Għoljiet Sagri ta' Piemonte u ta' Lombardia

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Għolja Sagra ta' Domodossola

L-Għoljiet Sagri ta' Piemonte u ta' Lombardia (bit-Taljan: Sacri Monti del Piemonte e della Lombardia) huma sensiela ta' disa' kalvarji jew gruppi ta' kappelli u strutturi arkitettoniċi oħra li nħolqu fit-Tramuntana tal-Italja matul l-aħħar tas-seklu 16 u l-bidu tas-seklu 17. Dawn ġew iddedikati lil diversi aspetti tal-fidi Kristjana u jitqiesu bħala postijiet sbieħ, frott il-ħila li biha ġew integrati fil-pajsaġġ naturali ta' madwarhom, qalb l-għoljiet, il-foresti u l-lagi. L-Għoljiet Sagri fihom ukoll materjali artistiċi importanti, fosthom pitturi mal-ħajt u statwi. Fl-2003, disa' Għoljiet Sagri tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Mudell u karatteristiċi[immodifika | immodifika s-sors]

L-istatwi realistiċi tal-Għolja Sagra ta' Varallo

Il-mudell tal-għolja sagra jew tal-kalvarju tal-Kristjaneżmu jmur lura għall-aħħar tas-seklu 15, li matul il-Kontro-Riformazzjoni nfirex mill-Italja għall-bqija tal-Ewropa u tad-Dinja l-Ġdida. Għolja sagra jew kalvarju huma kumpless ta' devozzjoni fuq ix-xaqlibiet tal-għoljiet, b'sensiela ta' kappelli jew strutturi mimlija xeni mill-ħajja ta' Kristu, tal-Madonna jew tal-Qaddisin, bħala pitturi jew skulturi.

Bħala evokazzjoni mill-ġdid ta' Ġerusalemm il-Ġdida, l-Għoljiet Sagri kienu joffru opportunità lill-pellegrini biex iżuru l-postijiet sagri xorta waħda billi mill-inqas iżuru binjiet repliki fuq skala iżgħar fejn seħħet il-Passjoni ta' Kristu. L-Għoljiet Sagri normalment ikunu fl-għoli, 'il bogħod miċ-ċentru tal-bliet jew tal-irħula, f'ambjent iktar naturali. Is-soltu wieħed jasal għalihom billi jagħmel pellegrinaġġ. L-itinerarju li jwassal sa Għolja Sagra spiss jerġa' jevoka l-Passjoni ta' Kristu tul il-Via Dolorosa, it-triq li twassal minn Ġerusalemm sal-Kalvarju u li fiha Ġesù ġarr is-salib.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

L-Għolja Sagra ta' Varese

L-Għoljiet Sagri bdew ifeġġu bejn l-aħħar tas-seklu 15 u l-bidu tas-seklu 16, bl-idea li fl-Ewropa jinħolqu postijiet għat-talb li jservu bħala alternattivi għall-postijiet imqaddsa ta' Ġerusalemm u tal-Palestina, fejn l-aċċess għalihom min-naħa tal-pellegrini kulma jmur beda jsir iktar diffiċli minħabba ż-żieda rapida tal-kultura Musulmana. Il-qassisin minuri, kustodji tas-Sepolkru Mqaddes, għażlu tliet siti: Varallo f'Valsesia, li kien parti mid-Dukat ta' Milan, Montaione fit-Toskana, u Braga fit-Tramuntana tal-Portugall; fejn bnew "Ġerusalemm Ġdida", skont ħsieb u topografija simili għall-oriġinal. Xi ftit snin wara, b'mod partikolari wara l-Konċilju ta' Trento tal-1545-1563, dan il-mudell ta' devozzjoni, speċjalment dak ta' Varallo, iddisinjat għall-ħabta tal-1480, intuża għal raġunijiet oħra, b'mod partikolari f'dawk id-djoċesi li kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kurja ta' Milan. Din id-darba kien importanti li tiġi miġġielda l-influwenza tar-Riforma tal-Protestantiżmu, favur il-ħolqien ta' Għoljiet Sagri oħra bħala espressjoni konkreta ta' devozzjoni u bħala tarka kontra dawk li kienu jkattru l-ereżiji. Dawn ġew iddedikati mhux biss lil Kristu, iżda anke lill-Madonna, lill-Qaddisin, lit-Trinità Mqaddsa u lir-Rużarju.[2]

Il-faċċata tas-santwarju ta' Crea

Dan il-proġett ideali, imsarraf f'normi speċifiċi għat-tipoloġiji u għall-istili differenti tal-arkitettura, ġie appoġġat ferm minn Carlo Borromeo, l-isqof ta' Milan. F'moħħu kellu l-ideat li feġġew mill-Konċilju ta' Trento, u b'hekk ried ikompli bil-kostruzzjoni tal-Għolja Sagra ta' Varallo qabel ma jagħti bidu għax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni fuq l-Għoljiet Sagri l-oħra. Din il-fażi baqgħet sejra tul is-seklu 17 kollu, saħansitra sa nofs is-seklu 18. Wara l-Għolja Sagra ta' Varallo nbnew l-Għoljiet Sagri ta' Crea, ta' Orta, ta' Varese, ta' Oropa, ta' Ossuccio, ta' Ghiffa, ta' Domodossola u ta' Valperga. Inizjalment il-kostruzzjoni tal-Għoljiet Sagri bdiet issegwi regoli speċifiċi iżda mbagħad żviluppaw b'aspetti artistiċi u arkitettoniċi differenti. Għoljiet Sagri oħra ġew iddisinjati u nbnew matul is-seklu 18 kollu, iżda ħafna minnhom kienu jirrappreżentaw eżempji differenti għalkollox, mingħajr skopijiet reliġjużi u mingħajr l-elementi arkitettoniċi u artistiċi li jikkaratterizzaw l-Għoljiet Sagri tas-sekli 16 u 17.[3]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

L-Għoljiet Sagri ta' Piemonte u ta' Lombardia ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Għoljiet Sagri[immodifika | immodifika s-sors]

L-Għolja Sagra tar-Rużarju, Varese

Id-disa' Għoljiet Sagri li jagħmlu parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huma:

  1. L-Għolja Sagra ta' Ġerusalemm il-Ġdida ta' Varallo Sesia (1486), Varallo Sesia, fil-provinċja ta' Vercelli
  2. L-Għolja Sagra ta' Santa Marija Assunta, Serralunga di Crea (1589), fil-provinċja ta' Alessandria
  3. L-Għolja Sagra ta' San Franġisk, Orta San Giulio (1590), fil-provinċja ta' Novara
  4. L-Għolja Sagra tar-Rużarju, Varese (1598)
  5. L-Għolja Sagra tal-Verġni Mqaddsa, Oropa (1617), fil-provinċja ta' Biella
  6. L-Għolja Sagra tal-Verġni Mqaddsa tal-Għajnuna, Ossuccio (1635), fil-provinċja ta' Como
  7. L-Għolja Sagra tat-Trinità Mqaddsa, Ghiffa (1591), fil-provinċja ta' Verbano-Cusio-Ossola
  8. L-Għolja Sagra ta' Domodossola (1657), Domodossola, fil-provinċja ta' Verbano-Cusio-Ossola
  9. L-Għolja Sagra ta' Belmonte, Valperga (1712), fil-Belt Metropolitana ta' Torino.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Sacri Monti of Piedmont and Lombardy". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-07.
  2. ^ Alyson L. Greiner, Giuseppe Dematteis e Carla Lanza, Geografia umana. Un approccio visuale, seconda edizione, p. 153, ISBN 978-88-6008-447-7.
  3. ^ "Evalwazzjoni UNESCO" (PDF).