Tempji ta' Ħal Tarxien
It-Tempji ta' Ħal Tarxien (pronunzja bil-Malti: [tɐrˈʃɪːn]) huma kumpless arkeoloġiku f'Ħal Tarxien, fir-reġjun tal-port ta' Malta. Imorru lura għall-ħabta tat-3150 Q.K.[1] Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992 flimkien mat-Tempji Megalitiċi l-oħra ta' Malta u Għawdex.[2]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tempji ta' Ħal Tarxien jikkonsistu minn tliet strutturi ta' tempji separati iżda mehmuża ma' xulxin. Id-daħla prinċipali hija rikostruzzjoni li tmur lura għall-1956, meta s-sit kollu ġie rrestawrat. Fl-istess żmien, ħafna mill-ħaġar imżejjen li ġie skopert fis-sit ġie rilokat fi ħdan il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta biex jiġi protett. L-ewwel tempju jmur lura għall-ħabta tat-3100 Q.K. u huwa l-iżjed tempju mżejjen b'mod elaborat f'Malta. It-tempju nofsani jmur lura għall-ħabta tat-3000 Q.K., u huwa uniku għaliex għad-differenza tal-bqija tat-tempji f'Malta, fih tliet pari ta' apsidi fil-pjanta tiegħu minflok it-tnejn tas-soltu. It-tempju tal-Lvant imur lura għall-ħabta tat-3100 Q.K. Il-fdalijiet ta' tempju ieħor, iżgħar u eqdem, imorru lura għat-3250 Q.K., u huma viżibbli iktar lejn il-Lvant.[3]
Ta' interess partikolari fis-sit tat-tempji huwa x-xogħol mirqum u rikk fil-ħaġar, li jinkludi t-tinqix u r-riljievi ta' annimali domestiċi, artali u freġji b'disinni spirali u disinni oħra. Bħala turija tal-ħila tal-bennejja tat-tempji hemm kompartiment partikolari fi ħdan il-ħxuna tal-ħajt bejn it-tempji tan-Nofsinhar u Ċentrali, li fih riljiev ta' barri u ta' ħanżira.
Funzjoni fil-preistorja
[immodifika | immodifika s-sors]L-iskavi fis-sit żvelaw li kien jintuża b'mod estensiv għar-ritwali, li x'aktarx kienu jinvolvu l-qtil tal-annimali għas-sagrifiċċji. Ta' interess speċjali fit-Tempji ta' Ħal Tarxien huma l-isferi tal-ġebel 'il barra mit-tempju tan-Nofsinhar li x'aktarx kienu jintużaw għat-trasport tal-ħaġar megalitiku. Barra minn hekk, l-evidenza ta' kremazzjoni nstabet fiċ-ċentru tat-tempju tan-Nofsinhar. Din hija indikatur li s-sit reġa' ntuża bħala ċimiterju tal-kremazzjoni fi Żmien il-Bronż.
Skoperta u storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ħaġar megalitiku tat-tempji ġie skopert fl-1914 minn bdiewa lokali li kienu qed jaħartu għalqa. Wara l-iskoperta inċidentali 300 metru 'l bogħod mill-Ipoġew ta' Ħal Saflieni fl-1913, sid l-art li taħtha kienu mirdumin it-tempji ħaseb li l-ħaġar megalitiku li spiss kien jintlaqat minn xi moħriet tal-bdiewa jaf kellu wkoll xi valur arkeoloġiku. B'hekk, ikkuntattja lid-direttur tal-Mużew Nazzjonali, Temi Zammit, li beda jiskava diġà fl-ewwel spezzjoni tas-sit, fejn skopra ċ-ċentru tal-kumpless tat-tempji. Ftit żmien wara Zammit sab lilu nnifsu bilwieqfa f'dik li kienet tidher bħala apsida ffurmata minn nofs ċirku ta' ġebel enormi. Fuq perjodu ta' tliet snin, Zammit kiseb l-għajnuna ta' bdiewa lokali u raħħala għal proġett ta' skavi ta' skala bla preċedent f'Malta. Sal-1920, Zammit kien identifika u wettaq xogħol ta' restawr fuq ħames tempji separati iżda interkonnessi, li kollha kien fihom kollezzjoni notevoli ta' artefatti, inkluż l-istatwa famuża tal-"Mara l-Ħoxna", rappreżentazzjoni ta' divinità femminili jew tal-fertilità (skont il-Mużew Nazzjonali Arkeoloġiku ta' Malta, l-istatwa tal-"Mara l-Ħoxna" ma għandhiex ġeneru, u jaf tirrappreżenta kemm mara kif ukoll raġel), u diversi eżempji uniċi ta' riljievi preistoriċi, inkluż bastimenti.
Fl-1923 kampjun żgħir ta' artefatti mis-sit ġew mogħtija b'donazzjoni minn Zammit lill-Mużew Brittaniku (bl-Ingliż: British Museum). It-tempji kienu inklużi fuq il-Lista tal-Antikitajiet tal-1925. Iktar skavi fit-tempji twettqu fi żmien ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija taħt it-tmexxija ta' J.G. Baldacchino.
Fl-2015 inbnew tined protettivi, simili għal dawk ta' Ħaġar Qim u tal-Imnajdra, madwar it-Tempji ta' Ħal Tarxien, u tlestew f'Diċembru ta' dik is-sena.
Importanza
[immodifika | immodifika s-sors]L-iskoperta tal-kumpless kompliet issaħħaħ l-identità nazzjonali ta' Malta, u kkonfermat bil-fatti l-eżistenza ta' kultura tal-qedem li kienet qed tiffjorixxi fuq il-gżira. Barra minn hekk, l-interess ġenerali li tqajjem mis-sejbiet wassal għall-ewwel darba għal tħassib pubbliku għall-protezzjoni tat-teżori storiċi ta' Malta, inkluż il-ħtieġa għall-ġestjoni tas-siti, għall-promulgazzjoni tal-liġijiet, u għal miżuri oħra għall-protezzjoni u għall-preservazzjoni tal-monumenti. Fl-istess żmien, il-metodu rigoruż ta' Temi Zammit fl-iskavi tas-sit witta t-triq għal approċċ xjentifiku ġdid fl-arkeoloġija.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1980, it-tempji ta' Ġgantija (f'Għawdex) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed tal-UNESCO. Imbagħad, fl-1992, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO estenda dan is-sit billi inkluda ħames tempji megalitiċi oħra. Dawn huma t-tempji ta' Ħaġar Qim (il-Qrendi, Malta), tal-Imnajdra (il-Qrendi, Malta), Ta' Ħaġrat (l-Imġarr, Malta), ta' Skorba (iż-Żebbiegħ, Malta) u ta' Ħal Tarxien (Ħal Tarxien, Malta).
L-UNESCO ddeżinjat dawn is-sitt tempji megalitiċi ta' Malta u Għawdex bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed abbażi tal-kriterju (iv) tal-kriterji tal-għażla tal-UNESCO, jiġifieri “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”. It-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex huma notevoli mhux biss minħabba li jispikkaw l-oriġinalità, il-kumplessità u l-proporzjonijiet enormi tagħhom, iżda anke minħabba l-ħila teknika konsiderevoli meħtieġa fil-kostruzzjoni tagħhom.[4] Is-sitt tempji jiġu ġestiti minn Heritage Malta, filwaqt li s-sjieda tal-art tal-madwar tvarja minn sit għall-ieħor.[5][6]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Tarxien Temples - National Inventory of the Cultural Property of the Maltese Islands" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-04-02. Miġbur 2024-10-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Megalithic Temples of Malta - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-10-09.
- ^ "Tarxien". web.infinito.it. Miġbur 2024-10-09.
- ^ ""Megalithic Temples of Malta – UNESCO World Heritage Centre". Whc.unesco.org". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
(għajnuna) - ^ ""Malta Temples and The OTS Foundation". Otsf.org". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
(għajnuna) - ^ David Trump et al., Malta Before History (2004: Miranda Publishers)