Aqbeż għall-kontentut

Skellig Michael

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta ta' Skellig Michael mill-baħar

Skellig Michael (bl-Irlandiż: Sceilg Mhichíl [ˌʃcɛlʲɟ ˈvʲɪhiːlʲ]), magħrufa wkoll bħala Skellig il-Kbira (bl-Irlandiż: Sceilig Mhór [ˈʃcɛlʲɪɟ woːɾˠ]; bl-Ingliż: Great Skellig), hija gżira b'żewġ qċaċet tal-blat li tinsab 11.6-il kilometru fil-Punent tal-Peniżola ta' Iveragh fil-Kontea ta' Kerry, l-Irlanda. Il-gżira ngħatat isem l-Arkanġlu Mikiel, filwaqt li "Skellig" oriġinat mill-kelma Irlandiża sceilig, li tfisser farka tal-blat. Il-ġżira ta' maġenbha, Skellig iż-Żgħira (bl-Ingliż: Little Skellig; bl-Irlandiż: Sceilig Bheag), hija iżgħar minnha u mhux aċċessibbli (it-tlugħ l-art mhux permess). Iż-żewġ gżejjer tfaċċaw f'wiċċ il-baħar madwar 374-360 miljun sena ilu matul perjodu ta' formazzjoni tal-muntanji, flimkien mal-katina muntanjuża ta' MacGillycuddy's Reeks. Iktar 'il quddiem, ġew separati mill-art kontinentali minħabba ż-żieda fil-livelli tal-ilma.

Skellig Michael tikkonsisti minn madwar 22 ettaru ta' blat[1], u l-ogħla punt tal-gżira, magħrufa bħala Spit, huwa 218-il metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Il-gżira hija kkaratterizzata miż-żewġ qċaċet tagħha tal-istess daqs u l-wied tagħhom magħruf bħala s-Sarġ ta' Kristu (bl-Ingliż: Christ's Saddle), li jwasslu biex il-pajsaġġ tal-gżira jitqies bħala wieqaf u mhux ospitabbli. Il-gżira hija magħrufa l-iktar għall-monasteru Irlandiż tagħha, li ġie stabbilit bejn is-sekli 6 u 8, u għall-varjetà ta' speċijiet li jgħixu fuq il-gżira, fosthom suli, purċinelli tal-baħar, kolonja ta' mwies il-baħar u popolazzjoni ta' bejn wieħed u ieħor ħamsin foka griża.[2] Il-gżira hija ta' interess speċjali għall-arkeologi, peress li l-insedjament monastiku jinsab f'kundizzjoni tassew tajba, xi ħaġa li ma tantx hi komuni wisq. Il-gżira tospita l-fdalijiet ta' torri, ringiela ħaġar megalitiku u ħaġra b'salib imnaqqax magħrufa bħala l-Mara Tnewwaħ. Il-monasteru jinsab f'elevazzjoni ta' bejn 170 u 180 metru, is-Sarġ ta' Kristu jinsab f'elevazzjoni ta' 129 metru, u ż-żona ta' fejn kienu jiġu olzati l-bnadar f'elevazzjoni ta' 37 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.[3]

Wieħed jista' jasal sal-monasteru billi jitla' minn għadd ta' tarġiet dojoq u weqfin tal-blat minn tliet punti differenti ta' żbarkar. L-eremitaġġ fuq il-quċċata tan-Nofsinhar fih mogħdija perikoluża biex tasal għalih u s-soltu jkun magħluq għall-pubbliku. Minħabba l-vjaġġ bil-baħar mill-art kontinentali li sikwit ikun wieħed difficli, u minħabba n-natura esposta tal-punti ta' żbarkar, il-gżira hija aċċessibbli biss matul ix-xhur tas-sajf. Skellig Michael ġiet imniżżla fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[4]

Il-kelma "Skellig" toriġina mill-kelma sceillec bl-Irlandiż antik, li tfisser "żona żgħira jew wieqfa tal-blat". Il-kelma mhux soltu li tintuża fl-ismijiet tal-postijiet Irlandiżi, u tintuża hekk fi ftit każijiet oħra biss, fosthom Bunskellig, fil-Kontea ta' Cork, u l-Knisja ta' Temple-na-Skellig f'Glendalough, fil-Kontea ta' Wicklow. Jaf għandha oriġini Norveġiża Antika, mill-kelma skellingar ("dawk li jidwu"). Isem Irlandiż alternattiv bikri iżda li qajla jintuża għall-gżira huwa Glascarraig ("il-blata ħadra").[5]

Veduta tal-blata magħrufa bħala l-Mara Tnewwaħ bi Skellig iż-Żgħira fl-isfond

Irr lost his life upon the western main;

Skellig's high cliffs the hero's bones contain.

In the same wreck Arranan too was lost,

Nor did his corpse e'er touch Ierne's coast.[6]

Hawn fuq nistgħu naqraw l-ewwel referenza magħrufa għall-Gżejjer Skellig li tidher fl-annali Irlandiżi; ġrajja ta' nawfraġju li seħħ għall-ħabta tal-1400 Q.K., li jingħad li kien ġie kkawżat mit-Tuatha Dé Danann, razza sovranaturali fil-mitoloġija Irlandiża. Skont il-leġġenda, Irr, iben Míl Espáine (li xi kultant ġie kkreditat bil-kolonizzazzjoni tal-Irlanda), kien qed jivvjaġġa mill-Peniżola Iberika, iżda għereq u ġie midfun fil-gżira. Daire Domhain ("ir-Re tad-Dinja") jingħad li kien qagħad fuq il-gżira għall-ħabta tal-200 W.K. qabel ma attakka l-armata ta' Fionn mac Cumhaill f'Ventry fil-qrib.[7] Test mis-seklu 8 jew 9 jirrakkonta li Duagh, ir-Re tal-Punent ta' Munster, ħarab lejn "Scellecc" wara ġlieda fit-tul mar-Rejiet ta' Cashel għall-ħabta tas-seklu 5, għalkemm l-avveniment ma ġiex stabbilit fuq livell storiku.[8] Fost it-tismijiet bikrin oħrajn hemm il-proża narrattiva tal-Lebor Gabála Érenn u tal-Cath Finntrágha, kif ukoll il-Martyrology of Tallaght tal-Medju Evu.[9]

Mappa ta' Skellig Michael

Skellig Michael hija gżira tal-blat wieqaf b'għamla piramidali ta' madwar 18-il ettaru fil-kosta Atlantika lil hinn mill-Peniżola ta' Iveragh tal-Kontea ta' Kerry.[10] Tinsab 11.7-il km fil-Punent Majjistru ta' Bolus Head, fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Bajja ta' San Finjan. Gżira oħra iżgħar minnha, Skellig iż-Żgħira, hija mil eqreb tal-art kontinentali, u ferm iktar inospitabbli, minħabba l-uċuħ weqfin tal-irdumijiet. Il-gżejra ta' Lemon Rock tinsab 3.6 km iktar lejn l-art kontinentali. Il-Gżira tal-Purċinelli tal-Baħar (bl-Ingliż: Puffin Island) fil-qrib fiha kolonja kbira ta' għasafar tal-baħar. Il-Gżejjer Skellig, flimkien ma' wħud mill-Gżejjer Blasket, jikkostitwixxu l-iktar parti fil-Punent kemm tal-Irlanda kif ukoll tal-Ewropa bl-esklużjoni tal-Iżlanda.

Fil-gżira jispikkaw żewġ qċaċet: il-quċċata tal-Grigal fejn inbena l-monasteru (185 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar), u l-quċċata tal-Lbiċ fejn hemm l-eremitaġġ (218-il metru 'l fuq mil-livell tal-baħar). Bejn dawn iż-żewġ qċaċet hemm is-Sarġ ta' Kristu.[11]

It-tarġiet li jwasslu sal-monasteru

Il-gżejjer huma magħmulin minn blat ramli aħmar u lavanja kkumpressata, u ġew iffurmati bejn 360 u 374 miljun sena ilu, bħala parti mill-ktajjen muntanjużi tal-MacGillycuddy's Reeks u tal-Muntanji Caha li tfaċċaw fuq wiċċ il-baħar. Dan seħħ matul il-perjodu ta' Devon meta l-Irlanda kienet parti minn massa tal-art kontinentali akbar u kienet tinsab fin-Nofsinhar tal-ekwatur. It-topografija tal-qċaċet u tal-widien tar-reġjun hija kkaratterizzata minn irdumijiet u għoljiet weqfin li ġew iffurmati matul il-perjodu Hercynian tat-taqlib u tal-formazzjoni tal-muntanji xi 300 miljun sena ilu. Meta l-livell tal-Oċean Atlantiku għola, ħoloq qaliet marittimi fondi bħall-Bajja ta' Bantry u ħalla l-Gżejjer Skellig maqtugħin mill-art kontinentali. Il-blat huwa kkumpressat ferm u fih bosta xquq u ġonturi. Bħala riżultat tal-erożjoni tul qasma kbira fl-art mit-Tramuntana għan-Nofsinhar li fiha bażi tal-blat ferm iktar dgħajjef miż-żoni tal-madwar, biċċa kbira tal-blat inkisret, u din irriżultat fis-Sarġ ta' Kristu bejn iż-żewġ qċaċet ta' Skellig Michael. Il-blat tal-gżira għadda minn ħafna erożjoni minħabba l-esponiment għar-riħ u għall-ilma.[12]

Il-blata tal-Mara Newwieħa tinsab fiċ-ċentru tal-gżira, fit-telgħa qabel l-irdum tas-Sarġ ta' Kristu[13], 120 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, fuq 1.2 ettaru ta' bur tal-ħaxix. Din hija l-unika parti ċatta u għammiela tal-gżira, u b'hekk fiha traċċi ta' tkabbir Medjevali tal-għelejjel. Il-mogħdija mis-Sarġ sal-quċċata hija magħrufa bħala l-Mogħdija ta' Kristu, tismija li tirrifletti l-periklu għal kull min jixxabbat hemmhekk.[14] Karatteristiċi notevoli f'din il-biċċa art jinkludu l-quċċata magħrufa bħala Għajn il-Labbra (bl-Ingliż: Needle's Eye peak), "ċumnija" tal-ġebel li titla' sa 150 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar[15], u sensiela ta' 14-il salib tal-ġebel b'ismijiet bħal "Rock of the Women's piercing caoine", li jkomplu jirriflettu l-periklu għal min jixxabbat sa hemm fuq. Iktar 'il fuq hemm iż-żona tal-Ġebla ta' Pain, inkluż il-parti magħrufa bħala "Spit", framment twil u dejjaq tal-blat li wieħed jasal għalih permezz ta' tarġiet wesgħin 60 ċentimetru. Il-fdalijiet tal-knisja Medjevali jinsabu iktar 'l isfel u wieħed jasal għalihom qabel ma jasal fejn il-monasteru iktar antik.[16]

It-tliet bajjiet prinċipali tal-gżira huma l-Qala tal-Għami (bl-Ingliż: Blind Man's Cove) fil-Lvant, il-Qala tas-Salib (bl-Ingliż: Cross Cove) fin-Nofsinhar u l-Qala Blu (bl-Ingliż: Blue Cove) fit-Tramuntana.[17] Kull bajja tista' tintuża bħala punt ta' aċċess mill-baħar. It-tliet bajjiet għandhom tarġiet imnaqqxin fil-blat mill-punt tal-iżbark sa 'l fuq mil-livell tal-baħar.[18] Il-bajja prinċipali li tintuża għall-iżbark hija dik fil-Lvant[19] u hija esposta għall-imbatt tal-baħar u għall-mewġ għoli; b'hekk l-approċċ jaf ikun diffiċli fix-xhur mhux tas-sajf. Il-moll tal-bajja huwa ppożizzjonat taħt irdum għoli u wieqaf, fejn jgħixu bosta għasafar. Inbena fl-1826 minn żona magħrufa bħala Flagstaff u jagħti għal tarġiet li jwasslu sa fanal li ma għadux jintuża iktar. It-tarġiet jinqasmu f'żewġ mogħdijiet separati, u l-iktar waħda bikrija u prattikament abbandunata twassal direttament sal-monasteru.

Il-Qala Blu hija l-iktar punt li diffiċli tiżbarka fih u bħala medja wieħed jista' jiżbarka hemm xi 20 jum fis-sena. Hu u jinnota n-nuqqas ta' aċċessibbiltà tal-gżira, il-kittieb Des Lavelle josserva li "l-fatt li l-patrijiet fl-antik ħadu ħsieb il-kostruzzjoni diffiċli tat-tarġiet li jwasslu sa din il-qala huwa argument tajjeb li l-kundizzjonijiet tat-temp dak iż-żmien kienu ferm aħjar milli huma issa".[18]

Popolazzjoni storika
Sena Pop.
1841 0
1851 0
1861 0
1871 0
1881 3
1891 4
1901 6
1911 11
Sena Pop.
1926 3
1936 2
1946 3
1951 3
1956 3
1961 3
1966 7
1971 3
Sena Pop.
1979 3
1981 3
1986 5
1991 0
1996 4
2002 0
2006 0
Sors: CNA17[20]
Gawwi bil-gżira ta' Skellig iż-Żgħira fl-isfond

Skellig Michael hija magħmula minn irdumijiet esposti telgħin mill-baħar u tliet bajjiet. L-art fuq ġewwa tagħha hija fil-biċċa l-kbira ħamrija rqiqa fuq art wieqfa fl-għoli, bi rqajja' ta' veġetazzjoni li madankollu huma esposti għar-raxx tal-baħar. Minkejja dan, il-gżira għandha ekoloġija ferm iktar diversifikata minn dik tal-art kontinentali; bħala gżira, tipprovdi kenn lil varjetajiet kbar ta' flora u ta' fawna, li ħafna minnhom huma uniċi fl-Irlanda.[21] Fiha firxa wiesgħa ta' għasafar tal-baħar, li issa huma protetti mill-istatus tal-gżira bħala riżerva naturali b'sjieda tal-istat.[22] Il-Gżejjer Skellig ġew kklassifikati bħala Żona ta' Protezzjoni Speċjali fl-1986 meta ġew rikonoxxuti għall-varjetà u għall-popolazzjoni kbira mhux tas-soltu ta' għasafar.[23]

Par purċinelli tal-baħar fuq Skellig Michael

Il-gżira tospita bejtiet kbar tal-bisien (Falco peregrinus). Għasafar oħra ta' interess jinkludu l-fulmars (Procellariidae), il-garniji tal-Atlantiku (Puffinus puffinus), il-kangi (Hydrobates pelagicus), is-suli, il-gawwi tal-Ingilterra, l-imwies geddumhom irqiq (Uria aalge) u l-purċinelli tal-baħar (Fratercula arctica).[24] Sa ftit snin ilu kienet tgħix merħla mogħoż fuq il-gżira, u ssostni popolazzjoni ta' fniek u ġrieden tal-imramma, li ġew introdotti relattivament reċentement x'aktarx fis-seklu 19 mill-ħaddiema tal-fanal. Il-foki griżi spiss jitlajjaw mas-sikkiet madwar il-gżira.[25]

Skellig Michael kienet prattikament diżabitata sat-twaqqif tal-monasteru Wistinjan. Bosta mill-gżejjer tal-kosta tal-Punent tal-Irlanda fihom monasteri Kristjani bikrin, li tkattru fid-dawl tal-iżolament tagħhom u l-abbundanza ta' blat għall-kostruzzjoni. Hemm konċentrazzjoni kbira ta' monasteri tul il-kosta tal-Kontea ta' Kerry, b'total ta' disa' fuq il-gżejjer lil hinn mill-Peniżoli ta' Iveragh u ta' Dingle.[26]

L-Annali ta' Inisfallen (bl-Ingliż: Annals of Inisfallen) jirrakkontaw attakk tal-Vikingi fit-823. L-Annali jirrakkontaw li "Skellig ġiet attakata mill-pagani u Eitgal [is-superjur tal-patrijiet] inħataf minnhom u miet bil-ġuħ".[27]

Is-sit kien ġie ddedikat lil San Mikiel mill-inqas mill-1044 (meta ġiet iddokumentata l-mewt ta' "Aedh ta' Scelic-Mhichí").[28] Madankollu, din id-dedika jaf seħħet saħansitra fid-950, peress li għall-ħabta ta' dak iż-żmien ġiet miżjuda knisja ġdida mal-monasteru (li tipikament kienet xi ħaġa li kienet issir biex tiġi ċċelebrata konsagrazzjoni) u ssejħet il-Knisja ta' San Mikiel. Il-gżira jaf kienet ġiet iddedikata lil San Mikiel, il-qattiel leġġendarju tas-sriep, abbażi ta' konnessjoni ma' San Patrizju. Sors Ġermaniż tas-seklu 13 isostni li Skellig kienet l-aħħar post fejn seħħet il-battalja bejn San Patrizju u s-sriep velenużi tal-gżira.[29]

Il-gżira kienet destinazzjoni regolari għall-pellegrini sal-bidu tas-seklu 16.[30]

Taraġ u mogħdijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-mogħdija tan-Nofsinhar

Kull wieħed mill-postijiet tal-iżbarkar iwassal għal serje twila ta' taraġ (magħrufa bħala t-taraġ tal-Lvant, tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana) li nbnew mill-ewwel ġenerazzjonijiet ta' patrijiet li għexu fil-gżira. Xi darba jaf kienu jiffurmaw parti minn network akbar; instabu traċċi ta' taraġ ieħor, possibbilment iktar bikrin.[31][32] L-evidenza arkeoloġika turi li sezzjonijiet tal-bażalt ta' kull serje ta' taraġ ġew maqtugħin fil-blat, sakemm inkixfet il-ġebla niexfa ta' taħt li kienet iktar stabbli f'altitudni fejn il-mewġ tal-baħar ma setax jikkawża iktar erożjoni. Iktar 'il quddiem it-taraġ t'isfel nett ġew sostitwiti b'mogħdijiet tal-ġebla niexfa.

It-taraġ tat-Tramuntana jibda mill-Qala Blu u jikkonsisti minn żewġ mogħdijiet twal u weqfin bit-taraġ magħrufa bħala t-taraġ ta' fuq u t'isfel. Il-mogħdija ta' fuq inbniet bil-ġebla niexfa iżda hemm partijiet minnha li jinsabu f'kundizzjoni ħażina ħafna; minħabba li nbniet fuq wiċċ wieqaf ħafna tal-gżira, tiġi affettwata ħafna mill-erożjoni u mill-impatt tat-twaqqigħ tal-ġebel mill-irdumijiet ta' fuqha. Il-parti t'isfel maqtugħa fil-blat ittieklet ħafna mill-baħar, u ftit mill-art ta' madwarhom ċediet; il-partijiet fejn it-taraġ intilef minħabba ċ-ċediment tal-art ġew sostitwiti b'rampi. Fis-snin 20 tas-seklu 19 ġie miżjud parapett fl-iktar parti t'isfel tat-taraġ, u t-taraġ twessa' matul il-kostruzzjoni tal-fanal.[33]

Il-mogħdija li twassal sas-Sarġ ta' Kristu

It-taraġ tan-Nofsinhar huwa l-iktar taraġ li jintuża s-soltu llum il-ġurnata u jingħaqad mat-taraġ tat-Tramuntana fis-Sarġ ta' Kristu, sal-monasteru. Iż-żewġ settijiet ta' taraġ fihom diversi karatteristiċi arkeoloġiċi, inkluż tisħiħ bil-ħitan u post għat-talb. Jinsabu f'kundizzjoni tajba u x'aktarx ġew imsewwija mill-bennejja tal-fanal. L-iktar punt dgħajjef tagħhom, eżatt fuq is-Sarġ ta' Kristu, ikollu jiġi msewwi minn żmien għal żmien minħabba l-użu kontinwu mill-viżitaturi moderni u għalhekk issirlu manutenzjoni kontinwa. It-taraġ tal-iżbarkar jaf inbnew mill-bennejja tal-fanal; 14-il tarġa apparti l-punt prinċipali tal-iżbarkar huma prattikament inaċċessibbli, peress li jieqfu ħesrem fiż-żewġ naħat u la jwasslu sal-baħar u lanqas sal-ogħla livelli.[33]

Il-bażi tat-taraġ tal-Lvant 'il fuq mill-Qala tal-Għami ġiet sploduta bid-dinamit fl-1820 matul il-kostruzzjoni tal-moll u tat-triq li twassal għall-fanal u issa mhux aċċessibbli mill-punt tal-iżbarkar. It-taraġ ta' fuq dan il-livell, li jinsab fuq wiċċ wieqaf ħafna ta' rdum, kien soġġett għal konservazzjoni, l-iktar reċentement fl-2002/2003 meta ammonti kbar ta' veġetazzjoni tneħħew, u llum jinsab f'kundizzjoni tajba.[33]

Il-Monasteru fil-quċċata ta' Skellig Michael

Il-monasteru nbena f'art imtarrġa xi 180 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Fih żewġ oratorji, ċimiterju, ħaġriet b'għamla ta' salib, sitt ċelel tat-tip clochán qishom giren (waħda minnhom ċediet) u knisja Medjevali. Iċ-ċelel u l-oratorji nbnew kollha b'kostruzzjoni mingħajr tkaħħil, u l-knisja, li nbniet iktar 'il quddiem, inbniet bit-tkaħħil.[34]

Is-sena meta ġie stabbilit il-monasteru mhijiex magħrufa. Bħal ħafna fdalijiet Kristjani bikrin f'Kerry, xi drabi jiġi attribwit lil San Finnian, għalkemm l-istoriċi jiddubitaw li dan kien il-każ.[35] L-ewwel referenza definita għal attività monastika fuq il-gżira hija l-mewta dokumentata ta' "Suibhini ta' Skelig" mis-seklu 8; madankollu, Fionán jingħad li stabbilixxa l-monasteru fis-seklu 6.[36]

Iċ-ċimiterju tal-monasteru ta' Skellig Michael

L-Annali tal-Erba' Mgħallma (bl-Ingliż: Annals of the Four Masters) jirrakkontaw l-avvenimenti li seħħew fil-Gżejjer Skellig bejn is-sekli 9 u 11. Dawn il-ġrajjiet jissuġġerixxu li Eitgall ta' Skellig, is-superjur tal-patrijiet tal-monasteru, inħataf mill-Vikingi fit-823 u miet bil-ġuħ ftit wara. Il-Vikingi reġgħu attakkaw fit-838, u serqu mill-knejjes fir-raħal ta' Kenmare, u mill-gżejjer ta' Skellig u ta' Innisfallen. L-abbazija Wistinjana f'Ballinskelligs ġiet stabbilita fid-950, fl-istess sena li fiha miet Blathmhac ta' Sceilig. Finalment, l-Annali jsemmu l-mewt ta' Aedh ta' Sceilig Michael fl-1040.[37]

L-ikbar "girna", magħrufa bħala ċ-ċella A, għandha superfiċe ta' 14.5-il metru bi 3.8 metri, u hija għolja ħames metri. Bħaċ-ċelel l-oħra, il-ħitan tagħha fuq ġewwa huma dritti qabel ma jidjiequ biex jiffurmaw is-saqaf b'għamla ta' koppla. Fuq ġewwa wkoll hemm ġebliet li joħorġu 'l barra, xi 2.5 metri 'l fuq biex jirfdu s-saqaf, u f'xi każijiet jaf kienu jirfdu kompartiment ieħor ta' għajxien mas-saqaf. Il-ġebliet li joħorġu 'l barra fuq in-naħa esterna taċ-ċelel x'aktarx kienu jintużaw biex tintrabat magħhom l-għata tat-tiben imnixxef. Xi ċelel fihom spazji 'l ġewwa li jaf kienu jintużaw bħala armadji.[38] L-oratorju prinċipali għandu għamla ta' dgħajsa, u għandu superfiċe ta' 3.6 metri b'4.3 metri. Għandu artal u tieqa żgħira mal-ħajt tal-Lvant tiegħu. L-oratorju ż-żgħir għandu terrazza tiegħu stess, b'distanza relattiva mill-kumpless prinċipali. Għandu superfiċe ta' 2.4 metri b'1.8 metru u huwa għoli 2.4 metri; għandu bieb baxxa (0.9 metri b'0.5 metri) u tieqa pjuttost kbira ta' metru fil-ħajt tal-Grigal tiegħu.

Il-Knisja ta' San Mikiel tmur lura għas-seklu 10 jew għall-bidu tas-seklu 11. Oriġinarjament inbniet l-iktar bi tkaħħil tal-ġebla tal-ġir flimkien ma' blat ramli importat mill-Gżira ta' Valentia. Illum il-ġurnata ġġarrfet kważi kollha ħlief it-tieqa tal-Lvant tagħha. Iċ-ċentru tal-knisja fih lapida moderna tal-1871 għall-membri tal-familja ta' wieħed mill-ħaddiema tal-fanal.

Il-clocháns li qishom giren imsaqqfin mingħajr tkaħħil

Nofs iċ-Ċimiterju tal-Patrijiet iġġarraf u issa huwa ferm iżgħar minn meta kien jintuża b'mod attiv. Fih slaleb tal-ġebel b'diversi tiżjin imnaqqax fihom fuq in-naħa tal-Punent tiegħu. Żewġ slaleb fihom ħafna dettall u jingħad li huma elementi bikrin tas-sit; b'kollox hemm iktar minn mitt salib tal-ġebel li nstabu fuq il-gżira. Hemm diversi ħaġriet ortostatiċi fit-Tramuntana u fil-Punent taċ-ċimiterju.[39] Hemm ukoll żewġ leachta mingħajr tkaħħil. L-ikbar wieħed jinsab bejn il-Knisja ta' San Mikiel u l-oratorju prinċipali, u jingħad li huwa iktar antik minnhom it-tnejn, u xi darba kellu salib wieqaf kbir fin-naħa tal-Punent tiegħu, li issa nkiser. L-ieħor jinsab mal-ħajt ta' appoġġ tal-monasteru fin-Nofsinhar tal-oratorju.[40] Taħthom it-tnejn instabu fdalijiet umani.[41]

Il-Blata tas-Salib b'salib imnaqqax fuqha

Huwa stmat li mhux iktar minn tnax-il patri u s-superjur tal-patrijiet għexu f'daqqa fil-monasteru.[42] Il-monasteru kien okkupat b'mod kontinwu sal-aħħar tas-seklu 12 jew sal-bidu tas-seklu 13 u baqa' sit ta' pellegrinaġġ sal-era moderna. Il-patrijiet tal-gżira ma kinux jieklu l-istess li kienu jieklu l-abitanti fuq l-art kontinentali. Peress li kellhom inqas art li setgħet tinħadem biex jiżirgħu l-għelejjel, il-ġonna bil-ħxejjex kienu parti importanti tal-ħajja monastika. Minħabba l-bżonn, il-ħut u l-laħam u l-bajd tal-għasafar li jbejtu fuq il-gżejjer kienu sors primarju ta' ikel.[43] Fost it-teoriji għalfejn is-sit ġie abbandunat hemm li l-klima madwar Skellig Michael kesħet, iż-żieda tal-maltempati, l-attakki tal-Vikingi[44], u l-bidliet fl-istruttura tal-Knisja Irlandiża. Probabbilment kombinament ta' dawn il-fatturi wassal biex il-komunità ta' patrijiet tabbanduna l-gżira u tmur tgħix fl-abbazija f'Ballinskelligs. Dan iċ-ċaqliq ġiet iddokumentat mill-ekkleżjastiku u l-istoriku Kambro-Normann Giraldus Cambrensis fl-aħħar tas-seklu 12 meta kiteb li l-patrijiet kienu marru jgħixu f'sit ġdid fuq l-art kontinentali.[45]

L-eremitaġġ jinsab fin-naħa opposta tal-gżira meta mqabbel mal-monasteru, taħt il-quċċata tan-Nofsinhar, u huwa ferm iktar diffiċli u perikoluż biex wieħed jasal għalih. Illum il-ġurnata, l-aċċess għall-quċċata tan-Nofsinhar huwa ristrett u huwa permess biss b'arranġament minn qabel.[46] Wieħed jasal għalih mis-Sarġ ta' Kristu permezz ta' serje dejqa u wieqfa ta' taraġ maqtugħin fil-blat li huma esposti għal riħ qawwi minn kull naħa, xi kultant b'qawwa kważi ta' uragan. Il-mogħdija tgħaddi minn Għajn il-Labbra, ċumnija tal-blat li ffurmat minn xaqq vertikali dejjaq fil-quċċata.[47] Minkejja li l-oriġini u l-istorja tal-eremitaġġ mhumiex studjati daqs tal-monasteru, jingħad li l-eremitaġġ oriġina fis-seklu 9 u fih diversi kompartimenti u pjattaformi fuq tliet terrazzi prinċipali maqtugħin fil-blat.[48] Dawn it-tliet terrazzi huma magħrufa bħala l-Oratorju, il-Ġnien u t-Terrazza ta' Barra.

It-terrazza tal-oratorju, xi mitejn metru 'l fuq mil-livell tal-baħar u xi ħmistax-il metru taħt il-quċċata[49], hija l-ikbar u l-iktar waħda f'kundizzjoni tajba. L-oratorju prinċipali għadu kważi intatt u fih l-artal oriġinali, bank, ċisterna tal-ilma u x'aktarx il-fdalijiet ta' santwarju. Ix-xogħol fil-ġebel huwa tipiku tal-Perjodu Kristjan Bikri tal-Irlanda. X'aktarx li l-eremitaġġ inbena wara l-monasteru; minħabba d-diffikultà tal-kostruzzjoni tiegħu, li kienet tinvolvi ċ-ċaqliq ta' ġebliet kbar mill-uċuħ weqfin tal-irdumijiet, u għalhekk il-bennejja kien ikollhom bżonn jużaw il-monasteru bħala bażi. L-effett tal-erożjoni tal-ġlata fil-qasma maġġuri tal-gżira pprovda lill-bennejja b'ammonti kbar ta' materjali għall-kostruzzjoni.[50]

Fuq ġewwa, il-binja prinċipali hija twila 2.3 metri u wiesgħa 1.2 metru. Il-ħajt mad-dawra tal-eremitaġġ huwa magħmul l-iktar minn ġebliet żgħar. Għalkemm issa ma tantx jinsab f'kundizzjoni tajba u ħafna minnu huwa mwaqqa', xi darba kien għoli bejn metru u metru u nofs. Illum il-ġurnata, l-eremitaġġ fuq ġewwa huwa mimli radam u tiġrif mill-istruttura stess u mill-frammenti ta' salib tal-ġebel li kien għoli seba' piedi. Il-leacht fuq barra x'aktarx kienet tintuża bħala santwarju jew artal; żgħira wisq biex setgħet tkun sit funebri.[51]

It-terrazza ta' barra tinsab fuq tliet biċċiet imtarrġin ħerġin 'il barra ftit 'il bogħod mill-kumpless prinċipali u l-aċċess huwa diffiċli. Mad-dawra tagħha hemm ħajt twil xi 17-il metru tul il-perimetru wieqaf u espost tagħha.[52] Hu u jitħasseb għalfejn kien inbena dan il-post daqstant inaċċessibbli u mbiegħed, l-istoriku Walter Horn kiteb li "l-għan ta' axxetiku ma kinitx il-kumdità" u fakkar li l-Omelija ta' Cambrai tiddikjara li: "B'hekk inċaħħdu lilna nfusna jekk ma naqgħux għax-xewqat tagħna u nindmu għal dnubietna. B'hekk inkunu qed nerfgħu s-salib tagħna, jekk niċċaħħdu u ngħixu l-martirju u t-tbatija biex nagħtu ġieħ lil Kristu".[53]

Postmonastika

[immodifika | immodifika s-sors]
Edwin Wyndham-Quin, it-Tielet Earl ta' Dunraven u Mount-Earl, Lulju 1861. In-Noti dwar l-Arkitettura Irlandiża (bl-Ingliż: Notes on Irish Architecture) ta' Lord Dunraven fihom l-ewwel stħarriġ komplut tal-gżira.

Skellig Michael baqa' fil-pussess tal-Kanoni Kattoliċi Regolari sax-xoljiment tal-Abbazija ta' Ballinskelligs fl-1578, b'riżultat tar-riformazzjoni li saret minn Eliżabetta I. Is-sjieda tal-gżejjer għaddiet għand il-familja Butler (għall-kirja ta' "żewġ isqra u kwantità ta' rix tal-purċinelli tal-baħar fis-sena")[54], u baqgħet għandhom sal-bidu tas-snin 20 tas-seklu 19 meta l-Korporazzjoni għall-Preservazzjoni u għat-Titjib tal-Port ta' Dublin (il-predeċessur tal-Korp tal-Kummissarji tal-Fanali Irlandiżi) xtrat il-gżira għal £500[55] mingħand John Butler ta' Waterville f'ordni ta' xiri obbligatorju. Il-korporazzjoni bniet żewġ fanali fuq in-naħa Atlantika tal-gżira, kif ukoll kwartieri tal-għajxien assoċjati, li tlestew sal-1826.[56]

Fl-1871, Lord Dunraven, fin-Noti dwar l-Arkitettura Irlandiża (bl-Ingliż: Notes on Irish Architecture) tiegħu, għamel l-ewwel stħarriġ arkeoloġiku komprensiv tal-gżira. Hu u jiddeskrivi l-monasteru, huwa kiteb li "ix-xenarju huwa wieħed tant solenni u ta' dieqa li ħadd ma missu jidħol hemmhekk għajr il-pellegrini u dawk li jridu jagħmlu xi penitenza. Is-sens ta' solitudni, is-smewwiet vasti u l-moviment monotonu u sublimi tal-baħar joħonqu l-ispirtu, sakemm dak l-ispirtu ma jkunx f'armonija".[57] Ma tantx kien ħanin mal-proġett tal-fanali u ddeskrieva l-alterazzjonijiet li sarulhom mill-"ħaddiema tal-fanali li ... fl-1838, bnew ħitan moderni oġġezzjonabbli". L-Uffiċċju tax-Xogħlijiet Pubbliċi sar kustodju tal-fdalijiet tal-monasteru fl-1880, qabel ma xtara l-gżira (bl-eċċezzjoni tal-fanali u l-istrutturi assoċjati) mingħand il-Kummissarji tal-Fanali Irlandiżi.[58]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Skellig Michael ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]

Il-Kunsill Internazzjonali għall-Monumenti u s-Siti (ICOMOS) sostna li "l-ebda sit ieħor ma juri l-estremi tal-monastiċiżmu Kristjan li kkaratterizza ħafna mit-Tramuntana tal-Afrika, mil-Lvant Nofsani u mill-Ewropa".[58]

Veduta ta' Skellig Michael mill-kosta billejl

Il-gżira ta' Skellig Michael intużat f'diversi films u dokumentarji. Il-gżira ntużat għall-ġbid tal-film Star Wars: The Force Awakens (2015) u Star Wars: The Last Jedi (2017). Xi filmati mill-ajru tal-gżira ntużaw ukoll f'Star Wars: The Rise of Skywalker (2019).[59][60] Il-gżira ntużat ukoll għall-ġbid tal-aħħar xena f'Heart of Glass (1976), u f'Byzantium (2012).[61]

Fl-ewwel episodju tad-dokumentarju tal-BBC tal-1969, Civilisation: A Personal View by Kenneth Clark, l-istoriku tal-arti Kenneth Clark iddeskriva l-binjiet u l-mogħdijiet tal-gżira bħala "kisba straordinarju ta' kuraġġ u ta' tenaċità". Huwa osserva li "meta wieħed iħares lura lejn iċ-ċivilizzazzjonijiet l-kbar ta' Franza tas-seklu 12 jew ta' Ruma tas-seklu 17, diffiċli li wieħed jemmen, li għal żmien pjuttost twil—kważi mitt sena—il-Kristjaneżmu tal-Punent irnexxielu jibqa' ħaj billi ggranfa ma' postijiet bħal Skellig Michael, quċċata tal-blat xi tmintax-il mil lil hinn mill-kosta Irlandiża, b'għoli ta' 210 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar".[62]

Aċċess u turiżmu

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta ta' Skellig iż-Żgħira mill-oratorju l-kbir tal-monasteru ta' Skellig Michael

Skellig Michael fih tliet punti tal-iżbarkar li kienu jintużaw mill-patrijiet skont kif jinzertaw il-kundizzjonijiet tat-temp. Illum il-ġurnata l-gżira tilqa' medja ta' 11,000 viżitatur fis-sena. Sabiex jipproteġi s-sit, l-Uffiċċju tax-Xogħlijiet Pubbliċi jillimita l-għadd ta' viżitaturi għal 180 kuljum. Il-klima lokali u n-natura esposta tal-gżira jagħmlu l-vjaġġ bejn l-art kontinentali u l-gżira pjuttost diffiċli. Ladarba wieħed jiżbarka, l-art ta' Skellig Michael hija wieqfa, mhux kennija u perikoluża. Wieħed jixxabbat u jitla' sal-quċċata permezz ta' 600 tarġa Medjevali tal-ġebel.

In-natura remota u inaċċessibbli tal-gżira minn dejjem naffret il-maġġoranza tal-viżitaturi, u b'hekk il-gżira hija ppreservata tassew tajjeb. It-turiżmu beda fl-aħħar tas-seklu 19 meta dgħajsa tal-qdif setgħet tinkera għal 25 xelin. Saret destinazzjoni turistika popolari biss fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20 meta bdew isiru iktar frekwenti l-laneċ mikrija tal-passiġġieri; fl-1973 kien hemm ħamsa disponibbli għal prezz ta' £3 ir-ras. Sal-1990, id-domanda tant kienet kibret li l-Uffiċċju tax-Xogħlijiet Pubbliċi beda jorganizza għaxar dgħajjes li jitilqu minn erba' portijiet individwali.[63]

Kull sena mill-inqas erba' liċenzji tad-dgħajjes jingħataw lill-operaturi turistiċi li jwettqu vjaġġi lejn Skellig Michael matul l-istaġun tas-sajf (minn Mejju sa Ottubru), jekk it-temp ikun jippermetti. Anke meta l-kundizzjonijiet tal-baħar qrib l-art kontinentali jkunu kalmi, il-baħar madwar il-gżira jaf ikun imqalleb. Iż-żona madwar il-gżira hija spiss maħkuma mill-imbatt tal-baħar li jiġi minn depressjonijiet distanti fl-Atlantiku. Il-mewġ iħabbat fuq il-gżira minn kull naħa, b'mewġ li jlaħħaq sa għoli ta' 10 metri fuq il-moll u ta' 45 metru tul in-naħa fejn hemm il-fanal. Meta dan il-mewġ għoli jħabbat fuq il-blat, spiss jikxfu u jaqilgħu bosta alka, sponoż u anemones fuq wiċċ il-blat, li jkomplu jxekklu iktar it-tqarrib lejn il-gżira u l-iżbarkar.

Żjara tipika fuq Skellig Michael tipikament iddum madwar sitt sigħat. L-Uffiċċju tax-Xogħlijiet Pubbliċi jenfasizza li l-vjaġġ fih diversi diffikultajiet b'rabta mas-sikurezza. Fil-fatt, għal raġunijiet ta' sikurezza, l-iktar minħabba li t-tarġiet huma weqfin, tal-blat, antiki u mingħajr poġġamani, iż-żjarat ma jsirux meta t-temp ikun b'wisq xita jew riħ. Matul is-sajf, hemm postijiet madwar il-blat, l-iktar fil-Qala Blu, fejn jistgħu jmorru l-bugħaddasa.[64]

  1. Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 3.
  2. Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. pp. 31-32.
  3. O'Shea, Tim (1981). The Skelligs. Dublin: The Skelligs. p. 3.
  4. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Sceilg Mhichíl". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-06.
  5. Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p.18.
  6. S. M. (1913). "The Skelligs". Kerry Archaeological Magazine. 2 (11). p. 164.
  7. Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 3.
  8. "World Heritage Ireland". www.worldheritageireland.ie. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-12-08. Miġbur 2021-11-06.
  9. Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 17.
  10. De Paor, Liam (1955). "A Survey of Sceilg Mhichíl". The Journal of the Royal Society of Antiquaries of Ireland. 85 (2): 174–187. p. 174.
  11. S. M. (1913). "The Skelligs". Kerry Archaeological Magazine. 2 (11). p. 164.
  12. "Skellig Michael World Heritage Site Management Plan : 2008–2018" (PDF).
  13. O'Shea, Tim (1981). The Skelligs. Dublin: The Skelligs. p. 28.
  14. S. M. (1913). "The Skelligs". Kerry Archaeological Magazine. 2 (11). p. 166-167.
  15. "Labbacallee Wedge Tomb" (bl-Ingliż). 2012-07-24. Miġbur 2021-11-12.
  16. O'Shea, Tim (1981). The Skelligs. Dublin: The Skelligs. p. 8.
  17. Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 17.
  18. 1 2 Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 41.
  19. Lovegrove, Roger (13 September 2012). Islands Beyond the Horizon: The Life of Twenty of the World's Most Remote Places. Oxford: OUP. ISBN 978-0-19-960649-8. p. 156.
  20. "CNA17: Population by Off Shore Island, Sex and Year". data.cso.ie. Miġbur 2021-11-06.
  21. Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 58.
  22. "Kerry | National Parks & Wildlife Service". www.npws.ie. Miġbur 2021-11-12.
  23. A Global Representative System of Marine Protected Areas: Antarctic, Arctic, Mediterranean, Northwest Atlantic, Northeast Atlantic, and Baltic (bl-Ingliż). Great Barrier Reef Marine Park Authority. 1995. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  24. "Conservation objectives for Skelligs SPA" (PDF).
  25. Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 16.
  26. White Marshall, Jenny; Walsh, Claire (1998). "Illaunloughan, Co. Kerry: An Island Hermitage". In Monk, Michael A.; Sheehan, John (eds.). Early Medieval Munster: Archaeology, History and Society. Cork: Cork University Press. pp. 102–111. ISBN 978-1-85918-107-2. p. 102.
  27. "Skellig Michael". Sacred Sites: World Pilgrimage Guide (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-12.
  28. Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 25.
  29. Lockhart, Ross (2 July 2018). Beyond Snakes and Shamrocks: St. Patrick’s Missional Leadership Lessons for Today. Wipf and Stock Publishers. p. 184. ISBN 9781532634970. p. 184.
  30. Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 13.
  31. Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 5.
  32. Siggins, Lorna. "Hidden staircase discovered on Skellig". The Irish Times (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-12.
  33. 1 2 3 Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 31.
  34. Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 42.
  35. De Paor, Liam (1955). "A Survey of Sceilg Mhichíl". The Journal of the Royal Society of Antiquaries of Ireland. 85 (2): 174–187. p. 80.
  36. Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 18.
  37. S. M. (1913). "The Skelligs". Kerry Archaeological Magazine. 2 (11). p. 166.
  38. Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. pp. 42-43.
  39. "World Heritage Ireland". www.worldheritageireland.ie. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-10-31. Miġbur 2021-11-12.
  40. O'Shea, Tim (1981). The Skelligs. Dublin: The Skelligs. p. 105.
  41. Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 45.
  42. "Skellig – Diocese of Kerry" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-12.
  43. Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 36.
  44. De Paor, Liam (1955). "A Survey of Sceilg Mhichíl". The Journal of the Royal Society of Antiquaries of Ireland. 85 (2): 174–187. p. 165.
  45. Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 19.
  46. "Access to South Peak" (PDF).
  47. Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 29.
  48. Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 71.
  49. Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 39.
  50. Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 72.
  51. Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 32.
  52. Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 54.
  53. Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 65.
  54. Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 38.
  55. O'Shea, Tim (1981). The Skelligs. Dublin: The Skelligs. p. 6.
  56. Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 24.
  57. "Monastery on the Great Skellig - Irish Pictures (1888)". www.libraryireland.com. Miġbur 2021-11-12.
  58. 1 2 "Convention Concerning the World Cultural and Natural Heritage, p. 68" (PDF).
  59. "The Ultimate Ireland Star Wars Locations Guide" (bl-Ingliż). 2020-01-08. Miġbur 2021-11-12.
  60. Siggins, Lorna. "Concern over 'incidents' during 'Star Wars' filming on Skellig Michael". The Irish Times (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-12.
  61. Aubrey, James (July 2017). "Celtic Vampires: Neil Jordan's Film Byzantium as Irish Neomyth". Journal of Literature and Art Studies. 7: 909–915.
  62. "BBC - Digital Northern Ireland, Skellig Michael". BBC (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-12.
  63. Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 32.
  64. Skellig Michael (bl-Ingliż). 2021-11-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)