Frans Camilleri

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Dun Frans Camilleri)
Jump to navigation Jump to search
Dun Frans Camilleri bil-korteżija tal-Akkademja tal-Malti

Dun Frans Camilleri (il-Marsa, 29 ta’ Jannar 1919 - 6 ta' Diċembru 1990) kien poeta Malti.

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Frans Camilleri studja fl-iskola tal-Gvern u f' St Paul’s School. Kompla l-istudji tiegħu fis-Seminarju tal-Furjana u l-Università ta’ Malta fejn għamel il-Kors tat-Teoloġija. Fl-1943 ġie ordnat saċerdot u baqa’ jqaddes kuljum fil-Knisja ta’ Santu Nuzzu, il-Ħamrun, li tagħha kien Rettur għal ħafna snin. Għallem il-Malti fil-Kulleġġ San Alwiġi u s-Seminarju bejn is-snin 1944-1964.

Dun Frans kien attiv f’għadd ta’ għaqdiet letterarji, fosthom l-Għaqda ta’ Qari Tajjeb li tagħha kien segretarju u editur għal ħafna snin, u fl-Akkademja tal-Malti. Kien l-ewwel editur tar-rivista tal-Azzjoni Kattolika Il-Ħuġġieġa u Lil Ħutna, ir-rivista maħsuba għall-emigranti Maltin. Inħatar Assistent Ekkleżjastiku tas-St Thomas Moore Circle u kien Direttur Spiritwali ta’ bosta għaqdiet.

Dun Frans kellu għal qalbu l-fotografija u kien magħruf għar-ritratti li jaqbdu l-ambjent lokali u l-pajsaġġ Malti. Ħafna minnhom dehru f’kartolini u kalendarji. Imma jibqa’ magħruf l-aktar bħala l-fotografu tal-Poeta Nazzjonali, b’mod partikulari għar-ritratt ta’ Dun Karm mal-kanarin. Tiegħu wkoll huwa l-film li issa ġie rrestawrat għal fuq DVD mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, id-dokumentarju bit-titlu Dun Karm – Il-Bniedem wara l-Poeta.

Poeżija[immodifika | immodifika s-sors]

Fost il-poeti tal-ġenerazzjoni ta’ wara Dun Karm, wieħed mill-ftit poeti qassisin huwa Dun Frans Camilleri. Fil-poeżija Maltija, ismu hu marbut mal-poeżija tad-dawl, ilwien u ħsibijiet pożittivi. Iżda min-naħa l-oħra ħafna versi miktubin minnu ġew mmużikati minn għadd ta’ kompożituri lokali. Tabilħaqq, is-sehem tiegħu fil-ħolqien ta’ repertorju bil-Malti għall-kant sagru huwa wiesa’ ħafna. Dun Frans kiteb mal-500 innu għal parroċċi, skejjel, għaqdiet reliġjużi u lajċi – innijiet ispirati mill-ħajja Maltija kemm reliġjuża, soċjali u edukattiva, imqanqla b’mod speċjali mill-imħabba u l-qima li kellu lejn il-Madonna u l-qaddisin.

Illum bosta tfal jafu bihom mill-kotba tal-iskejjel. Jafu biċ-ċarezza tal-ħsieb u tal-kelma tiegħu u jafu wkoll li wieħed mill-għanjiet prinċipali tiegħu huwa li dejjem jiftaħ djalogu ċar mal-qarrej, mingħajr taħbil mentali żejjed. Fih ukoll il-qarrej jiltaqa’ ma’ varjetà wiesgħa ta’ qisien metriċi, imħaddmin skond il-burdata. U l-burdata tal-poeta tbiddlet u nfetħet mhux ftit. Għandna l-ħlewwa u s-sempliċità tad-dinja tat-tfal, waqt li għandna wkoll il-kumplikazzjoni tad-dinja akbar u iżjed matura tal-bniedem li kiber u studja lilu nnifsu, dejjem fid-dawl nisrani.

L-aqwa ġabra ta’ poeżiji tiegħu hija L-Għanja ta' Ħajti li ħarġet fl-1964. Fil-volum hemm għażla tajba tal-muża kollha bil-burdati li jvarjaw minn żmien għal ieħor. Hemm ġiri ta’ fantasija marbuta ma’ rkejjen u ħlejjaq sbieħ tal-ħolqien. Hemm irbit ta’ tifkiriet storiċi u valuri soċjali u filosofiċi.

Fuq kollox hemm il-poeta li jpinġi, il-poeta-pittur li jinqeda bil-kelma biex joħloq kwadru fil-moħħ tal-qarrej, u mhux biss biex ifisser ħsieb. Dan il-fatt aktarx għandu n-nisel tiegħu, fil-fatt li Dun Frans Camilleri huwa fotografu mill-aħjar li jistudja l-irqaqat kollha qabel ma jipproduċi x-xena naturali fil-fotografija. Hekk ukoll jagħmel fil-qasam poetiku li minnu jitlob li jolqot aktar lill-għajn milli lis-sorsi barranin l-oħra.

Ġabriet ta' poeżija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Moħba ta’ Qalb (1945)
  • Fil-Ġnejna tat-Tfulija (1948) – sensiela ta’ poeżiji għat-tfal
  • Innijiet (1948)
  • L-Għanja ta’ Ħajti (1964).
  • Lejn id-Dawl (1950), ġabra ta’ saġġi b’osservazzjonijiet fuq l-edukazzjoni, il-kultura, ir-reliġjon u l-ħajja soċjali.