Philipp Otto Runge
Philipp Otto Runge | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Wolgast, 23 Lulju 1777 |
Nazzjonalità | Swedish Pomerania (en) |
Grupp etniku | Ġermaniżi |
Mewt | Amburgu, 2 Diċembru 1810 |
Post tad-dfin | Ċimiterju ta' Ohlsdorf |
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (tuberkulożi) |
Familja | |
Missier | Daniel Nikolaus Runge |
Konjuga/i | Pauline Runge (3 April 1804 - unknown value) |
Ulied | |
Aħwa | |
Edukazzjoni | |
Alma mater |
Akkademja Rjali Daniża tal-Belle Arti Gelehrtenschule des Johanneums (en) |
Lingwi | Ġermaniż |
Għalliema | Jens Juel |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
pittur poeta tipografu disinjatur kittieb |
Post tax-xogħol |
Amburgu Copenhagen Dresden |
Xogħlijiet importanti |
Filgħodu It-Tfal Hülsenbeck Waqfa fil-Ħarba lejn l-Eġittu |
Moviment | Romantiċiżmu Ġermaniż |
Moviment artistiku |
pittura storika ritratt arti pajsaġġistika natura mejta |
Philipp Otto Runge (bil-Ġermaniż: [ˈʁʊŋə]; twieled f'Wolgast fit-23 ta' Lulju 1777 – miet f'Hamburg fit-2 ta' Diċembru 1810) kien pittur Romantiku u disinjatur tekniku Ġermaniż. Għalkemm beda l-karriera tiegħu tard u miet żgħir, huwa jitqies fost l-aqwa pitturi Romantiċi Ġermaniżi.
Ħajja u xogħol
[immodifika | immodifika s-sors]Runge kien id-disa' wild minn ħdax f'Wolgast, il-Punent tal-Pomeranja, li dak iż-żmien kienet immexxija mill-Iżvediżi. Huwa twieled f'familja ta' bennejja tal-vapuri b'rabtiet man-nobbiltà tal-Prussja tal-familja Sypniewski/von Runge. Kien tifel marradi u għaldaqstant tilef ħafna skola u ta' età bikrija tgħallem l-arti tal-kontorni tal-figuri maqtugħin bl-imqass mingħand ommu, li baqa' jipprattika tul ħajtu kollha. Fl-1795 huwa beda apprendistat kummerjali fl-azjenda ta' ħuh il-kbir Daniel f'Hamburg. Fl-1799 Daniel appoġġa lil ħuh finanzjarjament biex jibda jistudja l-pittura taħt Jens Juel fl-Akkademja ta' Copenhagen. Fl-1801 huwa ċċaqlaq lejn Dresden biex ikompli l-istudji tiegħu, fejn iltaqa' ma' Caspar David Friedrich, Ludwig Tieck, u l-mara futura tiegħu Pauline Bassenge. Beda wkoll jistudja b'mod estensiv il-kitbiet tal-mistiku tas-seklu 17 Jakob Boehme. Fl-1803, fi żjara lejn Weimar, Runge bla ħsieb iltaqa' ma' Johann Wolfgang von Goethe u t-tnejn għamlu ħbieb abbażi tal-interessi komuni tagħhom fil-kulur u fl-arti.
Fl-1804 huwa żżewweġ u mar jgħix f'Hamburg mal-mara tiegħu. Minħabba l-perikli ta' gwerra imminenti (l-assedju ta' Hamburg min-naħa ta' Napuljun) huma għamlu rilokazzjoni fl-1805 fid-dar fejn twieled f'Wolgast u baqgħu hemm sal-1807. Fl-1805 il-korrispondenza ta' Runge ma' Goethe dwar is-suġġett tax-xogħol artistiku tiegħu u l-kulur saret iktar intensiva. Meta reġa' lura f'Hamburg fl-1807, hu u ħuh Daniel iffurmaw kumpanija ġdida u hu baqa' attiv fiha sa tmiem ħajtu. Fl-istess sena huwa żviluppa l-kunċett tal-isfera tal-kuluri.[1] Fl-1808 huwa intensifika x-xogħol tiegħu fuq il-kulur, u wettaq esperimenti fit-taħlit tal-kuluri fl-isfera tal-kuluri. Huwa ppubblika wkoll verżjonijiet bil-miktub ta' żewġ ħrejjef folkloristiċi lokali, Is-sajjied u martu u Is-siġra tal-lewż, li iktar 'il quddiem ġew inklużi fost il-ħrejjef tal-aħwa Grimm. Fl-1809 Runge temm ix-xogħol fuq il-manuskritt tal-isfera tal-kuluri (bil-Ġermaniż: Farben-Kugel), li ġie ppubblikat fl-1810 f'Hamburg.[2] Fl-istess sena, marid bit-tuberkulożi, Runge pitter awtoritratt ieħor kif ukoll ritratti tal-familja tiegħu u ta' ħuh Daniel. L-aħħar wild tiegħu minn erbgħa twieled l-għada tal-mewt ta' Runge.[3]
Runge kien mistiku, bi ħsieb ferm Kristjan, u fix-xogħol artistiku tiegħu pprova jesprimi n-nozzjonijiet tal-armonija tal-univers permezz tas-simboliżmu tal-kuluri, tal-forom u tan-numri. Huwa kien iqis il-blu, l-isfar u l-aħmar bħala simboliċi għat-Trinità Kristjana u kien iqabbel il-blu ma' Alla u mal-lejl, l-aħmar ma' filgħodu, ma' filgħaxija u ma' Ġesù, u l-isfar mal-Ispirtu s-Santu.
Bħal xi artisti Romantiċi oħra, Runge kien interessat fil-Gesamtkunstwerk, jew ix-xogħol tal-arti totali, li kien tentattiv ta' fużjoni tal-forom kollha tal-arti. Huwa ppjana x-xogħol tiegħu f'dan ir-rigward madwar serje ta' erba' tpinġijiet msejħin Il-Ħinijiet tal-Ġurnata, iddisinjati biex jintwerew f'binja speċjali, b'akkumpanjament mużikali u poeżiji tiegħu stess. Fl-1803 Runge wettaq inċiżjonijiet f'format kbir tas-serje ta' tpinġijiet ta' Il-Ħinijiet tal-Ġurnata li kellhom suċċess kummerċjali u ppreżenta sett minnhom lil Goethe. Huwa pitter żewġ verżjonijiet ta' Filgħodu (fil-Kunsthalle, f'Hamburg), iżda l-oħrajn ma avvanzawx iktar mill-istadju ta' tpinġijiet. Il-pittura Filgħodu kienet il-bidu ta' tip ġdid ta' pajsaġġ, wieħed ta' reliġjon u emozzjoni.
Runge kien ukoll wieħed mill-aqwa ritrattisti Ġermaniżi ta' żmienu; diversi eżempji jinsabu f'Hamburg. L-istil tiegħu kien riġidu, preċiż u intens, xi kultant kważi inġenwu.
Runge u l-kulur
[immodifika | immodifika s-sors]L-interess ta' Runge fil-kulur kien ir-riżultat naturali ta' xogħlu bħala pittur u l-fatt li kellu moħħ inkwiżittiv. Fost il-prinċipji aċċettati tiegħu kien hemm li "bħalma huwa magħruf, hemm biss tliet kuluri, l-isfar, l-aħmar u l-blu" (ittra lil Goethe tat-3 ta' Lulju 1806). L-għan tiegħu kien li jistabbilixxi d-dinja kompluta tal-kuluri li jirriżultaw mit-taħlit ta' dawk it-tliet kuluri, bejniethom stess u flimkien mal-abjad u mal-iswed. Fl-istess ittra twila, Runge ddiskuta pjuttost fid-dettall il-fehmiet tiegħu dwar l-ordni tal-kuluri u inkluda skizz taċ-ċirku b'taħlita ta' kuluri, bit-tliet kuluri primarji li kienu jiffurmaw trijangolu ekwilaterali u, flimkien mal-pari ta' taħlitiet, eżagonu.
Huwa wasal għall-kunċett tal-isfera tal-kuluri għall-ħabta tal-1807, kif indikat fl-ittra tiegħu lil Goethe tal-21 ta' Novembru ta' dik is-sena, billi wessa' ċ-ċirku tal-kuluri fi sfera, bl-abjad u bl-iswed li jiffurmaw iż-żewġ poli opposti. Solidu ta' piramida trijangolari doppja ta' taħlita ta' kuluri kienet ġiet proposta minn Tobias Mayer fl-1758, fatt li Runge kien jaf bih. It-twessigħ ta' dak is-solidu fi sfera min-naħa ta' Runge milli jidher kellu bażi idealistika iktar milli waħda ta' ħtieġa loġika. Permezz tal-esperimenti tiegħu tat-taħlit tal-kuluri fl-1807, huwa ttama li jipprovdi appoġġ xjentifiku għall-forma tal-isfera. Imħeġġeġ minn Goethe u minn ħbieb oħrajn, fl-1808 huwa kiteb manuskritt fejn iddeskriva l-isfera tal-kuluri, u dan ġie ppubblikat f'Hamburg fil-bidu tal-1810. Minbarra deskrizzjoni tal-isfera tal-kuluri, fih saġġ illustrat dwar ir-regoli tal-armonija tal-kuluri u saġġ dwar il-kuluri fin-natura li nkiteb mill-ħabib ta' Runge, Henrik Steffens. Inkluda wkoll ċirku mpinġi bl-idejn li juri żewġ veduti differenti ta' wiċċ l-isfera kif ukoll porzjonijiet orizzontali u vertikali li juru l-organizzazzjoni tal-ġewwieni tagħha (ara l-illustrazzjoni hawn fuq, fuq ix-xellug).
Il-mewta prematura ta' Runge limitat l-impatt ta' dan ix-xogħol. Goethe, li kien qara l-manuskritt qabel ma ġie ppubblikat, semmieh fil-Farbenlehre tiegħu tal-1810 bħala "konklużjoni b'suċċess ta' dan it-tip ta' sforz". F'qasir żmien is-sistema emisferika ta' Michel Eugène Chevreul tal-1839 ħadet post dan ix-xogħol. Fl-1900 is-sistema sferika tal-ordni tal-kuluri ngħatat privattiva bis-saħħa ta' Albert Henry Munsell, għalkemm ma damitx ma tiġi sostitwita b'forma irregolari tas-solidu.
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Runge ġie inkluż f'diversi wirjiet retrospettivi, inkluż fil-wirja "L-Aqwa Artisti Ġermaniżi tas-Seklu Dsatax" tal-Mużew Metropolitan tal-Arti, u "Il-Kosmos ta' Runge" fil-Kunsthalle ta' Hamburg. Il-kritiku tal-arti Robert Hughes iddeskriva lil Runge bħala "l-eqreb ekwivalenti ta' William Blake li qatt ipproduċiet il-Ġermanja".[4] Il-pittura Neoklassika fuq iż-żejt ta' Runge, Filgħodu, tal-1808, titqies bħala l-aqwa xogħol tiegħu.[5] Il-pittura Filgħodu kienet maħsuba bħala parti minn serje ta' pitturi reliġjużi msejħa Il-Ħinijiet tal-Ġurnata; l-erba' pitturi suppost kellhom jitwaħħlu f'kappella Gotika b'akkumpanjament mużikali u poetiku, li Runge ttama li jkunu il-qalba għal reliġjon ġdida.[4][5] Is-serje, għajr għal Filgħodu u Binhar, qatt ma ġiet żviluppata iktar minn għadd ta' tpinġijiet monokromatiċi. Erba' tpinġijiet stampati mogħtija minn Runge bħala rigal, kienu twaħħlu fil-kamra tal-mużika ta' Johann Wolfgang von Goethe.[6] L-użu tal-ġesti u t-tagħwiġ tal-amarilli u tal-ġilji f'Il-Ħinijiet tal-Ġurnata ta' Runge ġew deskritti bħala l-predeċessur ta' xogħlijiet simili prodotti matul il-moviment tal-Arti Nouveau kważi 100 sena wara.[4]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Maltzahn, H. 1940, Philipp Otto Runge's Briefwechsel mit Goethe, Weimar: Verlag der Goethe-Gesellschaft.
- ^ Runge, P. O. 1810, Die Farben-Kugel, oder Construction des Verhaeltnisses aller Farben zueinander, Hamburg: Perthes.
- ^ Runge, P. O. 1840/41, Hinterlassene Schriften, 2. vols., D. Runge, ed., Hamburg: Perthes.
- ^ a b ċ Hughes, Robert, 1938-2012. (1990). Nothing if not critical : selected essays on art and artists (l-ewwel ed.). New York: A. A. Knopf. p. 114. ISBN 978-0-307-80959-9.
- ^ a b German masters of the nineteenth century : paintings and drawings from the Federal Republic of Germany. Metropolitan Museum of Art (New York, N.Y.), Art Gallery of Ontario. New York: Metropolitan Museum of Art. 1981. p. 190. ISBN 0-87099-263-5.
- ^ "Philipp Otto Runge's Times of Day (Getty Research Institute)". www.getty.edu. Miġbur 2021-07-23.