Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ir-Rotunda ta' Mammoth Cave.

Il-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave huwa park nazzjonali fin-Nofsinhar u fil-parti ċentrali ta' Kentucky, l-Istat Uniti. Jinkorpora partijiet minn Mammoth Cave, l-itwal sistema ta' għerien fid-dinja. It-52,830 akru (21,380 ettaru) tal-park jinsabu primarjament fil-Kontea ta' Edmonson, b'żoni żgħar estiżi lejn il-Lvant fil-kontej ta' Hart u Barren. Ix-xmara Green tgħaddi minn ġol-park, b'tributara msejħa x-xmara Nolin li talimenta x-xmara Green fi ħdan il-park.

Is-sistema tal-għerien formalment kienet magħrufa bħala s-Sistema tal-Għerien ta' Mammoth–Flint mill-1972, meta ġie skopert kollegament bejn Mammoth Cave u s-sistema saħansitra itwal taħt Flint Ridge lejn it-Tramuntana.[1] Mill-2022, iktar minn 426 mil (686 kilometru) ta' passaġġi ġew mistħarrġa,[2][3] darba u nofs itwal mit-tieni l-itwal sistema tal-għerien, l-għar ta' taħt l-ilma tal-Messiku Sac Actun.[4]

Il-park ġie stabbilit bħala park nazzjonali fl-1 ta' Lulju 1941, wara proċedimenti eminenti li sikwit kienu kontenzjużi u li l-konsegwenzi tagħhom għadhom jaffettwaw ir-reġjun. Tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-27 ta' Ottubru 1981;[5] sar Riżerva ta' Bijosfera Internazzjonali fis-26 ta' Settembru 1990 u Park Internazzjonali tas-Smewwiet Mudlama fit-28 ta' Ottubru 2021.

Il-missjoni tal-park ġiet iddikjarata fid-dokument tal-istabbiliment tiegħu:[6]

L-iskop tal-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave hu li jippreserva, jipproteġi, jinterpreta u jistudja l-karatteristiċi bijoloġiċi u ġeoloġiċi rikonoxxuti internazzjonalment u l-proċess assoċjati mal-itwal sistema tal-għerien magħrufa fid-dinja, flimkien mad-diversità tal-pajsaġġ karstiku forestali tal-park, ix-xmajjar Green u Nolin, u l-evidenza estensiva tal-istorja umana; u li jipprovdi u jippromwovi tgawdija, rikreazzjoni u fehim għall-pubbliku.

Turisti fl-għar.

L-għar magħruf bħala Mammoth Cave żviluppa f'saffi ħoxnin tal-ġebla tal-ġir tal-perjodu ta' Mississippi u b'saff tal-ġebel ramli fuq nett, li permezz tiegħu s-sistema tal-għerien ġiet tassew stabbli. Huwa magħruf li s-sistema tħaddan iktar minn 400 mil (640 kilometri) ta' passaġġi taħt l-art. Skoperti u kollegamenti ġodda li jsiru jżidu diversi mili/kilometri ta' passaġġi kull sena.

Is-saff ta' fuq nett huwa magħruf bħala l-Ġebel Ramli Kbir. Saffi rqaq ħafna tal-ġebla tal-ġir fi ħdan il-ġebel ramli wasslu għal żona epikarstika, li fiha jiġu xolti xquq żgħar ħafna (passaġġi tal-għerien li huma żgħar wisq biex wieħed jidħol fihom) permezz tal-aċidità naturali tal-ilma tal-pjan. Iż-żona epikarstika tikkonċentra flussi lokali ta' ilma li jiskula f'fawwariet ta' elevazzjoni għolja li jfeġġu fit-truf tal-irdumijiet. L-ilma li joħroġ minn dawn il-fawwariet tipikament ikollu fluss qasir fis-superfiċe qabel ma jerġa' jinżel taħt l-art f'elevazzjoni ta' kuntatt bejn is-saff ewlieni tal-ġebel ramli u l-ġebel tal-ġir massiv ta' taħtu. Huwa f'dawn is-saffi massivi tal-ġebla tal-ġir ta' taħt li żviluppaw b'mod naturali l-għerien tar-reġjun li l-bniedem jista' jesplora.[7]

Il-Foss Bla Qiegħ f'Mammoth Cave, inċiżjoni fuq l-injam (1887).

Is-saffi tal-ġebla tal-ġir tal-kolonna stratigrafika taħt is-saff ewlieni ta' fuq nett, skont il-profondità, huma l-Formazzjoni ta' Girkin, il-Ġebla tal-Ġir ta' Santa Genevieve, u l-Ġebla tal-Ġir ta' San Lwiġi. Il-passaġġ il-kbir tal-Għar Prinċipali li wieħed jara fiż-Żjara Storika jinsab fil-qiegħ tal-Formazzjoni ta' Girkin u fil-quċċata tal-Ġebla tal-Ġir ta' Santa Genevieve.

Kull wieħed mis-saffi primarji tal-ġebla tal-ġir huwa maqsum mill-ġdid f'unitajiet u f'subunitajiet ġeoloġiċi. Qasam partikolari tar-riċerka tal-għerien jinvolvi l-korrelazzjoni tal-istratigrafija mal-istħarriġ tal-għerien prodott mill-esploraturi. Dan jagħmilha possibbli li jiġu prodotti mapep tridimensjonali approssimattivi tal-kontorni tal-konfini tad-diversi saffi mingħajr il-ħtieġa ta' bjar tal-ittestjar u l-estrazzjoni ta' kampjuni mis-saffi.

Is-saffi ta' fuq tal-ġebel ramli huwa relattivament iebes u l-ilma ma jiskulax minnu: l-unika eċċezzjonijiet huwa fejn jiffurmaw xquq vertikali. Dan is-saff protettiv ifisser li bosta mill-passaġġi ta' fuq iktar antiki tas-sistema tal-għerien huma nexfin ħafna, mingħajr stalaktiti, stalagmiti jew formazzjonijiet oħra li jeħtieġu l-fluss jew t-taqtir tal-ilma biex jiżviluppaw.

Madankollu, is-saff ewlieni tal-ġebel ramli ġie xolt u għadda minn erożjoni f'bosta postijiet fi ħdan il-park, bħal fis-"sala" tan-Niagara Ffriżata. Wieħed jista' josserva l-kuntatt bejn il-ġebla tal-ġir u l-ġebel ramli billi jimxi mill-qiegħ tal-wied sa xifer l-irdumijiet: tipikament, kif wieħed jasal qrib il-quċċata ta' rdum, jara l-blat espost jibdel il-kompożizzjoni tiegħu minn ġebla tal-ġir għal ġebel ramli f'elevazzjoni definita sew.

F'qiegħ partikolari ta' wied fin-Nofsinhar tal-park, żviluppat ħofra kbira. Magħrufa bħala Cedar Sink, din il-ħofra fiha xmara żgħira li tidħol fiha minn naħa u tisparixxi taħt l-art min-naħa l-oħra.

Żjara ggwidata minn ranger.

Is-Servizz tal-Parks Nazzjonali joffri diversi żjarat lill-viżitaturi. Xi karatteristiċi notevoli tal-għar, bħat-Triq il-Kbira, in-Niagara Ffriżata, u l-Miżerja tar-Raġel l-Oħxon, wieħed jista' jżurhom permezz ta' żjarat imdawla li jdumu bejn siegħa u sitt sigħat. Żewġ żjarat, imdawla biss permezz ta' lampi tal-paraffina f'idejn il-viżitaturi, huma alternattivi popolari għar-rotot imdawla bl-elettriku. Diversi żjarat iktar avventurużi jmorru lil hinn mill-partijiet żviluppati tal-għar f'biċċiet baxxi mtajna u f'mini bit-trab.

Iż-Żjara tax-Xmara tal-Eku, waħda mill-iżjed attrazzjonijiet famużi tal-għar, kienet tieħu lill-viżitaturi fuq mawra b'dgħajsa tul xmara taħt l-art. Iż-żjara ma baqgħetx tiġi organizzata minħabba raġunijiet loġistiċi u ambjentali fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20.[8]

Il-kwartieri ġenerali u ċ-ċentru għall-viżitaturi ta' Mammoth Cave jinsabu tul it-triq tal-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave. Wieħed jista' jaċċessa l-park direttament mill-awtostrada I-65 fil-Ħruġ Nru 48. It-triq tal-park tikkollega mar-Rotta Nru 70 ta' Kentucky mit-Tramuntana u mar-Rotta Nru 255 ta' Kentucky min-Nofsinhar fi ħdan il-park.[9]

L-attività umana f'Mammoth Cave tmur lura ħamest elef sena. Diversi settijiet ta' fdalijiet ta' Amerikani Nattivi ġew irkuprati minn Mammoth Cave, jew minn għerien oħra fil-qrib tar-reġjun, kemm fis-seklu 19 kif ukoll fis-seklu 20. Il-biċċa l-kbira kienu mumji, li jirrappreżentaw eżempji ta' difniet intenzjonali, b'evidenza wiesgħa ta' prattiki funebri pre-Kolombjani.

Eċċezzjoni għad-difniet intenzjonali ġiet skoperta meta fl-1935 instabu l-fdalijiet ta' raġel adult taħt ħaġra kbira. Il-ħaġra ċċaqilqet minn postha u waqgħet fuq il-vittma, minatur pre-Kolombjan, li kien ċaqlaq ir-radam li kien qed jirfidha. Il-fdalijiet tal-vittma tal-qedem saru magħrufa bħala "Ġwanni l-Mitluf" u ntwerew lill-pubbliku fis-snin 70 tas-seklu 20, qabel ma ndifnu f'post sigriet f'Mammoth Cave għal raġunijiet ta' preservazzjoni kif ukoll minħabba sensitivitajiet politiċi li bdew ifeġġu rigward il-wiri pubbliku ta' fdalijiet ta' Amerikani Nattivi.

Ir-riċerka mill-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 20 immexxija minn Patty Jo Watson tal-Università ta' Washington f'St. Louis għenet ferm biex tixħet dawl fuq il-ħajjiet tal-popli Arkajċi aħħarin u tal-Boskijiet bikrin li esploraw u sfruttaw l-għerien fir-reġjun. Ippreservata mill-ambjent kostanti tal-għar, l-evidenza djetetika wasslet għal datazzjoni bir-radjukarbonju, li permezz tagħha Watson u oħrajn setgħu jiddeterminaw l-età tal-eżemplari. Analiżi tal-kontenut, immexxija wkoll minn Watson bħala pijuniera, ippermettiet id-determinazzjoni tal-kontenut relattiv ta' pjanti u ta' laħam fid-dieta taż-żewġ kulturi tul perjodu ta' diversi eluf ta' snin. Din l-analiżi tindika tranżizzjoni kronoloġika minn kultura ta' kaċċaturi-ġemmiegħa għal kultura ta' domestikazzjoni tal-pjanti u l-agrikoltura.

Teknika oħra li ntużat fir-riċerka arkeoloġika f'Mammoth Cave kienet l-"arkeoloġija sperimentali", fejn esploraturi moderni ntbagħtu fl-għar bl-użu tal-istess teknoloġija tal-kulturi tal-qedem, li nstabu l-fdalijiet skartati tagħhom sparpaljati f'bosta partijiet tal-għar. L-għan kien li jingħata ħjiel rigward il-problemi ffaċċjati min-nies tal-qedem li esploraw l-għar, billi r-riċerkaturi tpoġġew f'sitwazzjoni fiżika simili.

Il-fdalijiet u l-artefatti umani tal-qedem fi ħdan l-għerien huma protetti b'diversi liġijiet federali u statali. Wieħed mill-iżjed fatti bażiċi li jkun irid jiġi ddeterminat dwar artefatt li jkun għadu kemm ġie skopert hu l-pożizzjoni preċiża u l-qagħda tiegħu. Anke kemxejn ta' ċaqliq ta' artefatt preistoriku jikkontaminah minn perspettiva tar-riċerka. L-esploraturi jiġu mħarrġa apposta biex ma jiddisturbawx l-evidenza arkeoloġika, u xi żoni tal-għar mhumiex aċċessibbli lanqas għall-iżjed esploraturi esperti, sakemm is-suġġett taż-żjara ma jkunx ir-riċerka arkeoloġika ta' dik iż-żona.

Apparti l-fdalijiet li ġew skoperti fil-parti tal-għar li hija aċċessibbli mid-daħla storika ta' Mammoth Cave, il-fdalijiet ta' torċi tal-qasab li kienu jintużaw mill-Amerikani Nattivi kif ukoll artefatti oħra bħal tpinġijiet, frammenti ta' qargħa aħmar, u mokassini minsuġa bil-ħaxix jinsabu fis-sezzjoni tal-Għar tal-Imlieħ tas-sistema fi Flint Ridge.

L-iżjed storja miktuba bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-daħla storika f'37°11′14″N 86°06′13″W / 37.18722°N 86.10361°W / 37.18722; -86.10361

Il-passaġġ ta' 31,000 akru (13,000 ettaru) magħruf bħala l-"Istħarriġ ta' Pollard" inbigħ b'kuntratt legali fl-10 ta' Settembru 1791 f'Philadelphia minn William Pollard. 19,897 akru (8,052 ettaru) tal-"Istħarriġ ta' Pollard" bejn ix-Xatt tat-Tramuntana ta' Bacon Creek u x-xmara Green inxtraw minn Thomas Lang, Jr., merkant Brittaniku-Amerikan minn Yorkshire, l-Ingilterra, fit-3 ta' Ġunju 1796, għal £4,116/13s/0d (£4,116.65). L-art intilfet minħabba l-irkupru tat-taxxa tal-kontea lokali matul il-Gwerra tal-1812.

Skont leġġenda, l-ewwel Ewropew li żar Mammoth Cave kien John Houchin jew ħuh Francis Houchin, fl-1797. Hu u jikkaċċja, Houchin segwa ors ferut sad-daħla kbira tal-għar qrib ix-xmara Green. Xi ġrajjiet tal-familja Houchin isostnu li John Decatur "Johnny Dick" Houchin kien skopra l-għar, iżda dan xejn ma kien probabbli minħabba li Johnny Dick kellu 10 snin biss fl-1797 u ta' dik l-età x'aktarx li ma kienx qed jikkaċċja l-orsijiet. Missieru John iktar probabbli li skopra Mammoth Cave, għalkemm terġa' huwa iktar probabbli li skopriha Francis "Frank" Houchin, li l-art tiegħu kienet eqreb l-għar minn dik ta' ħuh John. Hemm min isostni wkoll li ħuhom Charles Houchin, li kien magħruf bħala kaċċatur u nassab kbir, kien ir-raġel li spara lil dak l-ors u baqa' jsegwih sal-għar. L-uniku dubju rigward dan il-ħsieb hu l-fatt li Charles kien qed jirresjedi f'Illinois sal-1801. Il-ġrajja ta' Brucker u Watson, The Longest Cave (L-Itwal Għar) tmur kontra dan il-ħsieb u tasserixxi li l-għar "ċertament kien magħruf qabel dak iż-żmien". L-għerien fl-inħawi kienu magħrufa qabel l-iskoperta tad-daħla ta' Mammoth Cave. Anke Francis Houchin kellu daħla ta' għar fl-art tiegħu qrib ħafna tal-lilwa fix-xmara Green magħrufa bħala "Turnhole", inqas minn mil mid-daħla prinċipali ta' Mammoth Cave.

L-art li fiha din id-daħla storika ġiet mistħarrġa u rreġistrata għall-ewwel darba fl-1798 taħt isem Valentine Simons. Simons beda jisfrutta Mammoth Cave għar-riżervi tan-nitrat tal-potassju.

Il-fdalijiet tal-Minjiera tan-Nitrati tal-Potassju f'Mammoth Cave.

Bi sħubija ma' Valentine Simons, divers individwi oħra saru sidien tal-art permezz tal-Gwerra tal-1812, meta r-riżervi tan-nitrat tal-potassju ta' Mammoth Cave saru sinifikanti minħabba l-Att dwar l-Embargo ta' Jefferson tal-1807 li pprojbixxa l-kummerċ barrani kollu. L-embargo wassal biex il-militar Amerikan ma kellux iktar nitrat tal-potassju li kien meħtieġ għall-porvli. B'hekk, il-prezz domestiku tan-nitrat tal-potassju għola u l-produzzjoni bbażata fuq in-nitrati estratti minn għerien bħal Mammoth Cave bdew iqallgħu iktar flus.

F'Lulju 1812, l-għar inxtara mingħand Simons u mingħand sidien oħra minn Charles Wilkins u investitur minn Philadelphia jismu Hyman Gratz. F'qasir żmien l-għar beda jiġi mħaffer għan-nitrat tal-kalċju fuq skala industrijali, bl-użu tal-forza tax-xogħol ta' 70 skjav biex jibnu u jħaddmu l-apparat tal-lissija tal-ħamrija, kif ukoll biex jgħollu l-ħamrija mhux mimsusa mill-fond tal-għar lejn is-sit tal-ipproċessar ċentrali.

Nofs is-sjieda tal-għar inbigħet għal għaxart elef dollaru (l-ekwivalenti ta' iktar minn $150,000 fl-2020). Wara l-gwerra meta l-prezzijiet niżlu, ix-xogħol ġie abbandunat u l-għar sar attrazzjoni turistika minuri ċċentrata fuq l-iskoperta ta' mumja ta' Amerikan Nattiv li ġiet skoperta fil-qrib.

Mappa ta' Mammoth Cave (1897).

Meta Wilkins miet, l-intestatarji tal-wirt tiegħu bigħu s-sehem tal-għar tiegħu lil Gratz. Fir-rebbiegħa tal-1838, l-għar inbigħ mill-aħwa Gratz lil Franklin Gorin, li kien biħsiebu jopera Mammoth Cave purament bħala attrazzjoni turistika, wara li s-suq tan-nitrati tal-potassju kien batta għalkollox. Gorin kien sid tal-iskjavi, u uża l-iskjavi tiegħu bħala gwidi taż-żjarat. Stephen Bishop kien wieħed minn dawn l-iskjavi u għamel għadd ta' kontributi importanti għall-għarfien uman tal-għar, tant li sar wieħed mill-iżjed figuri storiċi magħrufa ta' Mammoth Cave. Stephen Bishop, skjav Afrikan-Amerikan u gwida tal-għar fis-snin 40 u 50 tas-seklu 19, kien wieħed mill-ewwel nies li għamel mapep estensivi tal-għar, u ta l-ismijiet lil bosta mill-karatteristiċi tal-għar.

Stephen Bishop sar midħla ta' Mammoth Cave fl-1838 bis-saħħa ta' Franklin Gorin. Wara l-mewt ta' Bishop, Gorin kiteb: "Poġġejt gwida fl-għar – Stephen li tant sar magħruf, u hu għen fl-iskoperti. Huwa kien l-ewwel persuna li qatt qasam il-Foss Bla Qiegħ, u hu, jien u persuna oħra li nsejt isimha konna l-uniċi persuni li waslu sal-qiegħ tal-Koppla ta' Gorin sa fejn naf jien".

"Wara li Stephen qasam il-Foss Bla Qiegħ, skoprejna lkoll il-parti tal-għar minn hemm 'il quddiem. Qabel dawk l-iskoperti, l-interess kollu kien iċċentrat fuq dak li huwa magħruf bħala l-"Għar Antik" ... iżda issa ħafna mill-punti l-ġodda għadhom ma ġewx investigati sew, għalkemm kif kien jgħid Stephen, kienu "kbar, imdallma u strambi".

The Mammoth Cave of Kentucky: An illustrated manual (1897).

Fl-1839, John Croghan ta' Louisville xtara l-art ta' Mammoth Cave, inkluż lil Bishop u lil skjavi oħra mis-sid ta' qabel, Franklin Gorin. Croghan għal żmien qasir mexxa sptar tat-tuberkolożi fl-għar fl-1842–1843, abbażi tat-twemmin li l-fwar mill-għar seta' jfejjaq lill-pazjenti tiegħu. It-tuberkolożi, epidemija mifruxa f'dak il-perjodu, fl-aħħar mill-aħħar qatlet lit-tabib Croghan fl-1849.

Fl-1866, l-ewwel ritratti minn ġo Mammoth Cave ttieħdu minn Charles Waldack, fotografu minn Cincinnati, Ohio, bl-użu ta' metodu perikoluż ħafna tal-fotografija bil-flash magħrufa bħala l-fotografija tal-flash bil-manjeżju.

Matul is-seklu 19, il-fama ta' Mammoth Cave kibret tant li l-għar sar attrazzjoni internazzjonali. Dak iż-żmien, l-għar ġibed l-attenzjoni ta' kittieba tas-seklu 19 bħal Robert Montgomery Bird, ir-Reverendu Robert Davidson, ir-Reverendu Horace Martin, Alexander Clark Bullitt, Nathaniel Parker Willis (li żaru f'Ġunju 1852), Bayard Taylor (li żaru f'Mejju 1855), William Stump Forwood (li żaru fir-rebbiegħa tal-1867), in-naturalist John Muir (li żaru fil-bidu ta' Settembru 1867), ir-Reverendu Horace Carter Hovey, u oħrajn. Bis-saħħa tal-fama li kiseb Mammoth Cave, diversi viżitaturi famużi żaru l-għar, fosthom l-attur Edwin Booth (ħuh, John Wilkes Booth, qatel lil Abraham Lincoln fl-1865), il-kantanta Jenny Lind (li żaret l-għar fil-5 ta' April 1851), u l-vjolinist Ole Bull, li flimkien taw kunċert f'wieħed mill-għerien. Minn dak iż-żmien 'l hawn, żewġ kompartimenti fl-għerien saru magħrufa bħala l-"Anfiteatru ta' Booth" u s-"Sala tal-Kunċerti ta' Ole Bull".

Bidu tas-seklu 20: il-Gwerer tal-Għerien ta' Kentucky

[immodifika | immodifika s-sors]
Firem storiċi mnaqqxa mas-saqaf tat-"Triq Gotika".

Id-diffikultajiet tal-biedja fil-ħamrija fqira tal-inħawi tal-għerien influwenzat lis-sidien lokali ta' għerien iżgħar fil-qrib biex ifittxu opportunitajiet ta' sfruttament kummerċjali, b'mod partikolari wara s-suċċess ta' Mammoth Cave bħala attrazzjoni turistika. Il-"Gwerer tal-Għerien ta' Kentucky" kienu perjodu ta' kompetizzjoni qalila bejn is-sidien tal-għerien lokali għal flus it-turisti. Diversi tattiki ta' qerq intużaw biex jattiraw lill-viżitaturi biex minflok id-destinazzjoni li riedu jżuru inizjalment, imorru jaraw għerien privati oħra. Tabelli qarrieqa kienu jitpoġġew tul it-toroq li jagħtu għal Mammoth Cave. Strateġija tipika matul il-jiem bikrin tal-ivvjaġġar bil-karozzi kienet tinvolvi lil rappreżentanti ta' għerien privati oħra li kienu jiddendlu mal-karozzi tat-turisti, u jikkonvinċu lill-passiġġieri li Mammoth Cave kien magħluq, taħt kwarantina, ċeda jew ma kienx aċċessibbli.

Fl-1906, Mammoth Cave sar aċċessibbli bid-dgħajsa li taħdem bl-istim permezz tal-kostruzzjoni ta' magħlaq u diga f'Brownsville, Kentucky.

Fl-1908, Max Kämper, inġinier tal-estrazzjoni żagħżugħ Ġermaniż, wasal fl-għar minn New York. Kämper kien għadu kemm iggradwar mill-kulleġġ tekniki u l-familja tiegħu bagħtitu fuq safra bħala rigal tal-gradwazzjoni. Oriġinarjament kellu f'moħħu li jqatta' ġimagħtejn f'Mammoth Cave, iżda Kämper qatta' diversi xhur. Bl-assistenza ta' Ed Bishop, gwida ta' Mammoth Cave, Kämper wettaq stħarriġ strumentali tassew akkurat ta' diversi kilometri ta' Mammoth Cave, inkluż bosta skoperti ġodda. Jingħad li Kämper wettaq ukoll stħarriġ korrispondenti tas-superfiċe tal-art ta' fuq l-għar: din l-informazzjoni kienet utli għall-ftuħ ta' daħliet oħra, bħalma ġara ftit wara bid-daħla ta' Violet City.

Il-familja Croghan ħassret l-element topografiku tal-mappa ta' Kämper, għalkemm il-kumplament tax-xogħol tal-mappa ta' Kämper hija trijonf akkurat tal-kartografija tal-għar: dawn il-passaġġi ġew mistħarrġa u mmappjati b'iktar akkuratezza mhux qabel il-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20 u l-wasla tal-perjodu tal-esplorazzjoni moderna. Kämper reġa' lura lejn Berlin, u mill-punt tal-kostruzzjoni fl-1906 tad-diga ta' Brownsville, indika li minħabba d-diga studju idroloġiku sħiħ tal-għar ma kienx possibbli. Fost id-deskrizzjonijiet preċiżi tiegħu tal-ambjent idroġeoloġiku ta' Mammoth Cave, Martel wasal għall-konklużjoni spekulattiva li Mammoth Cave kien ikkollegat mal-Għerien tal-Imlieħ u Kolossali: ma kienx hemm prova li dan il-ħsieb kien korrett qabel 60 sena wara ż-żjara ta' Martel.

Fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 20, George Morrison, permezz tal-ibblastjar ħoloq għadd ta' daħliet għal Mammoth Cave f'art li ma kinitx taħt is-sjieda tal-familja Croghan. Ladarba d-data mill-istħarriġiet ta' Kämper kienet assenti biex ma jidhirx il-kobor reali tal-għar, xorta waħda maż-żmien instab b'mod konklużiv li l-familja Croghan kienet ilha għal snin sħaħ turi partijiet minn Mammoth Cave li ma kinux fuq art li kellhom is-sjieda tagħha. B'hekk tressqu quddiem il-liġi u għal xi żmien id-daħliet differenti għall-għar kienu jiġu operati b'kompetizzjoni diretta ma' xulxin.

Fil-bidu tas-seklu 20, Floyd Collins qatta' għaxar snin jesplora s-sistema tal-għerien ta' Flint Ridge (l-iżjed legat importanti ta' dawn l-esplorazzjonijiet kienet l-iskoperta tiegħu tal-Għar tal-Kristalli u l-esplorazzjoni fl-Għar tal-Imlieħ) qabel ma miet fl-Għar tar-Ramel, f'Kentucky, fl-1925. Hu u jesplora l-Għar tar-Ramel, huwa waqqa' blata fuq siequ f'passaġġ baxx u dejjaq u ma setax jiġi salvat qabel ma miet bil-ġuħ. It-tentattivi ta' salvataġġ ta' Floyd Collins ġibdu ħafna attenzjoni permezz tal-mezzi tax-xandir; ir-reklamar li rriżulta wassal biex diversi nies prominenti minn Kentucky jibdew moviment li rriżulta fil-formazzjoni tal-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave fl-1941.

Moviment tal-park nazzjonali (1926–1941)

[immodifika | immodifika s-sors]
Żjara bid-dgħajsa fix-xmara Styx.

Wara l-mewt tal-aħħar werrieta tal-familja Croghan, kiber l-appoġġ fost iċ-ċittadini għonja ta' Kentucky għall-istabbiliment tal-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave. Xi ċittadini privati ffurmaw l-Assoċjazzjoni tal-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave fl-1924. Il-park ġie awtorizzat fil-25 ta' Mejju 1926.

Il-fondi li ngħataw b'donazzjoni ntużaw biex jinxtraw xi proprjetajiet agrikoli fir-reġjun, filwaqt li sezzjonijiet oħra fi ħdan il-konfini proposti tal-park nazzjonali nxtraw ukoll. Għad-differenza tal-parks nazzjonali fil-Punent tal-Amerka b'popolazzjoni sparpaljata, eluf ta' nies ġew imġiegħla jiċċaqilqu biex jiġi stabbilit il-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave. Il-proċeduri tat-teħid tal-art spiss kienu vjolenti u s-sidien tal-art tħallsu dak li skonthom kienu somom mhux adegwati.

Għal raġunijiet ġuridiċi, il-gvern federali ġie pprojbit milli jirrestawra jew jiżviluppa l-artijiet agrikoli kklerjati, filwaqt li l-assoċjazzjoni privata kellha l-pussess tal-art: dan ir-regolament ġie evitat permezz tal-operazzjoni ta' "massimu ta' erba'" kampijiet CCC mit-22 ta' Mejju 1933 sa Lulju 1942.

Skont is-Servizz tal-Parks Nazzjonali, "Sat-22 ta' Mejju 1936, 27,402 akri (11,089 ettaru) ta' art inxtraw u ġew aċċettati mis-Segretarju tal-Intern. Iż-żona ġiet iddikjarata bħala park nazzjonali fl-1 ta' Lulju 1941, meta minimu ta' 45,310 akri (18,340 ettaru) jew iktar minn 600 ħbula ta' art) ġew stabbiliti".

Is-sovraintendent Hoskins iktar 'il quddiem kiteb dwar pespus tas-sajf jismu Pete li mill-1938 kien iżur dar il-gwidi kull nhar l-20 ta' April. L-għasfur kien jiekol l-ikel minn idejn il-gwidi u l-viżitaturi kienu jieħdu gost jarawh.

Twelid tal-park nazzjonali (1941)

[immodifika | immodifika s-sors]
Tabella tal-park.

Il-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave ġie stabbilit fl-1 ta' Lulju 1941. Fl-istess sena ġiet inkorporata s-Soċjetà Speleoloġika Nazzjonali ta' R. Taylor Hoskins, it-tieni Aġent Sovraintendent taħt l-assoċjazzjoni antika, li sar l-ewwel sovrintendent uffiċjali sal-1951.

Id-Daħla l-Ġdida, li kienet magħluqa għall-viżitaturi mill-1941, reġgħet infetħet fis-26 ta' Diċembru 1951, u saret id-daħla li tintuża għall-bidu taż-żjara tan-Niagara Ffriżata.

L-itwal għar (1954–1972)

[immodifika | immodifika s-sors]
It-torri tat-taraġ fil-Koppla ta' Mammoth.

Sal-1954, l-artijiet tal-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave kienu jinkludu l-artijiet kollha fi ħdan il-konfini esterni tiegħu, bl-eċċezzjoni ta' żewġ sezzjonijiet b'sjieda privata. Waħda minnhom, ir-razzett l-antik ta' Lee Collins, kienet inbigħet lil Harry Thomas tal-Għar taż-Żiemel, f'Kentucky, li n-neputi tiegħu, William "Bill" Austin, kien jopera l-Għar tal-Kristalli ta' Collins bħala għar tal-ispettakli f'kompetizzjoni diretta mal-park nazzjonali, li kellu jieħu ħsieb il-manutenzjoni tat-toroq li jwasslu għas-sit.

Fi Frar 1954, spedizzjoni ta' ġimagħtejn taħt l-awspiċji tas-Soċjetà Speleoloġika Nazzjonali ġiet organizzata fuq stedina mingħand Austin: din l-ispedizzjoni saret magħrufa bħala l-ispedizzjoni C-3 jew l-ispedizzjoni tal-Għar tal-Kristalli ta' Collins.

L-ispedizzjoni C-3 ġibdet l-interess pubbliku, l-ewwel minn saġġ bir-ritratti ppubblikat minn Robert Halmi fil-ħarġa ta' Lulju 1954 ta' True Magazine u iktar 'il quddiem mill-pubblikazzjoni ta' rakkont doppju tal-ispedizzjoni, The Caves Beyond: The Story of the Collins Crystal Cave Expedition ta' Joe Lawrence, Jr. (li dak iż-żmien kien il-President tas-Soċjetà Speleoloġika Nazzjonali) u ta' Roger Brucker. L-ispedizzjoni wriet b'mod konklużiv li l-passaġġi fl-Għar tal-Kristalli kienu estiżi lejn Mammoth Cave, u jaqbżu l-konfini tas-sit tal-Għar tal-Kristalli. Madankollu, din l-informazzjoni nżammet mill-esploraturi: kien hemm il-biża' li s-Servizz tal-Parks Nazzjonali seta' jipprojbixxi l-esplorazzjoni li kieku dan ħareġ fil-beraħ.

Fl-1955, l-Għar tal-Kristalli ġie kkollegat permezz ta' stħarriġ mal-Għar Mhux Magħruf, l-ewwel kollegament fis-sistema ta' Flint Ridge.

Xi wħud mill-parteċipanti tal-ispedizzjoni C-3 xtaqu jkomplu l-esplorazzjonijiet tagħhom wara l-konklużjoni tal-ispedizzjoni, u organizzaw ruħhom bħala r-Rikonjizzjoni ta' Flint Ridge taħt il-gwida ta' Austin, Jim Dyer, ta' John J. Lehrberger u ta' E. Robert Pohl. Din l-organizzazzjoni ġiet inkorporata fl-1957 bħala l-Fondazzjoni tar-Riċerka tal-Għerien. L-organizzazzjoni ppruvat tilleġittimizza l-attività tal-esploraturi tal-għerien permezz tal-appoġġ tar-riċerka akkademika u xjentifika oriġinali. Fost ix-xjenzati notevoli li studjaw Mammoth Cave matul dan il-perjodu kien hemm Patty Jo Watson.

F'Marzu 1961, l-Għar tal-Kristalli nbigħ lis-Servizz tal-Parks Nazzjonali għal $285,000. Fl-istess żmien, l-Għar il-Kbir tal-Oniċi , l-unika proprjetà privata li kien għad fadal, inxtara għal $365,000. Il-Fondazzjoni tar-Riċerka tal-Għerien tħalliet tkompli l-esplorazzjoni permezz ta' Memorandum ta' Qbil mas-Servizz tal-Parks Nazzjonali.

L-Għar Kolossali ġie kkollegat bl-istħarriġ mal-Għar tal-Imlieħ fl-1960, u fl-1961 l-Għar Kolossali-tal-Imlieħ ġie kkollegat b'mod simili mal-Għar tal-Kristalli-Mhux Magħruf, u b'hekk inħolqot sistema unika ta' għerien taħt il-biċċa l-kbira ta' Flint Ridge. Sal-1972, is-Sistema tal-Għerien ta' Flint Ridge ġiet mistħarrġa sa tul ta' 86.5 mil (139.2 kilometru), u b'hekk instab li kienet l-itwal sistema ta' għerien fid-dinja.

Kollegament Flint–Mammoth (1972)

[immodifika | immodifika s-sors]
Ix-xmara Styx, waħda mill-mogħdijiet tal-ilma nofsha taħt l-art, li tfeġġ fis-superfiċe fil-park.

Matul is-snin 60 tas-seklu 20, it-timijiet tal-esplorazzjoni u tal-immappjar tal-Fondazzjoni tar-Riċerka tal-Għerien (bl-Ingliż: Cave Research Foundation; CRF) kienu sabu passaġġi fis-Sistema tal-Għerien ta' Flint Ridge li kienu daħlu taħt il-Wied ta' Houchins u qorbu sa 800 pied (240 metru) tal-passaġġi magħrufa f'Mammoth Cave. Fl-1972, il-kartografu ewlieni tas-CRF John Wilcox wettaq programm aggressiv biex finalment jikkollega l-għerien, b'diversi spedizzjonijiet min-naħa ta' Flint Ridge u esplorazzjonijiet oħra f'Mammoth Cave.

Matul spedizzjoni ta' Lulju 1972, fil-fond tas-Sistema tal-Għerien ta' Flint Ridge, Patricia Crowther — bl-istatura żgħira tagħha ta' 115-il libbra (52 kilogramma) tkaxkret minn ġo kanjon dejjaq li iktar 'il quddiem tlaqqam bħala "Tight Spot" (Post Dejjaq), li serva bħala filtru għal speleologi oħra bi statura ikbar. Spedizzjoni sussegwenti lil hinn minn dan il-punt fit-30 ta' Awwissu 1972, Wilcox, Crowther, Richard Zopf u Tom Brucker skoprew l-isem "Pete H" imnaqqax fuq il-ħajt ta' passaġġ max-xmara bi vleġġa tħares lejn id-direzzjoni ta' Mammoth Cave. Huwa maħsub li l-isem tnaqqax minn Warner P. "Pete" Hanson, li kien attiv fl-esplorazzjoni tal-għar fis-snin 30 tas-seklu 20. Hanson kien inqatel fit-Tieni Gwerra Dinjija. Il-passaġġ ġie mlaqqam mill-esploraturi bħala x-Xmara Mitlufa ta' Hanson.

Finalment, fid-9 ta' Settembru 1972, tim tas-CRF magħmul minn sitt persuni: Wilcox, Crowther, Zopf, Gary Eller, Stephen Wells u Cleveland Pinnix (ranger tas-Servizz tal-Parks Nazzjonali) segwew il-kurrent tax-Xmara Mitlufa ta' Hanson 'l isfel biex jiskopru l-kollegament tagħha max-xmara Echo fis-Sala tal-Kaskati ta' Mammoth Cave. Permezz ta' dan il-kollegament bejn is-sistemi tal-għerien ta' Flint Ridge u ta' Mammoth Cave, kienu xxabtu mal-"Everest tal-ispeleoloġija". Is-sistema integrata tal-għerien kien fiha 144.4 mil (232.4 kilometru) ta' passaġġi mistħarrġa u kellha 14-il daħla.

Skoperti reċenti

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-sistema tal-għerien u s-superfiċe ta' Mammoth Cave.

Wara nstabu kollegamenti oħra bejn Mammoth Cave u għerien jew sistema ta' għerien iżgħar, b'mod partikolari sal-Għar ta' Proctor/Morrison taħt Joppa Ridge fil-qrib fl-1979. L-Għar ta' Proctor ġie skopert minn Jonathan Doyle, suldat diżertatur tal-Armata tal-Unjoni matul il-Gwerra Ċivili, u iktar 'il quddiem is-sjieda tiegħu għaddiet għand il-Linja Ferrovjarja ta' Mammoth Cave, qabel ma ġie esplorat mis-CRF. L-Għar ta' Morrison ġie skopert minn George Morrison fis-snin 20 tas-seklu 20. Dan il-kollegament wassal biex il-konfini tal-esplorazzjoni ta' Mammoth Cave tkompli lejn ix-Xlokk.

Fl-istess żmien, l-iskoperti li saru 'l barra mill-park minn grupp indipendenti magħruf bħala l-Koalizzjoni Karstika ta' Kentucky Ċentrali (bl-Ingliż: Central Kentucky Karst Coalition; CKKC) irriżultaw fl-istħarriġ ta' għexieren ta' mili fl-Għar ta' Roppel fil-Lvant tal-park. Skopert fl-1976, l-Għar ta' Roppel għal żmien qasir ġie elenkat fost l-itwal għerien tal-Istati Uniti qabel ma ġie kkollegat mas-sezzjoni tal-Għar ta' Proctor/Morrison tas-Sistema tal-Għerien ta' Mammoth Cave fl-10 ta' Settembru 1983. Il-kollegament sar minn żewġ timijiet imħallta ta' esploraturi tas-CRF u tas-CKKC. Kull tim daħal minn daħla separata u ltaqa' fin-nofs qabel ma kompla sejjer fl-istess direzzjoni sal-ħruġ fid-daħla opposta. It-tul mistħarreġ totali b'hekk kien ta' qrib 300 mil (480 kilometru).

Fid-19 ta' Marzu 2005, kollegament fis-sezzjoni tal-Għar ta' Roppel tas-sistema tal-għerien ġie mistħarreġ minn għar żgħir taħt Eudora Ridge, u b'hekk żdiedu tliet mili mat-tul magħruf tas-Sistema tal-Għerien ta' Mammoth Cave. Id-daħla l-ġdida li nstabet għall-għar, li saret magħrufa bħala d-"Daħla ta' Hoover", kienet ġiet skoperta f'Settembru 2003, minn Alan Canon u James Wells. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, skoperti inkrimentali komplew ikabbru t-tul totali għal iktar minn 400 mil (640 kilometru).

Bla dubju għad fadal bosta mili oħra ta' passaġġi tal-għerien li għadhom iridu jiġu skoperti fir-reġjun. L-iskoperta ta' daħliet naturali ġodda hija xi ħaġa pjuttost rari: il-modalità primarja ta' skoperta tinvolvi t-tfittxija ta' passaġġi laterali identifikati matul l-esplorazzjoni sistematika ta' rutina tal-passaġġi tal-għerien li wieħed jidħol għalihom minn daħliet magħrufa.

Għerien relatati u fil-qrib

[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm mill-inqas żewġ sistemi tal-għerien kbar mhux wisq 'il bogħod minn Mammoth Cave: is-Sistema tal-Għerien ta' Fisher Ridge u s-Sistema tal-Għerien ta' Martin Ridge. Is-Sistema tal-Għerien ta' Fisher Ridge ġiet skoperta f'Jannar 1981 minn grupp ta' speleologi ta' Michigan assoċjati mal-Grotta Urbana ta' Detroit tas-Soċjetà Speleoloġika Nazzjonali. Sa issa, is-Sistema tal-Għerien ta' Fisher Ridge ġiet immappjata b'tul ta' 131 mil (211-il kilometru). Fl-1976, Rick Schwartz skopra għar kbir fin-Nofsinhar tal-konfini tal-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave. Dan l-għar sar magħruf bħala s-Sistema tal-Għerien ta' Martin Ridge fl-1996, permezz ta' esplorazzjoni ġdida li kkollegat it-tliet għerien fil-qrib: l-Għar ta' Whigpistle (id-daħla oriġinali ta' Schwartz), l-Għar ta' Martin Ridge, u l-Għar ta' Jackpot. Mill-2018, is-Sistema tal-Għerien ta' Martin Ridge ġiet immappjata b'tul ta' 34 mil (55 kilometru), u l-esplorazzjoni tkompliet.

Seba' mili (11-il kilometru) miċ-ċentru għall-viżitaturi hemm Diamond Caverns. Hemmhekk hemm għall-wiri stagecoach li kienet tintuża biex tittrasporta l-viżitaturi mill-waqfa ferrovjarja fil-qrib ta' Bells Tavern f'Park City, Kentucky sa Diamond Caverns u Mammoth Cave.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-plakka tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Il-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[5]

Skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen, il-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave għandu klima subtropikali umduża (Cfa). Skont id-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti, iż-żona tal-ebusija tal-pjanti fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi tal-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave f'elevazzjoni ta' 722 pied (220 metru) hija ta' 6b, b'temperatura minima estrema annwali medja ta' -3.2 °F (-19.6 °C).

Data klimatika għall-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave, Kentucky (temp. normali fl-1991–2020, temp. estremi mill-1934 sal-preżent)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 80

(27)

82

(28)

86

(30)

91

(33)

96

(36)

108

(42)

108

(42)

105

(41)

106

(41)

99

(37)

93

(34)

80

(27)

108

(42)

Temp. għolja medja f'°F (°C) 65.6

(18.7)

71.4

(21.9)

78.4

(25.8)

85.1

(29.5)

90.7

(32.6)

95.2

(35.1)

96.9

(36.1)

96.1

(35.6)

94.0

(34.4)

86.6

(30.3)

76.7

(24.8)

67.5

(19.7)

98.2

(36.8)

Temp. għolja medja ta' kuljum f'°F (°C) 47.9

(8.8)

53.2

(11.8)

62.3

(16.8)

73.4

(23.0)

81.2

(27.3)

88.0

(31.1)

91.0

(32.8)

90.2

(32.3)

85.0

(29.4)

74.0

(23.3)

61.2

(16.2)

51.0

(10.6)

71.5

(21.9)

Temp. medja ta' kuljum f'°F (°C) 38.6

(3.7)

42.7

(5.9)

50.9

(10.5)

60.7

(15.9)

69.0

(20.6)

76.2

(24.6)

79.6

(26.4)

78.5

(25.8)

72.5

(22.5)

61.6

(16.4)

50.5

(10.3)

42.0

(5.6)

60.2

(15.7)

Temp. baxxa medja ta' kuljum f'°F (°C) 29.3

(−1.5)

32.2

(0.1)

39.5

(4.2)

48.0

(8.9)

56.8

(13.8)

64.4

(18.0)

68.3

(20.2)

66.7

(19.3)

60.0

(15.6)

49.1

(9.5)

39.7

(4.3)

33.0

(0.6)

48.9

(9.4)

Temp. baxxa medja f'°F (°C) 4.5

(−15.3)

10.4

(−12.0)

18.0

(−7.8)

29.0

(−1.7)

38.6

(3.7)

49.2

(9.6)

57.0

(13.9)

54.1

(12.3)

42.9

(6.1)

30.1

(−1.1)

20.0

(−6.7)

12.1

(−11.1)

2.7

(−16.3)

Temp. baxxa rekord f'°F (°C) −20

(−29)

−21

(−29)

−6

(−21)

18

(−8)

27

(−3)

32

(0)

40

(4)

37

(3)

29

(−2)

18

(−8)

−8

(−22)

−18

(−28)

−21

(−29)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (mm) 3.73

(95)

4.47

(114)

5.01

(127)

4.92

(125)

5.16

(131)

4.84

(123)

4.93

(125)

3.82

(97)

3.95

(100)

3.79

(96)

4.09

(104)

4.78

(121)

53.49

(1,359)

Medja ta' jiem bil-borra (cm) 0.7

(1.8)

1.4

(3.6)

0.6

(1.5)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

1.3

(3.3)

4.0

(10)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.01 pulzieri) 11.5 10.8 12.9 11.9 12.1 11.9 10.7 9.1 7.9 9.0 9.5 11.5 128.8
Medja ta' jiem bil-borra (≥ 0.1 pulzieri) 0.4 0.7 0.6 0.1 0.0 0.0 0.0 0.0 0.0 0.0 0.0 0.4 2.1
Sors: NOAA.[10]

Bijoloġija u ekosistema

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ispeċijiet ta' friefet il-lejl li ġejjin jgħixu fl-għerien: il-farfett il-lejl ta' Indiana (Myotis sodalis), il-farfett il-lejl griż (Myotis grisescens), il-farfett il-lejl kannella żgħir (Myotis lucifugus), il-farfett il-lejl kannella kbir (Eptesicus fuscus), u l-farfett il-lejl bi tliet kuluri (Perimyotis subflavus).

Flimkien, dawn l-ispeċijiet u speċijiet iktar rari ta' friefet il-lejl bħall-farfett il-lejl ta' saqajh żgħar tal-Lvant kellhom popolazzjonijiet stmati ta' 9–12-il miljun fis-Sezzjoni Storika biss. Filwaqt li dawn l-ispeċijiet għadhom jeżistu f'Mammoth Cave, il-popolazzjonijiet tagħhom issa niżlu għal mhux iktar minn ftit eluf skont l-aqwa ipoteżijiet. L-irpiljar ekoloġiku ta' din is-sezzjoni ta' Mammoth Cave, u l-iffaċilitar tar-ritorn tal-friefet il-lejl, huma sforz kontinwu. Mhux l-ispeċijiet kollha ta' friefet il-lejl hawnhekk jgħixu fl-għerien; il-farfett il-lejl aħmar (Lasiurus borealis) jgħix fil-foresti, u qajla jinstab taħt l-art.

Annimali oħra li jgħixu fl-għerien jinkludu: żewġ ġeneri ta' wrieżaq Hadenoecus subterraneus kif ukoll Ceuthophilus stygius u Ceuthophilus latens, is-salamandra tal-għerien Eurycea lucifuga, żewġ ġeneri ta' ħut tal-għerien bla għajnejn Typhlichthys subterraneus u Amblyopsis spelaea, iċ-ċkal tal-għerien Orconectes pellucidus, u l-gamblu tal-għerien Palaemonias ganteri.

Barra minn hekk, xi annimali tas-superfiċe ġieli jfittxu l-kenn fid-daħliet tal-għerien iżda ġeneralment ma jidħlux fis-sezzjonijiet fil-fond tas-sistema tal-għerien.

Is-sezzjoni tax-xmara Green li tnixxi ġol-park hija legalment iddeżinjata bħala "Xmara Mhux Mimsusa ta' Kentucky" mill-Assemblea Ġenerali ta' Kentucky, permezz tal-Programm tax-Xmajjar Mhux Mimsusa tal-Uffiċċju tar-Riżervi Naturali ta' Kentucky.

Skont it-tipi tal-veġetazzjoni naturali potenzjali tal-Istati Uniti ta' A. W. Kuchler, il-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave għandu tip ta' veġetazzjoni potenzjali tal-ballut (100) b'siġar bil-weraq wiesa' tal-injam iebes tal-Lvant u forma ta' veġetazzjoni potenzjali ta' foresti mħallta (25).

Fost il-fossili komuni tal-għerien hemm tal-krinojdi, tal-blastojdi u tal-gastropodi. Il-ġebla tal-ġir tal-perjodu ta' Mississippi nstabu fiha diversi fossili ta' xi tnax-il speċi ta' kelb il-baħar. Fl-2020, ix-xjenzati rrapportaw l-iskoperta ta' parti minn Saivodus striatus, speċi komparabbli fid-daqs ma' kelb il-baħar abjad kbir modern.

Isem l-għar jirreferi għall-wisa' u għat-tul kbar tal-passaġġi li jikkollegaw ir-Rotunda ftit 'il ġewwa mid-daħla. L-isem intuża ferm qabel is-sistema estensiva tal-għerien ġiet esplorata u mmappjata għalkollox, biex jispjega l-kobor tal-passaġġi tagħha. L-ebda fossila tal-mammut sufi ma nstabet f'Mammoth Cave, u isem l-għar ma għandu x'jaqsam xejn mal-annimal estint.

Referenzi kulturali

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Ammont sinifikanti mix-xogħol tal-poeta Amerikan Donald Finkel jirriżulta mill-esperjenzi tiegħu ta' speleoloġija fil-Park Nazzjonali ta' Mammoth Cave. Xi eżempji jinkludu Answer Back tal-1968 u Going Under ippubblikat fl-1978.
  • Il-konfigurazzjoni ta' waħda mill-iżjed logħbiet bikrin tal-kompjuter, Colossal Cave Adventure, ta' Will Crowther tal-1976 kienet ibbażata parzjalment fuq is-sistema tal-għerien ta' Mammoth Cave.
  • Il-logħba elettronika Kentucky Route Zero għandha espansjoni awtonoma, bejn l-Atti III u IV tagħha, imsejħa Here And There Along The Echo, b'numru fittizju li jipprovdi informazzjoni dwar ix-xmara Echo għad-"drifters" u għall-"pellegrini". It-tielet att tal-logħba stess parzjalment iseħħ fi ħdan is-sistema tal-għerien ta' Mammoth Cave, u fih referenzi għall-Avventura tal-Għar Kolossali.
  • Il-ġrajja qasira tal-1905 ta' H. P. Lovecraft, "The Beast in the Cave" (ippubblikata fl-1918), hija ambjentata f'"Mammoth Cave".
  • Il-grupp rock American Guided by Voices għamel referenza għall-għar fil-kanzunetta tal-1990 "Mammoth Cave" mill-album tagħhom Same Place the Fly Got Smashed.
  • Il-"Kentucky Mammoth Cave" tintuża bħala metafora għall-istonku tal-gabdoll fil-kapitlu 75 tar-rumanz ta' Herman Melville tal-1851 Moby Dick.
  • Il-kittieba tal-fizzjoni Lillie Devereux Blake fir-rivista The Knickerbocker fl-1858 tirrakkonta l-ġrajja fittizja ta' mara, Melissa, li qatlet lill-għalliem tagħha li ma ħabbhiex lura, billi abbandunatu fl-għar mingħajr lampa. Skont il-ġrajja, Melissa tmur lura fl-għar ħmistax-il sena wara biex ittemm il-miżerja tagħha. Ir-riċerkatur Joe Nickell fir-rivista Skeptical Inquirer jispjega li dan jan il-ħsieb jagħti lil "dawk li jemmnu fil-fatati... konferma tat-twemmin superstizzjuż tagħhom" li jsostni li Melissa tinstema' tnewwaħ u tgħajjat għall-għalliem li qatlet. Nickell jistqarr li hija xi ħaġa komuni li wieħed jisma' l-ħsejjes fl-għerien li "l-moħħ jinterpreta (bħala kliem u tnewwiħ)... xi ħaġa li tissejjaħ parejdolja". Melissa hija karattru fittizju, iżda l-awtriċi Blake żaret Mammoth Cave flimkien mar-raġel tagħha Frank Umsted, "b'vjaġġ bil-ferrovija, bid-dgħajsa li taħdem bl-istim u bl-istagecoach".
  • Il-grupp rock Black Stone Cherry jagħmel referenza għal Mammoth Cave fil-kanzunetta tagħha tal-2008 Ghost of Floyd Collins.

Sovraintendenti tal-park

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Robert P. Holland; mit-2 ta' Settembru 1936 sal-21 ta' Ġunju 1938; aġent;
  • R. Taylor Hoskins; mit-22 ta' Ġunju 1938 sat-30 ta' Ġunju 1941; aġent;
  • R. Taylor Hoskins; mill-1 ta' Lulju 1941 sal-31 ta' Marzu 1951;
  • Thomas C. Miller; mill-1 ta' April 1951 sat-30 ta' Ġunju 1954;
  • Perry E. Brown; mill-1 ta' Lulju 1954 mill-14 ta' Settembru 1963;
  • Paul McG. Miller; mill-15 ta' Settembru 1963 sat-30 ta' Diċembru 1965;
  • John A. Aubuchon; mit-2 ta' Jannar 1966 sas-7 ta' Settembru 1968;
  • Robert H. Bendt; mit-8 ta' Settembru 1968 sat-23 ta' Jannar 1971; li ġie assenjat bis-superviżjoni tas-Sit Storiku Nazzjonali tal-Post tat-Twelid ta' Abraham Lincoln mit-2 ta' Settembru 1970 sas-27 ta' April 1975;
  • Joseph Kulesza; mill-21 ta' Frar 1971 sal-31 ta' Mejju 1976;
  • Albert A. Hawkins; mill-4 ta' Lulju 1976 sal-11 ta' Awwissu 1979;
  • Robert L. Deskins; mit-12 ta' Awwissu 1979 sal-1 ta' Settembru 1984;
  • Richard N. Strange; mit-2 ta' Settembru 1984 sat-8 ta' Diċembru 1984; aġent;
  • Franklin D. Pridemore; mid-9 ta' Diċembru 1984 sat-2 ta' Jannar 1988;
  • David A. Mihalic; mit-3 ta' Jannar 1988 sa' Lulju 1994;
  • Ronald R. Switzer; minn Marzu 1995 sa Jannar 2005;
  • Bruce Powell; minn Jannar 2005 sa Jannar 2006; aġent;
  • Patrick Reed; minn Jannar 2006 sal-2012;
  • Sarah J. Craighead; minn Novembru 2012 sa Lulju 2017;
  • Barclay Trimble; minn Lulju 2017 sal-preżent.

Din il-lista mhix eżawrjenti.

  1. ^ "Exploring the World's Longest Known Cave (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-30.
  2. ^ "Mammoth Cave National Park (U.S. National Park Service)". web.archive.org. 2010-10-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-10-10. Miġbur 2024-07-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Mammoth Cave just got a little more "Mammoth" - Mammoth Cave National Park (U.S. National Park Service)". web.archive.org. 2023-02-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-02-14. Miġbur 2024-07-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "World's longest caves". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-11-02. Miġbur 2024-07-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ a b ċ "Mammoth Cave National Park". whc.unesco.org. Miġbur 2024-07-30.
  6. ^ "Foundation Document Mammoth Cave National Park" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-12-09. Miġbur 2024-07-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ "Geology of Mammoth Cave National Park | U.S. Geological Survey". www.usgs.gov. Miġbur 2024-07-31.
  8. ^ "Frequently Asked Questions - Mammoth Cave National Park (U.S. National Park Service)". web.archive.org. 2021-11-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-11-25. Miġbur 2024-07-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ "Directions & Transportation - Mammoth Cave National Park (U.S. National Park Service)". web.archive.org. 2021-12-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-12-01. Miġbur 2024-07-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ "National Weather Service Climate". web.archive.org. 2021-05-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-05-13. Miġbur 2024-07-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)