Emmanuele Vitale

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Emmanuele Vitale
Ħajja
Twelid Rabat, 30 April 1758
Nazzjonalità Malta
Mewt Għawdex, 8 Ottubru 1802
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
nutar
Servizz militari
Fergħa militari armata
Grad ġeneral
Iġġieldu Assedju ta' Malta

Emmanuele Vitale (30 ta' April 1758 - 8 ta' Ottubru 1802) kien nutar, kmandant u statista Malti. Matul l-Assedju ta' Malta, ikkmanda 10,000 suldat irregolari Malti.

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Ħajja bikrija[immodifika | immodifika s-sors]

Emmanuel Vitale twieled ir-Rabat fit-30 ta’ April 1758. Kien iben in-nutar Saverio Vitale u Rosa mwielda Caruana.[1] Influwenzat minn missieru, studja Malta u sar nutar. Bejn l-1785 u l-1795, ssuċċieda 'l missieru u okkupa l-kariga ta' Kanċillier tal-Università fl-Imdina, u kien benefattur kbir tagħha.

Okkupazzjoni Franċiża ta' Malta[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Franċiżi ħatfu lil Malta mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1798. Il-Maltin ma damux ma daru kontra t-truppi Franċiżi li tħallew Malta, taħt il-kmand tal-Ġeneral Claude-Henri Belgrand de Vaubois. Dawn it-truppi kienu sikwit jisirqu mill-knejjes ta’ Malta, u dan wassal biex Vitale ħeba t-teżori tal-Knisja ta’ San Ġużepp tar-Rabat fid-dar tiegħu. Meta l-Franċiżi ppruvaw jisirqu d-damask u l-fidda minn kunvent fl-Imdina, bl-inkoraġġiment ta’ Vitale, folla rrabjata nġabret sabiex ma tħallix lill-Franċiżi jagħmlu hekk. Il-protesti malajr kibru f'ribelljoni kontra l-Franċiżi, u Vitale sar il-kap tal-forzi irregolari Maltin (minbarra l-forzi ta' Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi li għarfu lill-Kanonku Francesco Saverio Caruana bħala l-Ġeneral tagħhom). Taħt il-kmand tiegħu, huma keċċew lill-Franċiżi 'l barra mill-Imdina, billi użaw mina wara l-Katidral ta' San Pawl u l-għada l-Maltin ħadu l-Imdina f'idejhom, u mmassakraw il-gwarniġjon Franċiż. Attakkati għal għarrieda, il-Franċiżi rtiraw fil-Belt Valletta, fejn baqgħu jiddefendu ruħhom matul il-kumplament tal-assedju.[2]

Sadanittant, Vitale u l-mexxejja l-oħra waqqfu gvern proviżorju, l-Assemblea Nazzjonali, fil-Banca Giuratale tal-Imdina fit-3 ta’ Settembru. L-Assemblea appellat għal għajnuna barranija u bagħtet rappreżentant Napli biex jitlob l-għajnuna. Vitale, il-Konti Salvadore Manduca, il-Markiż Vincenzo de Piro u l-Konti Ferdinand Thurna Castelliti bagħtu ittra lill-Ammirall Ingliż Horatio Nelson jitolbuh l-għajnuna. Hu u, ftit wara, il-Kaptan Alexander Ball waslu biex jipprovdu rinforzi u aktar tard il-Markiż Portugiż Nizza pprovda truppi, azzarini u porvli. Minħabba nuqqas ta’ qbil dwar min għandu jmexxi, bejn Vitale u Caruana, Ball sar il-President tal-Assemblea. Wara, twaqqaf Kungress Nazzjonali, magħmul mill-mexxejja tal-irħula u żewġ qassisin. Vitale kien meqjus bħala rappreżentant tal-Imdina, mhux bħala Ġeneral fil-Kungress. Għall-ewwel, Ball kien kritiku ħafna ta' Vitale, u ddeskrivih bħala ambizzjuż u amministratur ħażin. Dan inbidel madankollu meta ra l-ħiliet fit-tmexxija tiegħu matul l-assedju. Fil-31 ta' Marzu 1800, hu, flimkien ma' madwar għoxrin rappreżentant ieħor, iffirma ittra li tgħid li l-Maltin riedu jsiru suġġetti tal-Gran Brittanja. Il-Franċiżi ċedew fil-5 ta' Settembru 1800.

Ħajja aktar tard[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li l-Franċiżi telqu minn Malta, il-Gran Brittanja waqqfet Protettorat f'Malta u Ball sar Kummissarju Ċivili. Dan innomina lil Vitale bħala logutenent tal-Isla. Fil-21 ta’ Awwissu 1801, taħt il-Kummissarju Ċivili Charles Cameron, ingħata l-unur li jkun Gvernatur, Supretendent u d-Direttur tas-Saħħa ta’ Għawdex. Miet fit-8 ta' Ottubru 1802 fl-età żgħira ta' 44 sena.

Legat[immodifika | immodifika s-sors]

F'Malta jiftakru 'l Vitale bħala wieħed mill-mexxejja Maltin fl-insurrezzjoni. Ġie kkommemorat fuq bolla tal-posta fl-2002, għalkemm mhux magħruf għalkollox jekk il-bolla turix lil Vitale jew membru tar-Reggimento dell'Artiglieria e Bombardieri tal-Ordni ta' San Ġwann.[3] [4]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]