Aqbeż għall-kontentut

Lascaux

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Tpittir mal-ħitan ta' Lascaux

Lascaux ([ɡʁɔt də lasko]; bil-Franċiż magħrufa wkoll bħala Grotte de Lascaux, jiġifieri l-Għar ta' Lascaux)[1] huwa network ta' għerien ħdejn il-villaġġ ta' Montignac, fid-dipartiment ta' Dordogne fil-Lbiċ ta' Franza. Iżjed minn 600 pittura ġew impittra mal-ħitan interni u s-saqaf tal-għar. It-tpittir jirrappreżenta primarjament annimali kbar, tipikament fawna kontemporanja lokali li tikkorrispondi mal-fossili ddokumentati fiż-żona mill-aħħar tal-era Paleolitika. Dawn huma frott l-isforz konġunt ta' ħafna ġenerazzjonijiet u, b'dibattitu kontinwu, issa huwa stmat li t-tpittir sar madwar 17,000 sena ilu (fil-bidu tal-era Magdalenjana).[2][3][4] Lascaux tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979, bħala element ewlieni tas-Siti Preistoriċi u l-Għerien Iddekorati tal-Wied ta' Vézère.[5]

L-għerien oriġinali ngħalqu għall-pubbliku mill-1963, peress li l-kundizzjoni tagħhom bdiet sejra għall-agħar, iżda issa hemm diversi repliki li wieħed jista' jżur minflok.

Storja mill-iskoperta mill-ġdid

[immodifika | immodifika s-sors]
Daħla moderna għall-Għar ta' Lascaux oriġinali

Fit-12 ta' Settembru 1940, id-daħla tal-Għar ta' Lascaux ġiet skoperta mill-ġuvni ta' 18-il sena Marcel Ravidat meta l-kelb tiegħu, Robot, waqa' f'ħofra. Ravidat reġa' mar fil-post flimkien ma' tlieta minn sħabu, Jacques Marsal, Georges Agnel, u Simon Coencas. Huma daħlu fl-għar minn xaft fond 15-il metru li huma kienu jemmnu li seta' kien passaġġ leġġendarju sigriet li jwassal għall-Villa ta' Lascaux fil-qrib.[6][7][8] Iż-żgħażagħ skoprew li l-ħitan tal-għar kienu miksijin pitturi ta' annimali.[9][10] Il-galleriji li jissuġġerixxu li hemm xi tip ta' kontinwità, kuntest jew sempliċement jirrappreżentaw kompartiment fl-għar ingħataw ismijiet differenti. Fosthom insibu s-Sala l-Kbira tal-Barrin, il-Passaġġ, ix-Xaft, in-Navata, l-Apsida, u l-Kamra tal-Felini. Huma rritornaw flimkien ma' Abbé Henri Breuil fil-21 ta' Settembru 1940; Breuil għamel bosta skizzi tal-għar, u wħud minnhom illum il-ġurnata jintużaw bħala materjal ta' studju minħabba d-degradazzjoni estrema ta' ħafna mill-pitturi. Breuil kien akkumpanjat minn Denis Peyrony, kuratur tal-Mużew tal-Preistorja ta' Les Eyzies, Jean Bouyssonie u Dr. Cheynier.

Il-kumpless tal-għar infetaħ għall-pubbliku fl-14 ta' Lulju 1948, u l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi inizjali bdew sena wara, u ffukaw fuq ix-Xaft. Sal-1955, id-diossidu tal-karbonju, is-sħana, l-umdità, u kontaminanti oħra prodotti mill-1,200 viżitatur li kienu jżuru s-sit kuljum kienu viżibbilment ikkawżaw ħsara lill-pitturi. Minħabba l-kundizzjoni tal-arja marret għall-agħar, kulma jmur diversi fungi u likeni infestaw il-ħitan. B'konsegwenza ta' dan, l-għar ingħalaq għall-pubbliku fl-1963, il-pitturi ġew restawrati għall-istat oriġinali tagħhom, u ġiet introdotta sistema ta' monitoraġġ ta' kuljum.

Parti minn Lascaux IV

Minħabba l-problemi ta' konservazzjoni fl-għar oriġinali, kien sar ferm importanti li jinħolqu repliki.

Lascaux II, kopja eżatta tas-Sala l-Kbira tal-Barrin u tal-Gallerija Mpittra ntweriet fil-Grand Palais f'Pariġi, qabel ma ntweriet mill-1983 qrib l-għar oriġinali (madwar 200 metru jew 660 pied 'il bogħod). Dan kien kompromess u tentattiv sabiex tiġi ppreżentata impressjoni tal-iskala u tal-kompożizzjoni tal-pitturi għall-pubbliku mingħajr ma ssir ħsara lill-pitturi oriġinali.[6][10] Firxa sħiħa tal-arti tal-ħitan ta' Lascaux hija ppreżentata ftit kilometri mis-sit fiċ-Ċentru tal-Arti Preistorika, Le Parc du Thot, fejn jiġu rrappreżentati wkoll repliki tridimensjonali b'daqs reali ta' annimali mill-fawna tal-Era Glaċjali.[11]

Il-pitturi għal dan is-sit ġew replikati bl-istess tip ta' materjali bħall-ossidu tal-ħadid, il-karbonju u l-okra li x'aktarx kienu jintużaw 19,000 sena ilu.[8][12][13][14] Matul is-snin ġew prodotti repliki oħrajn tal-Għar ta' Lascaux.

Lascaux III hija serje ta' ħames riproduzzjonijiet eżatti tal-arti tal-għar (in-Navata u x-Xaft) li, mill-2012, ivvjaġġaw madwar id-dinja u b'hekk l-għarfien dwar Lascaux ġie kondiviż ferm 'il bogħod mill-għar oriġinali.

Lascaux IV is a new copy of all the painted areas of the cave that forms part of the International Centre for Parietal Art (Centre International de l'Art Pariétal). Since December 2016 this larger and more accurate replica which integrates digital technology into the display is presented in a new museum built by Snøhetta inside the hill overlooking Montignac.[15][16]

Bċejjeċ tal-fuħħar u ritratti stampati

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-bċejjeċ tal-fuħħar Franċiżi mir-reġjun – iddekorati b'immaġnijiet tal-pitturi ta' Lascaux – fl-imgħoddi kienu jiġu prodotti u mibjugħa b'abbundanza fi ħdan ir-reġjuni tal-madwar bħala oġġetti tal-arti u tifkiriet. Issa sar diffiċli ssib bħalhom minħabba li l-immaġnijiet issa għandhom il-jeddijiet tal-awtur. Ritratti stampati tal-immaġnijiet huma disponibbli biss għax-xiri mill-ħanut tal-mużew ta' Lascaux.

Riproduzzjoni tal-arti ta' Lascaux f'Lascaux II

Fil-kompożizzjoni sedimentarja tiegħu, il-baċir tad-drenaġġ tax-xmara Vézère jkopri kwart mid-dipartiment ta' Dordogne, l-iktar reġjun fit-Tramuntana tal-Périgord Iswed. Qabel ma tingħaqad max-xmara Dordogne ħdejn Limeuil, il-fluss tax-xmara Vézère jaqbad direzzjoni lejn il-Lbiċ. Fil-punt ċentrali tagħha, il-fluss tax-xmara fih serje ta' lilwiet qalb irdumijiet għoljin tal-ġebla tal-ġir li jiddeterminaw il-pajsaġġ. Iktar 'il fuq minn dan il-punt wieqaf bil-lilwiet, ħdejn Montignac u qrib Lascaux, is-superfiċe tal-art ma tibqax daqshekk wieqfa; il-baċir tal-wied jitwessa', u x-xtut tax-xmara ma jibqgħux weqfin.

Il-wied ta' Lascaux jinsab ftit 'il bogħod mill-konċentrazzjonijiet prinċipali ta' għerien iddekorati u ta' siti abitati, li l-biċċa l-kbira minnhom ġew skoperti iktar 'l isfel.[17] Madwar il-villaġġ ta' Eyzies-de-Tayac Sireuil, hemm saħansitra 37 għar u postijiet kennija ddekorati, kif ukoll għadd ikbar ta' siti li kienu abitati fl-aħħar tal-Paleolitiku, li jinsabu fil-beraħ, iżda għall-kenn ta' xi rdum, jew fid-daħla ta' wieħed mill-għerien karstiċi taż-żona. Din hija l-ikbar konċentrazzjoni fl-Ewropa.

Pitturi u immaġnijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Megaloċeru u linja ta' tikek

L-għar fih kważi 6,000 immaġni, li jistgħu jiġu raggruppati fi tliet kategoriji prinċipali: annimali, bnedmin, u sinjali astratti. Il-pitturi ma fihom l-ebda immaġni tal-pajsaġġ tal-madwar jew tal-veġetazzjoni ta' dak iż-żmien.[17] Il-biċċa l-kbira tal-immaġnijiet ġew impittra fuq il-ħitan b'kuluri ħomor, sofor u suwed minn għadd kumpless ta' pigmenti minerali,[18][19] fosthom komposti tal-ħadid bħall-ossidu tal-ħadid (okra)[20], l-ematit, u l-goetit[21], kif ukoll pigmenti li fihom il-manganiż. Jaf intuża wkoll il-karbonju iżda mhux ħafna.[22] Fuq uħud mill-ħitan tal-għar, il-kulur jaf ġie applikat bħala sospensjoni ta' pigment fix-xaħam ta' annimal jew inkella fit-tafal jew fl-ilma tal-pjan rikk bil-kalċju tal-għar, u b'hekk iż-żebgħa li kienet tiġi prodotta kienet tiġi assorbita f'xi ċarruta u applikata jew imċappsa mal-ħitan, u mhux applikata b'pinzell. F'żoni oħra, il-kulur kien jiġi applikat bl-isprejjar tal-pigmenti bl-infiħ tat-taħlita minn ġo tubu, bħal pereżempju xi għadma jew il-bażi ta' rixa. Fejn is-superfiċe tal-blat hija iktar ratba, xi disinni ġew inċiżi fil-blat. Bosta immaġnijiet bilkemm għadhom jintgħarfu għax iċċaraw wisq, u oħrajn iddeterjoraw għalkollox.[21]

Iktar minn 900 jistgħu jiġu identifikati bħala annimali, u 605 minnhom ġew identifikati bi preċiżjoni. Minn dawn l-immaġnijiet, hemm 364 pittura ta' ekwini kif ukoll 90 pittura ta' ċriev maskili. Hemm ukoll bhejjem tal-ifrat u biżonti, li jirrappreżentaw bejn 4 sa 5 % tal-immaġnijiet. Barra minn hekk, hemm immaġnijiet oħra, fosthom ta' seba' felini, ta' għasfur, ta' ors, ta' rinoċeronte, u ta' bniedem. Ma hemm kważi l-ebda immaġni ta' renni, minkejja li kienu s-sors ewlieni ta' ikel għall-artisti.[23] Fuq il-ħitan instabu wkoll immaġnijiet ġeometriċi.

L-iżjed sezzjoni famuża tal-għar hija s-Sala l-Kbira tal-Barrin, fejn ġew impittra barrin, ekwini, speċi ta' gendus estint (Bos primigenius), ċriev maskili u l-uniku ors tal-għar. L-erba' barrin suwed, jew speċi ta' gniedes estinti, huma l-pittura dominanti fost is-36 annimali rrappreżentati fis-sala. Wieħed mill-barrin huwa twil 5.2 metri u huwa l-ikbar annimal impitter fl-għerien sa issa. Barra minn hekk, il-barrin jidhru qishom qed mexjin.[23]

Pittura msejħa l-"Biżonti Kontra ta' Xulxin", li tinstab fil-kompartiment tal-għar imsejjaħ in-Navata, spiss titqies bħala eżempju tal-ħila tal-pitturi Paleolitiċi tal-għerien. Is-saqajn ta' wara tal-biżonti kontra ta' xulxin joħolqu l-illużjoni li sieq hija eqreb mill-oħra. Dan id-dettall viżiv fix-xena juri forma primittiva ta' perspettiva li kienet partikolarment avvanzata għal dak iż-żmien.

Rappreżentazzjoni tal-ħitan

[immodifika | immodifika s-sors]
Pjanta ta' Lascaux

Is-Sala l-Kbira tal-Barrin fiha l-iżjed kompożizzjoni spettakolari ta' Lascaux. Il-ħitan tal-kalċit tagħha mhumiex adattati għall-inċiżjonijiet, għaldaqstant hija ddekorata biss b'pitturi, spiss ta' dimensjonijiet impressjonanti: uħud huma twal sa ħames metri.

Żewġ ringieli ta' gniedes estinti jħarsu faċċata ta' xulxin, tnejn fuq naħa u tlieta fuq oħra. Żewġ gniedes estinti fin-naħa tat-Tramuntana huma akkumpanjati minn madwar għaxar żwiemel u annimal enigmatiku kbir, b'żewġ linji dritti fuq rasu li wasslu biex jiġi mlaqqam bħala "unikornu". Fuq in-naħa tan-Nofsinhar, tliet gniedes estinti kbar jinsabu maġenb tliet oħra iżgħar, impittra bl-aħmar, kif ukoll sitt ċriev żgħar u l-uniku ors fl-għar, sovraimpost fuq żaqq gendus estint u diffiċli biex jintgħaraf.

Id-Diverticulum Assjali huwa ddekorat ukoll b'bhejjem tal-ifrat u żwiemel akkumpanjati minn ċriev u mogħoż tal-barr. Tpinġija ta' żiemel sfrattat ġie mpinġi b'biċċa manganiż, madwar 2.5 metri 'l fuq mill-art. Xi annimali huma mpittra fuq is-saqaf u qishom ġejjin u sejrin minn ħajt għall-ieħor. Dawn ir-rappreżentazzjonijiet, li kienu jeħtieġu l-użu ta' xi armar biex jiġu mpittra, fihom ukoll bosta sinjali mpittra (stikek, tikek u sinjali rettangolari).

Il-Passaġġ għandu dekorazzjoni ddegradata ħafna, l-iktar minħabba ċ-ċirkolazzjoni tal-arja.

In-Navata fiha erba' gruppi ta' immaġnijiet: il-pannell tal-Empreinte, il-pannell tal-Baqra s-Sewda, il-pannell taċ-Ċriev fl-Ilma u l-pannell tal-Biżonti Kontra ta' Xulxin. Dawn l-opri tal-arti huma akkumpanjati minn bosta sinjali ġeometriċi enigmatiċi, fosthom qisha skakkiera kkulurita li H. Breuil sejjaħ "stemma".

Id-Diverticulum tal-Felini ssemma hekk minħabba l-immaġni ta' grupp ta' felini, u waħda minnhom qisha qed tpixxi biex timmarka t-territorju tagħha. L-aċċess hawnhekk huwa diffiċli ħafna. Wieħed jista' jara inċiżjonijiet ta' annimali selvaġġi bi stil pjuttost inġenwu. Hemm ukoll annimali oħra assoċjati mas-sinjali, inkluż rappreżentazzjoni ta' żiemel minn quddiem, li huwa eċċezzjonali fl-arti Paleolitika għaliex l-annimali s-soltu jiġu rrappreżentati mill-profil tagħhom jew minn "perspettiva kontorta".

L-Apsida fiha iktar minn elf inċiżjoni. Uħud minnhom huma sovraimposti fuq il-pitturi, u jikkorrispondu għall-annimali u għas-sinjali. Hemm ukoll l-uniku renna rrappreżentata f'Lascaux.

Il-Bir fih l-iktar xena enigmatika ta' Lascaux: raġel itifalliku b'ras ta' għasfur li jidher qisu mimdud mal-art, forsi wara li ntlaqat minn biżont imniffed minn lanza; maġenbu hemm oġġett twil b'għasfur fuqu, u fuq ix-xellug hemm rinoċeronte sejjer in-naħa opposta tiegħu. Diversi interpretazzjonijiet ta' x'hemm irrappreżentat hawnhekk ġew ippreżentati.[24] Hemm ukoll żiemel fuq il-ħajt oppost. Żewġ gruppi ta' sinjali huma preżenti f'din il-kompożizzjoni:

  • bejn ir-raġel u r-rinoċeronte hemm tliet pari ta' qishom punteġġjatura diġitizzata li jinstabu fil-qiegħ tad-Diverticulum tal-Qattus, fl-iżjed parti remota tal-għar;
  • taħt ir-raġel u l-biżont hemm sinjal imxewwek kumpless li jinstab ukoll kważi bħala kopja identika fuq ħitan u punti oħrajn tal-għar magħmula mill-blat ramli.

Interpretazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

L-interpretazzjoni tal-Arti Paleolitika hija problematika, peress li tista' tiġi influwenzata mill-preġudizzji u mit-twemmin tagħna stess. Xi antropologi u storiċi tal-arti ħarġu b'teorija li l-pitturi jaf huma rakkont ta' suċċess tal-kaċċa fl-imgħoddi, jew jistgħu jirrappreżentaw ritwal mistiku sabiex itejbu l-isforzi tal-kaċċa tagħhom fil-futur. Din it-teorija tal-aħħar hija appoġġata mill-immaġnijiet fuq xulxin ta' grupp ta' annimali fl-istess post fl-għar bħal dak ta' grupp ieħor ta' annimali, li jissuġġerixxu li żona tal-għar kienet meqjusa iktar ta' suċċess għat-tbassir ta' kaċċa tajba.[25]

Permezz tal-applikazzjoni tal-metodu ikonografiku ta' analiżi għall-pitturi ta' Lascaux (l-istudju tal-pożizzjoni, tad-direzzjoni u tad-daqs tal-immaġnijiet; l-organizzazzjoni tal-kompożizzjoni; it-teknika tat-tpittir; id-distribuzzjoni tal-kuluri; ir-riċerka taċ-ċentru tal-immaġni), Thérèse Guiot-Houdart ippruvat tifhem il-funzjoni simbolika tal-annimali, sabiex tidentifika t-tema ta' kull immaġni u finalment tirrikostitwixxi l-ġrajja rrakkontata permezz tal-pitturi mal-ħitan tal-għar.[26]

Pittura ta' ekwin estint f'Lascaux

Julien d'Huy u Jean-Loïc Le Quellec urew li ċerti sinjali angolari jew imxewkin ta' Lascaux jistgħu jiġu analizzati bħala "arma" jew "ġrieħi". Dawn is-sinjali jaffettwaw lill-annimali perikolużi — il-felini l-kbar, il-gniedes estinti, u l-biżonti — iktar minn oħrajn u jistgħu jiġu spjegati bħala sinjali tal-biża' tal-animazzjoni tal-immaġni.[27] Sejba oħra tappoġġa l-ipoteżi ta' immaġnijiet nofshom animati. F'Lascaux, il-biżonti, il-gniedes estinti, u l-mogħoż tal-barr mhumiex irrappreżentati maġenb xulxin. Min-naħa l-oħra, wieħed jista' jinnota sistema ta' biżonti-żwiemel-iljuni u sistema ta' gniedes estinti-żwiemel-ċriev-orsijiet, li spiss jiġu assoċjati.[28] Tali distribuzzjoni jaf turi relazzjoni bejn l-ispeċijiet impittra u l-kundizzjonijiet ambjentali tagħhom. Il-gniedes estinti u l-biżonti jiġġieldu kontra xulxin, u ż-żwiemel u ċ-ċriev huma soċjali ħafna ma' annimali oħra. Il-biżonti u l-iljuni kienu jgħixu fil-beraħ fil-pjanuri; il-gniedes estinti, iċ-ċriev u l-orsijiet kienu assoċjati mal-foresti u mal-imraġ; il-mogħoż tal-barr maż-żoni bil-blat, u ż-żwiemel kienu jadattaw ruħhom sew għal dawn iż-żoni. Id-distribuzzjoni tal-pitturi ta' Lascaux tista' tiġi spjegata permezz ta' twemmin fil-ħajja reali tal-ispeċijiet impittra, fejn l-artisti ppruvaw jirrispettaw il-kundizzjonijiet ambjentali reali tagħhom.[29]

Iż-żona mpittra msejħa l-Apsida hija inqas magħrufa, u hija kompartiment ġej semisferiku għat-tond qisu apsida ta' bażilika Rumaneska. Bejn wieħed u ieħor għandha dijametru ta' 4.5 metri u hija miksija minn fuq s'isfel (inkluż is-saqaf) b'eluf ta' tpinġijiet bl-inċiżjonijiet imgerfxin u fuq xulxin.[30] Is-saqaf tal-Apsida, li jvarja minn għoli ta' 1.6 metru sa 2.7 metri mill-art tal-għar oriġinali, tant fih dekorazzjonijiet u inċiżjonijiet li x'aktarx li dan jindika li n-nies preistoriċi li għamluhom, l-ewwel kienu bnew xi tip ta' armar biex ilaħħqu mas-saqaf.[31]

Ix-xena famuża fix-Xaft ta' Lascaux

Skont David Lewis-Williams u Jean Clottes, li studjaw arti li presumibbilment hija simili tal-poplu San fin-Nofsinhar tal-Afrika, dan it-tip ta' arti hija spiritwali fin-natura tagħha u hija relatata ma' viżjonijiet esperjenzati matul iż-żfin-trance ta' xi ritwali. Dawn il-viżjonijiet huma funzjoni tal-moħħ tal-bniedem u huma interdipendenti fuq il-pożizzjoni ġeografika.[32] Nigel Spivey, professur tal-arti u tal-arkeoloġija klassika fl-Università ta' Cambridge, saħaq ukoll fis-sensiela tiegħu, How Art Made the World (Kif l-Arti Sawret lid-Dinja), li mudelli ta' tikek u ta' kannizzati sovraimposti fuq l-immaġnijiet rappreżentattivi tal-annimali huma simili ħafna għal alluċinazzjonijiet ipprovokati miċ-ċaħda tas-sensi. Huwa jsostni wkoll li l-konnessjonijiet bejn dawn l-annimali importanti kulturalment u dawn l-alluċinazzjonijiet wasslu għall-invenzjoni tal-produzzjoni tal-immaġnijiet jew għall-arti tat-tpinġija.[33]

André Leroi-Gourhan studja l-għar mis-snin 60 tas-seklu 20; l-osservazzjoni tiegħu tal-assoċjazzjonijiet tal-annimali u d-distribuzzjoni tal-ispeċijiet fi ħdan l-għar wassluh biex jiżviluppa teorija Stutturalista dwar l-eżistenza ta' organizzazzjoni ġenwina tal-ispazju grafiku fis-santwarji Paleolitiċi. Dan il-mudell huwa bbażat fuq duwaliżmu maskili/femminili – li jista' jiġi osservat b'mod partikolari fil-pari tal-biżonti/taż-żwiemel u tal-gniedes estinti/taż-żwiemel – identifikabbli kemm fis-sinjali kif ukoll fir-rappreżentazzjonijiet tal-annimali. Huwa ddefinixxa wkoll evoluzzjoni kontinwa permezz ta' erba' stili konsekuttivi, mill-Era ta' Aurignac sal-Aħħar tal-Era Magdalenjana. Leroi-Gourhan ma ppubblikax analiżi dettaljata tal-immaġnijiet tal-għar. Madankollu, fix-xogħol tiegħu Préhistoire de l'art occidental, ippubblikat fl-1965, huwa jressaq analiżi ta' ċerti sinjali u applika l-mudell ta' spjegazzjoni tiegħu mal-fehim ta' għerien iddekorati oħrajn.

H. Breuil fl-Għar ta' Lascaux oriġinali

Il-ftuħ tal-Għar ta' Lascaux wara t-Tieni Gwerra Dinjija biddel l-ambjent tal-għar. In-nifs 'il barra tal-1,200 viżitatur kuljum, il-preżenza tad-dawl, u l-bidliet fiċ-ċirkolazzjoni tal-arja ħolqu għadd ta' problemi. Fl-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 20, mal-ħitan tal-għar bdew jitfaċċaw likeni u kristalli, li wasslu għall-għeluq tal-għar fl-1963. Dan wassal għar-restrizzjoni tal-aċċess tal-għar oriġinali għal ftit viżitaturi fil-ġimgħa, u għall-ħolqien ta' replika tal-għar għall-viżitaturi ta' Lascaux. Fl-2001, l-awtoritajiet li jieħdu ħsieb Lascaux biddlu s-sistema tal-arja kkundizzjonata li rriżulta fir-regolar tat-temperatura u tal-umdità. Meta s-sistema kienet ġiet stabbilita, infestazzjoni ta' Fusarium solani, moffa bajda, bdiet tinfirex malajr mas-saqaf u mal-ħitan tal-għar.[34] Jitqies li l-moffa kienet preżenti fil-ħamrija tal-għar u ġiet esposta waqt ix-xogħol tal-ħaddiema, u dan wassal biex il-fungu jinfirex. Wara dan l-avveniment, il-fungu ġie ttrattat bil-ġir verġni. Fl-2007, fungu ġdid, li ħalla tebgħat griżi u suwed, beda jinfirex fl-għar oriġinali.

Fl-2008, l-għar kien fih moffa sewda. F'Jannar 2008, l-awtoritajiet għalqu l-għar għal tliet xhur, anke għax-xjenzati u għall-ħaddiema tal-preservazzjoni. Individwu wieħed biss tħalla jidħol fl-għar għal għoxrin minuta fil-ġimgħa biex jimmonitorja l-kundizzjonijiet klimatiċi. Issa ftit esperti xjentifiċi biss jitħallew jaħdmu fl-għar u għal ftit jiem fix-xahar biss, iżda l-isforzi tat-tneħħija tal-moffa xorta ħallew tbajja' skuri li għamlu ħsara lill-pigmenti fuq il-ħitan tal-għar.[35] Fl-2009 ġie ddikjarat li l-problema tal-moffa kienet ġiet stabbilizzata.[36] Fl-2011, il-fungu deher li kien beda jbatti wara l-introduzzjoni ta' programm saħansitra iktar strett ta' konservazzjoni.[37] Żewġ programmi ta' riċerka ġew istigati fiċ-Ċentru biex jiġi deċiż l-aqwa mod biex il-problema tiġi indirizzata, u issa l-għar fih ukoll sistema ta' klimatizzazzjoni ddisinjata apposta biex tnaqqas l-introduzzjoni ta' batterji.

Organizzat permezz tal-inizjattiva tal-Ministeru Franċiż għall-Kultura, sar simpożju internazzjonali bit-titlu "Lascaux u Kwistjonijiet ta' Preservazzjoni f'Ambjenti Taħt l-Art" f'Pariġi fis-26 u fis-27 ta' Frar 2009, taħt il-presidenza ta' Jean Clottes. Laqqgħet flimkien kważi tliet mitt parteċipant minn sbatax-il pajjiż bl-għan li jiġu kkonfrontati r-riċerki u l-interventi fl-Għar ta' Lascaux mill-2001 mal-esperjenza miksuba f'pajjiżi oħra fil-qasam tal-preservazzjoni f'ambjenti taħt l-art. L-eżiti tas-simpożju ġew ippubblikati fl-2011. 74 speċjalista f'oqsma varjati bħall-bijoloġija, il-bijokimika, il-botanika, l-idroloġija, il-klimatoloġija, il-ġeoloġija, il-mekkanika tal-fluwidi, l-arkeoloġija, l-antropoloġija, ir-restawr u l-konservazzjoni, minn bosta pajjiżi (fosthom Franza, l-Istati Uniti, il-Portugall, Spanja, il-Ġappun, u oħrajn) ikkontribwew għal din il-pubblikazzjoni.[38]

F'Mejju 2018, speċi ta' fungu, Ochroconis lascauxensis, tal-filu Ascomycota, ġiet uffiċjalment deskritta u msemmija għall-post fejn feġġet u ġiet iżolata, jiġifieri l-Għar ta' Lascaux. Dan seħħ wara l-iskoperta ta' speċi oħra relatata mill-qrib, Ochroconis anomala, li ġiet osservata għall-ewwel darba fl-għar fis-sena 2000. Is-sena ta' wara bdew ifeġġu tikek suwed fost il-pitturi tal-għar. Qatt ma saret tħabbira uffiċjali dwar l-effett jew il-progress tat-trattamenti ppruvati.[39]

Il-problema hija waħda kontinwa, kif inhuma kontinwi l-isforzi ta' kontroll tat-tkabbir ta' mikrobi u fungi fl-għar. Il-kriżijiet ta' infestazzjonijiet ta' fungi wasslu biex jiġi stabbilit Kumitat Xjentifiku Internazzjonali għal Lascaux u biex isir ħsieb mill-ġdid dwar kif jista' jingħata aċċess, u lil kemm nies, f'għerien li jkun fihom arti preistorika.[40]

Replika eżatta tal-Għar ta' Lascaux

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Għar ta' Lascaux ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979, bħala element ewlieni tas-Siti Preistoriċi u l-Għerien Iddekorati tal-Wied ta' Vézère.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[5]

  1. ^ "Lascaux definition and meaning | Collins English Dictionary". www.collinsdictionary.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.
  2. ^ "Lascaux Cave Paintings: Layout, Meaning, Photographs". www.visual-arts-cork.com. Miġbur 2021-09-12.
  3. ^ "BBC News | SCI/TECH | Ice Age star map discovered". news.bbc.co.uk. Miġbur 2021-09-12.
  4. ^ Whitehouse, David; Whitehouse, David (2000-08-09). Ice Age star map discovered. BBC News.
  5. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Prehistoric Sites and Decorated Caves of the Vézère Valley". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.
  6. ^ a b "Lascaux Cave". World History Encyclopedia (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.
  7. ^ "Discovery of the Lascaux Cave Paintings | History Today". www.historytoday.com. Miġbur 2021-09-12.
  8. ^ a b 2015 - 12:00am (2015-09-10). "Lascaux's prehistoric cave of wonders discovered by a dog". dailytelegraph (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.
  9. ^ Jr, Robert Mcg Thomas (1995-03-31). "Marcel Ravidat Is Dead at 72; Found Lascaux Cave Paintings" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.
  10. ^ a b Bahn, Paul G. (2007). Cave Art: A Guide to the Decorated Ice Age Caves of Europe. London: Frances Lincoln. pp. 81–85. ISBN 978-0711226555.
  11. ^ "Au Thot (24) : le retour des loups "préhistoriques"". France 3 Nouvelle-Aquitaine (bil-Franċiż). Miġbur 2021-09-12.
  12. ^ M. A., Anthropology; B. Ed., Illinois State University; Twitter, Twitter. "The Beautiful and Famous Lascaux Cave". ThoughtCo (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.
  13. ^ "Lectures on the Ice-Age Painted Caves of Southwestern France (PDF)" (PDF).
  14. ^ Ferrier, Catherine; Debard, Évelyne; Kervazo, Bertrand; Brodard, Aurélie; Guibert, Pierre; Baffier, Dominique; Feruglio, Valérie; Gély, Bernard; Geneste, Jean-Michel (28 December 2014). "Heated walls of the cave Chauvet-Pont d'Arc (Ardèche, France): characterization and chronology". PALEO. Revue d'archéologie préhistorique (25): 59–78. ISSN 1145-3370.
  15. ^ "Lascaux IV". Semitour (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.
  16. ^ "Lascaux IV: The International Centre for Cave Art". snohetta.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.
  17. ^ a b Nechvatal, Joseph (2011). Immersion into Noise. Ann Arbor: Open Humanities Press. pp. 74–76. ISBN 978-1-60785-241-4.
  18. ^ Dickson, D. Bruce (1992). The Dawn of Belief: Religion in the Upper Paleolithic of Southwestern Europe. ISBN 9780816513369. p. 110.
  19. ^ "Chalmin E, Farges F, Vignaud C, et al. Discovery of Unusual Minerals in Paleolithic Black Pigments from Lascaux (France) and Ekain (Spain)" (PDF).
  20. ^ Rapp, George R. (2013). Archaeomineralogy. ISBN 9783662050057. p. 204.
  21. ^ a b "Lascaux Cave Paintings: Layout, Meaning, Photographs". www.visual-arts-cork.com. Miġbur 2021-09-12.
  22. ^ Rapp, George R. (2013). Archaeomineralogy. ISBN 9783662050057. p. 199.
  23. ^ a b Curtis, Gregory (2006). The Cave Painters: Probing the Mysteries of the World's First Artists (1st ed.). New York: Alfred A. Knopf. pp. 96–97, 102. ISBN 1400043484.
  24. ^ Eshleman, Clayton, Juniper Fuse: Upper Paleolithic Imagination & the Construction of the Underworld, pp. 35–36, 2003, Wesleyan University Press, ISBN 0819566055.
  25. ^ Vortex. "Lascaux cave: History" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.
  26. ^ Guiot-Houdart, Thérèse (2004). Lascaux et les mythes (bil-Franċiż). Périgueux: Pilote 24. ISBN 2-912347-39-4.
  27. ^ D&#39, Julien; Huy. "2010. Les animaux "fléchés" à Lascaux : nouvelle proposition d'interprétation". Préhistoire du Sud-Ouest, 18(2): 161-170.
  28. ^ Denis Tauxe (2007)."L’organisation symbolique du dispositif pariétal de la grotte de Lascaux", Préhistoire du Sud-Ouest, 15: 177–266.
  29. ^ D&#39, Julien; Huy. "2011. La distribution des animaux à Lascaux reflèterait leur distribution naturelle". Bulletin de la Société Historique et Archéologique du Périgord, CXXXVIII(4): 493-502.
  30. ^ Leroi-Gourhan, André. The Art of Prehistoric Man in Western Europe. London: Thames and Hudson. 1968. p. 315.
  31. ^ Mario Ruspoli, The Cave of Lascaux: The Final Photographic Record (New York: Abrams, 1983) pp. 146–47.
  32. ^ Harry Francis Mallgrave (26 June 2013). Architecture and Embodiment: The Implications of the New Sciences and Humanities for Design. Routledge. pp. 190–. ISBN 978-1-135-09424-9.
  33. ^ Gray, S. W. (2014). "The cartographic paradigm in contemporary Australian landscape painting".
  34. ^ Joëlle Dupont; Claire Jacquet; Bruno Dennetière; Sandrine Lacoste (2007). "Invasion of the French Paleolithic painted cave of Lascaux by members of the Fusarium solani species complex". Mycologia. 99 (4): 526–533.
  35. ^ Moore, Molly (2008-07-01). "Debate Over Moldy Cave Art Is a Tale of Human Missteps" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.
  36. ^ Saiz-Jimenez, C. (24 October 2014). The Conservation of Subterranean Cultural Heritage. CRC Press. ISBN 978-0-429-22693-9.
  37. ^ "Lascaux's 18,000 year-old cave art under threat". phys.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.
  38. ^ Coye, N. dir. (2011), Lascaux et la conservation en milieu souterrain: actes du symposium international (Paris, 26–27 fév. 2009) = Lascaux and Preservation Issues in Subterranean Environments: Proceedings of the International Symposium (Paris, 26 and 27 February), Éditions de la Maison des sciences de l'homme, p. 360.
  39. ^ Martin-Sanchez, Pedro Maria; Nováková, Alena; Bastian, Fabiola; Alabouvette, Claude; Saiz-Jimenez, Cesareo (2012). "Two new species of the genus Ochroconis, O. lascauxensis and O. anomala isolated from black stains in Lascaux Cave, France". Fungal Biology. Elsevier. 116 (5): 574–89.
  40. ^ Simons, Marlise (2007-12-09). "Fungus Once Again Threatens French Cave Paintings" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-12.