Gżira ta' Mozambique

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-Gżira ta' Mozambique mill-Forti ta' San Bastjan, bil-pont fl-isfond li jikkollega l-gżira mal-art kontinentali.

Il-Gżira ta' Mozambique (bil-Portugiż: Ilha de Moçambique) tinsab lejn it-Tramuntana tal-Mozambique, bejn il-Fliegu ta' Mozambique u l-Bajja ta' Mossuril, u tagħmel parti mill-Provinċja ta' Nampula. Qabel l-1898, il-gżira kienet il-belt kapitali kolonjali Portugiża tal-Lvant tal-Afrika. Bis-saħħa tal-istorja rikka u tal-bajjiet bir-ramel tagħha, il-Gżira ta' Mozambique tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u hija waħda mill-iżjed destinazzjonijiet turistiċi li qed jikbru malajr fil-Mozambique.[1] Għandha popolazzjoni permanenti ta' madwar 14,000 ruħ u hija moqdija mill-Ajruport ta' Lumbo fil-qrib fl-art kontinentali ta' Nampula. Isem il-pajjiż, il-Mozambique, oriġina minn isem il-gżira.[2]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Forti ta' San Bastjan.

Il-bċejjeċ tal-fuħħar li nstabu fil-Gżira ta' Mozambique jindikaw li l-belt ġiet stabbilita mhux iktar tard mis-seklu 14 W.K. Skont it-tradizzjoni, il-popolazzjoni Swahili oriġinali oriġinat minn Kilwa. Il-mexxejja tal-belt kellhom rabtiet mal-mexxejja kemm ta' Angoche kif ukoll ta' Quelimane sas-seklu 15 W.K. Fl-1514, Duarte Barbosa nnota li l-belt kellha popolazzjoni Musulmana li kienet titkellem l-istess djalett Swahili bħal dak ta' Angoche.[3]

Isem il-gżira (bil-Portugiż: Moçambique, pronunzjat [musɐ̃ˈbiki]) oriġina minn Ali Musa Mbiki (Mussa Bin Bique), is-sultan tal-gżira fi żmien Vasco da Gama. Dan l-isem sussegwentement intuża wkoll għall-pajjiż kontinentali tal-Mozambique modern, u l-gżira ngħatat l-isem ta' Ilha de Moçambique (Gżira ta' Mozambique). Il-Portugiżi stabbilew port u bażi navali fl-1507 u bnew il-Kappella ta' Nossa Senhora de Baluarte fl-1522, li issa titqies bħala l-eqdem binja Ewropea fl-Emisferu tan-Nofsinhar.

Matul is-seklu 16 inbena l-Forti ta' San Bastjan (bil-Portugiż: Fortaleza São Sebastião), u l-insedjament Portugiż (li sar magħruf bħala Stone Town) sar il-belt kapitali kolonjali Portugiża tal-Lvant tal-Afrika. Il-gżira saret ukoll ċentru missjunarju importanti. Irreżistiet l-attakki Olandiżi fl-1607 u fl-1608 u baqgħet punt strateġiku ewlieni tal-Portugiżi matul il-vjaġġi tagħhom lejn l-Indja, fejn kien isir il-kummerċ tal-iskjavi, tal-ħwawar u tad-deheb.

Apparti l-fortifikazzjonijiet tal-qedem, nofs il-belt biss kienet mibnija bil-ġebel. L-isptar, binja Neo-Klassika maestuża li nbniet fl-1877 mill-Portugiżi, bi ġnien imżejjen bl-għadajjar u bil-funtani, ġie miżbugħ bl-abjad wara l-Gwerra Ċivili tal-Mozambique. Għal bosta snin kien l-ikbar sptar fin-Nofsinhar tas-Saħara.[4]

Bil-ftuħ tal-Kanal ta' Suez, il-ġid tal-gżira batta. Fl-1898, il-belt kapitali ġiet ittrasferita lejn Lourenço Marques (issa Maputo) fuq l-art kontinentali. Sa nofs is-seklu 20, il-port il-ġdid ta' Nacala ħa l-biċċa l-kbira tal-kumplament tan-negozju.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gżira ta' Mozambique ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv); "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Attrazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Binjiet notevoli oħra fil-gżira jinkludu l-Palazz u l-Kappella ta' San Pawl, li nbnew fl-1640 bħala Kulleġġ tal-Ġiżwiti u ntużaw sussegwentement bħala r-Residenza tal-Gvernatur, u li issa ġew ikkonvertiti f'mużew; il-Mużew tal-Arti Sagra, ospitat fil-Knisja tal-Misericórdia, b'kurċifiss eċċellenti ta' Makonde; il-Knisja ta' Sant'Antnin; u l-Kappella ta' Nossa Senhora de Baluarte. Il-gżira, li issa ġiet urbanizzata għalkollox, fiha wkoll diversi moskej u tempju Induista. Pont ta' tliet kilometri nbena fis-snin 60 tas-seklu 20 biex jikkollega l-gżira mal-art kontinentali.

Il-gżira fiha nnifisha mhix kbira. Hija twila tliet kilometri u wiesgħa bejn 200 u 500 metru. L-iżjed binjiet storiċi jinsabu fit-tarf tat-Tramuntana tal-gżira. Il-maġġoranza tar-residenti jgħixu fi djar tal-qasab fir-raħal ta' Makuti fit-tarf tan-Nofsinhar tal-gżira.

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Iktar qari[immodifika | immodifika s-sors]

  • O.J.O. Ferreira, Ilha de Moçambique byna Hollands: Portuguese inbesitname, Nederlandse veroweringspogings en die opbloei en verval van Mosambiek-eiland. Gordonsbaai & Jeffreysbaai: Adamastor: 2010
  • Malyn Newitt, Mozambique Island: The Rise and Decline of an East African Coastal City, 1500–1700. An article from Portuguese Studies.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Island of Mozambique". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-17.
  2. ^ "Island of Mozambique | UNESCO World Heritage Site, Indian Ocean | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-17.
  3. ^ Newitt, Malyn. "Mozambique Island: The Rise and Decline of an East African Coastal City" 2004. p. 23.
  4. ^ Lagès, Patrick. "The Island of Mozambique" (PDF).