Aqbeż għall-kontentut

Ġurnalist

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ġurnalista tirrapporta aħbar mill-post, quddiem persunal bil-kamera

Ġurnalist jew ġurnalista huwa individwu li jkun imħarreġ biex jiġbor l-informazzjoni permezz ta’ test, awdjo jew ritratti, jipproċessaha f’format ta’ aħbar u jxerridha lill-pubbliku. L-att jew il-proċess li prinċipalment isir mill-ġurnalist jissejjaħ ġurnaliżmu.

Il-ġurnaliżmu jista’ jsir permezz ta’ persunal tax-xandir, tal-istampar, tar-reklamar u tar-relazzjonijiet pubbliċi, u, skont it-tip ta’ ġurnaliżmu, it-terminu “ġurnalist(a)” jista’ jinkludi diversi kategoriji ta’ individwi skont ir-rwoli tagħhom fil-proċess. Fosthom hemm korrispondenti, edituri, editorjalisti, reporters, kontributuri tal-gazzetti, ġurnalisti viżivi bħal fotoġurnalisti (ġurnalisti li jiddokumentaw l-informazzjoni permezz tal-fotografija).

Reporter huwa tip ta’ ġurnalist li jwettaq ir-riċerka, jikteb u jirrapporta dwar l-informazzjoni sabiex jippreżentaha billi juża s-sorsi. Dan jista’ jinvolvi t-twettiq ta’ intervisti, il-ġbir tal-informazzjoni u/jew il-kitba ta’ artikli. Ir-reporters jistgħu jaqsmu l-ħin tagħhom bejn il-ħidma f’kamra tal-aħbarijiet, jew mid-dar, u l-ħidma fuq barra biex jixhdu l-avvenimenti li jseħħu jew biex jintervistaw lin-nies. Ir-reporters jistgħu jiġu assenjati settur jew qasam partikolari xi jkopru.

Matthew C. Nisbet, li kiteb dwar il-komunikazzjoni fix-xjenza[1], iddefinixxa “ġurnalist tal-għarfien” bħala intellettwali pubbliku li, bħal Walter Lippmann, David Brooks, Fareed Zakaria, Naomi Klein, Michael Pollan, Thomas Friedman, u Andrew Revkin, jara r-rwol tagħhom bħala riċerkaturi ta’ kwistjonijiet ikkumplikati li jkunu fatti jew xjenza li l-biċċa l-kbira tan-nies ma jkollhomx il-ħin jirriċerkaw jew l-aċċess għall-informazzjoni biex jirriċerkaw huma stess, u li mbagħad jikkomunikaw verżjoni akkurata u li tinftiehem lill-pubbliku bħala għalliem u konsulent tal-politiki.

Fl-iktar kotba magħrufa tiegħu, Public Opinion (Opinjoni Pubblika, 1922) u The Phantom Public (Il-Pubbliku Fatat, 1925), Lippmann argumenta li l-biċċa l-kbira tal-individwi ma kellhomx il-kapaċità, il-ħin, u l-motivazzjoni biex isegwu u janalizzaw l-aħbarijiet tal-ħafna kwistjonijiet tal-politiki kumplessi li jħassbu lis-soċjetà. U spiss lanqas jesperjenzaw direttament il-biċċa l-kbira tal-problemi soċjali jew ikollhom aċċess dirett għall-puntidivista tal-esperti. Dawn il-limitazzjonijiet komplew imorru għall-agħar minħabba li x-xandir kemm-il darba jkollu t-tendenza li jissimplifika wisq ċertu kwistjonijiet u jsaħħaħ l-isterjotipi, il-puntidivista partiġjani, u l-preġudizzji. B’konsegwenza ta’ dan, Lippmann kien jemmen li l-pubbliku kellu bżonn lill-ġurnalisti bħalu li setgħu jagħmluha ta’ analisti esperti, u jiggwidaw “liċ-ċittadini għal fehim iktar profond ta’ dak li huwa tassew importanti”.[2]

Fl-2018, il-Manwal tal-Prospettiva Okkupazzjonali tad-Dipartiment tax-Xogħol tal-Istati Uniti rrapporta li l-impjiegi għar-“reporters, korrispondenti u analisti tal-aħbarijiet fuq ix-xandir” tal-kategorija kienu se jonqsu b’9 % bejn l-2016 u l-2026.[3]

Ġurnalisti llum

[immodifika | immodifika s-sors]

Kampjun dinji ta’ 27,500 ġurnalist f’67 pajjiż fl-2012-2016 ipproduċa l-profil li ġej:[4]

57 fil-mija rġiel;
età medja ta’ 38 sena
snin medji ta’ esperjenza: 13-il sena
lawrija sal-livell ta’ kulleġġ: 56 fil-mija; lawrija universitarja: 29 fil-mija
61 fil-mija speċjalizzati fil-ġurnaliżmu/komunikazzjoni
62 fil-mija identifikati bħala ġeneralisti u 23 fil-mija bħala ġurnalisti ta’ aħbarijiet esklużivi
47 fil-mija kienu membri ta’ assoċjazzjoni professjonali
80 fil-mija kienu jaħdmu full-time
50 fil-mija kienu jaħdmu fil-ġurnaliżmu stampat, 23 fil-mija fit-televiżjoni, 17 fil-mija fir-radju, u 16 fil-mija online.

Libertà ġurnalistika

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ġurnalisti xi kultanti jesponu lilhom infushom għall-periklu, b’mod partikolari meta jwettqu rappurtaġġi f’żoni ta’ kunflitti armati jew fi stati li ma jirrispettawx il-libertà tal-istampa. Organizzazzjonijiet bħall-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti u Reporters Without Borders jippubblikaw rapporti dwar il-libertà tal-istampa u jixhdu favur il-libertà ġurnalistika. Minn Novembru 2011, il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti rrapporta li 887 ġurnalist inqatlu madwar id-dinja mill-1992 b’assassinju (71 %), b’xi tir jew ġlied (17 %), jew b’assenjazzjoni perikoluża (11 %). Mill-1992, l-“għaxar pajjiżi l-iktar fatali” għall-ġurnalisti kienu l-Iraq (230 mewta), il-Filippini (109), ir-Russja (77), il-Kolombja (76), il-Messiku (69), l-Alġerija (61), il-Pakistan (59), l-Indja (49), is-Somalja (45), il-Brażil (31) u s-Sri Lanka (30).[5]

Il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti jirrapporta wkoll li mill-1 ta’ Diċembru 2010, 145 ġurnalist madwar id-dinja ntefgħu l-ħabs minħabba attivitajiet ġurnalistiċi. In-numri attwali huma ferm ogħla. L-għaxar pajjiżi bl-ikbar għadd ta’ ġurnalisti attwalment il-ħbas huma t-Turkija (95)[6], iċ-Ċina (34), l-Iran (34), l-Eritrea (17), il-Burma (13), l-Użbekistan (6), il-Vjetnam (5), il-Kuba (4), l-Etjopja (4), u s-Sudan (3).[7]

Apparti l-ħsara fiżika, il-ġurnalisti jiġu affettwati psikoloġikament. Dan japplika speċjalment għar-reporters tal-gwerra, iżda l-uffiċji editorjali fil-pajjiż tal-oriġini spiss ma jkunux jafu kif għandhom jindirizzaw patt b’mod xieraq mar-reporters li jesponu għall-periklu. B’hekk, huwa meħtieġ ferm mod sistematiku u sostenibbli li jiġi pprovdut appoġġ psikoloġiku għall-ġurnalisti trawmatizzati. Madankollu, jeżistu ftit programmi żgħar u frammentati ta’ appoġġ sa issa.[8]

Relazzjoni bejn il-ġurnalist u s-sors

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-relazzjoni bejn ġurnalist professjonist u sors tista’ tkun pjuttost kumplessa, u sors xi kultant jista’ jkollu effett fuq artiklu miktub minn ġurnalist. L-artiklu “A Compromised Fourth Estate” juża l-metafora ta’ Herbert Gans biex jispjega r-relazzjoni tagħhom. Huwa juża metafora taż-żfin, “it-tango”, biex juri n-natura ta’ kooperazzjoni tal-interazzjonijiet ta’ bejniethom peress li “hemm bżonn żewġ żeffiena għal żifna tango”. Herbert Gans jissuġġerixxi li s-sors spiss jiddetta l-andament, iżda l-ġurnalisti komunement huma kontra din in-nozzjoni għal żewġ raġunijiet:

  1. Tissinjala s-supremazija tas-sors fl-aħbarijiet.
  2. Toffendi l-kultura professjonali tal-ġurnalisti, li tenfasizza l-indipendenza u l-awtonomija editorjali.

Il-metafora taż-żfin tkompli u ssostni li:

Relazzjoni mas-sorsi li tkun wisq “komda” potenzjalment tikkomprometti l-integrità tal-ġurnalisti u tissogra li twassal għall-kollużjoni. Il-ġurnalisti tipikament kienu favur mudell ta’ kunflitt iktar sod ibbażat fuq suppożizzjoni kruċjali li jekk il-mezzi tax-xandir kellhom jiffunzjonaw bħala għassiesa tal-interessi ekonomiċi u politiċi qawwijin, il-ġurnalisti kellhom jistabbilixxu l-indipendenza mis-sorsi tagħhom jew inkella jissograw imorru kontra r-rwol tagħhom fir-relazzjonijiet pubbliċi.[9]

L-agħar sena rreġistrata għall-ġurnalisti

[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-ritratt ta’ Daphne Caruana Galizia flimkien ma’ fjuri u xemgħat li tpoġġew faċċata tal-Qorti ta’ Malta

Skont ir-rapport annwali ta’ Reporters Without Borders, l-2018 kienet l-agħar sena rreġistrata għall-vjolenza qattiela u l-abbuż kontra l-ġurnalisti; kien hemm żieda ta’ 15 fil-mija ta’ qtil ta’ ġurnalisti meta mqabbel mal-2017 (għalkemm fl-2017 il-qtil tal-ġurnalista u l-blogger Maltija Daphne Caruana Galizia b’karozza bomba spiċċa fuq l-aħbarijiet ewlenin lokali u tad-dinja kollha[10]), bi 80 ġurnalist maqtula, 348 mitfugħa l-ħabs u 60 miżmuma bħala ostaġġi.[11]

Yaser Murtaja nqatel minn sniper tal-armata ta’ Iżrael. Rubén Pat inqatel b’tir barra bar mal-bajja fil-Messiku. Reporters Without Borders iddeskriviet lill-Messiku bħala “wieħed mill-iktar pajjiżi fid-dinja li fihom jinqatlu l-ħaddiema tal-mezzi tax-xandir”; 90 % tal-attakki fuq il-ġurnalisti fil-pajjiż jingħad li jibqgħu qatt ma jiġu solvuti.[12] Il-ġurnalista Bulgara Viktoria Marinova ġiet imsawta, stuprata u mgħallqa. Id-dissident tal-Arabja Sawdija Jamal Khashoggi nqatel fil-konsolat tal-Arabja Sawdija f’Istanbul, it-Turkija.[13]

  1. ^ "Environment Magazine - Communicating Climate Change: Why Frames Matter for Public Engagement". web.archive.org. 2018-07-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-03. Miġbur 2021-07-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ Nisbet, Matthew C. (March 2013). "Nature's Prophet: Bill McKibben as Journalist, Public Intellectual and Activist". Discussion Paper Series #D-78. Joan Shorenstein Center on the Press, Politics and Public Policy, School of Communication and the Center for Social Media American University. p. 7.
  3. ^ Columnist, Jon Talton / (2018-01-31). "Occupational outlook: Where the big bucks are — and aren't". The Seattle Times (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-09.
  4. ^ Thomas Hanitzsch, et al. eds. Worlds of Journalism: Journalistic Cultures around the Globe (2019) pp. 73–74.
  5. ^ "Committee to Protect Journalists – Defending Journalists Worldwide". Committee to Protect Journalists (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-09.
  6. ^ "Number of jailed journalists nearly doubles in Turkey" (bl-Ingliż). 2012-04-05. Miġbur 2021-07-09.
  7. ^ "Iran, China drive prison tally to 14-year high" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-09.
  8. ^ "Petra Tabeling: In crisis areas, journalists are at risk in physical and psychological terms". D+C (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-09.
  9. ^ Lewis, Justin; Williams, Andrew; Franklin, Bob (6 February 2008). "A Compromised Fourth Estate". Journalism Studies. 9: 1–20.
  10. ^ "Malta car bomb kills Panama Papers journalist". the Guardian (bl-Ingliż). 2017-10-16. Miġbur 2021-07-09.
  11. ^ Langford, Eleanor (2018-12-17). "2018 was worst year for violence and abuse against journalists, report says" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-09.
  12. ^ "Miroslava Breach murder: Mexico jails man who ordered journalist's death" (bl-Ingliż). 2020-08-23. Miġbur 2021-07-09.
  13. ^ Hjelmgaard, Kim. "'Unscrupulous politicians' blamed for worst year on record for journalist killings". USA TODAY (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-09.