Aqbeż għall-kontentut

Johann Christian Bach

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Johann Christian Bach
Ħajja
Twelid Leipzig, 5 Settembru 1735, Settembru 1735
Nazzjonalità Elettorat ta' Sachsen
Gran Brittanja
Mewt Londra, 1 Jannar 1782
Post tad-dfin St Pancras Old Church, Camden (en) Translate
Familja
Missier Johann Sebastian Bach
Omm Anna Magdalena Bach
Konjuga/i Cecilia Grassi  (31 Lulju 1777 -
Aħwa
Tribù il-familja Bach
Edukazzjoni
Alma mater Thomasschule zu Leipzig
Lingwi Ingliż
Ġermaniż
Għalliema Johann Sebastian Bach
Carl Philipp Emanuel Bach
Giovanni Battista Martini
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
pjanist
arranġatur
Post tax-xogħol Milan
Xogħlijiet importanti Lucio Sila
Moviment artistiku opra
sinfonija
Strument/i tal-mużika orgni

Johann Christian Bach (twieled fil-5 ta' Settembru 1735 – miet fl-1 ta' Jannar 1782) kien kompożitur Ġermaniż tal-era klassika, u kien it-tmintax-il wild ta' Johann Sebastian Bach, u l-iżgħar mill-ħdax-il tifel u tifla tiegħu.[1] Wara li għex fl-Italja għal diversi snin, Bach mar Londra fl-1762[2], fejn sar magħruf bħala "l-Bach ta' Londra".[3] Xi kultant jissejjaħ ukoll bħala "l-Bach Ingliż". Matul iż-żmien li qatta' fil-belt kapitali Brittanika, huwa sar magħruf bħala John Bach. Huwa magħruf għar-rwol tiegħu biex influwenza l-istili tal-kunċerti ta' Haydn u Mozart. Huwa kkontribwixxa ferm għall-iżvilupp tal-prinċipju l-ġdid tas-sonati.[4]

Johann Christian Bach kien iben Johann Sebastian u Anna Magdalena Bach u twieled f'Leipzig, il-Ġermanja. Missieru kellu diġà 50 sena meta twieled hu — differenza fl-età li toħroġ fid-dieher fid-differenzi kbar fl-istili mużikali tagħhom. Minkejja dan, Bach il-missier ħarreġ lil Johann Christian fil-mużika sa mewtu fl-1750. Wara li miet missieru, huwa ħadem u għex ma' ħuh tar-rispett li kien it-tieni l-ikbar fl-età, Carl Philipp Emanuel Bach, li kellu 21 sena ikbar minnu u li dak iż-żmien kien jitqies bħala l-iżjed wieħed b'talent mużikali mill-ulied subien ta' Bach.[5]

Huwa kellu karriera promettenti, l-ewwel bħala kompożitur u mbagħad bħala mużiċist ma' Carl Friedrich Abel, mużiċist distint tal-vjola da gamba. Huwa kkompona kantati, mużika tal-kamra, xogħlijiet bit-tastieri u tal-orkestra, opri u sinfoniji

Bach għex l-Italja għal bosta snin mill-1754, fejn studja ma' Padre Martini f'Bologna. Huwa sar il-mużiċist ewlieni tal-orgni fil-katidral ta' Milan fl-1760. Matul żmienu fl-Italja, huwa kkonverta mil-Luteraniżmu għall-Kattoliċiżmu u qatta' l-biċċa l-kbira tal-ħin tiegħu jikkomponi l-mużika tal-knisja, inkluż il-mużika għal Quddiesa Requiem u Te Deum.[6] Johann ikkompona wkoll kwantità ta' mużika sagra Latina matul żmienu fl-Italja.[7] L-ewwel xogħol maġġuri tiegħu kienet Quddiesa, b'prestazzjoni u fama eċċellenti fl-1757. Fl-1762, Bach ivvjaġġa lejn Londra għall-première ta' tliet opri fil-King's Theatre, inkluż Orione fid-19 ta' Frar 1763. Fl-1764 jew fl-1765, il-castrato Giusto Fernando Tenducci, li sar ħabib sew tiegħu, ħoloq ir-rwol ewlieni fl-opra tiegħu Adriano in Siria fil-King's Theatre.[8]

B'hekk irnexxielu jistabbilixxi r-reputazzjoni tiegħu fl-Ingilterra, u sar mastru tal-mużika tar-Reġina Charlotte. Fl-1766, Bach iltaqa' mas-sopran Cecilia Grassi, li kellha ħdax-il sena inqas minnu, u żżewwiġha ftit wara. Flimkien ma kellhomx tfal. J. C. Bach wettaq sinfoniji u kunċerti fil-Hanover Square Rooms. Dan kien il-post ewlieni għall-premieres tal-kunċerti fil-qalba ta' Mayfair. Id-djar Ġorġjani tal-madwar offrew klijentela sinjura għall-ispettakli tiegħu. Wieħed miċ-ċrieki letterarji primarji ta' Londra, li kien jinkludi lil Jane Timbury, Robert Gunnell Esq., Lord Beauchamp u d-Dukessa ta' Buccleuch, kien midħla ta' Bach, u l-membri tiegħu kienu jattendu l-avvenimenti tiegħu b'mod regolari.

Fl-1777 huwa rebħa kawża storika, Bach vs Longman, li stabbiliet li fid-dritt Ingliż il-liġi tal-jeddijiet tal-awtur kienu japplikaw għall-partituri mużikali.

Sal-aħħar tas-snin 70 tas-seklu 18, kemm il-popolarità tiegħu kif ukoll il-finanzi tiegħu bdew ibattu. Sal-mewt ta' Bach f'lejliet is-sena l-ġdida tal-1782[9], tant kien sar imdejjen (parzjalment minħabba li sieħbu kien qed jisraqlu flusu), li r-Reġina Charlotte intervjeniet biex tkoprilu l-ispejjeż tal-proprjetà tiegħu u pprovdiet pensjoni għall-għomor għall-armla li ħalla warajh. Huwa ndifen fiċ-ċimiterju tal-Knisja l-Antika ta' St. Pancras, Londra.

Sinfonia bil-G minuri, Op. 6, Nru 6; imwettqa mill-Camerata Budapest, taħt is-surmast Hanspeter Gmur, Naxos Records.

Rendikont sħiħ tal-karriera ta' J. C. Bach tingħata fir-raba' volum tal-Istorja tal-Mużika (bl-Ingliż: History of Music) ta' Charles Burney.

Hemm tnejn min-nies oħra msemmija Johann Christian Bach fl-arblu tar-razza tal-familja Bach, iżda l-ebda wieħed minnhom ma' kien kompożitur.

Fl-1764, Bach iltaqa' ma' Wolfgang Amadeus Mozart, li kellu tmien snin dak iż-żmien u kien ġie Londra flimkien ma' missieru.[10] Dak iż-żmien Bach għamel ħames xhur jgħallem il-kompożizzjoni lil Mozart. Bach b'mod mifrux jitqies li kellu influwenza qawwija fuq Mozart meta kien żgħir, u studjużi bħal Téodor de Wyzewa u Georges de Saint-Foix iddeskrivewh bħala "l-unika għalliem reali ta' Mozart". Mozart għamel l-arranġament ta' tliet sonati mill-Op. 5 ta' Bach ta' kunċerti bit-tastieri, u iktar 'il quddiem Mozart "spiss irrikonoxxa d-dejn artistiku li kien jaf" lil Johann Christian.[11] Malli sema' bil-mewt ta' Bach fl-1782, Mozart ikkummenta "X'telfa għad-dinja tal-mużika!".[12]

Ix-xogħlijiet ta' J. C. Bach jingħajtaw numri "W" mill-Katalogu tematiku tax-xogħlijiet tiegħu ta' Ernest Warburton (New York: Garland Publishing, 1999). Il-kompożizzjonijiet ta' Bach jinkludu ħdax-il opra, kif ukoll mużika tal-kamra, mużika tal-orkestra u kompożizzjonijiet għat-tastieri.[5]

  • Hans T. David, A. Mendel, C. Wolff. The New Bach Reader: A Life of Johann Sebastian Bach in Letters and Documents (New York: Norton, 1998).
  • Heinz Gärtner (trans. by Reinhard Pauly). John Christian Bach: Mozart's Friend and Mentor. (Portland, Oregon: Amadeus Press, 1994).
  • Philipp Spitta (trans. by Clara Bell & J. A. Fuller-Maitland). Johann Sebastian Bach, his work and influence on the music of Germany, 1685–1750, 3 vols. (Londra: Novello & Co., 1899): Vol I, Vol II, Vol III.
  • Charles Sanford Terry. John Christian Bach (Londra: Oxford University Press, 1967).
  • Christoph Wolff et al. The New Grove Bach Family. (New York: Norton, 1983) pp. 315ff. ISBN 0-393-30088-9.
  • Percy M. Young. The Bachs: 1500–1850 (Londra: J. M. Dent & Sons, 1970).
  1. Bagnoli, Giorgio (1993). The La Scala Encyclopedia of the Opera. Simon and Schuster. p. 38. ISBN 9780671870423.
  2. Bagnoli, Giorgio (1993). The La Scala Encyclopedia of the Opera. Simon and Schuster. p. 38. ISBN 9780671870423.
  3. Siblin, Eric (2011). The Cello Suites: J. S. Bach, Pablo Casals, and the Search for a Baroque Masterpiece. p. 234. ISBN 9780802197979.
  4. Norwich, John Julius (1985–1993). Oxford Illustrated Encyclopedia. Judge, Harry George., Toyne, Anthony. Oxford [England]: Oxford University Press. p. 28. ISBN 0-19-869129-7.
  5. 1 2 "Johann Christian Bach | German composer | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-05.
  6. "CNP Articles - The Catholic Bach". www.canticanova.com. Miġbur 2022-09-05.
  7. "Johann Christian Bach [50] (Composer, Bach's Pupil) - Short Biography". www.bach-cantatas.com. Miġbur 2022-09-05.
  8. Baldwin, Olive; Wilson, Thelma (2004). "Tenducci, Giusto Ferdinando". Oxford Dictionary of National Biography.
  9. "Johann Christian Bach Songs, Albums, Reviews, Bio & More". AllMusic (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-05.
  10. Shore, Rebecca Ann (2002). Baby Teacher: Nurturing Neural Networks From Birth to Age Five. R&L Education. p. 86. ISBN 9781461648079.
  11. Denis Arnold and Basil Smallman, "Bach family", in Oxford Companion to Music, ed. Alison Latham, Oxford University Press, 2002, p. 80. ISBN 978-0-19-866212-9.
  12. Mersmann, Hans (1972). Letters of Wolfgang Amadeus Mozart. New York: Dover Publications. p. 194. ISBN 0-486-22859-2.