Park Nazzjonali ta' Serengeti

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-pajsaġġ tal-Park Nazzjonali ta' Serengeti.

Il-Park Nazzjonali ta' Serengeti huwa park nazzjonali kbir fit-Tramuntana tat-Tanzanija estiż fuq erja ta' 14,763 km2 (5,700 mil kwadru).[1] Jinsab fil-Lvant tar-Reġjun ta' Mara u fil-Grigal tar-Reġjun ta' Simiyu, u fih iktar minn 1,500,000 ettaru (3,700,000 akru) ta' savanna mhux mittiefsa. Il-park nazzjonali ġie stabbilit fl-1940.

Il-Park Nazzjonali ta' Serengeti huwa magħruf sew għall-ikbar migrazzjoni annwali tal-annimali fid-dinja ta' iktar minn 1.5 miljun nju blu u 250,000 żebra, flimkien ma' merħliet iżgħar ta' gazzelli ta' Thomson u ta' eland.[2] Il-park nazzjonali jospita wkoll l-ikbar popolazzjoni ta' iljuni fl-Afrika. Huwa mhedded mid-deforestazzjoni, mit-tkabbir tal-popolazzjoni tal-bniedem u mill-biedja.

Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

L-isem "Serengeti" oriġina mill-kelma siringet li tintuża mill-poplu Maasai biex jirreferu għall-inħawi, li tfisser "il-post fejn l-art tibqa' sejra għal dejjem".[3]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1930, erja ta' 2,286 kilometru kwadru (883 mil kwadru) ġiet iddeżinjata bħala riżerva naturali fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-pjanuri ta' Serengeti.[4] Fis-snin 30 tas-seklu 20, il-gvern ta' Tanganyika stabbilixxa sistema ta' parks nazzjonali konformi mal-Konvenzjoni dwar il-Preservazzjoni tal-Fawna u tal-Flora fl-Istat Naturali Tagħhom. Ir-riżerva saret park nazzjonali fl-1940. Ingħatat protezzjoni stretta fl-1948 meta ġie stabbilit il-Bord tal-Fiduċjarji tal-Park Nazzjonali ta' Serengeti biex jamministra l-park nazzjonali. Il-gvern irrestrinġa ċ-ċaqliq tal-poplu Maasai residenti, u l-konfini tal-park ġew finalizzati fl-1951.[5] Fl-1959, erja ta' 8,300 km2 (3,200 mil kwadru) ġiet maqtugħa għaliha fil-parti tal-Lvant tal-park nazzjonali u ġiet stabbilita mill-ġdid bħala ż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Ngorongoro bil-ħsieb li jiġu akkomodati l-interessi tal-użu tal-art tradizzjonali tal-poplu Maasai f'żona tal-art b'diversi użi.[6] Fl-1981, il-Park Nazzjonali ta' Serengeti kien ikopri 12,950 km2 (5,000 mil kwadru), li kien inqas minn nofs il-pjanuri ta' Serengeti.[7]

Il-Park Nazzjonali ta' Serengeti sar famuż wara li Bernhard Grzimek u ibnu Michael ipproduċew ktieb u dokumentarju bit-titlu Serengeti Shall Not Die fl-1959.[8]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Serengeti ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[9]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[9]

Natura selvaġġa[immodifika | immodifika s-sors]

In-nju fil-Kuritur tal-Punent.

Il-Park Nazzjonali ta' Serengeti ilu jifforma Unità ta' Konservazzjoni tal-Iljuni mill-2005 flimkien mar-Riżerva Nazzjonali tal-Maasai Mara.[10] Iktar minn 3,000 iljun jgħixu f'din l-ekosistema.[11] Id-densità tal-popolazzjoni tal-leopard Afrikan hija stmata li tlaħħaq il-5.41 individwi kull 100 km2 (39 mil kwadru) fl-istaġun tan-nixfa.[12]

Il-merħliet ta' iljunfanti Afrikani rkupraw minn rekord ta' popolazzjoni baxxa fis-snin 80 tas-seklu 20 ikkawżat mill-insib, u sal-2014 kien hemm iktar minn 5,000 individwu.[13] Il-popolazzjoni tal-buflu Afrikan battiet bejn l-1976 u l-1996 minħabba l-insib, iżda żdiedet għal 28,524 individwu sal-2008.[14] Il-popolazzjoni ta' rinoċeronti suwed kienet naqset għal madwar 10 individwi fis-snin 80 tas-seklu 20 minħabba l-insib, u attwalment fil-park jgħixu inqas minn 70 individwu.[15] Ir-rinoċeronti jgħammru l-iktar fil-ħaxix u fl-arbuxxelli tat-tip Indigofera, Acacia u Crotalaria.[16]

Mammiferi karnivori oħra jinkludu ċ-cheetah, madwar 3,500 jena tat-tikek, ix-xakall ta' dahru iswed, il-lupu Afrikan, il-baġer wikkiel l-għasel, il-jena tal-istrixxi, il-karakal, is-serval, il-mangus tal-istrixxi, u żewġ speċijiet ta' lontri. Il-kelb selvaġġ Afrikan ġie rritornat fiż-żona fl-2012 wara li kien għeb fl-1991.[17] Mammiferi oħra jinkludu l-ippopotamu, il-ħanżir selvaġġ Afrikan, l-aardvark, l-aardwolf, il-qattus selvaġġ Afrikan, iż-żibett Afrikan, il-genet, iz-zorilla, il-ballottra tal-istrixxi Afrikana, il-volpi bil-widnejn ta' pippistrell, il-pangolin tal-art, il-porkuspin tat-toppu, tliet speċijiet ta' hyraxes u l-liebru tal-Kap. Il-primati bħall-babwini sofor u ħadranija, u x-xadina Chlorocebus pygerythrus u l-guereza jgħixu wkoll fil-foresti tax-xmara Grumeti.[18]

Fost ir-rettili hemm il-kukkudrill tan-Nil, il-fekruna tal-art leopard, it-terrapin, l-agama, il-varan tan-Nil, il-kamaleonte ta' Jackson, il-pitun Afrikan, il-mamba iswed, il-kobra ta' għonqu iswed, u l-lifgħa neffieħa.

Fil-park nazzjonali hemm iktar minn 500 speċi ta' għasafar, fosthom in-nagħma tal-Maasai, l-ajkla Sagittarius serpentarius, il-pitarra ta' kori, il-farawna tal-elmu, il-ħaġla sidirha griż, il-venewwa s-sewda, il-ħamiema tal-kullar Afrikan, in-nissieġ tal-bufli tal-munqar aħmar, il-buċeru tal-art tan-Nofsinhar, l-għarnuq tat-toppu, il-velleran, l-agrett tal-bhejjem, ir-russett iswed, il-papra tal-munqar imħatteb, iċ-ċikonja tal-munqar sarġ, iċ-ċikonja bajda, ir-russett ġgantesk, iċ-ċikonja marabou, iċ-ċikonja tal-munqar isfar, il-gurlin tat-tikek, il-fjamingu minuri, iċ-ċikonja ras ta' baliena, iċ-ċikonja ta' Abdim, il-ħamerkop, il-venewwa ta' hadada, l-ajkla Afrikana wikkiela tal-ħut, il-pellikan ta' dahru roża, il-buċeru tal-munqar aħmar tat-Tanzanija, l-ajkla marzjali, il-wiżża tal-Eġittu, l-amorin, il-wiżża armata, in-naqqar tal-gniedes, u bosta speċijiet ta' avultuni.[19]

Il-Migrazzjoni l-Kbira[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Migrazzjoni l-Kbira hija l-itwal migrazzjoni fuq l-art fid-dinja. Ir-rotta sħiħa tal-migrazzjoni hija twila madwar 800 kilometru (500 mil). Fin-Nofsinhar ta' din ir-rotta tal-migrazzjoni hemm iż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Ngorongoro fejn jitwieldu madwar miljun nju bejn Jannar u Marzu. Sa Marzu, fil-bidu tal-istaġun tan-nixfa, bejn wieħed u ieħor 1.5 miljun nju u 250,000 żebra jibdew il-migrazzjoni lejn it-Tramuntana fid-direzzjoni ta' Maasai Mara fil-Kenja. L-eland, iż-żebri tal-pjanura u l-gazzelli ta' Thomson jingħaqdu man-nju. F'April u f'Mejju, il-merħliet tal-migrazzjoni jgħaddu mill-Kuritur tal-Punent. Sabiex jaslu Maasai Mara, il-merħliet iridu jaqsmu x-xmajjar Grumeti u Mara, fejn jgħixu madwar 3,000 kukkudrill li jkunu għassa għalihom. Għal kull nju maqbud mill-kukkudrill, jgħerqu 50. Meta jintemm l-istaġun tan-nixfa fl-aħħar ta' Ottubru, il-merħliet tal-migrazzjoni jibdew jerġgħu lura lejn in-Nofsinhar. Madwar 250,000 nju u 30,000 żebra tal-pjanura jmutu kull sena minħabba li jgħerqu, jittieklu mill-predaturi, jgħejjew, jimirdu jew imutu bl-għatx.[20]

Ġeoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-lava tal-karbonatit fil-vulkan ta' Ol Doinyo Lengai.

Il-kumpless ġeoloġiku tal-park jikkonsisti minn ħaġar aħdar tas-Sistema ta' Archaen Nyanzi (2.81-2.63 Ga ilu), plutoni tal-granit u tal-gness ta' Archaean (2.72-2.56 Ga ilu), li ġew olzati 180 Ma ilu) li jiffurmaw koppies u għoljiet tawwalin, il-Medda Neoproterożojka tal-Mozambique li tikkonsisti mill-kwarzit u mill-granit, u l-Grupp Neoproterożojku ta' Ikorongo, li jikkonsisti mill-ġebel ramli, mix-xist u mid-depożiti tas-sedimenti li jiffurmaw l-irdumijiet lineari. Il-parti tax-Xlokk tal-park fiha blat vulkaniku Neoġen u rmied vulkaniku Oloċen ta' Oldoinyo Lengai. Ix-xmajjar Grumeti, Mara, Mbalageti u Orangi jnixxu lejn il-Punent fil-Lag ta' Victoria, filwaqt li x-xmara Oldupai tnixxi lejn il-Lvant fl-Imraġ ta' Olbalbal.[21]

Fil-parti tal-Lvant tal-park hemm il-bwar vulkaniċi tal-ħaxix ta' Serengeti li huma Żona Ekoloġika Tropikali tal-Bwar tal-Ħaxix. Il-bwar tal-ħaxix jikbru fuq depożiti ta' rmied vulkaniku mill-Vulkan ta' Kerimasi, li żbroffa 150,000 sena ilu, kif ukoll mill-iżbroffar vulkaniku ta' Ol Doinyo Lengai, li ħolqu saffi ta' tufa tal-ġir u ħamrija kalċitika iebsa (vertisol) mill-erożjoni rapida tal-lava tan-natrokarbonatit prodotta mill-vulkani.[22][23][24]

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pjanura tal-Park Nazzjonali ta' Serengeti.

Il-park ikopri erja ta' 14,750 km2 (5,700 mil kwadru)[25] ta' pjanuri tal-ħaxix, savanna, foresti max-xmajjar u boskijiet. Il-park jinsab fil-Majjistral tat-Tanzanija, ikkonfinat fit-Tramuntana mill-fruntiera mal-Kenja, fejn ikompli fir-Riżerva Nazzjonali ta' Maasai Mara. Lejn ix-Xlokk tal-park hemm iż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Ngorongoro, lejn il-Lbiċ hemm ir-Riżerva Naturali ta' Maswa, lejn il-Punent hemm ir-Riżervi Naturali ta' Ikorongo u ta' Grumeti, u lejn il-Grigal u l-Lvant hemm iż-Żona ta' Kontroll Naturali ta' Loliondo.

Il-pajsaġġ tal-pjanura ta' Serengeti jvarja ferm, mis-savanna għall-boskijiet fl-għoljiet għall-bwar tal-ħaxix fi spazji miftuħa. Id-diversità ġeografika tar-reġjun hija dovuta għall-kundizzjonijiet tat-temp estremi li fnew iż-żona, b'mod partikolari l-kombinament qawwi tas-sħana u r-riħ. Il-ħabitats differenti fir-reġjun jaf oriġinaw minn sensiela ta' vulkani, li l-attività tagħhom sawret il-karatteristiċi ġeografiċi bażiċi tal-pjanura billi żdiedu l-muntanji u l-krateri fil-pajsaġġ.

Ix-xmara Mara, li tnixxi qalb ir-Riżerva Nazzjonali ta' Maasai Mara mill-artijiet għoljin tal-Kenja sal-Lag ta' Victoria, hija l-unika xmara bi fluss permanenti fl-ekosistema ta' Serengeti.[26]

Il-park huwa maqsum fi tliet reġjuni:

  • Il-Pjanuri ta' Serengeti: l-iżjed karatteristika magħrufa ta' Serengeti huma l-bwar tal-ħaxix kważi bla siġar fin-Nofsinhar. Fihom hemm kopjes, formazzjonijiet tal-granit li jservu bħala postijiet ta' osservazzjoni għall-predaturi. Il-Bwar tal-Ħaxix Vulkaniċi huma komunità ta' pjanti edafiċi li jikbru fuq ħamrija li rriżultat mill-irmied vulkaniku mill-vulkani fil-qrib.
  • Il-Kuritur tal-Punent: il-karatteristika ġeografika prinċipali hi ż-żewġ xmajjar, Grumeti u Mbalageti. Hemm gruppi kbar ta' foresti max-xmajjar u xi ktajjen muntanjużi żgħar. Il-Migrazzjoni l-Kbira tgħaddi minn dan il-kuritur minn Mejju sa Lulju. Il-kuritur huwa estiż sal-Lag ta' Victoria. Iż-żona hija iktar ċatta mill-partijiet tat-Tramuntana tal-park u huwa iktar miksi sew bil-pjanti mill-pjanuri tan-Nofsinhar.
  • It-Tramuntana ta' Serengeti: il-pajsaġġ huwa ddominat minn boskijiet fi spazju miftuħ, b'mod predominanti f'Commiphora u fl-għoljiet Seronera fin-Nofsinhar sax-xmara Mara mal-fruntiera mal-Kenja. Din iż-żona hija remota u relattivament inaċċessibbli.

L-abitazzjoni umana hija pprojbita fil-park għajr għall-persunal tal-Awtorità tal-Parks Nazzjonali tat-Tanzanija, ir-riċerkaturi u l-persunal tad-diversi lukandi lussużi, kampeġġi u lukandi normali. L-insedjament prinċipali huwa dak ta' Seronera bil-mitjar primarju tiegħu.[27]

Amministrazzjoni u protezzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ħaxix ta' Siam, speċi invażiva li ġiet introdotta fil-park.

Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO skont il-kategorija (ii) tas-sistema ta' protezzjoni żviluppata mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura, u b'hekk għandu jiġi ġestit b'tali mod li jħares il-proċessi ekoloġiċi jew tal-ekosistema.[28]

Il-korp amministrattiv tal-parks kollha fit-Tanzanija huwa l-Awtorità tal-Parks Nazzjonali tat-Tanzanija. Myles Turner kien wieħed mill-ewwel għassiesa tan-natura selvaġġa tal-park u huwa akkreditat li ġab l-insib taħt kontroll.[29]

Theddidiet[immodifika | immodifika s-sors]

Id-deforestazzjoni fir-reġjun tal-Foresta ta' Mau bidlet l-idroloġija tax-xmara Mara.[30] Hemm speċijiet invażivi ta' pjanti bħall-ħaxix ta' Siam, il-bajtar, l-arċmisa u l-ġirasol Messikan.[31] Studju li sar fl-1996 stima li l-popolazzjoni umana tan-naħa tal-Punent tal-park qed tikber b'4 % kull sena. L-użu tal-bhejjem qed jikber ukoll u dan żied l-ammont ta' art li saret tintuża għall-biedja u għat-trobbija tal-annimali. Studju taċ-Ċentru Dinji għall-Monitoraġġ tal-Konservazzjoni fl-2001 stima li bejn wieħed u ieħor jinqatlu 200,000 annimal fis-sena minħabba l-insib.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Black rhino dies aged 43 in Tanzania's Serengeti National Park-Xinhua". english.news.cn. Miġbur 2024-01-08.
  2. ^ Sinclair, Anthony Ronald Entrican (1995). Serengeti II: Dynamics, Management, and Conservation of an Ecosystem. University of Chicago Press. p. 15.
  3. ^ "Serengeti National Park - Tanzania - Kalama Safaris" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-08.
  4. ^ "Serengeti National Park travel information - Tanzania". serengeti.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-08.
  5. ^ Neumann, R.P. (1995). "Ways of seeing Africa: colonial recasting of African society and landscape in Serengeti National Park". Ecumene. 2 (2): 149–169.
  6. ^ Wanitzek, U. & Sippel, H. (1998). "Land rights in conservation areas in Tanzania". GeoJournal. 46 (2): 113–128.
  7. ^ Makacha, S.; Msingwa, M.J. & Frame, G.W. (1982). "Threats to the Serengeti herds". Oryx. 16 (5): 437–444.
  8. ^ Boes, T. (2013). "Political animals: Serengeti Shall Not Die and the cultural heritage of mankind". German Studies Review. 36 (1): 41–59.
  9. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Serengeti National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-08.
  10. ^ IUCN Cat Specialist Group (2006). Conservation Strategy for the Lion Panthera leo in Eastern and Southern Africa. Pretoria, South Africa: IUCN.
  11. ^ Mésochina, P.; Mbangwa, O.; Chardonnet, P.; Mosha, R.; Mtui, B.; Drouet, N. & Kissui, B. (2010). Conservation status of the lion (Panthera leo Linnaeus, 1758) in Tanzania (Report). Pariġi: SCI Foundation, MNRT-WD, TAWISA & IGF Foundation.
  12. ^ Allen, M.L.; Wang, S.; Olson, L.O.; Li, Q. & Krofel, M. (2020). "Counting cats for conservation: seasonal estimates of leopard density and drivers of distribution in the Serengeti". Biodiversity and Conservation. 29 (13): 3591–3608.
  13. ^ Mduma, H.; Musyoki, C.; Maliti Kyale, D.; Nindi, S.; Hamza, K.; Ndetei, R.; Machoke, M.; Kimutai, D.; Muteti, D.; Maloba, M.; Bakari, S. & Kohi, E. (2014). Aerial Total Count of Elephants and Buffaloes in the Serengeti-Mara Ecosystem (Report). Nairobi, Kenya: WWF-World Wide Fund For Nature.
  14. ^ Metzger, K.L.; Sinclair, A.R.E.; Hilborn, R.; Hopcraft, J.G.C. & Mduma, S.A. (2010). "Evaluating the protection of wildlife in parks: the case of African buffalo in Serengeti". Biodiversity and Conservation. 19 (12): 3431–3444.
  15. ^ "How black rhinos and local communities help each other in Namibia". Mongabay Environmental News (bl-Ingliż). 2015-01-07. Miġbur 2024-01-08.
  16. ^ Anderson, T.M.; Ngoti, P.M.; Nzunda, M.L.; Griffith, D.M.; Speed, J.D.; Fossøy, F.; Røskaft, E. & Graae, B.J. (2020). "The burning question: does fire affect habitat selection and forage preference of the black rhinoceros Diceros bicornis in East African savannahs?". Oryx. 54 (2): 234–243.
  17. ^ "Why did Serengeti's wild dogs disappear? Study challenges controversial hypothesis". Mongabay Environmental News (bl-Ingliż). 2019-03-01. Miġbur 2024-01-08.
  18. ^ Kennedy, A. S.; Kennedy, V. (2014). Animals of the Serengeti, and Ngorongoro Conservation Area. Princeton, New Jersey. ISBN 978-1-4008-5138-6.
  19. ^ "Bird Checklist for Serengeti National Park". www.exoticbirding.com. Miġbur 2024-01-08.
  20. ^ Medina, N. (2019). Where Is the Serengeti?. WhoHQ. New York: Penguin Random House. ISBN 9781524792565.
  21. ^ Scoon, Roger (2018). Geology of National Parks of Central/ Southern Kenya and Northern Tanzania: Geotourism of the Gregory Rift Valley, Active Volcanism and Regional Plateaus. Springer. pp. 69–79. ISBN 9783319737843.
  22. ^ "Global Volcanism Program | Ol Doinyo Lengai". Smithsonian Institution | Global Volcanism Program (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-08.
  23. ^ "Hawaiian Volcano Observatory". volcanoes.usgs.gov. Miġbur 2024-01-08.
  24. ^ Kindt, R., Lillesø, J.-P. B., van Breugel, P., Bingham, M., Sebsebe Demissew, Dudley, C., Friis, I., Gachathi, F., Kalema, J., Mbago, F., Minani, V., Moshi, H. N., Mulumba, J., Namaganda, M., Ndangalasi, H.J., Ruffo, C.K., Jamnadass, R. and Graudal, L. 2011. Potential natural vegetation of eastern Africa. Volume 5: Description and tree species composition for other potential natural vegetation types. Forest & Landscape Working Paper 65-2011.
  25. ^ "Protected Planet | Serengeti National Park". Protected Planet. Miġbur 2024-01-08.
  26. ^ "Geology of Serengeti National Park - Tanzania". serengeti.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-08.
  27. ^ "Seronera Airport (SEU) @ OurAirports". ourairports.com. Miġbur 2024-01-08.
  28. ^ "Protected areas and land use | IUCN". www.iucn.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-08.
  29. ^ "Serengeti-Nationalpark". Zoologische Gesellschaft Frankfurt (bil-Ġermaniż). 2020-06-20. Miġbur 2024-01-08.
  30. ^ "A New Threat in the Serengeti to the World's Greatest Animal Migration | TakePart". web.archive.org. 2021-01-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-01-27. Miġbur 2024-01-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  31. ^ "Conservation – Grumeti Fund" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-08.