Gösta Mittag-Leffler
Magnus Gustaf (Gösta) Mittag-Leffler jew Gösta Mittag-Leffler (twieled fis-16 ta’ Marzu 1846 – miet fis-7 ta’ Lulju 1927) kien matematiku Żvediż. Il-kontributi matematiċi tiegħu huma marbuta l-iktar mat-teorija tal-funzjonijiet, li llum il-ġurnata tissejjaħ analiżi kumplessa.[1]
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Mittag-Leffler twieled fi Stokkolma, iben il-prinċipal tal-iskola John Olof Leffler u Gustava Wilhelmina Mittag; iktar ’il quddiem żied kunjom ommu meta kienet xebba flimkien ma’ kunjom missieru. Oħtu kienet il-kittieba Anne Charlotte Leffler. Huwa beda jattendi l-Università ta’ Uppsala fl-1865, lesta d-dottorat fl-1872 u beda jgħallem fl-univertsità f’dik l-istess sena. Huwa kien ukoll kuratur (1872–1873). Wara vvjaġġa lejn Pariġi, Göttingen u Berlin, u studja taħt Weierstrass f’Berlin. Imbagħad ingħata l-kariga ta’ professur tal-matematika (bħala s-suċċessur ta’ Lorenz Lindelöf) fl-Università ta’ Helsinki mill-1877 sal-1881 u mbagħad il-kariga tal-ewwel professur tal-matematika fil-Kulleġġ Universitarju ta’ Stokkolma (li wara saret l-Università ta’ Stokkolma); huwa kien il-President tal-kulleġġ mill-1891 sal-1892 u rtira mill-Presidenza fl-1911. Mittag-Leffler daħal fin-negozju u sar negozjant għal rasu ta’ suċċess, iżda fl-1922 tilef ġidu kollu minħabba kriżi ekonomika li affettwat lill-Ewropa.
Huwa kien membru tal-Akkademja Żvediża Rjali tax-Xjenzi (1883), tas-Soċjetà Finlandiża tax-Xjenzi u l-Arti (1878, u iktar ’il quddiem membru onorarju), tas-Soċjetà Żvediża Rjali tax-Xjenzi f’Uppsala, tas-Soċjetà Fiżjografika Rjali f’Lund (1906) u ta’ madwar 30 soċjetà barranija oħra, fosthom is-Soċjetà Rjali ta’ Londra (1896) u l-Académie des sciences f’Pariġi. Huwa ngħata dottorati onorarji mill-Università ta’ Oxford u minn diversi universitajiet oħra.
Mittag-Leffler kien avukat konvint tad-drittijiet tan-nisa u kien strumentali biex Sofia Kovalevskaya ssir professur full-time tal-matematika fi Stokkolma, li kienet l-ewwel mara fid-dinja b’dik il-kariga. Bħala membru tal-Kumitat tal-Premju Nobel fl-1903, huwa kien strumentali biex il-kumitat rilevanti jagħti l-premju għall-fiżika b’mod konġunt lil Marie Curie u lil Pierre Curie, minflok lil Pierre biss.
Mittag-Leffler stabbilixxa l-ġurnal matematiku Acta Mathematica (1882), bl-għajnuna tar-Re Oscar li sponsorjah, u ħallas għalih parzjalment bir-rikkezzi tal-mara tiegħu Signe Lindfors, li kienet ġejja minn familja Finlandiża sinjura ħafna. Huwa kellu librerija matematika kbira fil-villa tiegħu fis-subborg ta’ Djursholm fi Stokkolma. Id-dar u l-kontenti tagħha ngħataw b’donazzjoni lill-Akkademja tax-Xjenzi fl-Istitut Mittag-Leffler.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Mittag-Leffler, Magnus Gösta, Baron von. Miġbur 2021-07-07.