Aqbeż għall-kontentut

Aaron Camilleri Cauchi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aaron
Isem sħiħ Aaron Camilleri Cauchi
Twieled 12 ta' Marzu 1979 (1979-03-12) (45 sena)
Oriġini Malta Fgura
Snin ta' attività 1995–preżent

Aaron Camilleri Cauchi (12 ta' Marzu 1979) huwa artist Malti.

Camilleri Cauchi ġej minn linja familjari ta' artisti li bdiet min-nannuh Wistin Camilleri u kompliet b'uliedu, fosthom missieru Alfred. Aaron twieled fit-12 ta' Marzu 1979 minn Alfred u Catherine mwielda Ellul.

Id-doni artistiċi ta' Aaron dehru sa minn ċkunitu u din is-sengħa tal-familja ntirtet minn misser għal iben. Minn età żgħira huwa kien josserva u jgħin lil missieru fil-ħafna xogħlijiet artistiċi li ħoloq minn materjali differenti fosthom fit-tafal, fil-kartapesta, fil-fibreglass, fl-injam, fil-bronż, fil-ġebla Maltija u fl-irħam. Meta kiber, Aaron tħarreġ aktar fis-sengħa tal-iskultura kif ukoll kellu l-opportunità li jaħdem ġewwa l-Italja, proprju fid-Domus Dei ġewwa Ruma u l-Fonderia Storica Chiurazzi f'Napli.

Għalkemm ta' età żgħira, Aaron diġà ħoloq għadd kotran ta' xogħlijiet. Huwa ġie kkumissjonat jaħdem numru kbir ta' statwi tal-kartapesta li jżejnu l-pjazez u t-toroq tal-ibliet u l-irħula tagħna matul il-jiem ferrieħa tal-festi. Barra minn hekk, xogħlijiet oħra tiegħu jinsabu mxerrdin madwar l-Ewropa, l-Amerika u l-Awstralja. Apparti x-xeħta artistika li wiret min-niesu, ma tridx wisq biex tagħraf il-kapaċità akkademika fil-kompożizzjonijiet tiegħu, riflessa fl-istil u fl-oriġinalità bl-użu tal-kuluri. Il-figuri ta' qaddisin, appostli, profeti, anġli u personaġġi bibliċi li joħorġu minn taħt idejh jixhdu l-virtujiet tal-umiltà, karità u ġustizzja.

It-talenti ta' dan l-artist żagħżugħ jispikkaw fix-xogħlijiet relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa. Dan għaliex huwa ħadem numru ta' figuri lifesize tal-fibreglass sabiex jintużaw f'wirjiet diversi li jittellgħu f'dan iż-żmien qaddis. Fost dawn l-esebizzjonijiet, ta' min isemmi l-Mejda tal-Appostli fil-Belt Valletta, il-Ħasil tar-Riġlejn fil-Gudja u t-Tradiment ta' Ġuda f'San Ġiljan. Bejn l-2007 u l-2009, Camilleri Cauchi kien ikkummisjonat sabiex jaħdem tliet statwi tal-kartapesta għall-Katidral ta' San Ġorġ f'Ragusa fi Sqallija. Dawn jirrapreżentaw id-Duluri, is-Sepulkru Mqaddes u l-Irxoxt. Imma l-aktar xogħlijiet riċenti ta' Aaron li sawwar flimkien ma' missieru Alfred, relatati mal-Ġimgħa l-Kbira, saru għall-parroċċa ta' Ħal Għaxaq. Dan għaliex fis-sena 2010 u fl-2011, tnaqqxu fl-injam żewġ vari artistiċi li juru lil Ġesù marbut mal-kolonna u l-Ecce Homo rispettivament.

Camilleri Cauchi jispeċjalizza wkoll fix-xogħol ta' konservazzjoni u restawr. Fl-1999 Aaron irrestawra l-vari antiki tal-Ġimgħa l-Kbira li jinsabu fil-Knisja Katidrali ta' Għawdex. Dawn l-istatwi tal-kartapesta nħadmu min-nannuh Wistin Camilleri u minn Saverio Laferla, u wħud minnhom imorru lura sa tliet mitt sena. Fis-sena 2001, Aaron kellu sehem importanti fir-restawr tal-istatwa titulari ta' Santa Marija li nsibu fil-Katidral ta' Għawdex filwaqt li fl-2003, huwa rrestawra statwa tal-injam tal-Immakulata Kunċizzjoni li tinsab fil-knisja parrokjali ta' San Romano fil-belt ta' Ruma.

Fis-sajf tas-sena 2011, Camilleri Cauchi rrestawra l-vara titulari u devota tal-Madonna tal-Grazzja li nsibu fil-parroċċa ta' Ħaż-Żabbar. Matul il-proċess ta' restawr, huwa rnexxielu joħroġ l-karatteristiċi oriġinali tal-istatwa, li nħadmet mill-Artist Mariano Gerada. Proprju fil-bidu tas-sena 2012, Aaron irrestawra vara tal-injam li tirrapreżenta lil Marija Bambina jew il-Vitorja, kif inhi magħrufa aħjar mal-Maltin. Din tinsab fil-Knisja ta' San Franġisk t'Assisi f'Warrawong ġewwa Sydney, l-Awstralja.

Mill-1995 sal-2004, Camilleri Cauchi kien responsabbli mix-xogħlijiet ta' restawr u konservazzjoni fis-swali prinċipali ta' Palazzo Parisio, in-Naxxar. Dawn ix-xogħlijiet huma tal-artisti ta' fama internazzjonali Filippo Venuti, Antonio Cardona, G. Olzai u l-Professur Carlo Sada. Aaron irrestawra anke diversi xogħlijiet artistiċi antiki li jinsabu f'kollezzjonijiet privati.

Fl-2004, l-Iżviluppi tal-Wirt Dinji, is-Sorijiet Dumnikani u l-Arċidjoċesi tal-Port ta' Spanja, ikkummissjonaw lil Camilleri Cauchi sabiex iwettaq proġett fil-gżejjer ta' Trinidad u Tobago li jinsabu fl-Oċean Atlantiku. Hemmhekk huwa kien responsabbli mir-restawr tal-Knisja tal-Isem Imqaddes, fejn irrestawra l-pitturi tal-ħitan kif ukoll iddekora s-soqfa b'induratura tad-deheb. Apparti minn hekk, huwa għallem dwar id-dekorazzjonijiet fil-knejjes, inkluż l-affreski mal-ħitan, is-sengħa tal-induratura, il-bini tal-istatwi u l-konservazzjoni tagħhom. Aaron kien ukoll il-kelliem ewlieni f'konferenza li fiha ddiskutew il-knejjes storiċi u l-patrimonju tagħhom.

B'rabta ma' żmien il-Milied, nistgħu ngħidu li Aaron huwa l-uniku statwarju li ħadem żewġ vari li jirrappreżentaw in-Natività sabiex jintramaw fuq il-presbiterju tal-knejjes fi żmien il-Milied. Dawn saru għall-Katidral t'Għawdex fl-2005 u fl-2011 għall-Knisja Arċipretali tal-Mosta.

Permezz tax-xogħlijiet tiegħu, Camilleri Cauchi pparteċipa f'ħafna esebizzjonijiet lokali kif ukoll internazzjonali. Fost l-aktar importanti u ta' sodisfazzjoni, ta' min jgħid li fl-2008, Aaron kien mistieden jipproduċi biċċa xogħol tal-arti relatata mat-tema tan-Natività sabiex jirrapreżenta lil Malta fis-Sitt Esebizzjoni Internazzjonali Ewropea tal-Presepji. 'Il fuq minn tliet mija u ħamsin opra tal-arti maħdumin minn mitejn u ħamsin artist mill-Ewropa u Lvant Nofsani kienu esebiti għal aktar minn xahar fir-reġjun ta' Kalabrija ġewwa l-Italja. Aaron kien fost l-aħjar disa' artisti li mbagħad intgħażlu sabiex jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom fil-Parlament Ewropew.

Barra minn hekk, l-altoriljiev ta' Aaron Camilleri Cauchi ntgħażel bħala l-aħjar skultura ta' din l-esebizzjoni. Dan rebbħu l-ewwel premju f'din il-kompetizzjoni prestiġjuża, li kien ippreżentat mill-Membru Parlamentari Ewropew l-Onorevoli Vittorio Prodi. Iċ-ċerimonja saret fil-Parlament Ewropew nhar it-28 ta' Jannar 2009, taħt il-patroċinju tas-Sindku ta' Betlehem Dr. Victor Batsrseh u l-Viċi-President tal-Parlament Ewropew l-Onorevoli Mario Mauro. Aaron kien ikkumissjonat jipproduċi skultura oħra relatata mat-tema tan-Natività sabiex waqt iċ-ċerimonja jippreżentaha lill-Onorevoli Mario Mauro bħala tifkira ta' dan l-avveniment. Din l-iskultura hija miżmuma b'għożża ġewwa l-Parlament Ewropew.

Fl-2010, Aaron ħa sehem f'esebizzjoni internazzjonali oħra li ttellgħet fiċ-ċentru ta' Londra. Xogħlu kien esebit qalb xogħlijiet ta' artisti minn kull naħa tad-dinja. Il-kuraturi tal-wirja, Prof. Alan Munslow u Dr. Chris Barlow, ma kellhomx ħlief kliem ta' tifħir għall-iskulturi li Camilleri Cauchi ppreżenta.

F'April tas-sena 2012, l-Artist Aaron Camilleri Cauchi tella' wirja retrospettiva ta' arti sagra bl-isem “Ruħ t'Artist”. Din ittellgħet fil-Kappella ta' San Franġisk f'Ħal Qormi bl-għajnuna tal-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri. Ix-xbihat sagri esebiti mhux biss xeħtu dawl fuq ħajjet l-artist, iżda wkoll irriflettew l-ispiritwalità tiegħu. Il-wirja kienet taħt il-patroċinju distint tal-E.T. Dott. George Abela, President ta' Malta, u l-kuratur tal-wirja kien in-Nutar Manwel D Schembri. Il-viżitaturi li żaru l-wirja ngħataw katalgu dettaljat u illustrat li kien jinkludi artikli dwar l-arti f'Malta, l-artist innifsu u l-opri artistiċi esebiti. Din il-wirja kellha wkoll għan filantropiku għaliex matulha nġabru donazzjonijiet b'risq Puttinu Cares, li laħqu s-somma sabiħa ta' € 2,500.

Preżentament, Aaron Camilleri Cauchi huwa mpjegat mal-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fejn jaħdem bħala koordinatur ta' konservazzjoni fi ħdan ir-Rehabilitation Projects Office. Naturalment, huwa jaħdem ukoll bħala artist fil-bottega tiegħu li tinsab fil-Fgura.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]