Sit Storiku Nazzjonali ta' San Juan
Is-Sit Storiku Nazzjonali ta' San Juan (bl-Ingliż: San Juan National Historic Site; bl-Ispanjol: Sitio Histórico Nacional de San Juan) fiċ-Ċentru Storiku ta' San Juan, Puerto Rico, huwa sit storiku ġestit mis-Servizz tal-Parks Nazzjonali tal-Istati Uniti, li jippreserva u jinterpreta s-sistema ta' fortifikazzjonijiet tal-era kolonjali Spanjola fil-belt ta' San Juan. Is-sit jinkludi strutturi bħall-fortizzi ta' San Felipe del Morro u ta' San Cristóbal.[1] Din is-sistema ta' fortifikazzjonijiet hija l-eqdem kostruzzjoni Ewropea taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti u waħda mill-eqdem fid-Dinja l-Ġdida.[2] Dan is-sit storiku nazzjonali, flimkien ma' La Fortaleza, sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[3]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sistema tal-fortifikazzjonijiet ta' San Juan għandha rabta sfiqa mal-istorja tal-belt peress li permezz tagħha setgħet tiġi difiża mill-attakki barranin u tal-pirati matul l-ewwel nofs tas-seklu 16. Is-swar tal-belt huma notevoli għaliex huma wieħed mit-tlieta li għad fadal ta' dak it-tip fl-Amerka ta' Fuq (it-tnejn l-oħra huma dawk tal-Belt ta' Quebec fil-Kanada u ta' Campeche fil-Messiku).[4][5] Illum il-ġurnata għad fadal tliet kwarti mis-swar, peress li l-kwart l-ieħor ġarrab ħsarat kbar matul it-terremot tal-1867 u iktar 'il quddiem iġġarraf biex ikun hemm spazju għall-kostruzzjoni ta' linja ferrovjarja u għall-espansjoni urbana tal-belt.[6] Dawn il-fortifikazzjonijiet malajr spiċċaw f'qagħda ħażina wara l-bumbardament ta' San Juan fl-1898 matul il-Gwerra bejn Spanja u l-Amerka, u għalkemm saru xi modifiki u titjib matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-wirt storiku u arkitettoniku tas-sit kien f'riskju li jintilef sa tmiem l-ewwel nofs tas-seklu 20. Digriet federali tal-14 ta' Frar 1949 stabbilixxa s-sit storiku u enfasizza l-ħtieġa li l-fortifikazzjonijiet jiġu protetti bħala monumenti kif ukoll li jiġi ppreservat il-valur storiku u arkitettoniku tagħhom. Is-sistema tal-fortifikazzjonijiet tniżżlet ukoll fir-Reġistru Nazzjonali tal-Postijiet Storiċi fil-15 ta' Ottubru 1966.
Fis-6 ta' Diċembru 1983, is-Sit Storiku Nazzjonali ta' San Juan u La Fortaleza tniżżlu flimkien bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bis-saħħa tal-valur kulturali universali straordinarju tagħhom. Dawn malajr saru wħud mill-ikbar attrazzjonijiet turistiċi f'Puerto Rico u fil-Karibew, u jattiraw iktar minn 1,400,000 viżitatur fl-2016.[7] Flimkien mal-Park Nazzjonali ta' Great Smoky Mountains dan kien il-ħdax-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Istati Uniti.[8]
L-impatti tat-tibdil fil-klima fuq il-komunitajiet kostali u l-perspettiva tal-komunitajiet lokali kien fil-mira ta' teżi tal-2015 ta' Leslie Paul Walker, Jr.[9]
Postijiet u aċċess
[immodifika | immodifika s-sors]Ċentru Storiku ta' San Juan
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-Ċittadella ta' San Felipe del Morro hija l-iżjed struttura famuża u l-iktar li jżuruha nies mis-Sit Storiku Nazzjonali ta' San Juan. Din iċ-ċittadella tinsab fit-tarf l-iktar fil-Majjistral tal-Gżejra ta' San Juan u nbniet fuq promontorju (morro bl-Ispanjol) u b'hekk tlaqqmet bħala El Morro. Barra minn hekk ingħatat isem ir-Re Filippu II ta' Spanja. Inbniet fis-sit fejn qabel kien hemm fortizza iżgħar bejn is-sekli 16 u 18 sabiex tipproteġi d-daħla għall-Bajja ta' San Juan u sabiex tiddefendi l-belt mill-attakki marittimi. Ix-Xatt ta' El Morro huwa spazju kbir fil-beraħ bejn El Morro u Ballajá li jintuża bħala l-iżjed spazju rikreattiv prinċipali tas-sit storiku peress li joffri veduti panoramiċi tal-bajja u huwa popolari ħafna għal attivitajiet bħal picnics, l-osservazzjoni tal-istilel u l-użu tat-tajriet. Barra minn hekk, il-Paseo de la Princesa huwa xatt li jikkollega s-swar baxxi ta' El Morro mad-Daħla ta' San Juan (bl-Ispanjol: Puerta de San Juan), li qabel kienet magħrufa bħala d-Daħla tal-Ilma (bl-Ispanjol: Puerta de Agua), u joffri veduti panoramiċi tal-Bajja ta' San Juan kif ukoll aċċess għall-iżjed sezzjoni ppreservata tas-swar tal-belt u tal-istazzjonamenti tal-għassa (garitas).
Il-'Kastell ta' San Cristóbal, li jinsab fit-tarf l-iktar fil-Lvant tas-sistema tal-fortifikazzjonijiet tal-gżejra, mhux biss huwa l-ikbar fortizza fis-sit storiku iżda wkoll l-ikbar fortifikazzjoni li qatt inbniet fid-Dinja l-Ġdida. Inbena fl-1783 fuq għolja msejħa Cerro de la Horca jew Cerro del Quemadero, li iktar 'il quddiem issejħet bħala l-Għolja ta San Cristóbal to biex titfakkar ir-rebħa Spanjola kontra t-tentattiv Olandiż tal-1625 biex tinħakem il-belt. Minbarra l-iskop tiegħu li jiddefendi lil San Juan mill-attakki mill-art, kien fih ħabs kbir taħt l-art, barrakki, imħażen tal-porvli u mini li kienu jikkollegawh mal-bqija tas-sistema tas-swar tal-belt. L-uffiċċju tas-Servizz tal-Parks Nazzjonali fiċ-Ċentru Storiku ta' San Juan jinsab fl-artijiet tal-kastell. Għalkemm mhux miftuħ għall-pubbliku, l-Istazzjonament tax-Xitan (bl-Ispanjol: La Garita del Diablo) famuż jinsab ukoll fil-Kastell ta' San Cristóbal.
Isla de Cabras
[immodifika | immodifika s-sors]El Cañuelo, magħrufa uffiċjalment bħala Fortín San Juan de la Cruz, tinsab faċċata ta' El Morro fl-Isla de Cabras, gżejra li tinsab fil-muniċipalità ta' Toa Baja. Inbniet bejn l-1630 u l-1660 biex tiddefendi d-daħla għall-bajja flimkien ma' El Morro. Din il-fortizza żgħira mhix miftuħa għall-pubbliku iżda wieħed jista' jammiraha minn barra. Għalkemm hija amministrata mis-Servizz tal-Parks Nazzjonali bħala parti mis-sit storiku nazzjonali, l-artijiet tagħha flimkien mal-bqija tal-gżejra jagħmlu parti mill-Park Statali tal-Isla de Cabras (spiss magħruf bħala l-Parque Nacional Isla de Cabras peress li l-parks statali f'Puerto Rico jissejħu parques nacionales bl-Ispanjol).
Ċentri għall-viżitaturi
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-Ċentru tal-Viżitaturi tas-Sit Storiku Nazzjonali ta' San Juan, iċ-ċentru prinċipali għall-viżitatur, jinsab f'501 Triq Norzagaray qrib il-Kastell ta' San Cristóbal u quddiem Plaza Colón fis-sit fejn qabel kien hemm il-kwartieri ġenerali militari li nbnew mill-Istati Uniti matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Ġie magħluq temporanjament matul il-pandemija tal-COVID-19, iżda issa jkun miftuħ kuljum mid-9 ta' filgħodu sal-5 ta' waranofsinhar. Iżjed informazzjoni u interpretazzjonijiet għall-viżitaturi huma preżenti fil-fortizzi ta' El Morro u ta' San Cristóbal.
Siti affiljati
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fortín de San Gerónimo de Boquerón, magħruf ukoll bħala l-Fortizza ta' San Gerónimo, huwa l-fortizza li għad fadal minn par fortizzi żgħar fit-tarf tal-Punent tal-Gżejra ta' San Juan fid-daħla tal-Laguna ta' Condado u korp żgħir tal-ilma magħruf bħala El Boquerón. Din il-fortizza tifforma parti minn sistema ikbar ta' fortifikazzjonijiet imsejħa La Línea Avanzada stabbilita fl-1609 biex tiddefendi l-punt ta' kollegament bejn il-gżejra u gżira prinċipali ta' Puerto Rico mill-attakki mill-art u mill-baħar. Għalkemm attwalment tiġi amministrata mill-Gvern ta' Puerto Rico, abbozz ta' liġi ppreżentat mill-Kummissarju Residenti ta' Puerto Rico Jennifer González f'Mejju 2023 iddeżinjatha bħala żona affiljata tas-Sistema tal-Park Park Nazzjonali, u b'hekk is-Servizz tal-Parks Nazzjonali se jkun awtorizzat jidħol fi ftehimiet kooperattivi mal-Istitut tal-Kultura ta' Puerto Rico biex jipprovdi assistenza teknika u finanzjarja għall-preservazzjoni tal-forti, mingħajr ma s-sit jitqiegħed taħt sjieda federali.
Siti relatati
[immodifika | immodifika s-sors]La Fortaleza
[immodifika | immodifika s-sors]La Fortaleza, issa magħrufa bħala l-Palacio de Santa Catalina, hija l-unika fortifikazzjoni li mhix amministrata mis-Servizz tal-Parks Nazzjonali peress li llum il-ġurnata tintuża bħala r-residenza uffiċjali tal-Gvernatur ta' Puerto Rico (hija l-eqdem residenza eżekuttiva li baqgħet tintuża b'mod kontinwu fl-Emisferu tal-Punent). Ġiet elenkata fir-Reġistru Nazzjonali tal-Postijiet Storiċi u ġiet iddeżinjata bħala Għelim Storiku Nazzjonali fl-1960, u flimkien mas-Sit Storiku Nazzjonali ta' San Juan, ilha Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1983. Il-palazz huwa miftuħ għall-pubbliku permezz ta' żjara gwidata ta' 30 minuta li tiġi organizzata mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8:15 ta' filgħodu u t-3:30 ta' waranofsinhar.
Ċentru Storiku ta' San Juan
[immodifika | immodifika s-sors]Id-distrett storiku taċ-Ċentru Storiku ta' San Juan (bl-Ispanjol: Viejo San Juan, uffiċjalment Zona Histórica de San Juan), elenkat fir-Reġistru Nazzjonali tal-Postijiet Storiċi mill-10 ta' Ottubru 1972, u ddeżinjat bħala Distrett u Għeliem Storiku Nazzjonali mill-2013, jirrappreżenta l-eqdem insedjament abitat b'mod kontinwu f'Puerto Rico u l-eqdem distrett kolonjali storiku taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti. Dan id-distrett storiku spiss jiġi konfuż jew jissejjaħ bi żball bħala s-Sit Storiku Nazzjonali ta' San Juan u fih uħud mill-eqdem binjiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti bħal La Casa Blanca, il-Knisja ta' San José u l-Katidral ta' San Juan, u attrazzjonijiet bħall-Capilla del Cristo (il-Kappella ta' Kristu), il-Barrakki ta' Ballajá, il-Muniċipju ta' San Juan u għadd kbir ta' pjazez storiċi, toroq u sqaqien biċ-ċagħaq, mużewijiet, kaffetteriji u ristoranti li jaqdu lir-residenti lokali u lit-turisti. L-Istitut tal-Kultura ta' Puerto Rica għandu s-sjieda u jieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta' diversi mużewijiet u istituzzjonijiet kulturali fiċ-Ċentru Storiku ta' San Juan bħall-Mużew tad-Djar tal-Familji ta' Puerto Rico tas-seklu 19 (bl-Ispanjol: Casa de la Familia Puertorriqueña del Siglo XIX), filwaqt li l-unità ta' mingħajr profitt tal-Fond Fiduċjarju għall-Konservazzjoni ta' Puerto Rico, Para La Naturaleza, tamministra d-Dar ta' Ramón Power y Giralt; dawn iż-żewġ istituzzjonijiet jintużaw ukoll bħala ċentru interpretattivi għall-viżitaturi taċ-Ċentru Storiku ta' San Juan.
Iċ-Ċentru Storiku ta' San Juan mhuwiex parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tas-Sit Storiku Nazzjonali ta' San Juan u La Fortaleza f'Puerto Rico, madankollu, tressqu diversi proposti biex is-sit jiġi estiż biex id-distrett storiku jiġi inkluż, jew wara d-deżinjazzjoni bħala Għeliem Storiku Nazzjonali fl-2013, biex jiġi elenkat bħala Sit ta' Wirt Dinji ġdid tal-UNESCO waħdu.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sit Storiku Nazzjonali ta' San Juan u La Fortaleza f'Puerto Rico ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Juan, Mailing Address: 501 Norzagaray Street San; Us, PR 00901 Phone: 787 729-6777 x223 San Juan NHS Headquarters Superintendent's Office Contact. "San Juan National Historic Site (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-06.
- ^ "Discover Hispanic heritage at these historic sites | U.S. Department of the Interior". www.doi.gov (bl-Ingliż). 2019-09-13. Miġbur 2024-08-06.
- ^ a b ċ "La Fortaleza and San Juan National Historic Site in Puerto Rico". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-06.
- ^ Parks Canada Agency, Government of Canada (2024-05-14). "Fortifications of Québec National Historic Site". parks.canada.ca. Miġbur 2024-08-06.
- ^ "Historic Fortified Town of Campeche". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-06.
- ^ "Historia de Puerta de Tierra (San Juan)". www.puertadetierra.info. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-06-01. Miġbur 2024-08-06.
- ^ "Fortificaciones del Viejo San Juan reciben sobre 1.4 millones de visitas". El Nuevo Día (bl-Ispanjol). 2017-03-29. Miġbur 2024-08-06.
- ^ "The World's Greatest Places - the World Heritage Convention - International Cooperation (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-06.
- ^ Walker, Leslie (2015-09-16). "Narrating Climate Change at the San Juan National Historic Site at the Community Level". USF Tampa Graduate Theses and Dissertations.