krohg meta Pascin kien telaq lejn l-Amerka.

Hermine in Bed, pittura bl-akkwarelli.

Speċjalment wara li rritorna lejn Franza, huwa sar is-simbolu tal-komunità artistika ta' Montparnasse u sar assoċjat iktar ma' Franza milli mal-Istati Uniti. Dejjem bil-kappell partikolari tiegħu, huwa kien preżenza għarfa, flimkien ma' sieħbu Constant Detré, f'Le Dôme Café, fil-Jockey-Club de Paris, u f'inħawi oħra tas-soċjetà artistika lokali. Pascin żar il-Bulgarija fl-1923 u fl-1924 u f'data mhux ċerta iktar 'il quddiem.

Ritratt ta' Lucy Krohg, għall-ħabta tal-1925, żejt u lapes fuq it-tila.

Bħal Henri de Toulouse-Lautrec, Pascin pinġa lill-ambjenti u lil sħabu ta' madwaru, kemm irġiel kif ukoll nisa. Matul is-snin 20 tas-seklu 20, Pascin pitter l-iktar petites filles fraġli, prostituti jistennew għall-klijienti tagħhom, jew mudelli jistennew is-seduta tintemm. Il-pitturi tiegħu nbigħu minnufih, iżda l-flus li kien jaqla' malajr kien jonfqu. Huwa kien famuż bħala wieħed li jħobb jagħmel festini kbar fl-appartament tiegħu, u kull meta kien jiġi mistieden xi mkien ieħor għal xi ċena, huwa kien imur b'kemm jiflaħ fliexken tal-inbid. Spiss kien imur ma' grupp kbir ta' ħbieb għal picnics sajfin qrib ix-xmara Marne, u jkunu jdumu hemm sakemm jidlam.

Skont il-bijografu tiegħu, Georges Charensol:

Qajla kien jagħżel il-mejda tiegħu fid-Dôme jew fis-Sélect li ma kienx jiġi mdawwar minn ħames jew sitt ħbieb; fid-disgħa ta' filgħaxija, meta kien jasal għaċ-ċena, konna nkunu xi 20 b'kollox, u iktar tard filgħaxija, meta konna niddeċiedu mmorru sa Montmartre għand Charlotte Gardelle jew il-Prinċipessa Marfa — fejn Pascin kien iħobb jieħu post il-mużiċist bit-tnabar fil-grupp jazz — huwa kellu jħallas għal 10 taksis.

Fist il-grupp ta' ħbieb Pariġini ta' Pascin kien hemm Ernest Hemingway, li fil-memorji tiegħu bit-titlu A Moveable Feast jinkludi kapitlu msejjaħ "With Pascin At the Dôme", fejn jirrakkonta dwar lejla fl-1923 meta ltaqa' ma' Pascin u żewġ mudelli żgħażagħ tiegħu għal xi xarba fil-kafetterija.

Sħabu l-artisti u kontemporanji kienu jinkludu lil Chaim Soutine, Isaac Frenkel Frenel, Michel Kikoine u artisti Lhud oħra tal-Iskola ta' Pariġi.

L-esperjenza tiegħu bħala fassal satiriku u l-għarfien tiegħu tal-Espressjoniżmu Ġermaniż huma evidenti fix-xogħlijiet bikrin tiegħu, fejn xi ritratti jevokaw lil Otto Dix jew Grosz b'laqta inqas inċisiva u inqas krudili. Huwa malajr evolva għal ilwien kważi mhux reali, li b'ħila kbira armonizza mat-tema ta' ġisem il-mara, iċ-ċentru tal-produzzjoni tiegħu. Fost il-pitturi tal-Iskola ta' Pariġi, l-arti ta' Pascin saret rinomata mal-impożizzjoni tal-ġentilezza melankonika u l-verità espressiva. Huwa pitter b'indulġenza d-dinja "moħbija" tan-nisa, b'irtokk lewn perla, ħafif b'kuluri jgħajtu, bi sfumaturi ta' griż, roża, okra u vjola fil-blu. L-iġsma tan-nisa b'għamliet sottili jispikkaw b'xeħta qawwija ta' erotiċiżmu. Dawn in-nisa, murija fl-intimità tagħhom, fil-fatt jirriflettu l-malessri eżistenzjali ta' Pascin.

L-istil grafiku vibranti tiegħu, b'linji li jagħtu ħjiel ħafif biss tal-kontorni tal-ġisem, ippermettewlu juri lill-mudelli tiegħu f'dawl li jirrifletti l-emozzjonijiet iktar mir-realtà tal-ġisem. F'dan ir-rigward, huwa jista' jitqies bħala kontinwatur bla heda tal-mastri tas-seklu 18 u tal-għatx tagħhom għal-libertà u għal-libertinaġġ.

Ritratt ta' Mimi Laurent, għall-ħabta tal-1927–1928, żejt fuq it-tila, il-Mużew u l-Ġnien tal-Iskulturi ta' Hirshhorn, Washington, DC.

Pascin tħabat mad-depressjoni u mal-alkoħoliżmu. Skont il-kritiku tal-arti Gaston Diehl huwa kien "Spiċċa għal ġol-ħajt mil-leġġenda tiegħu stess", u miet b'suwiċidju tal-età ta' 45 sena lejliet spettaklu solist prestiġjuż. Huwa qata' l-vini tal-polz tiegħu u tgħallaq fl-istudjo tiegħu f'Montmartre. Huwa ħalla messaġġ miktub bid-demm mal-ħajt lill-maħbuba tiegħu Lucy Krohg. Fl-aħħar testment tiegħu, Pascin qasam l-eredità tiegħu bejn martu, Hermine David, u Lucy Krohg.

Dakinhar tal-funeral tiegħu fis-7 ta' Ġunju 1930, eluf ta' nies mill-komunità artistika, u għexieren ta' waiters u ta' ħaddiema tal-bars u tar-ristoranti li kien iżur Pascin, kollha lebsin bl-iswed, mexew wara t-tebut tiegħu għal tliet mili, mill-istudjo tiegħu f'36 boulevard de Clichy saċ-Cimetière de Saint-Ouen. Sena wara, il-familja ta' Pascin ordnat li l-fdalijiet tiegħu jiġu midfuna mill-ġdid fiċ-ċimiterju iktar prestiġjuż ta' Montparnasse.

Il-Punt ta' Pascin fl-Antartika ngħata kunjom Jules Pascin.

  1. "Art: Beauty & the Baker", Time magazine, Monday, July 18, 1932.
  2. John Ulric Nef, "Reminiscences of Jules Pascin" (June 1966), in Tom L. Freudenheim, Pascin (exhibition catalog), University Art Museum, University of California, Berkeley, 1966
  3. "Jules Pascin". www.jewishvirtuallibrary.org. Miġbur 2024-06-05.
  4. Werner, Alfred (Autumn 1959). "Jules Pascin in the New World". College Art Journal. 19 (1): 30–39.
  5. "Jewish witness to the 20th century | Centropa". www.centropa.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-05.
  6. "Vienna Weddings Results". www.sephardicgen.com. Miġbur 2024-06-05.
  7. "Ilya Ehrenburg about Jules Pascin". web.archive.org. 2018-07-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-07-01. Miġbur 2024-06-05.
  8. "Jules PASCIN" (bl-Ingliż). 2019-01-03. Miġbur 2024-06-05.