Aqbeż għall-kontentut

Theobald Boehm

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Theobald Boehm
Ħajja
Twelid Munich, 9 April 1794
Nazzjonalità Renju tal-Bavarja
Mewt Munich, 25 Novembru 1881
Post tad-dfin Alter Südfriedhof
Edukazzjoni
Lingwi Ġermaniż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni inventur
kompożitur
flawtist
produttur tal-istrumenti mużikali
mużiċist
Post tax-xogħol Munich
Xogħlijiet importanti sistema ta' Boehm
Strument/i tal-mużika flawt

Theobald Boehm jew Böhm (twieled fid-9 ta' April 1794 – miet fil-25 ta' Novembru 1881) kien inventur u mużiċist Ġermaniż, li pperfezzjona l-flawt tal-kunċerti tal-Punent u li tejjeb is-sistema tat-tqegħid tas-swaba' tiegħu (issa magħruf bħala s-"sistema ta' Boehm"). Huwa kien mużiċist tal-qorti tal-Bavarja, flawtist virtwuż u kompożitur rinomat.[1]

Is-sistema tat-tqegħid tas-swaba' li tejjeb ġiet adattata wkoll għal strumenti mużikali oħra, fosthom l-oboe u l-klarinett.[2]

Ħajja u xogħlijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Boehm twieled f'Munich fl-Elettorat tal-Bavarja fil-familja tal-arġentier (tad-deheb) Carl Friedrich Böhm u Anna Franziska, kunjomha xebba Sulzbacher, bint ħajjat tal-qorti. Boehm tgħallem is-sengħa ta' missieru. Wara li pproduċa l-flawt tiegħu stess, malajr sar profiċjenti biżżejjed biex idoqq f'orkestra tal-età ta' sbatax-il sena, u meta għalaq 21 kien l-ewwel flawtist fl-Orkestra Bavarjana Rjali. Sadanittant, huwa sperimenta bil-kostruzzjoni tal-flawti b'materjali differenti ħafna — injam iebes tropikali (normalment l-injam ta' Grenadilla), fidda, deheb, nikil u ram — u bil-bdil tal-pożizzjonijiet tat-toqob tat-tonalitajiet tal-flawt.

Wara li studja l-akustika fl-Università ta' Munich, huwa beda jesperimenta bit-titjib tal-flawt fl-1832, u rreġistra l-privattiva tas-sistema l-ġdida tiegħu tas-sistema tat-tqegħid tas-swaba' fl-1847. Huwa ppubblika Über den Flötenbau ("Dwar il-kostruzzjoni tal-flawti"), fl-1847 ukoll. Il-flawt il-ġdid tiegħu ntwera għall-ewwel darba fl-1851 fil-Wirja ta' Londra.[3] Fl-1871 Boehm ippubblika Die Flöte und das Flötenspiel ("Il-Flawt u d-Daqq tal-Flawt"), trattat dwar il-karatteristiċi akustiċi, tekniċi u artistiċi tas-sistema tal-flawt ta' Boehm.

L-esperjenza ta' Boehm bħala arġentier (tad-deheb) kienet fattur ewlieni fil-ħila tiegħu li jiddisinja l-flawt mill-ġdid. Pereżempju, f'Die Flöte und das Flötenspiel huwa jsemmi li pproduċa flawt b'toqob tat-tonalitajiet li jistgħu jitressqu minn post għall-ieħor fil-flawt, sabiex tkun tista' tiġi ddeterminata l-pożizzjoni xierqa ta' kull toqba għall-intonazzjoni korretta — biċċa xogħol notevoli fil-produzzjoni tal-metall.

Il-flawti tradizzjonali kellhom daqs limitat minħabba li l-mużiċist kellu jkun jista' jilħaq it-toqob kollha tat-tonalitajiet b'idejh it-tnejn. Bis-sostituzzjoni mekkanika tat-toqob mgħottija tat-tonalitajiet, Boehm elimina din il-limitazzjoni, u rnexxielu jagħmel flawti ikbar u iktar fondi, bħall-flawt contralto. Boehm kellu għall-qalbu ħafna dan il-flawt, u jfakkar darba meta kien qed idoqqu u xi ħadd ħaseb li kien qed idoqq kurunetta Franċiża.

Ritratt ta' Theobald Böhm magħmul minn Michael Brandmüller.

Uħud mill-flawtijiet li għamel għadhom jindaqqu. Is-sistema tat-tqegħid tas-swaba' li tejjeb ġiet adattata wkoll għal strumenti mużikali oħra, bħall-oboe u l-klarinett.

Huwa ispira lil Hyacinthe Klosé, l-inventur tas-sistema tat-tqegħid tas-swaba' tal-klarinett modern. Klosé vvinta sistema għall-klarinett li llum il-ġurnata hija l-istandard kważi mad-dinja kollha (għajr l-Awstrija, il-Ġermanja u oħrajn). Boehm kien l-ispirazzjoni tiegħu, u b'hekk Klosé semma s-sistema l-ġdida bħala s-sistema ta' Boehm, l-istess bħall-flawt modern tal-Punent. Is-sistemi tal-klarinett u tal-flawt ta' Boehm mhumiex eżatt l-istess. Jekk wieħed idoqq il-klarinett bil-kjavi tar-reġistru mixgħula, it-tqegħid tas-swaba' jkun l-istess bħall-flawt meta l-flawt ikollu reġistru baxx u nofsani. Id-differenzi prinċipali bejn is-sistemi tat-tqegħid tas-swaba' tas-sistema tal-klarinett ta' Boehm u s-sistema tal-flawt ta' Boehm huma l-infigħ żejjed u l-kjavi. It-tieni reġistru tal-klarinett hija wieħed fuq tnax 'il fuq mill-iżjed reġistru baxx, għad-differenza tal-flawt li huwa ottava ogħla. Il-klarinett B♭ huwa strument ta' traspożizzjoni, b'hekk is-C fuq klarinett tindaqq bħala B♭ fuq il-flawt.

Għażla ta' xogħlijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Grand Polonaise bid-D Maġġuri, Op. 16;
  • Varjazzjonijiet ta' arja Tiroliża, Op. 20;
  • Fantażija ta' arja ta' F. Schubert, Op. 21;
  • Varjazzjonijiet ta' arja Ġermaniża, Op. 22;
  • 24 Caprices-etudes, Op. 26;
  • Souvenir des Alpes, Op. 27-32;
  • Andante għall-Flawt u għall-Pjanu, Op. 33;
  • 24 Etudes, Op. 37;
  • Elégie, Op. 47.
  1. ^ Böhm, Theobald; Dayton Clarence Miller (1964). The flute and flute-playing in acoustical, technical, and artistic aspects. Dover Publications.
  2. ^ Philip Bate/Ludwig Böhm, Boehm, Theobald in The New Grove Dictionary of Music and Musicians editjat minn Stanley Sadie, volum 3, pp. 777-778.
  3. ^ Welch, Christopher (1883). History of the Boehm flute. Londra: Rudall, Carte & Co.