G-14

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-G-14 kienet organizzazzjoni Ewropea tal-klabbs tal-futbol. Fundata fis-sena 2000, din baqgħet teżisti biss sas-sena 2008.

Formazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-klabbs tal-G-14 kienu mxerrdin madwar seba' pajjiżi differenti, u bejniethom rebħu madwar 250 titlu tal-kampjonat nazzjonali. Tliet timijiet kienu ġejjin mill-aqwa diviżjoni tal-Italja, l-Ingilterra, Franza, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja ilkoll kellhom żewġ timijiet, waqt li l-Portugall tim wieħed. Minn 51 staġun tat-Tazza taċ-Ċampjins (aktar tard magħrufa bħala l-UEFA Champions League), 41 edizzjoni minnhom ġew mirbuħa minn membri ta' din l-għaqda.

Il-finali tal-UEFA Champions League 2003–04 kienet l-ewwel darba mill-1992 li f'din il-kompetizzjoni ltaqgħu żewġ finalisti li wieħed minnhom ma kienx membru tal-G-14. Dan il-konfront finali laqqa' lil Porto, membru ta' din l-organizzazzjoni, u lil AS Monaco li ma kienx. Fl-istorja ta' din il-kompetizzjoni kien hemm biss tliet okkażjonijiet fejn il-finali laqqet żewġ timijiet li ma kinux membri tal-G-14 (1970, 1979 u 1980).

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-G-14 ġiet fundata f'Settembru tas-sena 2000 minn fost l-aqwa erbatax-il klabb, u l-għan tagħha kien li tipprovdi vuċi waħda waqt negozjati mal-UEFA u l-FIFA. Membri ġodda setgħu jidħlu permezz ta' invit biss. F'Awwissu tal-2002, erba' klabbs oħra ngħaqdu, biex b'hekk tellgħu n-numru ta' klabbs fis-sħubija għal 18, minkejja li l-organizzazzjoni baqgħet iżżomm l-isem oriġinali.

L-aħħar president tal-grupp kien iċ-ċermen ta' Olympique Lyonnais Jean-Michel Aulas, li ħa post David Dein, li kien abdika wara sitt xhur ta' presidenza. Hu kien elett president fis-16 ta' Mejju 2007, wara li kien assigura minn taħt, qbil mall-klabbs membri dwar il-prinċipju ta' espansjoni tal-membri tal-G-14. Aulas ħabbar li l-intenzjoni tiegħu kienet li jistieden 16-il tim ieħor biex jingħaqad, fejn stqarr li hu ried li l-G14 "tespandi ġeografikament u tkun imsaħħha permezz ta' klabbs oħra."[1][2] F'Ottubru tal-2007, 22 klabb Ewropew kienu ġew mistiedna biex jipparteċipaw f'taħdidiet dwar l-espansjoni.[3]

Diverġenzi mal-FIFA[immodifika | immodifika s-sors]

F'April 2004, il-G-14 bdiet inkjesta preliminari għad-danni tal-FIFA, fejn din tal-aħħar tobbliga l-plejers tal-klabbs għall-parteċipazzjoni f'kompetizzjonijiet internazzjonali mingħajr ir-rikonoxximent ta' xi kumpens għad-danni jew għas-salarju. Għal dawn l-ilmenti esposti mill-federazzjoni, il-president tal-FIFA, Sepp Blatter, irrisponda billi rrifjuata li jiddiskuti dwar dawn il-ħwejjeġ ma' din l-organizzazzjoni.

Nhar il-5 ta' Settembru 2005, il-klabbs tal-G-14 iddeċiedu li jtellgħu lill-FIFA quddiem il-qorti wara episodju fejn kien koinvolt Abdelmajid Oulmers, fejn waqt logħba mat-tim nazzjonali Marokkin dan weġġa', u b'hekk wassal biex il-klabb Belġjan ta' Charleori jitlef il-preżenza ta' dan il-plejer għal tmien xhur.

Xoljiment[immodifika | immodifika s-sors]

L-organizzazzjoni ġie xolta nhar il-15 ta' Jannar 2008[4] u l-klabbs parteċipanti aċċettaw li jirrinunzjaw għal kwalunkwe azzjoni legali fil-konfront tal-FIFA u tal-UEFA wara qbil iffirma f'Żurigu biż-żewġ organiżmi tal-futbol internazzjonali. Il-FIFA u l-UEFA bdew jassumu impenji ġodda, fosthom il-finanzjament għall-parteċipazzjoni tal-plejers f'turnej ta' importanza kbira bħall-Kampjonati Ewropej u t-Tazza tad-Dinja. "Hi okkażjoni storika u żvolta kbira fil-futbol modern", iddikjara l-president tal-FIFA Joseph Blatter.

Fil-21 ta' Jannar 2008 f'Nyon twieldet il-European Club Association (ECA), l-Assoċjazzjoni ta' Klabbs Ewropej.[5] Fl-ECA, il-UEFA tirrikonoxxi l-kapaċità ta' rappreżentazzjoni tal-interessi tal-klabbs tal-futbol Ewropew. L-ECA tirikonoxxi l-UEFA bħala organu uniku ta' amministrazzjoni u tmexxija tal-futbol Ewropew u l-FIFA bħala organu ta' amministrazzjoni tal-futbol dinji.

Membri[immodifika | immodifika s-sors]

Membri fundaturi (2000)
Membri ġodda (2002)

Ara wkoll[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Esplin, Ronnie (2007-05-17). "New G-14 boss may swell lobby group to 32" (bl-Ingliż). ESPN Soccernet. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-10-18. Miġbur 2007-05-24.
  2. ^ "G14 looks set to expand" (bl-Ingliż). RTÉ Sport. 2007-05-16. Miġbur 2007-08-07.
  3. ^ "Celts get G14 slot but Gers snubbed" (bl-Ingliż). Evening Times. 2007-10-31. Miġbur 2007-10-31.
  4. ^ "Platini calls for disbandment of 'Elitist' G14" (bl-Ingliż). ESPN Soccernet. 2007-05-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-05-31. Miġbur 2007-05-29.
  5. ^ "G14 to disband after compromise" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2008-01-15. Miġbur 2008-01-15.