Thimlich Ohinga
Thimlich Ohinga huwa kumpless ta' fdalijiet tal-ġebel fil-Kontea ta' Migori, f'Nyanza Kenya, il-Kenja, fil-Lvant tal-Afrika. Huwa l-ikbar wieħed minn 138 sit b'521 struttura tal-ġebel li nbnew madwar ir-reġjun tal-Lag ta' Victoria fil-Kenja. Dawn is-siti huma miġbura fi gruppi.[1][2] L-istruttura ewlenija ta' Thimlich Ohinga għandha ħitan bi ħxuna ta' 1-3 metri (3.3-9.8 piedi), u b'għoli ta' 1-4.2 metri (3.3-13.8-il pied). L-istrutturi nbnew b'ħaġriet grezzi, blat u ġebel mingħajr l-użu ta' tkaħħil. Il-ħaġar kien jiġi ppakkjat b'mod dens u mdaħħlin f'xulxin. Huwa maħsub li s-sit imur lura għas-seklu 15 jew qabel.[3]
Neville Chittick, l-eks Direttur tal-Istitut Brittaniku tal-Istorja u l-Arkeoloġija fil-Lvant tal-Afrika, iddokumenta s-sit fis-snin 60 tas-seklu 20. Riċerkaturi mill-Mużewijiet Nazzjonali tal-Kenja bdew jaħdmu fis-sit fl-1980. Fl-imgħoddi s-sit kien jissejjaħ il-"Wied ta' Liare" għal wieħed bl-istess isem fil-Grigal. Thimlich Ohinga ġie rreġistrat fil-gazzetta uffiċjali tal-gvern tal-Kenja bħala Monument Nazzjonali tal-Kenja bl-isem il-ġdid fl-1981. L-isem inbidel għaliex il-"Wied ta' Liare" ma kienx jiddeskrivi l-pożizzjoni eżatta tas-sit. Iż-żona hija okkupata mill-poplu Luo. Thimlich tfisser "foresta densa tal-biża'" u Ohinga tfisser "fortizza kbira" bid-Dholuo, il-lingwa tal-poplu Luo.[4]
Thimlich Ohinga jinsab 181 kilometru (112-il mil) fin-Nofsinhar ta' Kisumu fil-Kontea ta' Migori, f'għolja b'daqsxejn ta' xaqliba 46 kilometru (29 mil) fil-Majjistral tar-raħal ta' Migori qrib il-Minjieri ta' Macalder. Il-137 sit simili l-oħra huma kkonċentrati fiż-żoni tal-artijiet ewlenin ta' Karungu, ta' Kadem-Kanyamkago, ta' Gwassi, tal-Lag ta' Kaksingiri, ta' Kanyidoto u ta' Kanyamwa.
Skop
[immodifika | immodifika s-sors]L-iskala ta' Thimlich Ohinga u tal-istrutturi relatati tindika li nbnew minn komunità organizzata li kienet kapaċi twettaq ix-xogħlijiet u timmobilizza r-riżorsi. Il-blat diġà kien disponibbli fl-ambjent lokali u b'hekk ipprovda l-materjal għall-kostruzzjoni tal-fortifikazzjonijiet madwar is-sit. Skont it-tradizzjonijiet bil-fomm tal-poplu Luo dawn il-fortifikazzjonijiet inbnew għall-protezzjoni mill-annimali selvaġġi, mill-ħallelin tal-bhejjem u minn gruppi ostili oħra. Dawn it-tradizzjonijiet jissuġġerixxu li Thimlich Ohinga nbena mill-abitanti tal-imgħoddi bħala protezzjoni mill-barranin fiż-żoni ta' Kadem u ta' Kanyamwa, kif ukoll mill-gruppi etniċi ġirien mit-territorju li issa jagħmel parti mit-Tanzanija. Apparti li kien jintuża bħala forti difensiv, Thimlich Ohinga kien ukoll ċentru ekonomiku, reliġjuż u soċjali.
Bennejja u abitanti
[immodifika | immodifika s-sors]Id-datazzjoni preċiża tas-sit għadha mhijiex konklużiva. Fis-sit instabu bċejjeċ tal-kwarz ta' Żmien il-Ħaġar Aħħari li x'aktarx li ġew minn epoka saħansitra qabel is-sit stess. Hemm dibattitu għaddej rigward l-oriġini u l-bennejja ta' Thimlich Ohinga u ta' insedjamenti oħra mdawra b'ħitan tal-ġebel. Madankollu, minħabba li l-evidenza storika, lingwistika u ġenetika kollha tindika livell għoli ta' ċaqliq tal-popolazzjoni u taħlit fiż-żminijiet prekolonjali u kolonjali, anke sempliċi ipoteżi dwar l-identità etnika jew lingwistika tal-bennejja jaf ma tantx ikollha bażi. L-istudji arkeoloġiċi u storiċi kkonkludew li l-bennejja oriġinali u l-abitanti li ġew warajhom kellhom tradizzjoni ta' rgħajja, fejn il-bhejjem tal-ifrat kellhom rwol ewlieni fl-ekonomija. Dawn l-istudji kkonkludew ukoll li l-organizzazzjoni soċjopolitika kellha rwol kruċjali wkoll fl-istabbiliment ta' Thimlich Ohinga u ta' strutturi ffortifikati oħra fil-madwar.[5]
Is-siti ġew okkupati f'diversi mewġiet ta' okkupazzjoni. Il-ġrajjiet orali jissuġġerixxu li l-iżjed abitanti bikrin kienu poplu li kien jitkellem lingwa Bantu, qabel il-migrazzjoni ta' gruppo li kienu jitkellmu lingwi Nilotiċi. Xi sorsi jissuġġerixxu li proto-Gusii/Kuria jew proto-Luhya kienu jgħixu fiż-żona ta' Thimlich Ohinga. Huwa maħsub li migranti mill-Uganda, mir-Rwanda, mis-Sudan, u mill-Burundi sabu ruħhom ukoll fl-inħawi, u wħud minnhom baqgħu sejrin iktar lejn in-Nofsinhar fit-Tanzanija. L-analiżi arkeoloġika u etnografika tas-siti wriet li l-organizzazzjoni spazjali tixbaħ l-iktar il-konfigurazzjoni tad-djar tal-ħuxlief tradizzjonali tal-poplu Luo. Pereżempju, id-djar tal-poplu Luo huma ċirkolari b'punt ewlieni fejn jiltaqgħu biswit struttura ċentrali għall-bhejjem, konfigurazzjoni li wieħed jista' josserva wkoll f'Thimlich Ohinga. Il-bċejjeċ tal-fuħħar li ġew irkuprati mis-siti juru wkoll disinni dekorattivi speċifiċi li nstabu wkoll fost il-kelliema ta' lingwi Nilotiċi tal-Punent (il-poplu Luo) u mhux fost il-kelliema tal-lingwi Bantu. Dawn is-sejbiet jissuġġerixxu li l-abitanti ta' dawn l-istrutturi kienu wkoll antenati tal-abitanti attwali tal-inħawi li jidentifikaw ruħhom bħala membri tal-komunità tal-poplu Luo. Għal raġunijiet li għadhom mhux magħrufa, Thimlich Ohinga ġie abbandunat mill-bennejja oriġinali. Maż-żmien, komunitajiet oħra abitaw l-inħawi fil-perjodu bejn is-sekli 15 u 19, u dawk li għexu fi ħdan il-kumplessi ħadu ħsiebhom billi wettqu xi tiswijiet u xi modifiki fihom. L-okkupazzjoni mill-ġdid u t-tiswija ma fixklux il-preservazzjoni tal-istrutturi. Is-sit ġie abbandunat għall-aħħar darba matul l-ewwel nofs tas-seklu 20, meta l-amministrazzjoni kolonjali stabbiliet il-paċi u l-ordni fir-reġjun. Il-familji li kienu jgħixu fl-istrutturi tas-sit marru jgħixu fi djar individwali u minflok il-ġebel użaw materjal tal-ewforbja għall-ħitan ta' madwarhom. Bidla fil-mentalità seħħet meta l-komunità lokali għaddiet minn għajxien f'komunità għal għajxien iktar individwalistiku.[6][7]
Stil arkitettoniku
[immodifika | immodifika s-sors]L-istil arkitettoniku ta' Thimlich Ohinga jirrifletti l-istil tal-bini ta' Żimbabwe l-Kbir, 1,900 mil (3,100 kilometru) lejn in-Nofsinhar f'Żimbabwe, għalkemm b'daqs iżgħar. Differenza li tispikka bejniethom it-tnejn hi li għad-differenza ta' Żimbabwe l-Kbir, Thimlich Ohinga nbena bl-użu ta' ġebel mingħajr għamla partikolari magħmul mill-bażalt lokali. Fiż-żewġ siti ma ntużax tkaħħil u għalhekk kienet meħtieġa sengħa u ħila kbira biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-istrutturi. Il-ħitan f'Thimlich Ohinga jreġġu waħedhom u huma ħoxnin metru (3.3 piedi) mingħajr it-tħaffir ta' pedamenti. Għandhom għoli ta' 0.5-4.5 metri (1.6-14.8-il pied). Il-ħitan ovojdi jidħlu f'xulxin b'għamla żigużajg, bl-użu ta' riffieda intermittenti biex iżidu l-istabbiltà. Ħitan simili li nstabu fit-Tramuntana ta' Nyanza għandhom karatteristiċi oħra bħal pilastri tal-blat u ringieli tal-ġebel. Id-daħliet għandhom għetiebi tal-ġebel u markaturi mnaqqxin.
Thimlich Ohinga huwa eżempju ta' arkitettura difensiva tas-savanna, li eventwalment sar stil tradizzjonali f'diversi partijiet tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika. Flimkien ma' strutturi tal-ġebel oħra mdawra bil-ħitan, Thimlich Ohinga jagħti l-impressjoni ta' soċjetà b'sistema ċentralizzata ta' kontroll u stil ta' ħajja komunali li nfirxet madwar ir-reġjun tal-Lag ta' Victoria. Forom li nbnew wara ta' din l-arkitettura mdawra b'ħitan tal-ġebel jistgħu jiġu osservati f'xi djar tradizzjonali fil-Punent u fil-Lbiċ tal-Kenja.[8]
Karatteristiċi interni
[immodifika | immodifika s-sors]Eżatt wara d-daħla hemm torri tal-għassa mibni bil-blat olzat. Hemm tliet daħliet għall-monument prinċipali f'Thimlich Ohinga, waħda tħares lejn il-Punent u tnejn iħarsu lejn il-Lvant. L-istrutturi huma maqsuma f'kurituri, diversi kompartimenti iżgħar u depressjonijiet. Depressjonijiet ċirkolari u pjattaformi olzati huma preżenti qrib id-djar li nbnew fi ħdan il-ħitan. Il-monument prinċipali fih sitt fosos tad-djar u ħames kompartimenti fi ħdanu. In-naħa tal-Grigal tal-kompartiment prinċipali f'Thimlich Ohinga għandu sezzjoni għal-logħob rikreattiv, b'logħba qisha l-Mancala, magħrufa lokalment bħala ajua, imnaqqxa f'wiċċ il-blat. Fis-sit instabu wkoll moli għat-tħin tal-qmuħ. Inbnew ukoll kompartimenti għaż-żamma tal-bhejjem tal-ifrat, tan-nagħaġ, tal-mogħoż, tat-tiġieġ u tal-farawni, bi ċnut ukoll għall-ġonna. Fost il-fdalijiet ta' annimali fis-sit instabu speċijiet domestiċi u selvaġġi, bħal bhejjem tal-ifrat, ovikaprini (nagħaġ u mogħoż), tiġieġ, ħut, hartebeest (Kongoni), duiker u liebri. Id-daħliet tas-sit inbnew apposta bħala daħliet żgħar, biex l-invażuri potenzjali malajr kienu jiġu kkontrollati mill-gwardji stazzjonati fuq it-torri tal-għassa qrib id-daħliet. It-torri tal-għassa joffri veduta tajba tal-kumpless kollu u tal-inħawi tal-madwar. Fi ħdan il-ħitan hemm ukoll fortijiet laterali żgħar li kien fihom djar, żoni tal-ikel, kompartimenti għall-annimali, u fosos għall-qmuħ. F'Thimlich Ohinga kien hemm ukoll fonderija tal-ħadid. Instabu gagazza tal-ħadid, oġġetti tal-ħadid u mniefaħ f'żona mdawra bil-ħitan qrib il-ħitan ewlenin tas-sit. Iż-żibeġ tal-ħġieġ importat li nstab fis-sit jindika li Thimlich Ohinga kienet parti minn network kummerċjali fuq distanzi twal.
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Servizz tan-Natura Selvaġġa tal-Kenja u l-Mużewijiet Nazzjonali tal-Kenja ddeżinjaw is-sit ta' Thimlich Ohinga bħala sit ta' konservazzjoni. Annimali selvaġġi bħall-farawni, diversi speċijiet ta' xadini, għasafar u għażżiela jgħixu fil-foresti ta' madwar is-sit. Il-Mużewijiet Nazzjonali tal-Kenja ressqu talba lill-UNESCO f'isem il-gvern, biex is-sit tal-Pajsaġġ Kulturali ta' Thimlich Ohinga jsir sit indikattiv u eventwalment jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sit Arkeoloġiku ta' Thimlich Ohinga ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Thimlich Ohinga Archaeological Site". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-18.
- ^ F. za Odede. Secrets in stone. Who built the stone settlements of Nyanza Province. Kenya Past and Present, Volume 36, Issue 1, Jan 2006, p. 67-72.
- ^ "National Museums of Kenya - Thimlich Ohinga". web.archive.org. 2014-04-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-04-09. Miġbur 2024-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Dokument tan-nomina bħala sit indikattiv".
- ^ SIMIYU WANDIBBA (1986) Thimlich Ohingini, Azania: Archaeological Research in Africa, 21:1, 134, doi: 10.1080/00672708609511375.
- ^ "Thimlich stone wall stands as a living world heritage". The East African (bl-Ingliż). 2020-07-06. Miġbur 2024-01-18.
- ^ "Thimlich Ohinga – National Museums of Kenya" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-18.
- ^ "Thimlich Ohinga Cultural Landscape". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-18.