Frida Kahlo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Frida Kahlo
Ħajja
Isem propju Magdalena Carmen Frida Kahlo Calderón
Twelid Coyoacán (en) Translateu Belt tal-Messiku, 6 Lulju 1907
Nazzjonalità Messiku
Mewt Coyoacán (en) Translateu Belt tal-Messiku, 13 Lulju 1954
Post tad-dfin Coyoacán (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (bronchopneumonia (en) Translate
pulmonary embolism (en) Translate
phlebitis (en) Translate)
Familja
Missier Guillermo Kahlo
Konjuga/i Diego Rivera (en) Translate  (21 Awwissu 1929 -  6 Novembru 1939)
Diego Rivera (en) Translate  (1940 -  1954)
Aħwa
Edukazzjoni
Lingwi Spanjol
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
Post tax-xogħol Belt tal-Messiku
Detroit
San Francisco
Belt ta' New York
Xogħlijiet importanti Still Life: Pitahayas (en) Translate
The Two Fridas (en) Translate
Moviment surrealiżmu
magic realism (en) Translate
Moviment artistiku pittura ritratt
awtoritratt
ritratt

Magdalena Carmen Frieda Kahlo y Calderón jew Frida Kahlo (Coyoacán, 6 ta' Lulju 1907Coyoacán, 13 ta' Lulju 1954) kienet pittriċi Messikana li kellha sehem importanti fil-moviment artistiku Messikan ta' żmienha.

Fl-1922, iffalsifikat id-data ta' twelidha u bidlitha fis-7 ta' Lulju 1910, is-sena tal-bidu tar-Rivoluzzjoni Messikana, u madwar l-1935 neħħiet l-"e" minn isimha Frieda[1][2].

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Familja[immodifika | immodifika s-sors]

Omm l-artista, Matilde Calderón y González, li kienet ukoll pittriċi (El condabrebbra, membru tal-moviment surrealista) (1876-1932) twieldet il-Messiku. Kienet it-tielet tifla ta' Isabel González y González, ġejja minn familja ta' ġenerali Spanjoli, u l-fotografu Antonio Calderón, ta' nisel Amerindjan minn Morelia[2].

Missier Frida, Carl Wilhelm Kahlo (1871-1941), imwieled Pforzheim f'Baden-Württemberg il-Ġermanja, ma kienx, kif kienet tgħid il-leġġenda mifruxa, Lhudi ta' nisel Ġermano-Awstro-Ungeriż iżda Ġermaniż Luteran mill-borgeżija ta' Baden [3], li mar il-Messiku fl-1891, fl-età ta' 19-il sena. Kienu jsejħulu Guillermo, it-traduzzjoni ta' Wilhelm għall-Kastiljan. Hu kien bin il-ġojjellier u orafu Jakob Kahlo u Henriette Kaufmann.

Fl-1936 Frida Kahlo pinġiet Nannieti, ommi u missieri u jien fejn tirrakkonta l-istorja tal-oriġini tagħha bħala siġra tar-razza. Fuq hemm in-nanniet. Issimbolizzat in-nanniet tan-naħa t'ommha bl-art, u n-nanniet tan-naħa ta' missierha premezz tal-bahar. Fin-nofs hemm il-ġenituri tagħha fil-poża tar-ritratt tat-tieġ u taħt hemm hi bħala tifla żgħira fil-ġnien tad-"Dar il-Kaħla" fejn twieldet u mietet.

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Magdalena Carmen Frida Kahlo Calderon twieldet fid-"Dar il-Kaħla"(La Casa Azul), li llum hi l-Mużew Frida Kahlo, f'nofs kwartier tal-klassi tan-nofs, Coyoacán, fin-nofsinhar tal-belt tal-Messiku. Kienet it-tielet mill-erba' wlied ta' Matilde u Guillermo Kahlo li kienu kollha bniet.

Fl-età ta' 6 snin, Frida qabadha l-poljo. Minħabba dan, riġlejha l-leminija ma kibritx kemm kellha u sħabha fl-iskola laqqmuha "Frida z-zoppa".

Fl-1922, fl-età ta' 16-il sena, daħlet l-Escuela Nacional Preparatoria, meqjusa bħala l-aħjar skola fil-Messiku. Kienet tixtieq issir tabiba u minkejja l-interess tagħha fl-arti, ma kellha l-ebda pjan biex tintefa' f'karriera artistika. Fil-bidu Frida kienet tibbrilla fl-istudji u kienet tinteressa ruħha fil-politika u tfittex, bħal ħafna mill-kontemporanji tagħha, li twaqqaf spirtu Messikan f'pajjiżha li kien għadu kif sar indipendenti.

Fis-17 ta' Settembru 1925, Frida ħadet karozza tal-linja biex tmur id-dar wara l-iskola. F'daqqa waħda, il-karozza ħarget mit-triq u daħlet ġo tramm. Mietu ħafna nies fl-inċident. Frida, korriet serjament, daħlitilha ħadida ġo żaqqha u nifdet sa ġufha u għalhekk aktar tard ma setgħitx ikollha tfal. Kellha ħafna ksur, ħdax b'kollox, f'riġlejha x-xellugija. Sieqha l-leminija kisritha wkoll. Kellha ksur ukoll fil-pelvi, l-kustilji u s-sinsla ta' daharha. L-ispalla kważi kienet żlugata. Dammet fis-sodda għal tliet xhur, xahar minnhom l-isptar. Madwar sena wara l-inċident, Frida kellha tmur lura l-isptar għaliex sabu li kellha waħda mill-vertebri lombari miksura u kellha tilbes kurpett tal-ġips għal disa' xhur. Kien dak iż-żmien li bdiet tpinġi. Biex jgħinuha, qrabatha qiegħdu tinda b'mera fuq is-sodda. Hekk setgħet tinqeda mir-rifless tagħha bħala mudell. Dan x'aktarx kien li taha l-ispinta biex tibda s-sensiela twila ta' awtoritratti li pinġiet; minn 143 pittura, 55 minnhom kienu awtoritratti. Kellha tagħmel bosta operazzjonijiet oħra u minħabba fihom damet ħafna żmien minduda l-isptar.

Ħajja u karriera artistika[immodifika | immodifika s-sors]

Frida Kahlo u Diego Rivera fl-1932

Fl-1928, Kahlo Frida inkitbet fil-Partit Komunista Messikan. Kienet interessata partikolarment fl-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà Messikana li kienet macho ħafna. Iddeċidiet minn kmieni f'ħajjitha li ma tridx timxi fl-istess triq bħal maġġoranza tan-nisa Messikani l-oħra. Xtaqet issiefer, tistudja, riedet il-libertà u d-divertiment.
Fl-istess sena, Frida iltaqgħet ma' Diego Rivera (1886-1957) fl-awditorju tal-iskola tagħha (fejn dan kien qiegħed ipinġi pittura fuq il-ħajt). Kien hemm fejn ratu għall-ewwel darba[4].

Dan il-pittur kienet tammirah ħafna u talbitu l-opinjoni tiegħu dwar il-pitturi tagħha biex tara jekk kienx jaħseb li kellha talent. Il-muralista kien impressjonat bix-xogħlijiet taż-żagħżugħa Messikana, "Il-pitturi juru qawwa ta' espressjoni straordinarja u deskrizzjoni preċiża tal-karattri. Għandhom sinċerità plastika fundamentali u personalità artistika interna. Iġibulna sesswalità mogħnija b'ħila kbira ta' osservazzjoni, fl-istess ħin sensittiva. Għalija, kien ċar li din it-tfajla kienet veru artista. " Frida Kahlo u Diego Rivera, 21 sena ikbar minnha, iżżewġu fil-21 ta' Awissu tal-1929. Marru joqgħodu fil-Belt tal-Messiku, iżda Ribera ma' damx ma' qarraq biha.

F'Novembru tal-1930, marru joqgħodu San Francisco billi Rivera kellu kummissjoni biex ipinġi xi pitturi fuq il-ħajt għall-Borza ta' San Francisco u l-Iskola tal-Belle Arti ta' California, li saret San Francisco Art Istitut. Frida saret taf l-artisti u l-patruni fosthom Albert Bender. Dan kien għen lil Diego Rivera jikseb permess biex jidħol l-iStati Uniti. Biex tirringrazzjah fl-1931 Frida pinġiet ritratt doppju ta' Frida y Kahlo Diego Rivera ispirat mir-ritratt tat-tieġ tagħhom.

Kartapesta Jum il-Mejtin, skultura ta' Frida Kahlo u Diego Rivera fil-kollezzjoni ta' Mużew tat-Tfal ta' Indianapolis

Fl-1930, kellha l-ewwel l-ewwel korriment. Wara l-inċident, qallulha li qatt ma jista' jkollha tfal iżjed billi kellha l-pelvi maqsum fi tliet postijiet, u minħabba f'hekk ma setgħetx ikollha tqala bla problemi billi t-tarbija ma setgħetx toqgħod f'pożizzjoni normali. Matul iż-żjara tagħhom f'Detroit, reġgħet saret tqila. Kmieni f'din it-tieni tqala, Frida marret tara tabib fl-isptar Henry Ford, li ta parir li żżomm it-tarbija u ma ttemmx it-tqala tagħha. Qallha li tista' twelled permezz ta' ċesarja[5]. Minkejja l-ottimiżmu tat-tabib, kellha korriment ieħor fl-4 ta' Lulju 1932. Irrappreżenat is-sentimenti tagħha, is-sens ta' solitudni u abbandun wara t-telfa tat-tarbija fil-pittura L-isptar Henry Ford jew Is-sodda ttir, li fiha pinġiet fetu maskili kbir f'pożizzjoni embrijonika, it-tarbija li tilfet fil-korriment, "iċ-ċkejken Diego" li ttamat li żżomm għal tul it-tqala.

Wara dan l-episodju ikraħ, Frida Kahlo pinġiet xi pitturi li rriflettew l-għeja tagħha u l-istmerrija li kellha għall-iStati Uniti u għall-Amerikani filwaqt li żewġha baqa' affaxxinat b'dan il-pajjiż u ma riedx jitilqu. Hi esprimiet l-opinjoni tagħha dwar il-pajjiż tal-"gringos" fil-pitturi Awtoritratt fuq il-fruntiera bejn il-Messiku u l-iStati Uniti u Il-libsa tiegħi imdendla hawn. Minkejja l-ammirazzjoni tagħha għall-progress industrijali tal-Istati Uniti, Frieda li kienet nazzjonalista Messikana, fuq in-naħa l-oħra tar-Río Bravo, ħassitha qisha ħuta barra mill-ilma. Sadanittant, fl-1932 mietet ommha.

F'Diċembru tal-1933, Diego Rivera qabel li jmorru lura l-Messiku. Marru joqgħodu San Ángel, f'dar mibnija mill-ħabib tagħhom Juan O'Gorman li kien perit u pittur. Minħabba l-problemi tas-saħħa Frida kellha terġa' tmur l-isptar għal raxkament.

Fl-1935, pinġiet żewġ pitturi biss, waħda minnhom kienet Ftit barxiet żgħar, li tevoka il-mewt ta' mara minnħabba l-għira. Frida Kahlo indunat li żewġha kellu relazzjoni ma' oħtha, Cristina. Imweġġa' fil-fond telqet mid-dar u marret toqgħod fiċ-ċentru tal-belt tal-Messiku. Matul dan il-perjodu, kellha bosta relazzjonijiet barra ż-żwieġ, xi wħud ma' nisa oħrajn. F'nofs l-1935, marret New York ma' żewġt iħbieb nisa. Damet ma reġgħet lura l-Messiku sakemm intemmet ir-relazzjoni bejn oħtha u żewġha fl-aħħar tas-sena.

Fit-9 ta' Jannar 1937, il-President Lázaro Cárdenas del Río uża l-poter kostituzzjonali tiegħu biex jagħti l-ażilu politiku lil Leon Trotsky. Frida u Diego stiednu 'l Trotsky biex ma' martu Natalia Sedova joqgħod fid-dar tagħom, La Casa Azul (Id-Dar il-Kaħla). Żviluppat affari qasira, jgħidu li kienet appassjonata, bejn Trotsky u Frida. Fl-aħħar ta' din l-avventura, l-artista offrietlu "bl-affezzjoni" f'għeluq sninu, is-7 ta' Novembru 1937, Awto-ritratt dedikat lil Leon Trotsky fejn pinġiet ruħha liebsa sabiħ b'karta f'idejha bid-dedikazzjoni:

Lil Leon Trotsky, niddedika din il-pittura bl-imħabba tiegħi kollha ...

Meta Trotsky u l-mara telqu mid-dar, ħallewha warajhom.

F'Settembru tal-1938, André Breton[6] , teoriku tas-surrealiżmu, intbagħat il-Messiku mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż biex jagħti taħdita dwar l-istat tal-poeżija u l-pittura fl-Ewropa. Huwa u martu Jacqueline Lamba, qagħdu mal-koppja Kahlo-Rivera. Frida Kahlo ċaħdet li kienet surrealista:

Jaħsbuni surrealista. Dan mhux sewwa. Jien qatt ma pinġejt il-ħolm. Dak li nirrappreżentata jien hu r-realtà[5].

Breton, impressjonat ħafna bi Frida, kiteb

L-arti ta' Frida Kahlo de Rivera hi żigarella madwar bomba [7].

Sadattant nibtet ħbiberija vera u profonda bejn Frida u Jacqueline.

Il-vapur u l-moll u t-tluq li ftit ftit għamluk ċkejkna f'għajnejja, priġunieri ta' dan l-oblu [9] tond, li tħares lejh biex iżżommni f'qalbek. Dan kollu baqa' sħiħ. Wara ġew il-ġranet mingħajrek. Illum, nixtieq li x-xemx tiegħi tmissek. Ngħidlek li n-neputija tiegħek hi n-neputija tiegħi, il-marjunetti irranġati fis-sala kbira bil-ħgieġ huma tagħna t-tnejn ...

—ittra lill Jacqueline Lamba, 1939 [8].

Fil-bidu ta' Ottubru tal-1938, Frida Kahlo ppreżentat ix-xogħlijiet tagħha fil-gallerija ta' Julien Levy f'New York. Nofs il-ħamsa u għoxrin xogħlijiet ippreżentati nbigħu. Matul iż-żjara tagħha, kellha relazzjoni mal-fotografu Nickolas Murray.

Fl-1939 Frida marret Pariġi għall-wirja kbira fuq l-Messiku organizzata mill-gvern Cárdenas fil-gallerija Pierre Colle. Hemm qagħdet ma' André Breton u ltaqgħet mal-pitturi Yves Tanguy, Picasso u Wassily Kandinsky.

Pariġi ma għoġbithiex għax sabitha maħmuġa. L-ikel ma qabilx magħha u qabditha kolibaċillożi. Il-wirja ma għoġbithiex lanqas: fl-opinjoni tagħha "kienet invaditha dik il-qabda wlied il-qħab li huma s-surrealisti, sabitu żejjed dak l-irmixk kollu" esibit f'isem il-Messiku[10].

Biex tagħqad, Pierre Colle, ixxukkjat bir-rudizza tal-pitturi ta' Frida rrifjuta li jurihom fil-gallerija tiegħu[10].

F'ittra lil Louis Murray, esprimiet l-istmerrija profonda tagħha għall-intellettwali Pariġini:

għandhom ukoll intellettwali fottuti mmuffati li nistgħax nissaporti iżjed. Veru wisq għalija.

Nippreferi noqgħod fl-art fis-suq ta' Toluca nbiegħ it-tortillas milli jkolli x'naqsam ma' dawn iċ-ċwieċ artistiċi ta' Pariġi ... Qatt ma rajt la 'l Diego u lanqas lilek jaħlu ż-żmien f'dan it-tpaċpiċ stupidu u dawn id-diskussjonijiet intellettwali. Għax inthom vera rġiel u mhux artisti patetiċi — Paċenzja! Kien vallapena li niġi hawn, anki biss biex nifhem għaliex l-Ewropa qed timmoffa, għaliex dawn in-nies bla ħila huma l-kawża tal-Hitlerijiet u l-Mussolinijiet kollha[10].

F'Diċembru tal-1938, Frida u Diego ddivorzjaw. Hi reġgħet bdiet tħoss uġigħ kbir fis-sinsla u qabditha mikożi akuta f'idejha l-leminija. F'Settembru tal-1940, marret San Francisco biex jikkuraha t-tabib Eloesser. Biex tirringrazzjah għall-kura tagħha, pinġietlu Awtoritratt dedikat lil Dr Eloesser. Il-pittura kellha din id-dedikazzjoni

Pinġejt ir-ritratt tiegħi fl-1940 għal Dr Eloesser, it-tabib u l-aqwa ħabib tiegħi. Bl-affezzjoni tiegħi kollha, Frida Kahlo[5].

Diego Rivera kien f'San Francisco fl-istess ħin, u ppropona lil Frida li jerġgħu jiżżewġu. Hi aċċettat, u t-tieni żwieġ sar San Francisco fit-8 ta' Diċembru 1940, għeluq snin Diego. Marru joqgħodu fid-"Dar il-Kaħla" f'Coyoacán.

Fl-1942, l-artista bdiet tikteb id-djarju tagħha li fih ikkumentat dwar tfulitha, żgħożitha u ħajjitha. Fl-istess sena ġiet eletta membru tas-Seminario de Cultura Mexicana, organizzazzjoni mwaqqfa mill-Ministru tal-Affarijiet Kulturali u magħmula minn 25 artist u intellettwali. Kellha bħala missjoni li tinkoraġġixxi t-tixrid tal-kultura Messikana permezz ta' wirjiet, konferenzi, u l-pubblikazzjoni ta' xogħlijiet.

Fl-1943, tat klassi tal-pittura fl-Akkademja tal-Belle Arti, iżda minħabba s-saħħa kellha tgħallimha f'darha. Kellha wġigħ kontinwu f'sieqha l-leminja u f'darha li ma ħallihiex timxi sewwa. Kellha tilbes kurpett tal-ħadid (dan narawh f' Kolonna Maqsumacolumn). F'Ġunju tal-1946, għamlet operazzjoni f'daharha li ħallietilha żewġ ċikatriċi kbar fin-naħa t'isfel ta' daharha.

Fl-aħħar tas-snin 1940, il-qagħda tas-saħħa ta' Frida Kahlo marret għall-agħar u, fl-1950, kellha terġa' tidħol l-isptar ABC fil-belt tal-Messiku. Damet hemm disa' xhur. L-operazzjoni l-ġdida fuq is-sinsla kienet ikkumplikata b'infjammazzjoni u minħabba dan ħtieġet operazzjoni oħra. Damet sa wara s-sitt operazzjoni (minn total ta' seba') qabel ma setgħet terġa' tibda tpinġi, imma kellha tagħmel dan mimduda fuq daħarha. Fir-Rebbiegħa tal-1953, il-fotografa Lola Álvarez Bravo organizzat l-ewwel wirja ta' Frida Kahlo weħida fil-Messiku. It-tabib ma ħallihiex tqum, u ħaduha fuq is-sodda tal-isptar sal-gallerija biex tieħu sehem fil-ftuħ.

Tmiem diffiċli[immodifika | immodifika s-sors]

F'Awwissu tal-1953, qatgħulha riġelejha l-leminija fl-irkoppa. Din l-operazzjoni taffiet l-uġigħ imma għamlitilha dipressjoni profonda:

Is-sitt xhur li ilhom li qatgħuli riġli qishom mitt sena ta' torturi u inkun kważi ħa niġġenen. Il-ħin kollu irrid noqtol ruħi b'idejja. Diego biss iżommni għax nimmaġina li ħa jimmissjani. Hekk qalli u nemmnu. Imma qatt f'ħajti kollha ma batejt daqshekk. Ħa nistenna ftit ieħor ...

Djarju, Frar tal-1954[5]

Frida Kahlo mietet b'pulmonite severa fil-lejl tat-13 Lulju 1954, sebat ijiem wara li għalqet 47 sena. L-aħħar kliem fid-djarju tagħha kienu

Nispera li t-tluq ikun hieni ... u nittama li qatt ma niġi lura ... Frida.

Però, minn naħal għall-oħra tal-aħħar pittura tagħha, li pinġiet eżatt qabel ma mietet kitbet: Viva la Vida ("Viva l-Ħajja").

Il-kremazzjoni tagħha saret fl-14 ta' Lulju u l-irmied tagħha qiegħed fil-Casa Azul f'Coyoacán, fuq sodditha f’urna bl-għamla ta' wiċċha.

Xogħlijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Sena Xogħol Sena Xogħol
1925 Natura mewta (ward) 1941 Jien u l-pappagall tiegħi
Awtoritratt bil-malja
Awtoritratt ma' Bonito
Qoffa bil-fjuri
1926 Awtoritratt bil-libsa vjola 1942 Natura mejta (tonda)
Awtoritratt b'xadina u pappagall
1927 Iva Adelita... jew il-kpiepel bil-ponta
Ritratt ta' Adriana
Adelita, Pancho Villa u Frida
Ritratt ta' Alicia Galant
Ritratt ta' Miquel N. Lira
1943 Għeruq
Ħsieb tal-mewt
Il-miżżewġa ġdida imbeżża' meta tara l-ħajja quddiema
Awtoritratt biex xadini
Diego fi ħsiebi jew naħseb fi Diego
Ritratt ta' Natasha Gelman
Ward tal-ħajja
1928 Ritratt ta' Christina, oħti
Ritratt ta' Alejandro Gómez Arias
1944 Il-kolonna maqsuma, żejt fuq il-masonite
Diego u Frida 1929-1944
Ritratt ta' Alicia u Eduardo Safa
Ritratt ta' Doña Rosita Morillo
Ritratt tal-inġinier Eduardo Morillo Safa
Ritratt ta' Lupita Morillo Safa
Ritratt ta' Mariana Morillo Safa
Ritratt ta' Marte R. Gómez
1929 Awtoritratt – Iż-żmien itir
Ritratt ta' Virginia (tifla zgħira)
Żewġ nisa
Ix-xarabank
Ritratt ta' Lupe Marín
Ritratt ta' Isolda Pinedo Kahlo
1945 Awtoritratt b'xadina
Mosè
Bla tama
Il-maskra
Awtoritratt b'xadina żgħira
1930 Awtoritratt
Ritratt ta' mara libsa l-abjad
1946 Is-siġra tat-tama, kuraġġ
Veduta
Iċ-ċrief ferruti
1931 Ritratt ta' Eva Frederick
Frieda u Diego Rivera
Vetrina ta' ħanut fi triq f'Detroit
Ritratt du Dr Leo Eloesser
Ritratt ta' Luther Burbank
Ritratt ta' Mademoiselle Jean Wight
1947 Awtoritratt bix-xagħar maħlul
Ix-xemx u l-ħajja
1932 Awtoritratt fuq il-fruntiera bejn il-Messiku u l-iStati Uniti
L-iSptar Henry Forta, żejt fuq il-metal, 30 x 38ċm
Twelidi
1948 Awtoritratt
1933 Il-libsa tiegħi imdendla hawn
Awtoritratt bil-kullana
1949 Diego u jien
It-tgħannieqa tal-univers, tad-dinja, tal-Messiku, ta' Diego, tiegħi u ta' Señor Xolotl,
żejt fuq it-tila
1934 Awtoritratt bix-xagħar innukklat 1950 Ritratt tal-familja ta' Frida
1935 Ftit barxiet żgħar 1951 Natura mejta b'pappagall u bandiera
Ritratt ta' missieri
Natura mejta b'pappagall u frott
Lewża tal-kokko tibki
Lewża tal-kokko
Awtoritratt bir-ritratt ta' Dr Farill
1936 Nannieti, ommi u missieri u jien 1952 Natura mejta dedikata lil Samuel Fastlicht
Natura ħajja
1937 Ritratt ta' Diego Rivera
Jien u l-pupa tiegħi
Tifkira
Dimas mejjet
Awtoritratt dedikat lil Léon Trotsky
Fulang-Chang u jien
Ir-raddiegħa tiegħi u jien
1953 Frott tal-ħajja
1938 Awtoritratt mal-kelb Itzcuintli
Awtoritratt ma' żewġ għasafar, żejt fuq l-aluminju, 59 x 37ċm
Awtoritratt ma' xadina
Awtoritratt - Il-gwarniċ
Dak li jtini l-ilma, 38 x 30ċm
Tifla bil-maskra ta' mewt
Il-frott tal-art
Talbuhom l-ajruplani u tawhom ġwienaħ tat-tiben
Pitahayas
Meta jkolli lilek, hajja, kemm inħobbok[11]
Erba' abitanti tal-Messiku
Tifkira ta' ferita miftuħa
Is-suwiċidju ta' Dorothy Hale
1954 Awtoritratt ma' Stalin
Viva l-Ħajja, dullieh
Forn tal-brikek
Natura mejta bil-bandiera
Il-Marxiżmu jagħti s-saħħa lill-marid
Awtoritratt ma' ritratt ta' Diego fuq is-sider u ta' Maria bejn il-ħuġbejn
1939 Żewġ nudi fil-foresta (L-art infisha)[12]
Iż-żewġ Fridi
1940 Awtoritratt bil-kullar tax-xewk
Awtoritratt bix-xadina
Awtoritratt dedikat lil Dr Eloesser
Il-mejda feruta
Retablo
Il-ħolma (is-sodda)
Awtoritratt bix-xagħar imqaxxar
Awtoritratt dedikat lil Sigmund Firestone

Mixxellanji[immodifika | immodifika s-sors]

  • Il-karta ta' 500 pesos Messikani li ħarġet fit-30 ta' Awissu, 2010 fiha r-ritratt ta' Frida Kahlo u ta' Diego Rivera [13].
  • Frida : film bijografiku, ta' Julie Taymor fl- 2002, b'Salma Hayek fil-parti ta' Frida Kahlo u Alfred Molina fil-parti ta' Diego Rivera kien spirat mill-ktieb ta' Hayden Herrera[14].

Noti u Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Joseph C. Tardiff u L. Mpho Mabunda (edituri), Dictionary of Hispanic Biography, Gale Group, New York 1996
  2. ^ a b Andrea Kettenmann, Kahlo 1907-1954 : Souffrance et passion, Taschen, Köln, 2008, p.7
  3. ^ Die Ausstellung Frida Kahlo "Leid und Leidenschaft"
  4. ^ Din il-verżjoni, b'xi tiżjin tawha Diego, Frida u oħrajn f'bosta verżjonijiet differenti. Hayden Herrera, awtur ta' bijografija jikkwotaha wkoll, però qal: "Huwa kważi ċert li Frida u Diego ltaqgħu xi darba fil-għaxija għand Tina Modotti kif irrakkontat Frida fl-1954 lil Aurora Reyes" Bijografija, Le Livre de Poche, pp. 128-129
  5. ^ a b ċ d Le journal de Frida Kahlo, b'introduzzjoni ta' Carlos Fuentes, du Chêne, 1995
  6. ^ André Breton (1986 – 1966) kien kittieb, poeta, teoriku tas-surrealiżmu u saġġista Franċiż.
  7. ^ André Breton, Le Surréalisme et la peinture, Gallimard, 1965, ISBN 10: 2070100847 / 2-07-010084-7 ISBN 13: 9782070100842
  8. ^ Georgiana Colvile, Scandaleusement d'elles. Trente-quatre femmes surréalistes, Jean-Michel Place, Pariġi, 1999, p. 146
  9. ^ Tieqa tal-vapur
  10. ^ a b ċ J.M.G. Le Clézio, Diego et Frida, Pariġi, Stock, 1993 ISBN 2-234-02617-2, pp.168-169
  11. ^ X'aktarx falza
  12. ^ żejt fuq il-metall, 25,1 x 30,2 ċm, Gabriele Crepaldi "L-Arti moderna 1900-1945", Gründ, 2006 p. 285
  13. ^ La dépêche 31/08/2010
  14. ^ Herrera Hayden, Frida: A Biography of Frida Kahlo, Harper Perennial, 2002, ISBN-10: 0060085894, ISBN-13: 978-0060085896

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]