Għar ta' Altamira

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Pittura ta' Biżont fl-Għar ta' Altamira

L-Għar ta' Altamira (/ˌæltəˈmɪərə/; bl-Ispanjol: Cueva de Altamira [ˈkweβa ðe altaˈmiɾa]) huwa għar li jinsab qrib ir-raħal storiku ta' Santillana del Mar f'Cantabria, Spanja. Huwa rinomat għall-arti preistorika mal-ħitan tiegħu bi tpinġijiet bil-karbonju u pitturi polikromatiċi ta' fawna lokali kontemporanja u idejn umani. L-iktar pitturi bikrin saru matul il-Paleolitiku Superjuri, madwar 36,000 sena ilu.[1] Is-sit ġie skopert fl-1868 minn Modesto Cubillas u sussegwentement ġie studjat minn Marcelino Sanz de Sautuola.[2]

Minbarra li tispikka l-kwalità tal-arti polikromatika tiegħu, l-Għar ta' Altamira sar famuż minħabba l-fatt li l-pitturi tiegħu kienu l-ewwel pitturi tal-għerien Ewropej li ġew promossi bħala ta' oriġini preistorika. Sautuola ppubblika r-riċerka tiegħu bl-appoġġ ta' Juan de Vilanova y Piera fl-1880.

Madankollu, il-pubblikazzjoni tar-riċerka ta' Sanz de Sautuola malajr wasslet għal kontroversja pubblika qalila fost l-esperti, u wħud minnhom irrifjutaw l-oriġini preistorika tal-pitturi abbażi tal-idea li l-bnedmin preistoriċi ma kellhomx biżżejjed ħila għal ħsieb astratt. Il-kontroversja baqgħet għaddejja sal-1902, meta bdew ifeġġu u jakkumulaw rapporti ta' sejbiet simili ta' pitturi preistoriċi fir-reġjun Franko-Cantabrian u l-evidenza ma setgħet tibqa' tiġi rrifjutata.[3]

L-Għar ta' Altamira jinsab fir-reġjun Franko-Cantabrian u fl-1985 ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4] L-għar oriġinali ma jistax jiġi viżitat iktar, minħabba raġunijiet ta' konservazzjoni, għajr permezz ta' lotterija bix-xorti fejn jittellgħu l-ismijiet, jitpoġġew f'lista ta' stennija, u ħames persuni fil-ġimgħa lebsin ilbies apposta jingħataw żjara turistika ta' 37 minuta fl-għar oriġinali.[5] Barra minn hekk, jeżistu repliki ta' sezzjoni tas-sit li huma miftuħin ukoll għall-pubbliku.

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Stampa tas-Sala Polikromatika tal-Għar ta' Altamira, ippubblikata minn M. Sanz de Sautuola fl-1880

L-għar huwa bejn wieħed u ieħor twil 1,000 metru[6] u jikkonsisti minn sensiela ta' passaġġi u kompartimenti. Il-passaġġ prinċipali jvarja minn għoli ta' żewġ metri sa sitt metri. L-għar ġie ffurmat permezz ta' diversi episodji ta' kkrollar wara li kienu seħħew fenomeni karstiċi bikrin fil-blat tal-ġir tal-Muntanja Vispieres.

Minn skavi arkeoloġiċi fl-art tal-għar instabu depożiti rikki ta' artefatti mill-Era Solutreana Superjuri (għall-ħabta ta' 18,500 sena ilu) u mill-Era Magdalenjana Inferjuri (bejn 16,590 u 14,000 sena ilu). Iż-żewġ perjodi huma parti miż-Żmien Paleolitiku jew Żmien il-Ħaġar. Fiż-żewġ millenji bejn dawn iż-żewġ perjodi fejn l-għar kien okkupat, huwa ċar mill-evidenza li nstabet li l-għar kien abitat biss minn annimali selvaġġi.

L-okkupanti umani tas-sit kienu ppożizzjonati tajjeb biex jieħdu vantaġġ mill-bosta organiżmi selvaġġi tal-madwar li kienu jirgħu fil-widien madwar il-muntanji kif ukoll l-organiżmi tal-baħar li kienu jgħixu fiż-żoni kostali fil-qrib. Madwar 13,000 sena ilu seħħ ċediment ta' blat li ssiġilla d-daħla tal-għar, u ppreserva l-kontenuti tiegħu sal-iskoperta eventwali, li seħħet wara li siġra viċin l-għar waqgħet u ddisturbat il-blat li kien waqa' fl-imgħoddi.

L-okkupazzjoni umana kienet limitata għad-daħla tal-għar, għalkemm inħolqu pitturi fit-tul kollu tal-għar. L-artisti tal-qedem użaw il-karbonju u l-okra jew l-ematite biex joħolqu l-immaġnijiet, u spiss kienu jiddilwixxu dawn il-pigmenti biex jipproduċu varjazzjonijiet fl-intensità u joħolqu l-impressjoni ta' chiaroscuro. Huma kienu jisfruttaw ukoll il-kontorni naturali tal-ħitan tal-għar biex lis-suġġetti tagħhom jagħtuhom effett tridimensjonali. Is-Saqaf Polikromatiku huwa l-iktar karatteristika impressjonanti tal-għar, fejn ġiet impittra merħla ta' biżonti estinti tal-isteppa (Bison priscus) f'pożi differenti, żewġ żwiemel, ċerva femminili kbira, u possibbilment ċingjal jew ħanżir selvaġġ.[7]

Dawn il-pitturi ġew datati li saru matul l-okkupazzjoni Magdalenjana u jinkludu għamliet astratti flimkien ma' suġġetti ta' annimali. Il-pitturi li saru matul l-okkupazzjoni Solutreana jinkludu l-immaġnijiet ta' żwiemel u mogħoż, kif ukoll marki tal-idejn li nħolqu meta l-artisti poġġew idejhom mal-ħajt tal-għar u nefħu xi pigment fuqhom bejn iħallu immaġni "negattiva". Diversi għerien oħra fit-Tramuntana ta' Spanja fihom arti Paleolitika, iżda l-ebda għar mhu daqstant kumpless jew miżgħud pitturi daqs dak ta' Altamira.

Skoperta, skavi, xettiċiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Biżont fuq is-saqaf tal-għar, flimkien ma' diversi annimali oħra.

Fl-1879, l-arkeologu dilettant Marcelino Sanz de Sautuola wasal biex skopra t-tpinġijiet tal-Għar ta' Altamira bis-saħħa ta' bintu María li kellha tmien snin.[8] L-għar ġie skavat minn Sautuola u l-arkeologu Juan Vilanova y Piera mill-Università ta' Madrid, u dan irriżulta f'pubblikazzjoni famuża ferm fl-1880 li interpretat li l-pitturi oriġinaw fiż-Żmien Paleolitiku. L-ispeċjalisti Franċiżi, immexxija minn Gabriel de Mortillet u Émile Cartailhac, kienu partikolarment sodi fil-pożizzjoni tagħhom li jirrifjutaw l-ipoteżi ta' Sautuola u Piera, tant li s-sejbiet tagħhom ġew irridikolati sfaċċatament fil-Kungress Preistoriku tal-1880 li sar f'Lisbona.

Minħabba l-kwalità artistika għolja, u l-istat eċċezzjonali ta' konservazzjoni tal-pitturi, Sautuola ġie akkużat ta' falsifikazzjoni, peress li ma kienx kapaċi jwieġeb għaliex ma kienx hemm marki ta' nugrufun (duħħan) mal-ħitan u mas-saqaf tal-għar. Persuna oħra sostniet li l-pitturi kienu ġew prodotti minn artist kontemporanju fuq ordnijiet ta' Sautuola. Iktar 'il quddiem, Sautuola skopra li l-artisti setgħu kienu użaw ix-xaħam tal-mudullun bħala żejt għal-lampi, li jipproduċi ferm inqas nugrufun minn materjali kombustibbli oħra.

Sal-1902, diversi sejbiet oħra ta' pitturi preistoriċi wasslu biex l-ipoteżi li l-pitturi tal-Għar ta' Altamira kienu tal-qedem tkun iktar kredibbli, u s-soċjetà xjentifika rtirat l-oppożizzjoni tagħha fir-rigward tal-ipoteżi tal-Ispanjoli. Dik is-sena, Cartailhac enfatikament ammetta li kien żbalja fl-artiklu famuż, "Mea culpa d'un sceptique", ippubblikat fil-ġurnal L'Anthropologie. Sautuola kien laħaq miet 14-il sena qabel din l-ammissjoni.

Cartailhac kiteb ukoll żewġ kotba dwar l-għar, bl-assistenza ta' Henri Breuil li rriproduċa l-pitturi bi tpinġijiet bl-idejn. Breuil kien qassis Kattoliku u disinjatur kompetenti, u r-rabta tiegħu mal-għar ġiet diskussa fid-dettall fl-ewwel kapitlu tal-ktieb ta' G. K. Chesterton, The Everlasting Man.

Iktar skavi fl-għar saru minn Hermilio Alcalde del Río bejn l-1902 u l-1904, mill-Ġermaniż Hugo Obermaier bejn l-1924 u l-1925, u finalment minn Joaquín González Echegaray fl-1968.

Datar u perjodizzazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Assoċjazzjoni tal-annimali fl-Għar ta' Altamira, ta' Leroi-Gourhan.

Ma hemm l-ebda qbil xjentifiku la dwar id-datar tal-artefatti arkeoloġiċi li nstabu fl-għar, u lanqas dwar id-datar tat-tpinġijiet u tal-pitturi. Fil-fatt, ix-xjenzati għadhom qed jevalwaw l-età tal-arti tal-Għar ta' Altamira.

Fl-2008, xi riċerkaturi li użaw id-datar bl-uranju u bit-torju sabu li l-pitturi tlestew f'perjodu ta' mhux iktar minn 20,000 sena u mhux f'perjodu qasir.[9]

Studju li sar wara u li ġie ppubblikat fl-2012 ibbaża fuq data miksuba minn riċerka ulterjuri bid-datar bl-uranju u bit-torju, u wassal għad-datar ta' xi pitturi f'diversi għerien fit-Tramuntana ta' Spanja, fosthom xi marki b'għamla ta' serratura fis-Sala l-Kbira tal-Għar ta' Altamira. L-eqdem marka li nstabet, "simbolu aħmar kbira b'għamla ta' serratura tas-Sala tat-Techo de los Polícromos", ġiet datata għal 36.16±0.61 ka (korretta), jiġifieri xorta waħda sew fiż-Żmien ta' Aurignac. Il-kontorn ta' żiemel aħmar bit-tikek, li wkoll jinsab fis-Sala tat-Techo de los Polícromos, ġie datat għal 22.11±0.13 ka (il-bidu tal-Era Solutreana), u b'hekk ġie stabbilit li l-pitturi saru matul perjodu ta' iktar minn 10,000 sena.[1]

Viżitaturi u repliki[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-replika tal-Għar ta' Altamira

Matul is-snin 70 tas-seklu 20 u l-ewwel deċennju tat-tieni millenju, il-pitturi kienu qed iġarrbu ħsarat mid-diossidu tal-karbonju u mill-fwar tan-nifs tal-għadd kbir ta' viżitaturi. L-Għar ta' Altamira ngħalaq għalkollox għall-pubbliku fl-1977, u reġa' nfetaħ b'aċċess limitat fl-1982. Ftit viżitaturi kienu jitħallew jidħlu kuljum, tant li l-lista ta' stennija ġieli kienet tammonta għal tliet snin. Wara li tfaċċat moffa ħadra fuq uħud mill-pitturi tal-għar fl-2002, l-Għar ta' Altamira ngħalaq għall-aċċess pubbliku.[10]

Fil-qrib inbnew replika tal-għar u mużew u dawn tlestew fl-2001 minn Manuel Franquelo u Sven Nebel, li rriproduċew sezzjoni tal-għar bl-arti kollha ta' dik is-sezzjoni. Ir-replika tippermetti veduta iktar komda tal-pitturi polikromatiċi tas-sala prinċipali tal-għar, kif ukoll selezzjoni ta' opri minuri. Tinkludi wkoll xi skulturi ta' wċuħ umani li mhumiex viżitabbli fl-għar oriġinali.[11]

Flimkien mal-Mużew Nazzjonali u ċ-Ċentru tar-Riċerka biswit l-għar oriġinali u r-replika, hemm riproduzzjonijiet fil-Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Spanja f'Madrid, fid-Deutsches Museum f'Munich (tlestiet fl-1964), il-Ġermanja, u fil-Ġappun (tlestiet fl-1993).

Fl-2010 kien hemm pjanijiet biex l-aċċess għall-għar jerġa' jkun possibbli lejn l-aħħar tas-sena.[12] Madankollu, f'Diċembru 2010, il-Ministeru Spanjol għall-Kultura ddeċieda li l-għar oriġinali kien se jibqa' magħluq għall-pubbliku ġenerali. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-parir ta' grupp ta' esperti li kienu sabu li l-kundizzjonijiet ta' konservazzjoni ġol-għar kienu saru ferm iktar stabbli minn mindu l-għar ingħalaq għall-pubbliku ġenerali.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

L-Għar ta' Altamira ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985. Fl-2008, is-sit ġie estiż biex jinkludi wkoll 17-il għar oħra b'arti Paleolitika fi tliet komunitajiet awtonomi fit-Tramuntana ta' Spanja: Asturias, Cantabria u l-Pajjiż Bask.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[4]

Impatt kulturali[immodifika | immodifika s-sors]

Interpretazzjoni moderna ta' biżont tal-Għar ta' Altamira

Uħud mill-pitturi polikromatiċi tal-Għar ta' Altamira huma magħrufa sew fil-kultura popolari Spanjola. Il-logo li juża l-gvern awtonomu ta' Cantabria biex jippromwovi t-turiżmu fir-reġjun huwa bbażat fuq wieħed mill-biżonti mpittra f'dan l-għar. Bisonte ("biżont" bl-Ispanjol), ditta tas-sigaretti Spanjola tas-seklu 20, kienet tuża wkoll figura stilizzata ta' biżont Paleolitiku fil-logo tagħha.

Is-sensiela komika Spanjola Altamiro de la Cueva, li nħolqot fl-1965, huma konsegwenza tal-fama tal-Għar ta' Altamira. Is-sensiela komika tinvolvi l-avventuri ta' grupp ta' abitanti preistoriċi tal-għerien, murija bħala nies moderni, iżda lebsin bi bċejjeċ tal-pil tal-annimali, xi ftit jew wisq bħall-Flintstones.

Il-kanzunetta "The Caves of Altamira" ġiet inkluża fl-album diskografiku tal-1976, The Royal Scam, tal-grupp mużikali jazz-rock Steely Dan, li iktar 'il quddiem ġiet kantata mill-grupp mużikali soul Perri.

Il-linja moderna ta' pożati ta' nofs is-seklu 20, Primitive, iddisinjata minn Viktor Schreckengost għall-kumpanija Amerikana tal-prodotti tal-fuħħar, Salem China, kienet ibbażata fuq figuri stilizzati ta' biżonti, ċriev u kaċċaturi tal-Għar ta' Altamira.

Il-kanzunetta "Cuevas de Altamira" ġiet inkluża fl-album diskografiku tal-1978 Cuevas de Altamira tal-grupp mużikali rock-folk progressiv u sinfoniku, Ibio, minn Cantabria.

L-immaġni ikonika tal-biżont intużat għall-qoxra tal-kollezzjoni ta' poeżiji Songs for the Devil and Death tal-awtur Skoċċiż Hal Duncan.

Il-protagonista fil-film ta' Satyajit Ray, Agantuk, kien ispirat mill-pittura tal-biżont lest biex jattakka.

Fl-2007, l-Għar ta' Altamira ntgħażel bħala wieħed mit-12-il Teżor ta' Spanja, kompetizzjoni li saret mix-xandara Antena 3 u COPE.[13]

Fl-2016, ir-reġista Brittaniku Hugh Hudson ħareġ il-film Altamira (intitolat Finding Altamira ’l barra minn Spanja) dwar l-iskoperta tal-għerien. Fih jaħdem bħala protagonista Antonio Banderas u l-mużika tal-film saret minn Mark Knopfler li nħarġet fl-album Altamira.[14]

Ara wkoll[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b A. W. G. Pike et al., "U-Series Dating of Paleolithic Art in 11 Caves in Spain", Science 336, 1409 (2012)
  2. ^ Museo Nacional y Centro de Investigación de Altamira. "Discovery of Altamira".
  3. ^ CNN, Simon Busch. "Prehistoric paintings in Spain's Altamira cave revealed to a lucky few". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-12.
  4. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "Cave of Altamira and Paleolithic Cave Art of Northern Spain". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-12.
  5. ^ "The Cave, Replica & Museum of Altamira, Spain | Archaeology Travel" (bl-Ingliż). 2014-02-26. Miġbur 2021-10-12.
  6. ^ Ian Chilvers, ed. (2004). "Altamira". The Concise Oxford Dictionary of Art (3rd ed.). [Oxford]: Oxford University Press. p. 18. ISBN 0-19-860476-9.
  7. ^ Verkaar, E. L. C. (19 March 2004). "Maternal and Paternal Lineages in Cross-Breeding Bovine Species. Has Wisent a Hybrid Origin?". Molecular Biology and Evolution. 21 (7): 1165–1170.
  8. ^ Jones, Benjamin (2001-11-04). "Travel Advisory; A Modern Copy Of Ancient Masters" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-12.
  9. ^ "Prehistoric cave paintings took up to 20,000 years to complete - Telegraph". web.archive.org. 2014-10-18. Miġbur 2021-10-12.
  10. ^ "Altamira cave paintings to be opened to the public once again". the Guardian (bl-Ingliż). 2014-02-26. Miġbur 2021-10-12.
  11. ^ Jones, Benjamin (2001-11-04). "Travel Advisory; A Modern Copy Of Ancient Masters" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-12.
  12. ^ "Spain to reopen access to prehistoric cave paintings < Spanish news | Expatica Spain". web.archive.org. 2011-09-17. Miġbur 2021-10-12.
  13. ^ "Los 12 Tesoros de España, resultados definitivos" (bl-Ispanjol). 2007-12-31. Miġbur 2021-10-12.
  14. ^ "Film Music Site - Altamira Soundtrack". www.filmmusicsite.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-12.