Johann II Bernoulli
Johann II Bernoulli (18 ta' Mejju 1710, Basel – 17 ta' Lulju 1790, Basel), magħruf ukoll bħala Jean, kien matematiku Żvizzeru, l-iżgħar mit-tliet ulied subien ta' Johann Bernoulli.
Studja l-liġi u l-matematika, u, wara li vvjaġġa fi Franza, kien għal ħames snin professur tal-elokwenza fl-università ta' belt twelidu. Fl-1736 ingħata l-premju tal-Akkademja Franċiża għall-istudji tiegħu fuq l-Etere[1] [2]. Meta miet missieru, laħaq minnfloku bħala professur tal-matematika. Kellu suċċess tliet darbiet fil-kompetizzjoni għall-premju tal-Akkademja tax-Xjenzi ta' Pariġi. Is-suġġetti li rebbħulu l-premju kienu, l-argan, il-propagazzjoni tad-dawl, u l-kalamita. Kien ħabib ta' Pierre Louis Maupertuis, li miet taħt is-saqaf tiegħu waqt li kien fi triqtu lejn Berlin.
Iż-żewġ subien tiegħu, Johann u Jakob, kienu l-aħħar matematiċi famużi tal-familja Bernoulli.