Carla Fracci
Carla Fracci | |
---|---|
Ħajja | |
Isem propju | Carolina Fracci |
Twelid | Milan, 20 Awwissu 1936 |
Nazzjonalità | Italja |
Residenza | Milan |
L-ewwel lingwa | Taljan |
Mewt | Milan, 27 Mejju 2021 |
Post tad-dfin | Ċimiterju Monumentali ta' Milan |
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (kanċer) |
Familja | |
Konjuga/i | Beppe Menegatti (1964 - 2021) |
Aħwa |
uri |
Edukazzjoni | |
Alma mater |
Accademia Teatro alla Scala Skola taż-Żfin Klassiku tat-Teatru La Scala |
Lingwi | Taljan |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
ballerina koreografu |
Post tax-xogħol | Milan |
Impjegaturi | Teatru La Scala |
Premjijiet |
Carolina "Carla" Fracci ([ˈkarla ˈfrattʃi]; twieldet fl-20 ta' Awwissu 1936 – mietet fis-27 ta' Mejju 2021)[1] kienet ballerina klassika, attriċi u direttur taż-żfin klassiku Taljana. Hija meqjusa bħala waħda mill-aqwa ballerini tas-seklu 20[2], u kienet żeffiena ewlenija (bit-Taljan: prima ballerina) tat-Teatru La Scala f'Milan, l-Italja, u mbagħad ħadmet għal rasha ma' kumpaniji internazzjonali, fosthom ir-Royal Ballet ta' Londra, l-iStuttgart Ballet, ir-Royal Swedish Ballet u l-American Ballet Theatre. Fracci kienet magħrufa għall-interpretazzjoni tagħha ta' karattri ewlenin f'diversi żifniet klassiċi Romantiċi, bħal La Sylphide, Giselle, Swan Lake, u Romeo u Ġuljetta. Ħadet sehem f'żifniet klassiċi bħal Nijinsky u Complete Bell Telephone Hour Performances: Erik Bruhn 1961–1967. Hija żifnet flimkien ma' ballerini rġiel bħal Erik Bruhn, Rudolf Nureyev u Mikhail Baryshnikov. Iktar 'il quddiem, idderiġiet diversi kumpaniji taż-żfin klassiku fl-Italja, fosthom it-Teatru San Carlo ta' Napli u t-Teatru tal-Opri ta' Ruma.
Skont Bruhn, hija "tat lid-dinja idea ġdida ta' ballerina fiż-żfin klassiku Romantiku tas-seklu 19".[3] Hija żifnet ma' bosta kumpaniji ewlenin taż-żfin fid-dinja, u ngħatat diversi unuri għall-ispettakli tagħha.
Ħajja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Twieldet bħala Carolina fl-20 ta' Awwissu 1936, f'Milan, u kienet bint sewwieq tat-tramm u ħaddiema tal-fabbriki.[4] Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, għexet mal-qrabat tagħha fil-kampanja.[5][6] Fl-1946, ommha ħadet lilha u lil oħtha għall-eżami tad-dħul fl-Iskola taż-Żfin Klassiku tat-Teatru La Scala, li spiċċa kien diżastruż għal Carla Fracci. Għalkemm it-tip ta' ġisimha tqies bħala mhux idoneu għaż-żfin klassiku, kienet grazzjuża biżżejjed biex tiġi aċċettata bħala l-aħħar waħda minn 35 student.[7] Hija ddeskriviet l-ewwel jiem fl-iskola bħala "tad-dwejjaq u xi ħaġa terribbli li kellha tagħmel". Madankollu, wara li ntgħażlet bħala l-mandolina f'Is-Sbejħa Rieqda, u żifnet flimkien ma' Margot Fonteyn, bidlet il-fehma tagħha dwar it-taħriġ taż-żfin klassiku u "bdiet taħdem qatigħ biex tpatti għall-ħin li kienet tilfet".[7] It-taħriġ ta' Fracci ntemm fl-1955. Hija kienet waħda minn sitt studenti li ntgħażlu biex jipparteċipaw f'passo d'addio, żifna tal-aħħar magħmula mill-istudenti li jkunu waslu fi tmiem l-istudji tagħhom u li kienet issir wara spettaklu tal-opri.[7]
Karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Carla Fracci daħlet bħala żeffiena tat-Teatru La Scala wara li temmet l-istudji tagħha, u ġiet promossa għal solista s-sena ta' wara. L-iżvolta fil-karriera tagħha waslet meta żifnet minflok Violette Verdy f'Ċiklemfusa ta' Rodrigues fl-1958, u ġiet promossa għal żeffiena ewlenija, u wara bħala żeffiena ewlenija f'Giselle mal-London Festival Ballet is-sena ta' wara. Fl-1963, telqet mill-kumpanija taż-żfin għaliex ħasset li ma kinitx imħallsa biżżejjed u ma kinitx qed taħdem biżżejjed. Minflok, kompliet il-karriera tagħha għal rasha.[8]
Fracci żifnet flimkien ma' żeffiena rġiel bħala koppja, inkluż ma' Mikhail Baryshnikov, Roberto Bolle, Erik Bruhn, Alexander Godunov, Henning Kronstam, Gheorghe Iancu, Rudolf Nureyev, Giuseppe Picone u Vladimir Vasiliev.[9][10] Hija żifnet ma' kumpaniji ewlenin fid-dinja, inkluż ir-Royal Ballet ta' Londra, l-iStuttgart Ballet, ir-Royal Swedish Ballet ta' Stokkolma u l-American Ballet Theatre.
Lejn l-aħħar tas-snin 80 tas-seklu 20, bdiet tiddirieġi diversi kumpaniji ewlenin taż-żfin klassiku fl-Italja: l-ewwel il-kumpanija taż-żfin klassiku tat-Teatru San Carlo ta' Napli. Mill-1996 sal-1997 iddiriġiet il-kumpanija taż-żfin klassiku tal-Arena ta' Verona. Minn Novembru 2000 iddiriġiet il-kumpanija taż-żfin klassiku tat-Teatro dell'Opera ta' Ruma sal-2010. Hemmhekk hija segwiet ir-repertorju tradizzjonali tal-opri, kif ukoll ix-xogħlijiet ta' Diaghilev għall-Ballets Russes. Ir-repertorju taż-żfin klassiku tat-teatru ta' Ruma kien ivarja mill-adattament ta' Millicent Hodson ta' The Rite of Spring għall-verżjonijiet ta' Andris Liepa ta' Scheherazade[11], Petrushka u The Firebird.[12] Hija kienet strumentali biex tqarreb iż-żfin klassiku lejn in-nies, bħal pereżempju permezz ta' spettaklu fil-beraħ f'Paestum, u billi kienet tmur fil-pjazez pubbliċi u fl-iskejjel.
Minn Ġunju 2009 sal-2014 hija ġiet innominata bħala Rappreżentanta tal-Kultura għall-Belt Metropolitana ta' Firenze.[13]
Fl-1983, fl-2000, u fl-2003, Carla Fracci ngħatat tliet unuri prestiġjużi mill-Gvern Taljan, li rrikonoxxew il-kisbiet tagħha. Fis-16 ta' Ottubru 2004, Fracci ġiet innominata bħala Ambaxxatriċi ta' Rieda Tajba tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura (FAO), aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti li twettaq sforzi internazzjonali biex jinqered il-ġuħ fid-dinja.[14] L-awtobijografija ta' Fracci Pass Wara Pass (bit-Taljan: Passo dopo passo) ġiet ippubblikata fl-2013. Fl-2014, ħadet sehem f'film dokumentarju, 29200 Puthod, l'altra verità della realtà tar-reġistad Federico Angi, dwar il-ħajja tal-pittriċi Dolores Puthod.[15]
Fl-20 ta' Diċembru 2016, ippreżentat il-ktieb Ballerina tal-awtur Roberto Baiocchi, ippubblikat mill-pubblikatur Giunti f'Firenze. Carla Fracci ħadet ħsieb tikteb id-daħla tal-ktieb.[16]
Ħajja personali
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1964, Fracci żżewġet lid-direttur teatrali Beppe Menegatti; il-koppja kellha iben, Francesco.[17] Wara li Carla rtirat, marru jgħixu qrib Firenze.
Fracci mietet bil-kanċer fis-27 ta' Mejju 2021 f'Milan meta kellha 84 sena.
Filmografija
[immodifika | immodifika s-sors]Sors: IMDb[18]
Sena | Titlu | Rwol | Reġista | Noti |
---|---|---|---|---|
1980 | Nijinsky | Tamara Karsavina | Herbert Ross | Debutt bħala attriċi |
1981 | The Lady of the Camellias | Marguerite Gauthier | Mauro Bolognini | Nastro d'Argento – L-Aqwa Attriċi Ġdida |
1982 | The Life of Verdi | Giuseppina Strepponi | Renato Castellani | Minisensiela; rwol ta' koprotagonista (disa' episodji) |
Venezia, carnevale, un amore | Is-Sinjura | Mario Lanfranchi | ||
1988 | William Tell | Żeffiena solista | Riccardo Muti | Spettaklu fuq il-palk miġbud bħala film |
2021 | Carla | Hi stess | Emanuele Imbucci | Film televiżiv dwar ħajjitha (inħareġ wara mewtha) |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Brug, Manuel (2021-05-28). "Zum Tod der Primaballerina Carla Fracci" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-12-06.
- ^ Harss, Marina (2021-05-28). "Carla Fracci, Expressive Doyenne of Italian Ballet, Dies at 84" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-12-06.
- ^ Kisselgoff, Anna (1991-06-09). "Review/Dance; 'Giselle' as Interpreted By Italy's Carla Fracci . . " (bl-Ingliż). Miġbur 2021-12-06.
- ^ "Carla Fracci: Italienische Primaballerina ist tot" (bil-Ġermaniż). 2021-05-28. Miġbur 2021-12-06.
- ^ Balmer, Crispian (2021-05-27). "OBITUARY Italy's leading prima ballerina, Carla Fracci, dies at 84" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-12-06.
- ^ News, A. B. C. "Italy's Carla Fracci, La Scala prima ballerina, dies at 84". ABC News (bl-Ingliż). Miġbur 2021-12-06.
- ^ a b ċ "CARLA FRACCI, 'PRIM BALLERINA ASSOLUTA'" (bl-Ingliż). 1981-07-12. Miġbur 2021-12-06.
- ^ "Remembering Carla: ballet legend Carla Fracci dies at 84" (bl-Ingliż). 2021-05-27. Miġbur 2021-12-06.
- ^ "Fracci, Carla" (bl-Ingliż). 2020-11-19. Miġbur 2021-12-06.
- ^ Weickmann, Dorion. "Primaballerina des Volkes". Süddeutsche.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-12-06.
- ^ "Balletto del Sud". Balletto del Sud (bit-Taljan). Miġbur 2021-12-06.
- ^ ""Turandot, Principessa Chinese" (PDF). operaroma.it" (PDF).
- ^ Met, Redazione. "Met - Notizie dagli Enti della Città Metropolitana - quotidiano di informazione della città metropolitana di Firenze". Met - News dalle Pubbliche Amministrazioni della Città Metropolitana di Firenze. Miġbur 2021-12-06.
- ^ "Get Involved: Carla Fracci". web.archive.org. 2011-12-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-12-02. Miġbur 2021-12-06.
- ^ "29200 Puthod, l'Altra Verità della Realtà (2014), di Federico Angi - CinemaItaliano.info". su CinemaItaliano.info (bit-Taljan). Miġbur 2021-12-06.
- ^ "Biography". robertobaiocchi.eu (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-12-06. Miġbur 2021-12-06.
- ^ "Italienische Primaballerina Carla Fracci ist tot". www.rnd.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-12-06.
- ^ "Carla Fracci". IMDb. Miġbur 2021-12-06.