Park Nazzjonali ta' Chiribiquete
Il-Park Nazzjonali ta' Chiribiquete jew il-Park Naturali Nazzjonali ta' Chiribiquete (bl-Ispanjol: Parque Nacional Natural (PNN) Serranía de Chiribiquete) huwa l-ikbar park nazzjonali fil-Kolombja u l-ikbar park nazzjonali ta' foresta pluvjali tropikali fid-dinja. Ġie stabbilit fil-21 ta' Settembru 1989 u tkabbar darbtejn, l-ewwel f'Awwissu 2013 u mbagħad f'Lulju 2018. Il-park jokkupa erja ta' madwar 43,000 km2 (17,000 mil kwadru) u jinkludi l-muntanji ta' Serranía de Chiribiquete u l-artijiet baxxi tal-madwar, li huma miksijin bil-foresti tropikali bl-indewwa, is-savannas u x-xmajjar.[1][2][3][4]
Il-Park Naturali Nazzjonali ta' Chiribiquete ġie stabbilit fil-21 ta' Settembru 1989. Il-park tkabbar mill-erja preċedenti ta' 13,000 km2 (5,000 mil kwadru) għal 28,000 km2 (11,000 mil kwadru) fil-21 ta' Awwissu 2013. Il-President Kolombjan Juan Manuel Santos ħabbar li l-Park Nazzjonali ta' Chiribiquete kien se jitkabbar bi 15,000 km2 (5,800 mil kwadru) fil-21 ta' Frar 2018.[5] Il-park tkabbar għal 43,000 km2 (17,000 mil kwadru) u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-2 ta' Lulju 2018.[2][6]
Tpittir fuq il-blat
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-reġjun fih bijodiversità kbira u jospita firxa wiesgħa ta' tpittir fuq il-blat. Instabu iktar minn 600,000 traċċa ta' iżjed minn 75,000 petroglifiċi u pittogrammi li saru mill-popli indiġeni fuq il-ħitan tas-60 post imkenni fil-blat u għadhom isiru saħansitra s'issa minn popli mingħajr kuntatt mad-dinja esterna protetti fi ħdan il-park nazzjonali.[7] It-tpittir fuq il-blat ġie prodott sas-seklu 16. Uħud mill-pitturi tteħdulhom ir-ritratti għall-ewwel darba mill-ġeologu Jaime Galvis bejn l-1986 u l-1987. Saret iktar riċerka minn Carlos Castaños, l-eks direttur tas-Sistema tal-Parks Naturali Nazzjonali tal-Kolombja, u mill-ġeologu u l-paleontologu Olandiż Thomas van der Hammen mill-1990 sal-1992.[8] Ir-reġista Brittaniku tad-dokumentarji fis-selvaġġ Mike Slee u l-fotografu u l-esploratur Kolombjan Francisco Forero Bonell ħa ritratti u filmati tat-tpittir fuq il-blat mal-ħitan vertikali tal-blat fi ħdan il-park fl-2014.[9]
Il-Park Nazzjonali ta' Chiribiquete jinsab fil-Majjistral tal-Amażonja Kolombjana fid-dipartimenti ta' Caquetá u Guaviare. Jinsab fil-ġurisdizzjonijiet tal-muniċipalitajiet ta' Solano, Cartagena del Chairá u San Vicente del Caguán f'Caquetá, u Calamar u San José del Guaviare f'Guaviare. Imiss max-xmara Tunia (ix-xmara Macaya) fil-Grigal, li tifforma x-xmara Apaporís wara l-konfluwenza tagħha max-xmara Ajaju f'punt magħruf bħala Dos Ríos. Il-konfini tal-park huma ffurmati mix-xmajjar Apaporís, Gunaré u Amú fil-Lvant, mix-xmajjar Mesay u Yari fin-Nofsinhar, u mix-xmajjar Hiutoto, Tajisa, Ajaju u Ayaya fil-Punent.[10][11]
Il-Park Nazzjonali ta' Chiribiquete jinsab fin-naħa tal-Punent tat-Tarka ta' Guiana, fil-Lvant tal-Cordillera tal-Lvant, fit-Tramuntana tal-pjanuri tal-Amażonja, fil-Punent tan-naħa ta' fuq tax-xmara Río Negro, u fin-Nofsinhar tas-savannas ta' Orinoquía. L-elevazzjonijiet fil-park ivarjaw minn madwar 200 sa 1,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Fih formazzjonijiet ġeoloġiċi magħmula minn promontorji u strutturi weqfin tal-blat. Il-formazzjonijiet huma maqsumin fi tliet sezzjonijiet differenti: il-Katina Muntanjuża tat-Tramuntana, il-Katina Muntanjuża Ċentrali u Iguaje Messas. Il-park huwa magħruf sew għat-tepuis, li huma muntanji bil-qċaċet ċatti li jitilgħu f'daqqa mill-foresta. Il-katina muntanjuża ta' Chiribiquete hija fdal importanti tal-katina muntanjuża tal-blat li tagħmel parti mill-formazzjonijiet Pre-Kambrijani u Paleożojċi li jiffurmaw it-Tarka ta' Guiana.[12][13]
Bijoġeografikament, il-katina muntanjuża ta' Chiribiquete tinsab fil-Guyanas. Fiha bosta bijomi differenti, inkluż savannas u foresti tal-għargħar, savannas tropikali, artijiet bl-arbuxxelli u foresti tropikali bl-indewwa.
Idroloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Chiribiquete fih il-baċiri tad-drenaġġ tax-xmajjar Mesay, Cuñare, San Jorge u Amú. Il-biċċa l-kbira tax-xmajjar fil-park huma tributarji tax-xmara Caquetá, li min-naħa tagħha hija tributarja tax-xmara Amażon. Ħafna mix-xmajjar jissejħu xmajjar tal-ilmijiet suwed minħabba li l-ilmijiet tagħhom għandhom lewn skur dovut għat-tnixxija tas-sedimenti mill-ħamrija tal-madwar.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Naturali Nazzjonali ta' Chiribiquete għandu klima tropikali u fih jinżlu madwar 4,500 millimetru ta' xita fis-sena. Il-park għandu livelli għoljin ta' sħab minħabba l-orjentazzjoni ġeografika tal-muntanji ta' Serranía de Chiribiquete. L-inqas xita tinżel bejn Diċembru u Frar, u l-iktar xita tinżel bejn April u Lulju. It-temperatura medja annwali hi ta' 24 °C (75 °F), b'fluttwazzjonijiet kbar bejn binhar u billejl. Matul ix-xhur nexfi, it-temperaturi jaf jitilgħu sa 32 °C (90 °F) binhar, u jinżlu sa 20 °C (68 °F) billejl. Id-differenza fit-temperatura bejn l-altitudnijiet baxxi u għoljin tal-park hija għolja ħafna wkoll. It-temperatura jaf tilħaq 35 °C (95 °F) fl-altitudnijiet baxxi u tinżel għal 2 °C (36 °F) fl-altitudnijiet għoljin. L-umdità medja tkun 40 % binhar u titla' għal 100 % billejl.[14][15]
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Chiribiquete jospita 30 % tal-ekosistemi u tal-flora tal-Amazzonja Kolombjana, u r-riċerkaturi skoprew 1,801 speċi ta' pjanti fil-park s'issa. Il-foresti tropikali bl-indewwa tal-Park Nazzjonali ta' Chiribiquete huma żviluppati sew u jilħqu għoli kbir; ċerti siġar jikbru sa 40 metru (130 pied). L-iżjed siġar komuni huma d-dielja tal-Amazzonja (Pourouma cecropiifolia), il-gwamo (Inga acrocephala), l-ukuba (Virola sebifera), is-siġra siringa (Hevea guianensis) u l-kapinuri (Pseudolmedia laevis). L-arbuxxelli u l-ħaxix li jikbru taħt is-siġar għoljin ikunu densi ħafna u jospitaw varjetà kbira ta' pjanti parassitiċi u epifitiċi. Fil-muntanji jistgħu jinstabu diversi arbuxxelli ta' bejn 12 u 15-il metru (39 u 49 pied) li jikbru fuq il-ħamrija ramlija. Il-postijiet bi ftit ħamrija, bħall-kaskati u l-postijiet bil-blat, jospitaw bosta pjanti endemiċi, inkluż il-ġeneru monotipiku Senefelderopsis, Hevea nitida var. toxicodendroides, Graffenrieda fantastica u Vellozia tubiflora.
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-riċerkaturi skoprew 209 speċi ta' friefet, 238 speċi ta' ħut, 57 speċi ta' anfibji, 60 speċi ta' rettili, iktar minn 410 speċijiet ta' għasafar u 82 speċi ta' mammiferu fil-Park Nazzjonali ta' Chiribiquete s'issa, ħafna minnhom mhedda u endemiċi għar-reġjun. Ir-reġjun huwa magħruf li jospita livelli għoljin ta' anfibji u ħut tal-ilma ħelu. Jospita wkoll madwar 30 % tal-bijodiversità ta' friefet il-lejl tal-Amazzonja Kolombjana u 10 % tal-bijodiversità tal-friefet tal-pajjiż.
Għasafar
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed għasafar notevoli fil-Park Nazzjonali ta' Chiribiquete huma l-cock-of-the-rock, il-makaw aħmar, l-għasfur ta' San Martin aħdar u aħmar, l-għasfur ta' San Martin tal-Amazzonja, l-għasfur ta' San Martin tal-kullar, il-motmot ħamrani, l-għasfur żejtni, u l-kolibrì endemiku ta' Chiribiquete. Għasafar notevoli oħra fil-park huma diversi speċijiet ta' tinamous, curassows tal-ġeneru Crax, u motmots tal-ġeneru Momotus. L-arpa u ċ-chachalaca spiss jintlemħu fil-park.
Mammiferi
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-riċerkaturi skoprew 52 speċi ta' friefet il-lejl fil-Park Nazzjonali ta' Chiribiquete s'issa, li jirrappreżentaw madwar 30 % tad-diversità tal-friefet il-lejl tal-Amazzonja Kolombjana. Fost il-friefet il-lejl notevoli jinkludu l-friefet il-lejl qishom klieb, il-friefet il-lejl b'widnejn qishom tal-ġrieden, il-friefet il-lejl qishom bulldogs, il-friefet il-lejl tal-frott ta' denbhom qasir, u l-friefet il-lejl ta' Marinkelle. Uħud mill-karnivori fil-park huma l-lontri ġganteski, il-lontri neotropikali, l-oċelots, il-kawgari u l-ġagwari. Il-park jospita tmien speċijiet ta' primati, inkluż il-kapuċċin ta' wiċċu abjad, il-kapuċċin tat-toppu, ix-xadina skojjattlu komuni, ix-xadina ta' billejl ta' Spix, ix-xadina busufa kannella u x-xadina ħamra tal-Venezwela. Jospita wkoll l-armadillos tal-ġeneru Dasypus, il-wikkiel ġgantesk tan-nemel, l-agouti iswed, il-paka tal-artijiet baxxi, id-dniefel tax-xmara Amażon, il-peccary tax-xoffa bajda u t-tapir Brażiljan.[16]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Chiribiquete, "Maloca tal-ġagwar" ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji mħallat (kulturali u naturali) tal-UNESCO fl-2018.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Colombia, Parques Nacionales Naturales de. "Parque Nacional Natural Serranía de Chiribiquete" (bl-Ispanjol). Miġbur 2024-12-09.
- ^ a b ċ d "Chiribiquete National Park – "The Maloca of the Jaguar" - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-09.
- ^ "Colombia makes history with huge expansion of largest national park | IUCN". web.archive.org. 2018-07-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-07-03. Miġbur 2024-12-09.
- ^ "Colombia's Serranía de Chiribiquete is now the world's largest tropical rainforest national park | Stories | WWF". World Wildlife Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-09.
- ^ Alsema, Adriaan (2018-02-22). "Colombia's biggest national park to become 1.5 million hectares bigger" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-09.
- ^ "Four sites added to UNESCO's World Heritage List". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-09.
- ^ Tiempo, Redacción El (2015-07-07). "Hallado tesoro arqueológico en el Parque Natural Chiribiquete". El Tiempo . Miġbur 2024-12-09.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
- ^ published, Mark Plotkin (2013-10-03). "'Lost Tribes' Saved through Creation of Massive Colombian Park (Op-Ed)". livescience.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-09.
- ^ Alberge, Dalya (2015-06-20). "World's most inaccessible art found in the heart of the Colombian jungle" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-09.
- ^ "Parque Nacional Natural Chiribiquete (Colombia) IBA | Summary | BirdLife International". datazone.birdlife.org. Miġbur 2024-12-09.
- ^ Sesana, Laura (2006). Colombia Natural Parks. Bogotá: Villegas Editores. pp. 389–398. ISBN 9588156874.
- ^ "Parques Nacionales Naturales de Colombia - Somos la gente de la conservación". web.archive.org. 2013-10-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-10-10. Miġbur 2024-12-09.
- ^ Hammond, David S. (2005). Tropical Foresrs of the Guiana Shield. Wallingford, Oxfordshire: Cabi Publishing. ISBN 1845930924.
- ^ Uribe, Carlos Castaño (1999). Sierras y Serranías de Colombia. Cali: Banco de Occidente Credencial. ISBN 9589674909.
- ^ Estrada, Javier Estrada; Fuertes, Javier (Jannar 1993). "Estudios botanicos en la Guayana colombiana, IV. Notas sobre la vegetacion y la flora de la Sierra de Chiribiquete". Revista de la Academia Colombiana de Ciencias Exactas, Físicas y Naturales. 18 (71): 483–497.
- ^ Mantilla-Meluk, Hugo; Montenegro, Olga (July–December 2016). "A new species of Lonchorhina (Chiroptera: Phyllostomidae) from Chiribiquete, Colombian Guayana". Neotropical Biodiversity. 6 (2): 171–187. doi:10.18636/bioneotropical.v6i2.576. eISSN 2256-5426. ISSN 2027-8918.