Bath, Somerset
Bath, Somerset | |
---|---|
Renju Unit | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Renju Unit |
Nazzjon konstitwentiv tar-Renju Unit | Ingilterra |
Reġjun tal-Ingilterra | Lbiċ tal-Ingilterra |
Ceremonial county of England | Somerset |
Unitary authority area in England | Bath u l-Grigal ta' Somerset |
Isem uffiċjali | Bath |
Ismijiet oriġinali | Bath |
Kodiċi postali |
BA1u BA2 |
Ġeografija | |
Koordinati | 51°22′53″N 2°21′31″W / 51.38139°N 2.35861°WKoordinati: 51°22′53″N 2°21′31″W / 51.38139°N 2.35861°W |
Superfiċjenti | 29 kilometru kwadru |
Għoli | 132 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 94,092 abitanti (21 Marzu 2021) |
Informazzjoni oħra | |
Fondazzjoni | 43 |
Kodiċi tat-telefon |
01225 |
Żona tal-Ħin | UTC±0u UTC+1 |
bliet ġemellati | Brunswick, Alkmaar, Aix-en-Provence, Kaposvár, Oleksandriia (en) , Beppu (en) u Manly (en) |
mayorofbath.co.uk |
Bath (RP: /bɑːθ/;[1] pronunzja lokali: [ba(ː)θ])[2] hija belt u żona mingħajr parroċċa fiż-żona unitarja ta' Bath u l-Grigal ta' Somerset fil-kontea ċerimonjali ta' Somerset, l-Ingilterra, magħrufa u msemmija għall-banjijiet Rumani tagħha. Fiċ-ċensiment tal-2021, il-popolazzjoni kienet tlaħħaq il-101,557 ruħ.[3] Bath tinsab fil-wied tax-xmara Avon, 97 mil (156 kilometru) fil-Punent ta' Londra u 11-il mil (18-il kilometru) fix-Xlokk ta' Bristol. Il-belt saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987, u iktar 'il quddiem ġiet elenkata wkoll fis-Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali magħruf bħala "Irħula Kbar bi Spa fl-Ewropa" fl-2021.[4][5] Bath hija wkoll l-ikbar belt u insedjament f'Somerset.
Il-belt saret spa bl-isem Latin Aquae Sulis ("l-ilmijiet ta' Sulis") għall-ħabta tas-60 W.K. meta r-Rumani bnew banjijiet u tempju fil-wied tax-xmara Avon, għalkemm il-fawwariet termali kienu magħrufa saħansitra minn qabel dak iż-żmien. L-Abbazija ta' Bath ġiet stabbilita fis-seklu 7 u saret ċentru reliġjuż; il-binja ġiet rikostruwita fis-sekli 12 u 16. Fis-seklu 17, beda jingħad li l-ilma mill-fawwariet kellu proprjetajiet ta' fejqan, u Bath saret popolari bħala raħal bi spa fl-era Ġorġjana. L-arkitettura Ġorġjana, maħduma mill-ġebla ta' Bath, tinkludi r-Royal Crescent (litteralment binja rjali b'għamla ta' nofs qamar), is-Circus, il-Kamra tal-Pompi u l-Kmamar tal-Assemblaġġ, fejn Beau Nash ippresjeda fuq il-ħajja soċjali tal-belt mill-1705 sa mewtu fl-1761.
Ħafna mit-toroq u l-pjazez ġew stabbiliti minn John Wood ix-Xiħ, u fis-seklu 18 il-belt saret popolari u l-popolazzjoni kibret. Jane Austen għexet f'Bath fil-bidu tas-seklu 19. Il-kostruzzjoni kompliet fis-seklu 19 u wara l-Blitz ta' Bath fit-Tieni Gwerra Dinjija. Bath saret parti mill-kontea ta' Avon fl-1974, u wara l-abolizzjoni ta' Avon fl-1996, saret iċ-ċentru prinċipali ta' Bath u tal-Grigal ta' Somerset.
Bath tilqa' iktar minn 6 miljun viżitatur fis-sena[6], u b'hekk hija waħda mill-għaxar bliet Ingliżi li l-iktar iżuruhom turisti barranin.[7][8] Fost l-attrazzjonijiet tal-belt hemm l-ispas, il-ġiti bid-dgħajjes tul il-kanali, ir-Royal Crescent, Bath Skyline, il-Ġonna tal-Parati u l-Park Irjali ta' Vitorja li jospita l-karnival u avvenimenti staġonali. Fost iż-żoni bil-ħwienet hemm iċ-ċentru kummerċjali ta' SouthGate, il-kuritur bl-arkati u l-ħwienet artiġjanali ta' Walcot, u t-Toroq ta' Milsom, ta' Stall u ta' York. Hemm ukoll diversi teatri, inkluż it-Teatru Rjali, kif ukoll diversi mużewijiet, fosthom il-Mużew tal-Arkitettura ta' Bath, il-Gallerija tal-Arti ta' Vitorja, il-Mużew tal-Arti tal-Lvant tal-Asja, il-Mużew tal-Astronomija ta' Herschel, il-Mużew tal-Moda, u l-Mużew ta' Holburne. Il-belt għandha żewġ universitajiet – l-Università ta' Bath u l-Università tal-Ispa ta' Bath – u l-Kulleġġ ta' Bath li jipprovdi edukazzjoni ulterjuri. Fost il-klabbs sportivi tal-belt hemm il-Bath Rugby u Bath City.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Żmien il-Ħaġar, il-Bronż u l-Ħadid
[immodifika | immodifika s-sors]L-għoljiet fil-lokalità bħal dawk ta' Bathampton Down ilhom b'attività umana mill-Mesolitiku.[9] Diversi tumbati tondi tal-ħamrija ta' Żmien il-Bronż infetħu minn John Skinner fis-seklu 18.[10] Sit b'tumbata twila li huwa maħsub li jmur lura għall-poplu Beaker ta' Żmien il-Bronż Bikri ġie ċċattjat biex ikun hemm spazju għall-RAF Charmy Down.[11][12] Il-forti tal-Għolja ta' Solsbury faċċata tal-belt attwali kien forti ta' Żmien il-Ħadid u x'aktarx li kien hemm forti ieħor tal-istess żmien biswit Bathampton Camp.[13][14]
Banjijiet Rumani u l-era Rumana
[immodifika | immodifika s-sors]L-evidenza arkeoloġika turi li s-sit tal-fawwara prinċipali tal-banjijiet Rumani jaf kien ġie ttrattat bħala santwarju mill-Brittaniċi Ċeltiċi[15][16], u kien iddedikat lill-alla femminili Sulis, li r-Rumani identifikaw ma' Minerva; l-isem "Sulis" baqa' jintuża wara l-invażjoni Rumana, u fil-fatt jidher fl-isem Ruman tar-raħal, Aquae Sulis (litteralment, "l-ilmijiet ta' Sulis").[17] L-arkeologi rkupraw messaġġi ddedikati lilha mnaqqxa fuq il-metall, magħrufa bħala tavli tas-saħta, mill-fawwara sagra. It-tavli kellhom kitba Latina, bi kliem ta' saħta kontra dawk li għamlu xi deni kontra min naqqaxhom.[18] Pereżempju, jekk ċittadin kienu jinsterqulu l-ħwejjeġ sakemm kien ikun fil-banjijiet, seta' jikteb saħta, u jsemmi lin-nies li kien jissuspetta, fuq tavla biex tinqara mill-alla femminili.
Fis-60-70 W.K. inbena tempju, u matul it-300 sena ta' wara nbena kumpless ta' banjijiet.[19] L-inġiniera daħħlu pilastri tal-ballut fit-tajn bħala pedamenti stabbli, u madwar il-fawwara bnew kompartiment bil-ġebel irregolari mdawwar biċ-ċomb. Fis-seklu 2, il-fawwara ġiet inkorporata fi ħdan struttura tal-injam bil-volti b'għamla ta' bittija li kellha l-caldarium (banju sħun), tepidarium (banju fietel), u frigidarium (banju kiesaħ).[20]
Iktar 'il quddiem mar-raħal inbnew is-swar difensivi, x'aktarx fis-seklu 3.[21] Wara l-falliment ta' awtorità Rumana fl-ewwel deċennju tas-seklu 5, il-banjijiet ġew mitluqa u eventwalment intilfu minħabba ż-żieda fil-livelli tal-ilma u tad-depożiti.[22]
F'Marzu 2012, teżor ta' 30,000 munita tal-fidda tar-Rumani, wieħed mill-ikbar teżori li qatt ġew skoperti fir-Renju Unit, instab permezz tal-iskavi arkeoloġiċi. Il-muniti, li huwa maħsub li jmorru lura għas-seklu 3, instabu madwar 150 metru (490 pied) mill-banjijiet Rumani.
Era Post-Rumana u Medjevali
[immodifika | immodifika s-sors]Bath x'aktarx li kienet is-sit tal-Battalja ta' Badon (għall-ħabta tal-500 W.K.), fejn Arthur, l-eroj tal-leġġendi ta' wara, jingħad li rebaħ kontra l-Anglo-Sassoni.[23] Ir-raħal inħataf mis-Sassoni tal-Punent fil-577 wara l-Battalja ta' Deorham;[24] il-poeżija Anglo-Sassona The Ruin jaf tiddeskrivi d-dehra tas-sit Ruman f'dak iż-żmien.[25] Ġie stabbilit ukoll monasteru f'data bikrija – jingħad minn San David għalkemm wisq probabbli ġie stabbilit minn Osric, ir-Re tal-Hwicce,[26] li x'aktarx uża s-sit bis-swar bħala ċ-ċirkoskrizzjoni tiegħu.[27] Nennius, storiku tas-seklu 9, isemmi "Lag Sħun" fl-art tal-Hwicce tul ix-xmara Severn, u jżid "Huwa mdawwar bis-swar, magħmul bil-brikks u bil-ġebel, u l-irġiel jistgħu jmorru hemmhekk fi kwalunkwe ħin biex jgħumu, u kull raġel jista' jidħol fit-tip ta' banju li jkun jixtieq. Jekk ikun irid, jista' jidħol f'banju kiesaħ; u jekk ikun irid, jista' jidħol f'banju sħun". Bede iddeskriva l-banjijiet sħan fl-introduzzjoni ġeografika tal-Istorja Ekkleżjastika b'termini simili ħafna għal dawk ta' Nennius.[28] Ir-Re Offa ta' Mercia kiseb il-kontroll tal-monasteru fis-781 u reġa' bena l-knisja, li ġiet iddedikata lil San Pietru.[29]
Skont il-Vitorjan Edward Churton, matul l-era tal-Anglo-Sassoni, Bath kienet magħrufa bħala Acemannesceastre ("Akemanchester"), jew "belt tal-irġiel bl-uġigħ", b'referenza għar-reputazzjoni li kellhom dawn il-fawwariet li jfejqu l-morda.[30]
Sas-seklu 9, il-pjanta antika tat-toroq Rumani ntilfet u Bath saret proprjetà rjali. Ir-Re Alfred reġa' stabbilixxa r-raħal mill-ġdid, u ħalla l-kwadrant tax-Xlokk tiegħu bħala ċ-ċirkoskrizzjoni tal-abbazija. Fil-Burghal Hidage, Bath ġiet irreġistrata bħala burh (borough jew distrett) u ġiet deskritta bħala raħal bi swar twal 1,375 jarda (1,257 metru) b'allokazzjoni ta' 1,000 raġel għad-difiża.[31] Matul ir-renju ta' Edward ix-Xiħ ġew izzekkati l-muniti f'Bath abbażi ta' disinn miz-zekka ta' Winchester iżda bil-kitba "BAD" fuq in-naħa ta' wara b'rabta mal-isem Anglo-Sassonu tar-raħal, Baðum, Baðan jew Baðon, li jfisser "fil-banjijiet",[32] u dan kien is-sors tal-isem attwali. Edgar tal-Ingilterra ġie nkurunat bħala r-re tal-Ingilterra fl-Abbazija ta' Bath fid-973, f'ċerimonja li ffurmat il-bażi għal kull inkurunazzjoni futura fir-Renju Unit.[33]
William Rufus ta r-raħal, l-abbazija u z-zekka lil fiżiku rjali, Ġwanni ta' Tours, li sar Isqof ta' Wells u l-Patri Superjuri ta' Bath, wara li r-rikkezzi tar-raħal insterqu matul ir-Ribelljoni tal-1088. Il-politika Papali għall-isqfijiet kienet li jittrasferixxu ruħhom f'sedi iktar urbani, u Ġwanni ta' Tours ittrasferixxa ruħu minn Wells għal Bath. L-isqof ippjana u beda jibni knisja ikbar bħala l-katidral tiegħu, u magħha ġie mehmuż pirjolat, bil-palazz tal-isqof maġenbu. Il-banjijiet il-ġodda nbnew madwar it-tliet fawwariet. L-isqfijiet ta' wara rritornaw is-sede episkopali lejn Wells għalkemm żammew l-isem ta' Bath fit-titlu, l-Isqof ta' Bath u ta' Wells. L-Isptar ta' San Ġwann ġie stabbilit għall-ħabta tal-1180 mill-Isqof Reginald Fitz Jocelin u huwa fost l-eqdem strutturi għall-foqra fl-Ingilterra.[34] L-"isptar tal-banjijiet" inbena maġenb il-fawwariet termali tal-Banju tas-Salib, minħabba l-proprjetajiet tas-saħħa tagħhom u biex il-foqra morda jingħataw il-kenn.[35]
Kien hemm mijiet ta' sistemi amministrattivi. Il-Bath Hundred kellu diversi ismijiet, inkluż il-Mija ta' Le Buri. Il-Mitt Barranin ta' Bath jew Forinsecum kienu jkopru ż-żona 'l barra mill-belt u iktar 'il quddiem ġew ikkombinati mal-Mija tal-Forum ta' Bath. Il-merkanti għonja ma kellhom l-ebda status fi ħdan il-mitt qorti u ffurmaw xirkiet sabiex ikollhom iktar influwenza. Huma bnew l-ewwel sala tax-xirkiet x'aktarx fis-seklu 13. Għall-ħabta tal-1200 inħatar l-ewwel sindku.[36]
Era moderna bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Sas-seklu 15, l-abbazija ta' Bath ġiet dilapidata u Oliver King, l-Isqof ta' Bath u ta' Wells, iddeċieda jerġa' jibniha fuq skala iżgħar fl-1500. Il-knisja l-ġdida tlestiet ftit snin qabel ma ġie xolt il-Pirjolat ta' Bath fl-1539 minn Enriku VIII.[37] L-abbazija kienet mitluqa qabel ma ġiet irrestawrata bħala l-knisja parrokkjali tal-belt fl-era ta' Eliżabetta, meta l-belt esperjenzat rinnovament bħala spa. Il-banjijiet ġew imtejba u l-belt bdiet tattira lill-aristokrazija.[38] Karta rjali mogħtija mir-Reġina Eliżabetta I fl-1590 ikkonfermat l-istatus ta' belt. Anna tad-Danimarka marret tuża l-banjijiet fl-1613 u fl-1615.[39]
Marul il-Gwerra Ċivili Ingliża, il-belt ingħatat gwarniġjon għal Karlu I. Intefqu sebat elef sterlina fuq il-fortifikazzjonijiet, iżda malli tfaċċaw il-forzi parlamentari, id-daħliet ġew miftuħin beraħ u l-belt arrendiet. Saret post sinifikanti għall-armata tal-Assoċjazzjoni tal-Punent taħt William Waller.[40] Bath reġgħet ittieħdet mill-irjalisti f'Lulju 1643 wara l-Battalja ta' Lansdowne u ġiet okkupata għal sentejn sal-1645.[41] B'xorti tajba, il-belt ħelsitha ħafif mill-qerda tal-proprjetà u mill-ġuħ fost l-abitanti tagħha għad-differenza ta' Bristol u ta' Gloucester fil-qrib. Matul l-okkupazzjoni, il-finanzi tal-Kunsill tal-Belt ta' Bath ħadu daqqa ta' ħarta u l-infiq, il-kirjiet u l-għotjiet tal-kunsill naqsu ħesrem. L-istazzjonar tas-suldati fid-djar privati kkontribwixxa wkoll għad-diżordni u għall-vandaliżmu.[42]
Il-belt malajr reġgħet lura għan-normalità wara l-gwerra meta l-kunsill tal-belt kisbet surplus tajjeb tal-baġit. Thomas Guidott, student tal-kimika u tal-mediċina fil-Kulleġġ ta' Wadham, Oxford, stabbilixxa prattika fil-belt fl-1668. Huwa kien interessat fil-proprjetajiet ta' fejqan tal-ilmijiet, u huwa kiteb A discourse of Bathe, and the hot waters there. Also, Some Enquiries into the Nature of the water (Saġġ dwar l-ilmijiet sħan ta' Bath. Kif ukoll, Inkjesti dwar in-Natura tal-ilma) fl-1676. Il-proprjetajiet tas-saħħa tal-ilmijiet minerali sħan attiraw lil diversi nies mill-pajjiż kollu, fosthom l-aristokrazija.[43]
Diversi żoni tal-belt ġew żviluppati fil-perjodu ta' Stuart, u twettqet iktar kostruzzjoni matul iż-żminijiet Ġorġjani b'rispons għaż-żieda fl-għadd ta' viżitaturi li kellhom bżonn akkomodazzjoni.[44] L-arkitetti John Wood ix-Xiħ u ibnu stabbilew l-kwartieri l-ġodda bit-toroq u bil-pjazez, b'faċċati identiċi li taw l-impressjoni ta' skala ta' palazzi b'dekor klassiku.[45] Il-biċċa l-kbira tal-ġebla ta' Bath lewn id-deheb, tip ta' ġebla tal-ġir użata fil-kostruzzjoni fil-belt, inkisbet mill-minjieri ta' Combe Down u ta' Bathampton Down li kienu proprjetajiet ta' Ralph Allen (1694-1764). Allen, sabiex jirreklama l-kwalità tal-ġebla tal-ġir estratta tiegħu, ikkummisjona lil John Wood ix-Xiħ biex jibni dar tal-villeġġjatura fil-proprjetà ta' Prior Park tiegħu bejn il-belt u l-minjieri. Allen kien responsabbli għat-titjib u għat-tkabbir tas-servizz postali fil-Punent tal-Ingilterra, li kellu l-kuntratt għalih għal iktar minn erbgħin sena. Għalkemm ma kienx iħobb wisq il-politika, Allen kien raġel b'perspettiva ċivika u kien membru tal-Korporazzjoni ta' Bath għal bosta snin. Huwa ġie elett sindku għal mandat wieħed fl-1742.[46]
Fil-bidu tas-seklu 18, Bath kisbet l-ewwel teatru tagħha, it-Teatru ta' Old Orchard Street. Dan ġie rikostruwit bħala t-Teatru Rjali, flimkien mal-Kamra l-Kbira tal-Pompi mehmuża mal-Banjijiet Rumani u l-kmamar tal-assemblaġġ. Il-mastru taċ-ċerimonji Beau Nash, li ppresjeda fuq il-ħajja soċjali tal-belt mill-1704 sa mewtu fl-1761, fassal kodiċi ta' mġiba għall-intratteniment pubbliku.[47] Bath x'aktarx kienet saret l-iżjed popolari fost l-irħula Brittaniċi bi spa li kienu qed jiżviluppaw malajr, u attirat bosta viżitaturi notevoli bħall-bejjiegħ għani tal-kotba minn Londra Andrew Millar u martu, li t-tnejn li huma għamlu żjarat fit-tul.[48] Fl-1816, ġiet deskritta bħala "sede ta' divertiment u ta' dissipazzjoni", fejn "xeni ta' lussu fost l-għonja, id-dgħajfa, il-weqfin u oħrajn" kienu affarijiet tas-soltu.[49]
Era moderna aħħarija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-popolazzjoni tal-belt kienet tlaħħaq l-40,020 ruħ fiċ-ċensiment tal-1801, u b'hekk Bath kienet waħda mill-ikbar bliet fir-Renju Unit.[50] William Thomas Beckford xtara dar f'Lansdown Crescent fl-1822, u sussegwentement xtara żewġt idjar ħdejn xulxin biex jiffurmaw ir-residenza tiegħu. Wara li akkwista l-art kollha ta' bejn id-dar tiegħu u l-quċċata tal-Għolja ta' Lansdown, huwa ħoloq ġnien twil iktar minn 1⁄2 mil (800 metru) u bena t-Torri ta' Beckford fuq nett.[51]
L-Imperatur Haile Selassie tal-Etjopja qatta' erba' snin fl-eżilju, mill-1936 sal-1940, f'Fairfield House f'Bath.[52] Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, bejn il-lejla tal-25 ta' April u kmieni filgħodu tas-27 ta' April 1942, Bath ġarrbet tliet bumbardamenti mill-ajru bi tpattija għall-attakki tal-RAF fuq il-bliet Ġermaniżi ta' Lübeck u ta' Rostock, parti mill-kampanja tal-Luftwaffe magħrufa iktar bħala l-Blitz ta' Baedeker. Matul il-Blitz ta' Bath, iktar minn 400 ruħ inqatlu, u iktar minn 19,000 binja ġarrbu ħsarat jew inqerdu.[53]
Id-djar fir-Royal Crescent, is-Circus u l-Paragon ħadu n-nar flimkien mal-Kmamar tal-Assemblaġġ. Bomba ta' 500 kilogramma (1,100 libbra) ħadet fin-naħa tal-Lvant tal-Pjazza tar-Reġina (Queen Square), u ġarrbet ħsarat estensivi għad-dhar tan-naħa tan-Nofsinhar u l-Francis Hotel tilfet 24 metru (79 pied) mill-faċċata tagħha. Il-binjiet kollha ġew irrestawrati għalkemm għad hemm traċċi tal-bumbardament.[54]
Rieżami ta' wara l-gwerra rigward l-abitazzjonijiet mhux adegwati wasslu għall-ikklerjar u l-iżvilupp mill-ġdid taż-żoni tal-belt bi stil ta' wara l-gwerra, spiss ivarja mill-istil Ġorġjan lokali. Fis-snin 50 tas-seklu 20, l-irħula fil-qrib ta' Combe Down, Twerton u Weston ġew inkorporati fil-belt sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-abitazzjonijiet, il-biċċa l-kbira tal-gvern. Fl-1965, il-pjanifikatur tal-irħula Colin Buchanan ippubblika Bath: A Planning and Transport Study (Bath: Studju dwar l-Ippjanar u t-Trasport), u inġenerali pprova jakkomoda l-użu tal-vetturi bil-mutur, inkluż l-idea ta' mina għat-traffiku minn taħt iċ-ċentru ta' Bath. Għalkemm ġie ikkritikat mill-konservazzjonisti, xi partijiet mill-pjan ġew implimentati.
Fis-snin 70 u 80 tas-seklu 20, ġie rrikonoxxut li l-konservazzjoni tal-binjiet storiċi ma kinitx adegwata, u dan wassal biex il-binjiet u l-ispazji fil-beraħ jerġgħu jintużaw u ssirilhom il-manutenzjoni meħtieġa. Fl-1987 il-belt tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, minħabba l-importanza kulturali internazzjonali tagħha.[4]
Bejn l-1991 u s-sena 2000, f'Bath seħħew sensiela ta' stupri mwettqa minn raġel mhux identifikat imlaqqam "Batman l-istupratur". L-awtur tar-reati baqa' qatt ma nqabad u huwa s-suġġett ewlieni tal-itwal investigazzjoni ta' stupri serjali fir-Renju Unit. Jingħad li kien iħobb il-fetixx, kellu ġerħa taħt ix-xoffa t'isfel u kien jirresjedi fl-inħawi ta' Bath jew midħla sew tal-belt. Ġie kkollegat ukoll mal-qtil mhux solvut ta' Melanie Hall, li seħħ fil-belt fl-1996. Għalkemm id-DNA tal-awtur tar-reat huwa magħruf u diversi eluf ta' rġiel f'Bath ġew ittestjati ma' dan id-DNA, l-awtur tar-reat baqa' qatt ma nstab jew inqabad mill-pulizija.
Mis-sena 2000, fost l-iżviluppi ewlenin li saru fil-belt saru dawk tat-Thermae Bath Spa, iċ-ċentru kummerċjali bil-ħwienet ta' SouthGate, il-proġett residenzjali ta' Western Riverside fuq is-sit tal-fabbrika ta' Stothert & Pitt, u l-iżvilupp tan-negozju u tal-uffiċini ta' Bath Quays max-xmara. Fl-2021, Bath saret parti minn Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO, l-"Irħula Kbar bi Spa fl-Ewropa".[5]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Belt ta' Bath ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]
Barra minn hekk, fl-24 ta' Lulju 2021, l-Irħula Kbar bi Spa fl-Ewropa ġew iddeżinjati uffiċjalment bħala Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO.[5][55] L-isforzi biex l-Irħula Kbar bi Spa fl-Ewropa jitniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bdew fl-2012, u n-nomina tressqet fl-2019.[56]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[5]
Ġeografija u ambjent
[immodifika | immodifika s-sors]Ġeografija fiżika
[immodifika | immodifika s-sors]Bath tinsab fil-Wied ta' Avon u hija mdawra minn għoljiet tal-ġebla tal-ġir peress li tinsab qrib it-tarf tan-Nofsinhar ta' Cotswolds, żona ddeżinjata ta' Sbuħija Naturali Straordinarja, u l-Għoljiet tal-ġebla tal-ġir ta' Mendip jibqgħu telgħin sa madwar 7 mili (11-il kilometru) fin-Nofsinhar tal-belt. L-għoljiet tal-belt u ta' madwarha għandhom altitudni massima ta' 781 pied (238 metru) fuq il-promontorju ta' Lansdown. Bath għandha erja ta' 11-il mil kwadru (28 kilometru kwadru).
Il-baċir tal-fluss tax-xmara Avon għandu altitudni ta' madwar 59 pied (18-il metru) 'il fuq mil-livell tal-baħar, għalkemm iċ-ċentru tal-belt jinsab f'elevazzjoni ta' madwar 25 metru (82 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Ix-xmara, li fl-imgħoddi kienet sensiela mhux navigabbli ta' diversi nixxigħat, artijiet bassasa u għadajjar, ġiet ġestita permezz ta' żbarramenti f'kanal uniku. L-għargħar perjodiku, li qassar il-ħajja ta' bosta binjiet fl-iżjed parti baxxa tal-belt, kien normali sa ma tlestew ix-xogħlijiet ewlenin ta' kontroll tal-għargħar fis-snin 70 tas-seklu 20. Kensington Meadows hija żona ta' boskijiet imħallta u mergħat fil-beraħ qrib ix-xmara li ġiet iddeżinjata bħala riżerva naturali lokali.
L-ilma jbaqbaq mill-art bħala fawwariet ġeotermiċi jorġina bħala xita fuq l-Għoljiet ta' Mendip. Ix-xita tiskula mill-akkwifers tal-ġebla tal-ġir sa fond ta' bejn 9,000 sa 14,000 pied (2,700 sa 4,300 metru) fejn l-enerġija ġeotermali tgħolli t-temperatura tal-ilma għal bejn 64 u 96 °C (bejn wieħed u ieħor 147-205 °F). Taħt il-pressa, l-ilma msaħħan jitla' fil-wiċċ minn ġox-xquq u ġol-konsenturi fil-ġebla tal-ġir. L-ilma sħun b'temperatura ta' 46 °C (115 °F) jitla' hawnhekk b'rata ta' 1,170,000 litru (257,364 gallun) kuljum, mill-qasma ġeoloġika ta' Pennyquick.
Fl-1983, ġie stabbilit bore hole ġdid bl-ilma tal-ispa, sabiex jipprovdi provvista nadifa u sikura tal-ilma tax-xorb fil-Kamra tal-Pompi. Ma hemm l-ebda definizzjoni universali li tiddistingwi bejn fawwara tal-ilma sħun u fawwara ġeotermali, għalkemm skont diversi definizzjonijiet, il-fawwariet ta' Bath jistgħu jitqiesu bħala l-unika fawwariet termali fir-Renju Unit. Tlieta mill-fawwariet jalimentaw il-banjijiet termali.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Flimkien mal-kumplament tal-Lbiċ tal-Ingilterra, Bath għandha klima miti li ġeneralment tkun iktar miti u bix-xita mill-bqija tal-pajjiż. It-temperatura medja annwali tkun bejn wieħed u ieħor 10 °C (50.0 °F). Il-varjazzjoni staġonali fit-temperatura hija inqas estrema mill-biċċa l-kbira tar-Renju Unit minħabba t-temperaturi tal-baħar biswitha. Ix-xhur tas-sajf ta' Lulju u ta' Awwissu huma l-iżjed sħan, b'temperaturi massimi medji ta' kuljum ta' madwar 21 °C (69.8 °F). Fix-xitwa, it-temperaturi minimi medji ta' 1 jew 2 °C (33.8 jew 35.6 °F) huma komuni. Fis-sajf, il-pressjoni għolja mill-Azores taffettwa l-Lbiċ tal-Ingilterra u ġġib magħha temp miti; madankollu, is-sħab konvettiv xi kultant jifforma iktar 'il ġewwa, u jnaqqas l-għadd ta' sigħat ta' xemx. Ir-rati annwali ta' xemx huma kemxejn inqas mill-medja reġjonali ta' 1,600 siegħa.
F'Diċembru 1998 kien hemm 20 jum mingħajr xemx irreġistrati f'Yeovilton. Il-biċċa l-kbira mix-xita fil-Lbiċ tiġi kkawżata minn depressjonijiet Atlantiċi jew mill-konvezzjoni. Ħafna mix-xita fil-ħarifa u fix-xitwa tiġi kkawżat mid-dipressjonijiet Atlantiċi li jkunu fl-aqwa tagħhom f'dak iż-żmien. Fis-sajf, proporzjon kbir mix-xita jiġi kkawżat mix-xemx li ssaħħan l-art, dan iwassal għall-konvezzjoni, u għal xita qliel u maltempati bir-ragħad. Il-preċipitazzjoni medja hija ta' madwar 700 mm (28 pulzier). Madwar tmint ijiem sa 15-il jum bil-borra huma tipiċi. Minn Novembru sa Marzu jkun hemm l-ogħla veloċitajiet medji tar-riħ, u minn Ġunju sa Awwissu r-riħ iktar ħafif. Ir-riħ jonfoħ b'mod predominanti mil-Lbiċ.
Data klimatika għal Bath
Temperaturi massimi u minimi, u l-preċipitazzjoni medja rreġistrata bejn l-1981 u l-2010 mill-Uffiċċju Meteoroloġiku. | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 15.7
(60.3) |
16.4
(61.5) |
22.2
(72.0) |
26.5
(79.7) |
30.1
(86.2) |
33.4
(92.1) |
35.1
(95.2) |
35.3
(95.5) |
31.2
(88.2) |
26.3
(79.3) |
18.2
(64.8) |
16.0
(60.8) |
35.3
(95.5) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 7.6
(45.7) |
7.9
(46.2) |
10.5
(50.9) |
13.3
(55.9) |
16.7
(62.1) |
19.7
(67.5) |
21.7
(71.1) |
21.5
(70.7) |
18.8
(65.8) |
14.6
(58.3) |
10.7
(51.3) |
8.0
(46.4) |
14.3
(57.7) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 1.9
(35.4) |
1.7
(35.1) |
3.5
(38.3) |
4.6
(40.3) |
7.5
(45.5) |
10.4
(50.7) |
12.5
(54.5) |
12.4
(54.3) |
10.3
(50.5) |
7.6
(45.7) |
4.5
(40.1) |
2.3
(36.1) |
6.6
(43.9) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −13.7
(7.3) |
−12.3
(9.9) |
−8.8
(16.2) |
−3.2
(26.2) |
0.3
(32.5) |
2.5
(36.5) |
5.2
(41.4) |
3.1
(37.6) |
−0.6
(30.9) |
−4.2
(24.4) |
−9.2
(15.4) |
−11.6
(11.1) |
−13.7
(7.3) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 82.5
(3.25) |
53.2
(2.09) |
63.7
(2.51) |
56.9
(2.24) |
59.7
(2.35) |
51.9
(2.04) |
55.8
(2.20) |
65.7
(2.59) |
66.6
(2.62) |
88.5
(3.48) |
82.7
(3.26) |
87.1
(3.43) |
814.1
(32.05) |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 40.8 | 66.5 | 118.9 | 157.0 | 190.9 | 188.8 | 211.9 | 202.7 | 143.9 | 82.1 | 51.7 | 37.7 | 1,492.7 |
Sors: l-Uffiċċju Meteoroloġiku.[57] |
Medda ħadra
[immodifika | immodifika s-sors]Bath hija mdawra għalkollox minn medda ħadra bħala parti minn politika ambjentali u tal-ippjanar usa' li ġiet iddeżinjata għall-ewwel darba fl-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 20, u din hija estiża għall-biċċa l-kbira tad-distrett tal-madwar u lil hinn, b'hekk tgħin biex l-ispazju lokali jibqa' aħdar, tipprevjeni li jkun hemm iktar espansjoni urbana u mhux ippjanata lejn Bristol u Bradford-on-Avon, kif ukoll tipproteġi l-villaġġ iżgħar bejniethom. Fost is-subborgi tal-belt li jikkonfinaw mal-medda ħadra hemm Batheaston, Bathford, Bathampton, il-kampus tal-Università ta' Bath, Ensleigh, Twerton, Upper Weston, Odd Down u Combe Down.
Partijiet min-Nofsinhar ta' Cotswolds AONB jagħmlu parti mill-medda ħadra fit-Tramuntana tal-belt, u hemm karatteristiċi u faċilitajiet pajsaġġistiċi oħra fil-qrib fi ħdan il-medda ħadra, fosthom ix-xmara Avon, il-Kanal ta' Kennet u ta' Avon, il-Korsa ta' Bath, il-Klabb tal-Golf ta' Bath, Bathampton Down, ir-Riżerva Naturali tal-Mergħa ta' Bathampton, il-Mogħdija Ferrovjarja ta' Bristol u ta' Bath, il-Mogħdija ta' Cotswold, ir-rotta tal-Medda tal-Ġebla tal-Ġir, il-Park ta' Pennyquick, l-Għolja ż-Żgħira ta' Solsbury u l-Għolja ta' Primrose.
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]Distrett
[immodifika | immodifika s-sors]Skont iċ-ċensiment tal-2011, Bath, flimkien mal-Grigal ta' Somerset, inkluż iż-żoni madwar Bath saħansitra tal-Wied ta' Chew, kellhom popolazzjoni ta' 176,015 ruħ. Skont l-istess statistika demografika, id-distrett huwa popolat l-iktar minn nies ta' karnaġġjon abjad (94.6 %) – ferm ogħla mill-medja nazzjonali ta' 87.17 %. Gruppi etniċi oħra fid-distrett, skont id-daqs tal-popolazzjoni, huma multirazzjali – 1.6 %, 2.6 % Asjatiċi u 0.8 % nies ta' karnaġġjon iswed (il-medji nazzjonali huma 1.98 %, 6.92 % u 3.01 %, rispettivament).
Id-distrett huwa fil-maġġoranza magħmul minn Kristjani (56.5 %), u l-ebda reliġjon oħra ma tasal iktar minn 0.7 %. Dawn iċ-ċifri ġeneralment jaqblu mal-medji nazzjonali, iżda n-nies mhux reliġjużi (32.7 %), huma ferm iktar prevalenti mill-medja nazzjonali ta' 25.67 %. 83.9 % tar-residenti kklassifikaw is-saħħa tagħhom bħala tajba jew tajba ħafna, ogħla mil-livell nazzjonali (81.40 %). Fuq livell nazzjonali, 18 % tan-nies jiddeskrivu li għandhom marda fit-tul; filwaqt li f'Bath iċ-ċifra hija ta' 16.10 %.
Belt
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċensiment tal-2011 irreġistra popolazzjoni ta' 94,782 ruħ fiż-żona mibnija ta' Bath u ta' 88,859 ruħ taż-żona mingħajr parroċċa (il-belt), u din tal-aħħar tikkorrispondi mal-konfini tal-kostitwenza parlamentari. Iż-żona mibnija ta' Bath hija estiża kemxejn lil hinn mill-konfini tal-belt stess, u tinkludi żoni lejn il-Grigal bħal Bathampton u Bathford. Iċ-ċensiment tal-2001 għall-belt kien irreġistra popolazzjoni ta' 83,992 ruħ. Sal-2019, il-popolazzjoni ġiet stmata li kienet laħqet id-90,000 ruħ.
Abitant minn Bath bl-Ingliż jissejjaħ "Bathonian".
It-tabella ta' hawn taħt tqabbel il-belt (iż-żona mingħajr parroċċa) ta' Bath mad-distrett tal-awtorità unitarja kollha kemm hi (inkluż il-belt) u l-Lbiċ tal-Ingilterra.
Gruppi etniċi fl-2011 | Belt ta' Bath | Bath u l-Grigal ta' Somerset | Lbiċ tal-Ingilterra |
---|---|---|---|
Brittaniċi b'Karnaġġjon Abjad | 85.0% | 90.1% | 91.8% |
Asjatiċi | 4.2% | 2.6% | 2.0% |
Karnaġġjon Iswed | 1.2% | 0.7% | 0.9% |
Oħrajn b'Karnaġġjon Abjad | 4.7% | 4.4% | 3.6% |
Ġemellaġġi
[immodifika | immodifika s-sors]Ġemellaġġ
[immodifika | immodifika s-sors]Bath hija ġemellata ma' erba' bliet oħra fl-Ewropa. Il-ġemellaġġ huwa r-responsabbiltà taċ-Charter Trustees u kull arranġament ta' ġemellaġġ jiġi ġestit minn Assoċjazzjoni tal-Ġemellaġġ.[58]
Hemm ukoll rabta storika ma' Manly, New South Wales, l-Awstralja, li titqies bħala belt b'relazzjoni speċjali, u hemm arranġament ta' partenarjat ma' Beppu, il-Prefettura ta' Ōita, il-Ġappun.
Ġemellaġġ formali
[immodifika | immodifika s-sors]- Aix-en-Provence, Franza;[59]
- Alkmaar, in-Netherlands;
- Braunschweig, il-Ġermanja;[60]
- Kaposvár, l-Ungerija.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Wells, John C. (2008). Longman Pronunciation Dictionary (3rd ed.). Longman. ISBN 978-1-4058-8118-0.
- ^ Altendorf, Ulrike; Watt, Dominic (2004). "The dialects in the South of England: phonology". In Schneider, Edgar W.; Burridge, Kate; Kortmann, Bernd; Mesthrie, Rajend; Upton, Clive (eds.). A Handbook of Varieties of English. Vol. 1: Phonology. Mouton de Gruyter. ISBN 978-3-11-017532-5. p. 199.
- ^ "United Kingdom: Countries and Major Cities - Population Statistics, Maps, Charts, Weather and Web Information". www.citypopulation.de. Miġbur 2023-08-09.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "City of Bath". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-09.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "The Great Spa Towns of Europe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-09.
- ^ "Visitors and tourists | Bath and North East Somerset Council". beta.bathnes.gov.uk. Miġbur 2023-08-09.
- ^ "Travel trends - Office for National Statistics". web.archive.org. 2020-12-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-12-10. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Experience Bath - Tailor-made visits to Bath". web.archive.org. 2020-11-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-11-25. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Pastscape - Detailed Result: MONUMENT NO. 204162". web.archive.org. 2015-05-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-05-04. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Thomas, Rod (2008). A Sacred landscape: The prehistory of Bathampton Down. Bath: Millstream Books. p. 21. ISBN 978-0-948975-86-8.
- ^ "INTRODUCTION". web.archive.org. 2011-08-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-08-14. Miġbur 2023-08-09.
- ^ "Pastscape - Detailed Result: CHARMY DOWN". web.archive.org. 2017-08-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-08-22. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Thomas, Rod (2008). A Sacred landscape: The prehistory of Bathampton Down. Bath: Millstream Books. pp. 46–48. ISBN 978-0-948975-86-8.
- ^ "Pastscape - Detailed Result: BATHAMPTON CAMP". web.archive.org. 2015-05-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-05-04. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "History of Bath's Spa - Visit Bath". web.archive.org. 2015-03-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-03-15. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Romano-British Somerset: Part 2, Bath | British History Online". web.archive.org. 2015-09-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-09-30. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ A L Rowse, Heritage of Britain, 1995, Treasure of London, ISBN 978-0-907407-58-4, 184 pages, p. 15.
- ^ "Corpus of writing tablets from Roman Britain - guide to curse tablets". web.archive.org. 2011-08-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-10-05. Miġbur 2023-08-09.
- ^ "Bath World Heritage Site Management Plan 2.3". web.archive.org. 2007-06-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-06-14. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "The Roman Baths of Bath". web.archive.org. 2015-04-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-04-09. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Saxon Bath: Alfred's Borough". web.archive.org. 2009-06-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-06-11. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Southern, Patricia (2012). The Story of Roman Bath. Amberley. pp. 202–203. ISBN 978-1445610900.
- ^ "Brittonic and Saxon Bath: Dobunni to Hwicce". web.archive.org. 2015-09-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-09-23. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "history of bath england roman bath history history of bath". web.archive.org. 2008-02-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-02-20. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Klinck, Anne (1992). The Old English Elegies: A Critical Edition and Genre Study. Montreal: McGill-Queen's University Press. p. 61.
- ^ Davenport, Peter (2002). Medieval Bath Uncovered. Stroud: Tempus. pp. 31–34. ISBN 978-0752419657.
- ^ "St David /Dewi Sant / 100 Welsh Heroes / 100 Arwyr Cymru". web.archive.org. 2012-10-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-10-10. Miġbur 2023-08-09.
- ^ Campbell, James; John, Eric; Wormald, Patrick (1991). The Anglo-Saxons. Penguin. pp. 40–41. ISBN 978-0140143959.
- ^ "Abbey Church of St. Peter and St. Paul, Bath". web.archive.org. 2013-06-21. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-06-21. Miġbur 2023-08-09.
- ^ Churton, Edward (1841). The Early English Church (2nd ed.). London: James Burns. p. 102.
- ^ Davenport, Peter (2002). Medieval Bath Uncovered. Stroud: Tempus. pp. 40–42. ISBN 978-0752419657.
- ^ Davenport, Peter (2002). Medieval Bath Uncovered. Stroud: Tempus. pp. 50–51. ISBN 978-0752419657.
- ^ "English Monarchs - Kings and Queens of England - Edgar the Peaceful". web.archive.org. 2015-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-07-01. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Jean Manco, Spirit of Care". web.archive.org. 2009-08-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-08-21. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Shelter in Old Age". web.archive.org. 2015-09-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-09-23. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Davenport, Peter (2002). Medieval Bath Uncovered. Stroud: Tempus. pp. 97–98. ISBN 978-0752419657.
- ^ "Mayor of Bath". web.archive.org. 2012-01-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-01-14. Miġbur 2023-08-09.
- ^ "Mayor of Bath". web.archive.org. 2012-01-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-01-14. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Emanuel Green, 'The Visits to Bath of Two Queens', Proceedings of the Bath Natural History and Antiquarian Field Club, 7 (Bath, 1893), p. 224.
- ^ Crutwell, Clement (1801). A tour through the whole island of Great Britain; Divided into Journeys. Interspersed with Useful Observations; Particularly Calculated for the Use of Those who are Desirous of Travelling over England & Scotland. Vol. 2. pp. 387–388.
- ^ Rodgers, Colonel Hugh Cuthbert Basset (1968). Battles and Generals of the Civil Wars. Seeley Service & Co. p. 81. ASIN B000HJ9TUG.
- ^ Wroughton, John (2004). Stuart Bath: Life in the Forgotten City 1603–1714. The Lansdown Press. pp. 156, 158, 161–2, 174.
- ^ Burns, D. Thorburn (1981). "Thomas Guidott (1638–1705): Physician and Chymist, contributor to the analysis of mineral waters". Analytical Proceedings. 18 (1): 2–6.
- ^ Hembury, Phylis May (1990). The English Spa, 1560–1815: A Social History. Fairleigh Dickinson Univ. Press. pp. 114–121. ISBN 978-0-8386-3391-5.
- ^ "The John Wood Exhibition". web.archive.org. 2007-11-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-11-13. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Bath Postal Museum". web.archive.org. 2013-10-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-10-04. Miġbur 2023-08-09.
- ^ Eglin, John (2005). The Imaginary Autocrat: Beau Nash and the invention of Bath. Profile. p. 7. ISBN 978-1-86197-302-3.
- ^ "The manuscripts". web.archive.org. 2016-01-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-01-15. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Thorn, sir William (1816). A memoir of major-general sir R.R. Gillespie [by W. Thorn.]. p. 5 (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ "Bath PLU/RegD Somerset through time | Local history overview for the Poor Law Union/Reg. District". web.archive.org. 2007-10-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-10-12. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Detailed Record". web.archive.org. 2015-04-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-04-28. Miġbur 2023-08-09.
- ^ "Anglo-Ethiopian Society Website". web.archive.org. 2008-01-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-01-30. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "War History". web.archive.org. 2008-01-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-01-31. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Spence, Cathryn (2012). Bath in the Blitz: Then and Now. Stroud: The History Press. p. 55. ISBN 978-0-7524-6639-2.
- ^ Elgee, Emma (2021-06-07). "Bath another step closer to second World Heritage listing". SomersetLive (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-09.
- ^ Jetske (2019-01-30). "11 European cities nominate The Great Spas of Europe for UNESCO World Heritage List" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-09.
- ^ "UK climate averages". Met Office (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-09.
- ^ "Twinning | Bathnes". web.archive.org. 2016-10-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-17. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Twin towns - Complete France". web.archive.org. 2013-07-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-07-05. Miġbur 2023-08-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Braunschweigs Partner- und Freundschaftsstädte". web.archive.org. 2012-12-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-12-01. Miġbur 2023-08-09.