Giosuè Carducci
Giosuè Alessandro Giuseppe Carducci ([dʒozuˈɛ kkarˈduttʃi] twieled fis-27 ta' Lulju 1835 – miet fis-16 ta' Frar 1907) kien poeta, kittieb, kritiku letterarju u għalliem Taljan. Kien influwenti ħafna[1] u kien meqjus bħala l-poeta nazzjonali uffiċjali tal-Italja moderna.[2] Fl-1906 huwa sar l-ewwel Taljan li rċieva l-Premju Nobel għal-Letteratura[3] "mhux biss bħala rikonoxximent tat-tagħlim u r-riċerka kritika profondi tiegħu, iżda fuq kollox biex jingħata ġieħ għall-enerġija kreattiva, għall-freskezza tal-istil, u għall-forza lirika tal-kapulavuri poetiċi tiegħu".[4]
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa twieled f'Valdicastello (parti minn Pietrasanta), raħal żgħir fil-Provinċja ta' Lucca fil-Majjistral tar-reġjun tat-Toskana. Missieru, tabib, kien strumentali għall-unifikazzjoni tal-Italja u kien involut mal-Carbonari. Minħabba l-politika tiegħu, il-familja kellha tiċċaqlaq minn post għall-ieħor diversi drabi matul it-tfulija ta' Carducci, u eventwalment stabbilew ruħhom għal ftit snin f'Firenze.[5]
Minn mindu kien imur l-iskola, huwa kien affaxxinat bl-istil imrażżan tal-Griegi u tar-Rumani tal-Qedem, u x-xgħol matur tiegħu jirrifletti stil klassiku mrażżan, fejn spiss juża l-metrika klassika ta' poeti Latini bħal Orazju u Virġilju. Huwa ttraduċa l-Ktieb Nru 9 tal-Ilijade ta' Omeru bit-Taljan.
Carducci ngħata borża ta' studju biex jistudja fl-Iskola Superjuri Normali prestiġjuża ta' Pisa. Wara li ggradwa fl-1856, huwa beda jgħallem fl-iskola. Is-sena ta' wara, huwa ppubblika l-ewwel ġabra ta' poeżiji tiegħu, Rime. Dawn kienu snin diffiċli għal Carducci: missieru miet, u ħuh neħħa ruħu b'idejh.
Fl-1859, huwa żżewweġ lil Elvira Menicucci, u kellhom erbat itfal. Għal żmien qasir huwa għallem il-Grieg fi skola postsekondarja f'Pistoia, u mbagħad ġie ddeżinjat bħala Professur tal-Letteratura Taljana fl-Università ta' Bologna. Hawnhekk, wieħed mill-istudenti tiegħu kien Giovanni Pascoli, li sar poeta eminenti wkoll u iktar 'il quddiem kien is-suċċessur tiegħu fl-università.
Carducci kien lettur popolari u kritiku aħrax tal-letteratura u tas-soċjetà. Fiż-żgħożija tiegħu huwa kien ateu[6], u l-fehmiet politiċi tiegħu kienu ostili ferm għall-Knisja Kattolika. Matul ħajtu l-fehmiet tiegħu dwar ir-reliġjon inbidlu għal teiżmu orjentat soċjalment li huwa espona fid-diskors famuż tiegħu Discorso sulla libertà perpetua di San Marino (Diskors fuq il-Libertà Perpetwa ta' San Marino), li għamel fit-30 ta' Settembru 1894 quddiem l-awtoritajiet u n-nies ta' dik ir-repubblika antika u ċċelebra "l-Alla Universali tal-Popli, l-Alla ta' Mazzini u ta' Washington".[7]
Il-qawwa rivoluzzjonarja tiegħu kontra l-kleru toħroġ fid-dieher fil-poeżija famuża tiegħu, Inno a Satana (Innu lil Satana), li kienet blasfemika u provokattiva apposta. "Satana"/"Luċifru" kien ikkunsidrat mill-esponenti Taljani tax-Xellug ta' dak iż-żmien bħala metafora tal-ispirtu ribelluż u ħieles. Il-poeżija tfasslet fl-1863 bħala awgurju għal waqt festin ta' filgħaxija, ġiet ippubblikata fl-1865, u mbagħad ġiet ippubblikata mill-ġdid fl-1869 mill-gazzetta radikali ta' Bologna, Il Popolo, bħala provokazzjoni ppjanata biex taħbat mal-Ewwel Konċilju tal-Vatikan, żmien meta l-qawwa rivoluzzjonarja diretta kontra l-Papat kienet qed tissaħħaħ, filwaqt li r-Repubblikani kienu qed jagħfsu politikament u militarment għal tmiem tad-dominju tal-Vatikan fuq l-istati Papali.[8]
Filwaqt li Inno a Satana kellha impatt rivoluzzjonarju konsiderevoli, l-ifjen poeżiji ta' Carducci ġew fis-snin ta' wara. Il-ġabriet tiegħu Rime Nuove (Rimi Ġodda) u Odi Barbare (Odi Barbari) fihom l-ikbar xogħlijiet.[9]
Huwa kien l-ewwel Taljan li ngħata Premju Nobel għal-Letteratura, fl-1906. Huwa ġie maħtur ukoll bħala senatur mir-Re tal-Italja fl-1890.[10] Fil-politika huwa baqa' Liberali b'saħħtu tul ħajtu kollha; tul is-snin progressivament evolva għal qisu appoġġ favur il-monarkija.[11] Għalkemm ir-reputazzjoni tiegħu sserraħ primarjament fuq il-poeżija, huwa pproduċa wkoll għadd kbir ta' xogħlijiet ta' proża.[12] Tabilħaqq, fost ix-xogħlijiet ta' proża tiegħu hemm kritika letterarja, bijoigrafiji, diskorsi u saġġi, li jimlew xi 20 volum.[13] Carducci kien ukoll traduttur eċċellenti u ttraduċa xi xogħlijiet ta' Goethe u Heine bit-Taljan.
Il-Mużew tar-Risorgimento f'Bologna huwa ospitat f'Casa Carducci, id-dar fejn huwa miet meta kellu 71 sena, u fiha wirja dwar l-awtur. Bħala awtur tal-innu A Satana, huwa ddaħħal fit-33 u l-ogħla livell tar-Rit tal-Mażuni Skoċċiżi bħala membru fuq perjodu twil tal-Orjent il-Kbir tal-Italja li fejn jissemma bħala wieħed mill-iktar membri notevoli.[14]
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Carducci qerr dnubietu u rrikonċilja mal-Knisja Kattolika fl-1895.[15] Fil-11 ta' Settembru 1978, il-Papa Ġwanni Pawlu II semmieh bħala "mudell" għall-professuri universitarji u għall-għalliema tal-Latin.[16]
Xogħlijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Mhux dejjem faċli ssegwi l-iżvilupp tal-poeżiji ta' Carducci permezz tal-ġabriet li huwa wettaq l-editjar fuqhom. Il-poeta fil-fatt organizza l-kompożizzjonijiet tiegħu diversi drabi u b'modi differenti, u ta arranġament definittiv biss iktar 'il quddiem fl-edizzjoni tal-Opere tiegħu li ġiet ippubblikata għal Zanichelli bejn l-1889 u l-1909. Din li ġejja hija lista tax-xogħlijiet poetiċi ppubblikati f'volum wieħed, li mbagħad ġew arranġati mill-ġdid f'20 volum fl-Opere tiegħu:
- Rime, San Miniato, 1857.
- Levia Gravia, 1868.
- Poesie, Firenze, Barbera, 1871.
- Primavere elleniche, 1872.
- Nuove poesie, 1873.
- Odi barbare, 1877.
- Juvenilia, 1880.
- Levia Gravia, 1881.
- Giambi ed Epodi, 1882.
- Nuove odi barbare, 1882.
- Rime nuove, 1887.
- Terze odi barbare, 1889.
- Delle Odi barbare. Libri II ordinati e corretti, 1893.
- Rime e ritmi, 1899.
- Poesie. MDCCCL-MCM, 1901.
Hawn taħt hemm lista tal-volumi poetiċi tiegħu fl-Opere. Madankollu, il-volum ma jikkorrispondux mal-ordni kronoloġika tal-pubblikazzjoni tal-ewwel ġabriet tiegħu, iżda jirreferu iktar għad-distinzjonijiet tal-ġeneri u għaldaqstant hemm poeżiji tal-istess perjodu f'ġabriet differenti. Il-ġabriet li ġejjin isegwu din l-ordni:
- Juvenilia, f'sitt kotba, 1850-1860
- Levia Gravia, f'żewġ kotba, 1861-1871
- Inno a Satana, 1863
- Giambi ed Epodi, f'żewġ kotba, 1867-1879
- Intermezzo, 1874-1887
- Rime Nuove, f'disa' kotba, 1861-1887
- Odi barbare, f'żewġ kotba, 1873-1889
- Rime e Ritmi, 1889-1898
- Della Canzone di Legnano, Parti I, 1879
Juvenilia
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel ġabra ta' poeżiji liriċi, li Carducci ġabar u qasam f'sitt kotba bit-titlu Juvenilia (1850-1860), hija bla dubju ispirata mit-tradizzjoni klassika tal-grupp Amici pedanti li twaqqaf dak iż-żmien bl-għan li jikkuntrasta r-Romantiċiżmu tal-Fjorentini. Fil-versi tal-ġabra wieħed minnufih jista' jinduna l-imitazzjoni tiegħu tal-klassiċi tal-qedem, tal-istil magħruf bħala stilnovo, ta' Dante u Petrarka u, fost il-moderni, Vittorio Alfieri, Monti, Foscolo u Leopardi.
Iżda l-ispirtu ta' Carducci diġà jidher; l-imħabba tiegħu għas-sbuħija tal-istil, il-purità tas-sentimenti u ċ-ċelebrazzjoni tal-libertà, kif ukoll il-kapaċità li japprezza dak kollu li huwa ġenwin, u għaldaqstant anke il-lingwaġġ tan-nies komuni.[11][17]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Baldi, Giusso, Razetti, Zaccaria, Dal testo alla storia. Dalla storia al testo, Torino, 2001, vol. 3/1B, p. 778.
- ^ Giulio Ferroni, Profilo storico della letteratura italiana, Torino, 1992, p. 780.
- ^ "Giosuè Carducci | Italian poet". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-27.
- ^ Beatrice (2014-06-13). "Vita, opere e poetica di Giosuè Carducci" (bit-Taljan). Miġbur 2021-07-27.
- ^ Carducci, Giosuè. 5. Miġbur 2021-07-27.
- ^ Biagini, Mario, Giosuè Carducci, Mursia, 1976, p. 208.
- ^ Carducci, Giosuè. "Libertà Perpetua" (PDF).
- ^ Carducci, Giosuè, Selected Verse/ Giosuè Carducci: edited with a translation, introduction and commentary by David H. Higgins, (Aris & Phillips; Warminster, England), 1994.
- ^ Dismukes, William Paul (March 1940). "The Barbarian Odes of Giosuè Carducci by William Fletcher Smith". Italica. 17 (1): 29–30.
- ^ Scalia, Samuel Eugene (1937). Carducci. New York: S.F. Vanni.
- ^ a b Bickersteth, Geoffrey Langdale (1913). Carducci. Londra: Longmans, Green. p. 14.
- ^ Tomasin, Lorenzo (2007). "Classica e odierna". Studi sulla lingua di Carducci. Firenze: Olschki.
- ^ Selections from Carducci; Prose and Poetry with introduction, notes and vocabulary by A. Marinoni. New York: William R. Jenkins. 1913. vii–ix.
- ^ "Massoni celebri - Grande Oriente d'Italia - Sito Ufficiale". archive.is. 2015-10-01. Miġbur 2021-07-27.
- ^ "Inside the secret conversion of Italy's Christopher Hitchens" (bl-Ingliż). 2021-05-14. Miġbur 2021-07-27.
- ^ "Pope John Paul I praises Satanist Carducci". www.traditioninaction.org. Miġbur 2021-07-27.
- ^ G. Bertoni, La lingua poetica di Giosue Carducci, in Regia Università di Bologna, cit., pp. 91-95.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Giosuè Carducci (Giosuè Carducci) |