Nicolae Ceaușescu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Nicolae Ceaușescu
1. President tar-Rumanija

29 April 1974 - 22 Diċembru 1989
← no value - Ion Iliescu (en) Translate
3. President tal-Kunsill Statali

9 Diċembru 1967 - 22 Diċembru 1989
Chivu Stoica (en) Translate - no value →
membru tal-Kamra tad-Deputati tar-Rumanija

Ħajja
Twelid Scornicești (en) Translate, 26 Jannar 1918
Nazzjonalità Renju tar-Rumanija
Repubblika Soċjalista tar-Rumanija
L-ewwel lingwa Rumen
Mewt Târgoviște (en) Translate, 25 Diċembru 1989
Post tad-dfin Ċimiterju ta' Ghencea
Kawża tal-mewt piena kapitali (ferita b'tir ta' arma tan-nar)
Familja
Konjuga/i Elena Ceaușescu
Ulied
Aħwa
uri
Edukazzjoni
Alma mater University of Nice Sophia Antipolis (en) Translate
M.V. Frunze Military Academy (en) Translate
Akkademja tal-Istudji Ekonomiċi ta' Bukarest
Lingwi Rumen
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
bniedem militari
skarpan
President tar-Rumanija
Parteċipant
Premjijiet
List
Influwenzat minn Kim Il-sung
Mao Zedong
Josif Stalin
Servizz militari
Fergħa militari Forzi Rumeni tal-Art
Grad major general (en) Translate

Nicolae Ceaușescu (twieled fis-26 ta' Jannar 1918 – miet fil-25 ta' Diċembru 1989) kien politiku Komunista Rumen. Hu kien Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista Rumen bejn l-1965 u l-1989, u b'hekk it-tieni u l-aħħar kap Komunista tar-Rumanija. Hu kien ukoll il-mexxej tal-pajjiż mill-1967 bħala President tal-Kunsill tal-Istat u mill-1974 bħala President tar-Repubblika sakemm ġie mneħħi fir-Rivoluzzjoni Rumena tal-1989.

L-ewwel snin[immodifika | immodifika s-sors]

Nicolae Ceaușescu ta' 15-il sena

Ceaușescu twieled fir-raħal żgħir ta' Scornicești, fid-distrett ta' Olt, nhar is-26 ta' Jannar 1918. Il-familja Ceaușescu kienet familja fqira ta' bdiewa ta' għaxart itfal. Missieru Andruță kellu tliet ettari ta' art agrikola u xi ftit nagħaġ, u kien jissupplixxi lil familtu mit-tfassil ta' ħwejjeġ.[1] Ommu Alexandrina kienet ukoll taħdem. Nicolae kien jattendi erba' klassijiet fl-iskola tar-raħal, fejn l-għalliema kienet tgħallem numru ta' klassijiet fl-istess ħin għal studentii ta' klassijiet diffferenti. Ceaușescu ma kellux kotba u mhux l-ewwel darba li kien imur l-iskola ħafi. Hu wkoll ma kellux ħbieb, kien maqtugħ u imprevedibbli.[1] Hu studja fl-iskola tar-raħal sal-età ta' ħdax-il sena, meta ħarab lejn Bukarest u mar jgħix ma' oħtu Niculina Rusescu.

F'Bukarest daħal bħala skarpan apprentist,[1] u beda jaħdem fil-ħanut ta' wieħed Alexandru Săndulescu, skarpan li kien ukoll membru attiv tal-Partit Komunista, li dak iż-żmien kien illegali.

Karriera politika[immodifika | immodifika s-sors]

Snin ta' illegalità[immodifika | immodifika s-sors]

Nicolae Ceaușescu arrestat mill-pulizija ta' Târgoviște fl-1936

Ceaușescu ftit dam biex beda jieħu sehem fl-attivitajiet tal-Partit Komunista (hu sar membru fl-1932), però bħala tfajjel fiż-żgħożija tiegħu kien jingħata affarijiet żgħar x'jagħmel. Fl-1933, ta' ħmistax-il sena, ġie arrestat għall-ewwel darba minħabba ġlied fi strajk u għal darb'oħra fl-1934, l-ewwel minħabba li kien ġabar firem għal petizzjoni li kienet tipprotesta l-proċess ġudizzjarju kontra ħaddiema tal-ferrovija u darbtejn oħra għal attivitajiet simili.[2] Sa nofs it-tletinijiet, hu kien f'missjonijiet f'Bukarest, Craiova, Câmpulung, u Râmnicu Vâlcea, fejn ġie arrestat numru ta' drabi.[1]

Il-profil tiegħu mill-pulizija sigrieta tas-Siguranța Statului niżżlitu bħala "aġitatur Komunista perikoluż" u "distributur ta' materjal ta' propaganda Komunista u kontra l-Faxxisti".[1] Hu mifhum li fl-1936 Ceaușescu kien segretarju reġjonali tal-Uniunea Tineretului Comunist (UTC), l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ tal-Partit Komunista. F'Jannar tal-istess sena, hu u Vladislav (jew Vladimir) Tarnovski, aġitatur Pollakk, żaru Ulmi qrib Târgoviște biex jiġbru aktar sostenituri mal-Partit. Madanakollu, il-laqgħa ġiet imxejjna mill-informatur Ion Olteanu, u Ceaușescu ġie arrestat għal darb'oħra ma' Tarnovski, u Komunisti oħrajn. Fit-tribunal ta' Brașov hu ngħata sentenza ta' sentejn ħabs, u sitt xhur oħra ġew miżjuda wara li nstab ħati ta' disprezz lejn il-qorti. Hu u Tarnovski rċevew l-ogħla piena mill-grupp ta' tlettax-il attivista Komunista mħarrka. Hu qatta' ħafna mis-sentenza tiegħu fil-ħabs ta' Doftana.[1]

Ceaușescu (it-tieni mix-xellug) fil-kamp ta' Târgu Jiu

Meħlus fl-1938, Ceaușescu baqa' ħieles sentejn biss għax fl-1939 ġie ikkundannat in absentia għal tliet snin ħabs minħabba li kompla jxerred propaganda Komunista. F'dan iż-żmien qasir ta' libertà hu ltaqa' ma' Elena Petrescu, attivista Komunista f'Bukarest, li kellha tilgħab rwol importanti fil-karriera politika tiegħu.[1] Minkejja li kien qiegħed jiskonta sentenza fil-ħabs ta' Jilava, hu baqa' jkollu laqgħat regolari ma' Elena. Minbarra Jilava, hu kien immexxi fil-ħabsijiet ta' Caransebeș (1942), Văcărești (1943) u Târgu Jiu (1943). F'din tal-aħħar, hu qasam ċella ma' Gheorghe Gheorghiu-Dej, fejn sar il-protégé tiegħu. L-awtoritarjiet korrotti tal-kamp ta' internament bdew jagħtu aktar libertajiet lill-ħabsin Komunisti biex imexxu l-blokkok taċ-ċelel tagħhom, bil-patt u l-kundizzjoni li ma jippruvawx jaħarbu mill-ħabs.[3] F'Târgu Jiu, Gheorghiu-Dej beda jmexxi "sessjonijiet ta' awtokritika" fejn diversi membri tal-Partit kellhom jistqarru quddiem il-mmebri l-oħra li ma fehmux id-dogma ta' Marx-Engels-Lenin-Stalin kif interpretata minn Gheorghiu-Dej; il-ġurnalista Edward Behr stqarr li r-rwol ta' Ceaușescu f'dawn is-sessjonijiet kien ta' infurzatur, bil-ġuvni jsawwat lil dawk il-membri li ma kinux entużjasti biżżejjed fuq dawn is-sessjonijiet.[4] Dawn is-"sessjonijiet ta' awtokritika" mhux biss issiġillaw il-kontroll ta' Gheorghiu-Dej fuq il-Partit, iżda taw stima għolja lil Ceaușescu. Kien dan iż-żmien li mmarka l-bidu tat-telgħa għall-poter. Hu nħeles nhar l-4 ta' Awwissu 1944.

Wara l-Gwerra[immodifika | immodifika s-sors]

Gheorghe Gheorghiu-Dej, Ceaușescu (fuq ix-xellug tiegħu) u delegati fi Frar tal-1948

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, meta r-Rumanija bdiet taqa' taħt l-influwenza Sovjetika, Ceaușescu serva bħala segretarju tal-UTC (bejn l-1944 u l-1945).[2] Meta l-Komunisti ħadu lura l-poter fir-Rumanija fl-1947, wara li r-Re Mikiel I abdika fit-30 ta' Diċembru, ir-Repubblika Popolari tar-Rumanija ġiet imwaqqfa u fi Frar tal-1948 sar l-ewwel kungress tal-Partidul Muncitoresc Român (PMR), l-isem taħt liema l-Partit Komunista beda jaħdem. Sussegwentament, fit-13 ta' Mejju 1948, Ceaușescu ġie maħtur sotto-segretarju tal-istat fil-ministeru tal-agrikoltura fil-Gvern ta' Petru Groza,[5] u fit-18 ta' Marzu 1950, Ceaușescu sar ġenerali maġġuri wara li nħatar deputat ministru fil-ministeru tal-forzi armati. Nicolae sar ġeneral f'Jannar tal-1950 minkejja li qatt ma kien għamel l-armata.[6]

Fil-post tiegħu fi ħdan il-ministeru tal-agrikoltura, hu infurza l-kollettivizzazzjoni tal-agrikoltura u ordna l-arrest ta' bdiewa li ma jikkoperawx. Fl-1952, Gheorghiu-Dej ġabu miegħu fil-Kumitat Ċentrali, xhur wara li tneħħiet il-"fazzjoni Muskovita" mill-partit immexxiha minn Ana Pauker. Fl-1954, Ceaușescu sar membru sħiħ tal-Politburo u eventwalment tela' sabiex jokkupa t-tieni l-ogħla kariga fil-ġerarkija tal-partit.[2]

Fil-ħarifa tal-1956, meta kien fi Cluj, Ceaușescu lagħab rwol importanti fit-trażżin ta' movimenti ta' simpatija lejn ir-rivoluzzjoni Ungeriża. Nhar l-4 ta' Diċembru 1957, Nicolae mexxa lil unitajiet militari biex joħonqu rewixxti tal-bdiewa ta' Vadu Rosca, fid-distrett ta' Vrancea, li kienu rrifjutaw il-kollettivizzazzjoni obbligatorju. B'żewġ tankijiet, Ceaușescu personalment ordna li jinfetaħ in-nar u disa' bdiewa ġew maqtula, bi 48 persuna feruta.[7][8]

Mexxej tar-Rumanija[immodifika | immodifika s-sors]

Meta Gheorghiu-Dej miet fid-19 ta' Marzu 1965, Ceaușescu ma kienx fost is-suċċessuri minkejja li kien qrib ħafna tiegħu. Madanakollu, kawża ta' numru ta' ġlied u kunflitti interni bejn uffiċjali wassal lill-Politburo li jagħżlu lil Ceaușescu bħala kandidat. Hu ġie elett segretarju ġenerali fit-22 ta' Marzu 1965, tliet ijiem wara l-mewt ta' Gheorghiu-Dej.[9]

Waħda mill-ewwel mossi tiegħu kienet li jbiddel l-isem tal-partit minn Partit tal-Ħaddiema Rumeni lura għal Partit Komunista tar-Rumanija, u li jiddikjara l-pajjiż bħala repubblika soċjalista minflok repubblika popolari. Fl-1967, hu kkonsolida l-poter tiegħu meta sar President tal-Kunsill tal-Istat, biex b'hekk sar il-kap tal-istat de jure. L-hekk imsejħa "Baruni" tal-partit (Ion Gheorghe Maurer, Emil Bodnăraș u Chivu Stoica) ftit li xejn raw periklu biż-żieda fil-poter ta' Ceaușescu u aċċettaw il-vjolazzjoni ta' Artiklu 13 tal-istatut li kien jipprojbixxi l-akkumulazzjoni ta' funzjonijiet. Ceaușescu baqa' jkompli jkabbar il-poteri tiegħu fil-Kunsill tal-Istat, fejn naqqas is-saħħa u l-importanza tal-Kunsill Ekonomiku fl-1967 u tal-Kunsill tad-Difiża maħluq fl-1968.[10]

Ceaușescu waqt id-diskors fil-Pjazza tar-Rivoluzzjoni, Bukarest, fil-21 ta' Awwissu 1968

Għall-bidu Ceaușescu sar figura popolari kemm fir-Rumanija u anke fil-Punent minħabba l-politika barranija indipendenti tiegħu, li kienet sfidat l-awtorità tal-Unjoni Sovjetika. Fis-sittinijiet iffaċilita ċ-ċensura tal-istampa u temm l-partiċipazzjoni tar-Rumanija fil-Patt ta' Varsavja, għalkemm ir-Rumanija uffiċjalment baqgħet membru; mhux biss ma bagħatx it-truppi Rumeni fiċ-Ċekoslovakkja fl-1968, imma kkundanna l-invażjoni b'mod espliċitu f'diskors pubbliku li sar fil-21 ta' Awwissu 1968. Dan id-diskors baqa' wieħed mill-aktar diskorsi famużi tiegħu, fejn quddiem 100,000 ruħ stqarr li kien "żball gravi u jikkostitwixxi periklu serju għall-paċi fl-Ewropa u għall-prospetti tas-Soċjaliżmu fid-dinja.[11] Hu żar Praga ġimgħa qabel l-invażjoni sabiex joffri s-sosten morali lill-kontraparti Ċekoslovakk tiegħu, Alexander Dubček. Minkejja li l-Unjoni Sovjetika kienet tittollera l-azzjonijiet ta' Ceaușescu, it-tbegħid tiegħu minn Moska poġġiet lir-Rumanija bħala dissidenti fil-Blokk tal-Lvant.[9]

Digriet tal-1966[immodifika | immodifika s-sors]

Il-politika ekonomika, barranija u demografika ta' Ceaușescu kienet li tagħmel lir-Rumanija bħala saħħa dinjija.[12] Għall-Conducător (il-"Mexxej"), kif Ceaușescu kien iħobb isejjaħ lilu nnifsu, "id-demografija hija d-destin" u pajjiżi b'popolazzjonijiet li qed jikbru kienu potenzi.[12] Biex iwettaq dan il-pjan, fl-1966, reġġa' lura d-Digriet tal-1957 li pprojbixxa l-abort (sa dak iż-żmien l-abort kien permess biss f'ċerti pajjiżi Komunisti).[12] Permezz tad-Digriet 770/1966, l-abort fl-ewwel tliet xhur tat-tqala kienu permessi biss fuq preskrizzjonijiet mediċi stretti u f'każijiet eċċezzjonali l-qtil tal-fetu kien permess sa sitt xhur tqala. Dan id-digriet ġie infurzat bid-Digriet 441 tas-26 ta' Diċembru 1985 li kien iħalli l-abort biex isir biss minn nisa li qabżu t-42 sena jew li diġà kellhom ħamest itfal. Il-gvern ukoll ra r-rati tad-divorzji u għamilha iktar diffiċli biex jinkiseb; kien iddekretat li żwieġ seta' jiġi xolt biss f'każijiet eċċezzjonali.

Filwaqt li ż-żieda fil-popolazzjoni kienet imħeġġa, eluf ta' tfal spiċċaw abbandunati fl-orfanatrofji. Huwa stmat li fil-bidu tal-1990 fir-Rumanija kien hemm mal-100,000 tifel u tifla fl-orfanatrofji jgħixu f'kundizzjonijiet ħarxa.[13] Ir-rata tal-mortalità tat-trabi baqgħet l-ogħla fl-Ewropa.[14]

Bejn l-1988 u l-1992, eluf ta' tfal madwar ir-Rumanija sfaw infettati bil-marda tal-HIV. F'ħafna mill-każi, ir-raġuni kienet ta' prattika medika ħażina u t-trobbija fqira. L-isplużjoni tal-AIDS fir-Rumanija kienet kawża ta' injezzjonijiet b'siringi skaduti u trasfużjonijiet tad-demm. Ir-reġim ta' Ceaușescu injora l-epidemija tal-HIV/AIDS abbażi li din kienet speċifika għas-soċjetà kapitalista. Fir-Rumanija tat-tmeninijiet ma kinux isiru testijiet tal-HIV la għad-donaturi tad-demm u lanqas għat-trasfużjonijiet tad-demm. Din wasslet biex il-pajjiż ikun it-tieni fost il-pajjiżi Ewropej bl-aktar infezzjonijiet marbutin mal-HIV.[15][16]

It-Teżijiet ta' Lulju[immodifika | immodifika s-sors]

Żjara uffiċjali ta' Nicolae u Elena Ceaușescu fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, f'laqgħa ma' Zhou Enlai f'Ġunju tal-1971
Nicolae Ceaușescu jiltaqa' ma' Kim Il-sung waqt żjara tal-Partit u d-delegazzjoni tal-istat fil-Korea ta' Fuq f'Ġunju tal-1971

Ceaușescu żar iċ-Ċina, il-Korea ta' Fuq, ir-Repubblika Popolari tal-Mongolja u l-Vjetnam ta' Fuq fl-1971. Fl-okkażjoni taż-żjara tiegħu fiċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq, Ceaușescu baqa' affaxxinat bl-idea ta' trasformazzjoni totali nazzjonali kif implimentati fil-programmi tal-Juche tal-Korea ta' Fuq u r-Rivoluzzjoni Kulturali taċ-Ċina. Hu kien ukoll ispirat mill-kult tal-personalità lejn Kim Il-sung tal-Korea ta' Fuq u Mao Zedong taċ-Ċina. Ceaușescu ammira kemm lil Mao u 'l Kim bħala kapijiet li mhux biss iddominaw lil pajjiżhom imma wkoll użaw metodi totalitarji flimkien mas-sens ta' ultra-nazzjonaliżmu mwaħħad mal-Komuniżmu biex ittrasformaw kemm liċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq bħala potenzi dinjija.[17] Barra minn hekk, il-fatt li Kim u aktar minn hekk Mao kienu qatgħu l-irbit Sovjetiku kien aktar sors ta ammirazzjoni għal Ceaușescu. Il-ġurnalista Brittaniku Edward Behr kiteb li l-possibilità li dak li Ceaușescu kien ra ċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq fejn "irħula Potemkin użati biex jingannaw viżitaturi barranin" kienet xi ħaġa li qatt ma għaddiet minn moħħu.[18] Ftit wara li wasal lura r-Rumanija hu beda jimita s-sistema tal-Korea ta' Fuq. Kotba Nord-Koreani fuq il-juche ġew tradotti bir-Rumen u mqassma fil-pajjiż.

Fis-6 ta' Lulju 1971, hu għamel diskors quddiem il-Kumitat Eżekuttiv tal-PCR. Dan id-diskors, li kien jixbah lil wieħed ta' Mao, li baqa' magħruf bħala t-Teżijiet ta' Lulju, kien jikkonsisti minn sbatax-il proposta. Fost dawn kien hemm: tkabbir kontinwu fir-"rwol ewlieni" tal-Partit; titjib tal-edukazzjoni tal-Partit u azzjoni politika kbira; parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fuq proġetti kbar ta' kostruzzjoni bħala parti tax-"xogħol patrijottiku" tagħhom; intensifikazzjoni tal-edukazzjoni politika-ideoloġika fi skejjel u universitajiet, kif ukoll f'organizzazzjonijiet għat-tfal, żgħażagħ u studenti; u tkabbir tal-propaganda politika fi programmi televiżivi u tar-radju, kif ukoll fi djar tal-pubblikazzjoni, teatri u ċinema, opri, ballet, għaqdiet tal-artisti, biex jippromwovu karattru "militant, rivoluzzjonarju" fi produzzjonijiet artistiċi. Il-liberalizzazzjoni tal-1965 kienet ikkundannata u lista ta' kotba u awturi pprojbiti ġiet maħluqa.

Il-pjanijiet ta' Ceauşescu għall-futur tas-soċjetà Rumena kienu jikkonflittu ma' dawk tal-Prim Ministru Maurer. Id-disgwit kien fuq il-pass mgħaġġel tal-industrijalizzazzjoni ta' Ceaușescu, b'iktar enfasi fuq l-industrija t-tqila, filwaqt li Maurer ried li jimxu iktar kawti mingħajr ma jittraskurawx l-industrija tal-oġġetti tal-konsum konformi mar-riżorsi domestiċi, umani, naturali u teknoloġiċi tal-pajjiż. Maurer tneħħa minn postu f'Marzu tal-1974 wara li Ceauşescu ġie elett bħala President, u minfloku nħatar Manea Mănescu.[19] Fil-11-il Kungress f'Novembru tal-1974, Maurer tilef postu fil-Kumitat Ċentrali.[20]

President tar-Repubblika Soċjalista tar-Rumanija[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-28 ta' Marzu 1974, il-Gran Assemblea Nazzjonali stabilixxiet l-uffiċċju tal-President tar-Repubblika Soċjalista tar-Rumanija, u Nicolae Ceauşescu ġie elett b'mod unanimu u b'hekk sar l-ewwel President tar-Rumanija. Minkejja li Ceauşescu kien kap tal-istat fl-isem mill-1967, l-unika poter tiegħu kien ġej mill-istatus tiegħu bħala kap tal-partit. Madanakollu, il-kariga l-ġdida għamlitu l-ogħla fil-pajjiż kemm fl-isem u fil-fatt. Hu kellu l-qawwa li jieħu deċiżjonijiet mingħajr il-bżonn li kulħadd fil-Kunsill tal-Istat ma jkun preżenti. Mill-1974 'il quddiem, Ceauşescu mexxa regolarment bid-digriet hekk kif il-partit kollu l-istituzzjonijiet statali kienu jaqgħu taħtu.

Laqgħa tal-President tal-Istati Uniti Richard Nixon u l-Viċi-President Gerald Ford ma' Nicolae Ceauşescu fl-1973
Il-koppja presidenzjali Rumena ntlaqgħet mir-Reġina Eliżabetta II f'Buckingham Palace f'Ġunju tal-1978

Permezz tal-politika barranija tiegħu hu pprova jeħles mid-dominju Sovjetiku, fejn ġab is-simpatija u l-apprezzament ta' kapijiet politiċi kbar bħal Charles de Gaulle u Richard Nixon. Fil-COMECON, organizzazzjoni ekonomika tal-Blokk tal-Lvant tal-Ewropa u pajjiżi Komunisti oħrajn, id-delegazzjonijiet Rumeni opponew għall-proposti li kienu ġejjin mill-Unjoni Sovjetika. Waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kienet li r-Rumanija kienet waħda minn żewġ pajjiżi Komunisti Ewropej li ħadu sehem fl-Olimpjadi tal-1984 ġewwa l-Istati Uniti.[21] Ir-Rumanija kienet ukoll l-unika pajjiż fil-Blokk tal-Lvant, bl-eċċezzjoni tal-Unjoni Sovjetika, li żammet relazzjonijiet diplomatiċi mal-Komunità Ewropea, flimkien mal-Iżrael u l-Ġermanja tal-Punent. Trattat li kien jinkludi lir-Rumanija fil-lista ta' pajjiżi favoriti mill-Komunità Ewropea ġie ffirmat fl-1974, u fl-1980 intlaħaq qbil fuq l-iskambju ta' prodotti industrijali bejn ir-Rumanija u l-Komunità Ewropea. Dan wassal għaż-żjara uffiċjali mill-President tal-Istati Uniti, Richard Nixon.[22]

Nixon żar ir-Rumanija fit-2 ta' Awwissu 1969, u wara diskussjonijiet mal-President Rumen, Nixon kellu l-impressjoni li "Ceauşescu huwa Marksita Stanlista diffiċli, u diskussjonijiet miegħu jeskludu l-banalitajiet diplomatiċi tas-soltu."[23] Din kienet l-ewwel żjara ta' President Amerikan f'pajjiż Komunista li wasslet għal reazzjonijiet ostili kemm mill-Unjoni Sovjetika u t-Tajwan, din tal-aħħar kienet iżomm post iċ-Ċina fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Minħabba hekk, Moska bagħtet twissija ċara lir-Rumanija permezz tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Andrei Gromyko li stqarr li d-"Duttrina Brezhnev" kienet tgħodd għall-membri kollha tat-Trattat ta' Varsavja u li "mhux se tħalli s-sigurtà tal-istati firmatarji u l-kisba tas-soċjaliżmu f'dawn il-pajjiż biex tiġi kompromessa."

Ceauşescu rreċiproka din iż-żjara, bi żjara fl-Istati Uniti f'Ottubru 1970. Din wasslet għall-għotja ta' serje ta' favuri ekonomiċi min-naħa tal-Amerikani. Barra minn hekk, l-Istati Uniti sostniet lir-Rumanija fl-adeżjoni f'numru ta' korpi internazzjonali bħall-GATT fl-1971 u l-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji fl-1972.[24]

Embargo taż-żejt u strajks tal-ħaddiema[immodifika | immodifika s-sors]

Mal-bidu tal-embargo Għarbi taż-żejt fl-1973-74 kontra l-Punent, perjodu ta' prezzijiet għolja ta' żejt ikkaratterizzaw il-kumplament tas-sebgħinijiet. Ir-Rumanija, bħala prodottur kbir taż-żejt ibbenefikat bil-qawwi minn dawn il-prezzijiet għolja, li wassal lil Ceaușescu għal pjan ambizzjuż biex jinvesti bil-qawwi f'impjanti tar-raffinament taż-żejt.[25] L-għan ta' Ceaușescu kien li jagħmel lir-Rumanija bħala l-aqwa fl-Ewropa mhux biss għar-raffiniment taż-żejt prodott fil-pajjiż, imma wkoll għaż-żejt minn statii tal-Lvant Nofsani bħall-Iraq u l-Iran, u mbagħad ibiegħu bi profitt fis-suq ta' Rotterdam.[25] Hekk kif ir-Rumanija ma kellhiex flus biżżejjed biex tibdni l-impjanti neċessarji, Ceaușescu silef mill-banek tal-Punent bis-suppożizzjoni li meta s-self ikun wasal biex jitħallas, il-profitti mill-bejgħ taż-żejt raffinat kienu jkunu biżżejjed biex ikopru s-self.[25] Problema kbira fil-pjan tar-raffinament taż-żejt ta' Ceaușescu li wassal biex ir-Rumanija tissellef aktar flus, kienet il-produttività tal-ħaddiema Rumeni li wassal biex l-impjanti tlestew snin wara iż-żmien skedat.[25] It-terrimot tal-1977 li qered il-biċċa l-kbira ta' Bukarest wassal ukoll għad-dewmien fil-pjan. Maż-żmien li l-impjanti kienu tlestew fil-bidu tas-snin tmenin, waqgħa fil-prezzijiet taż-żejt ġab problemi finanzjarji kbar lir-Rumanija.[25]

F'Awwissu tal-1977, 'il fuq minn 30,000 minatur mar fuq strajk fil-wied tax-xmara Jiu fejn ilmentaw fuq il-paga baxxa u l-kundizzjonijiet ħżiena li kienu qegħdin jaħdmu fihom.[12] Dan l-istrajk kien l-ikbar forma ta' oppożizzjoni li Ceaușescu sab quddiem wiċċu sal-aħħar tat-tmeninijiet. Il-ħaddiema kienu ispirati minn stejjer simili fil-kosta Baltika tal-Polonja f'Diċembru tal-1970, u talbu għal negozjati wiċċ imb'wiċċ mal-kap tal-pajjiż.[12] Meta Ceaușescu sema' li s-suldati naqsu li jiftħu n-nar fuq il-kompatrijotti, hu nnegozja kompromess biex jieqaf l-istrajk. Fis-snin wara l-istrajk, il-maġġoranza ta' dawk li mexxew l-istrajk mietu bil-marda tal-kanċer, u wara l-1989, kien ġie żvelat li s-Securitate kellha tobba tagħti lill-mexxejja tal-istrajk raġġi-X għal ħames minuti fuq sidirhom biex jassiguraw l-iżvilupp tal-kanċer.[12]

Il-ħarba ta' Pacepa[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1978, Ion Mihai Pacepa, membru għoli fil-pulizija politika Rumena, is-Securitate, ħarab il-pajjiż u kiseb l-ażilu fl-Istati Uniti. Hu kien id-difettur bl-ogħla kariga mill-Blokk tal-Lvant matul il-Gwerra l-Bierda. Dan l-att kien daqqa ta' ħarta lejn l-amministrazzjoni, fejn wassal lil Ceaușescu biex ibiddel kompletament l-istrattura tas-sigurtà. Il-ktieb ta' Pacepa tal-1986, Red Horizons: Chronicles of a Communist Spy Chief, Pacepa kixef dettalji fuq ir-reġim ta' Ceaușescu fosthom fuq kif l-gvern kien qiegħed jikkollabora ma' organizzazzjonijiet terroristiċi Għarab, spjunaġġ qawwi fuq l-industrija Amerikana u pjanijiet elaborati biex jiksbu sosten politiku mid-dinja tal-Punent. Din waslet fi żmien fejn l-iżolament tar-Rumanija fuq livell internazzjonali kien qiegħed jiskala u s-sitwazzjoni ekonomika kienet qiegħdha tmur lura. Servizzi tal-intelliġenza barranin kienu qegħdin isaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jinfiltraw is-Securitate, filwaqt li l-kontroll ta' Ceaușescu fuq din l-aġenzija kien qiegħed jonqos.[26]

Dejn barrani[immodifika | immodifika s-sors]

Sas-snin tmenin il-kult tal-personalità żviluppa lejn Nicolae Ceaușescu

L-indipendenza politika ta' Ceaușescu mill-Unjoni Sovjetika u l-protesta tiegħu kontra l-invażjoni taċ-Ċekoslovakkja fl-1968 tefgħet interess mill-potenzi tal-Punent fuq ir-Rumanija, fejn dawn il-gvernijiet rawh bħala anti-Sovjetiku u ttamaw li permezz tiegħu joħolqu l-bsaten fir-roti fit-Trattat ta' Varsavja. Ceaușescu ma ndunax li l-finanzjament li ngħata mhux dejjem kien favoribbli. Fis-snin tal-era ta' Ceaușescu nbnew il-metro ta' Bukarest, il-Kanal tad-Danubju u l-Baħar l-Iswed u eluf ta' blokok ta' appartamenti, fost programmi ekonomiċi oħra. Ceaușescu kien ukoll laħaq qbil fuq żejt irħis mill-Iran, però l-qbil falla meta x-Xa tneħħa fir-Rivoluzzjoni Iranjana. Minkejja dan kollu, id-dejn kien mażra m'għonq l-ekonomija Rumena fejn bejn l-1971 u l-1982 id-dejn barrani żdied minn $1.2 biljun għal madwar $13-il biljun. Fl-1982, id-dħul mill-kummerċ barrani tar-Rumanija waqa' għal 17% fuq is-sena ta' qabel.

F'attentat sabiex iħallas minnufih dan id-dejn mingħajr ma jikbru l-interessi, Ceaușescu organizza referendum li bih irnexxielu jbiddel il-kostituzzjoni fejn żied klawżola li ma ħallietx lir-Rumanija tissellef aktar flus minn barra. Skont ir-riżultati uffiċjali, ir-referendum kien kważi vot unanimu favur din il-kundizzjoni.[27] Ceaușescu ordna l-esportazzjoni ta' ħafna mill-produzzjoni agrikola u industrijali tal-pajjiż sabiex jitħallas id-dejn, bil-popolazzjoni tiċċaħħad mill-affarijiet l-iktar bażiċi. Ir-razzjonar fuq prodotti bażiċi ġie introdott, u gass u ikel bħal ħobż, żejt, zokkor, dqiq u ross bdew jingħataw bi skambju ta' vawċers.[28] Matul it-tmeninijiet, li kien hemm nuqqas qawwi fil-livell ta' għajxien tal-popolazzjoni Rumena, speċjalment fid-disponibbiltà u l-kwalità tal-ikel u prodotti oħrajn fil-ħwienet. Matul dan iż-żmien, kull stazzjon tar-radju reġjonali ġie magħluq, u t-televiżjoni ġie limitat għal kanal wieħed li kien ixandar sagħtejn kuljum biss.

Il-provvista tad-dawl bdiet tiġi interrotta kuljum minn tal-inqas għal siegħa filgħaxija, mingħajr ebda raġuni u mingħajr avviż minn qabel. Fl-istess ħin, in-nies kienu mħeġġa biex jiffrankaw id-dawl billi jitfu l-friġġis matul ix-xitwa, ma jużawx il-magni tal-ħasil, jew billi ma jużawx il-lifts.[29] Bejn l-1979 u l-1982, il-konsum tal-enerġija naqas b'20%, imbagħad b'50% fl-1983 u b'50% oħra fl-1985 ikkumparat mas-sena ta' qabel.[1] It-temperaturi fid-djar kienet tilħaq bejn il-5 u 12-il grad fix-xitwa f'appartamenti ta' ħafna mir-Rumeni. Ir-rapport tal-Kummissjoni Presidenzjali għall-Analisi tad-Dittatorjat Komunista fir-Rumanija rrefera għall-"obbligazzjoni tal-popolazzjoni biex jgħixu f'temperaturi insupportabbli ta' inqas minn 10 gradi Celsius.[30]

Eventwalment id-dejn ġie mħallas kompletament fis-sajf tal-1989, ftit qabel ma' Ceaușescu tneħħa mill-poter.[9] Madanakollu, l-esportazzjoni baqgħet issir b'mod qawwi sar-rivoluzzjoni ta' Diċembru.

It-tmiem ta' Ceaușescu[immodifika | immodifika s-sors]

Ceaușescu fl-1988

F'Novembru tal-1989, l-14-il Kungress tal-Partit Komunista Rumen (PCR) ra lil Ceaușescu, issa ta' 71 sena, elett mill-ġdid għal ħames snin bħala kap tal-PCR. Matul il-Kungress, Ceaușescu għamel diskors fejn iddenunzja r-rivoluzzjonijiet anti-Komunisti li kienu qegħdin jiġru fl-Ewropa tal-Lvant. Fix-xahar ta' wara, il-gvern ta' Ceaușescu nnifsu waqa' wara serje ta' avveniment f'Timișoara u Bukarest.

Timișoara[immodifika | immodifika s-sors]

Dimostrazzjonijiet fil-belt ta' Timișoara ġraw meta saru attentati min-naħa tal-gvern biex ikeċċu lil László Tőkés, qassis etniku Ungeriż, akkużat li xerred tixwix ta' mibegħda. Membri tal-kongregazzjoni etnika Ungeriża daru madwar l-appartament tiegħu bħala sinjal ta' sosten.

Studenti Rumeni minn ragħajhom ingħaqdu fid-dimostrazzjoni li ftit damet biex saret dimostrazzjoni kontra l-gvern attwali. Forzi militari, il-pulizija u s-Securitate sparaw fuq id-dimostranti fis-17 ta' Diċembru 1989, u ħallew numru ta' rġiel, nisa u tfal mejta jew midruba.

Fit-18 ta' Diċembru, Ceaușescu mar fuq żjara statali fl-Iran, u ħalla f'idejn martu u ta' taħtu biex joħonqu r-rivolti f'Timișoara. Mar-ritorn tiegħu fl-20 ta' Diċembru, is-sitwazzjoni kienet iddeġenerat u Ceaușescu għamel diskors televiżiv mill-istudjo ġewwa l-bini CC tal-PCR, fejn iddiskriva l-avvinmenti f'Timișoara bħala "attentat minn forzi barranin fl-affarijiet interni tar-Rumanija" u "aggressjoni barranija fuq is-sovranità Rumena". Sad-diskors ta' Ceaușescu, l-istampa naqset li tagħmel referenza għal dak li kien qiegħed jiġri, bl-uniku sors ta' informazzjoni kien ġej minn stazzjonijiet tar-radju barra l-pajjiż bħal Radio Free Europe u Voice of America. Il-ġurnata ta' wara, fil-21 ta' Diċembru, Ceaușescu ppjana laqgħa tal-massa f'Bukarest. L-istampa uffiċjali ppreżentata bħala "moviment spontanju ta' sosten lejn Ceaușescu", simili għal-laqgħa tal-1968 fejn Ceaușescu kien tkellem dwar l-invażjoni taċ-Ċekoslovakkja mill-forzi tat-Trattat ta' Varsavja.

Diskors tal-21 ta' Diċembru[immodifika | immodifika s-sors]

Il-laqgħa tal-21 ta' Diċembru f'dik li illum hi l-Pjazza tar-Rivoluzzjoni, bdiet bħal ħafna mid-diskorsi ta' Ceaușescu matul is-snin. Ceaușescu tkellem fuq il-kisbiet tar-"rivoluzzjoni Soċjalista" u r-Rumeni "żviluppaw s-soċjetà Soċjalista minn ħafna lati." Hu wkoll tefa' l-ħtija fuq r-rewwixti ta' Timișoara fuq "aġitaturi Faxxisti li riedu jeqirdu s-soċjaliżmu."

Madanakollu, Ceaușescu ma kienx fehem eżatt l-istat tal-folla. Madwar tmien minuti fid-diskors, ħafna nies bdew jibbuwjaw, jagħmlu ħsejjes ta' diżapprovazzjoni u oħrajn bdew jagħjtu "Timișoara!" Hu pprova jikkalmahom billi jerfa' idu l-leminija u jsejjaħ għall-attenzjoni tal-folla qabel mal-ordni ġiet temporanjament imreġġa' lura. Hu kompla billi ħabbar riformi ta' benefiċċji soċjali li kienu jinkludu żieda fil-paga minima b'200 lei fix-xahar. Immaġini tal-espressjoni fuq wiċċ Ceaușescu hekk kif il-folla bdiet tinterrompi b'ibbuwjar kienu fost l-aktar imxandra bħala simbolu tal-waqgħa tal-Komuniżmu fil-Ewropa tal-Lvant.[9]

Meta falla jikkontrolla l-folla, Ceaușescu u martu daħlu jistkennu fil-bini li kienet iżomm fiha il-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista Rumen. Il-kumplament tal-ġurnata rar rivoluzzjoni miftuħa tal-popolazzjoni ta' Bukarest, li nġabret fi Pjazza tal-Università u kkonfrontat il-pulizija u l-armata. Il-militar ikkontrolla s-sitwazzjoni u sgumbrat it-toroq sa nofsillejl u wettqet l-arrest ta' mijiet ta' persuni.

Titjira tat-22 ta' Diċembru[immodifika | immodifika s-sors]

Sal-għodwa tat-22 ta' Diċembru, ir-rivolta kienet diġà nfirxet f'kull belt tal-pajjiż. Il-mewt suspettuża ta' Vasile Milea, il-Ministru tad-Difiża, iktar tard ikkonfermata bħala suwiċidju, ġiet imħabbra mill-istampa. Immedjatament wara, Ceaușescu mexxa l-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv Politiku tal-PCR u ħa t-tmexxija tal-armata f'idejh. Bil-fehma li Milea kien ġie maqtul, is-suldati qalbu l-pożizzjoni tiegħu, filwaqt li l-kmandanti m'għamlu l-ebda sforz sabiex jipperswadu lil nieshom biex jibqgħu leali lejn il-gvern. Ceaușescu għamel l-aħħar tentattiv iddisprat biex jindirizza 'l-folla miġbura quddiem il-bini tal-Kumitat Ċentrali, però n-nies bdew jitfgħu ġebel u projettili oħra, u kellu jirritorna lura ġewwa l-bini. Grupp ta' dimostranti rnexxielhom jiftħu l-bibien tal-bini u għelbu lill-gwardji tas-sigurtà ta' Ceaușescu, u ġrew għall-uffiċċju tiegħu u għall-gallarija. Għalkemm ma kinux jafu, huma kienu ftit metri 'l bogħod minn Ceaușescu, li kien imwaħħal fil-lift. Hu, Elena u erbgħa oħra rnexxielhom jaslu fuq il-bejt u ħarbu bil-ħelikopter, ftit sekondi qabel ma' grupp ta' dimostranti kienu segwewhom.[9]

Matul il-kors tar-rivoluzzjoni, l-istampa tal-Punent ippubblikat stimi tan-numru ta' nies maqtula mill-forzi tas-Securitate f'attentat biex issostni lil Ceaușescu u toħnoq ir-rivoluzzjoni. In-numru kiber mal-ewwel sakemm l-ewwel paġni tal-gazzetti bdew jirrappurtaw madwar 64,000 imwiet. L-attaché militari Ungeriż esprima d-dubju fuq dawn il-figuri, u wara l-mewt ta' Ceaușescu, l-isptarijiet madwar il-pajjiż irrappurtaw il-mewt ta' inqas minn elf ruħ, u probabbilment ħafna inqas minn hekk.[31]

Mewt[immodifika | immodifika s-sors]

Il-post tad-dfin oriġinali ta' Nicolae Ceaușescu fiċ-Ċimiterju Ċivili ta' Ghencea (Bukarest)

Ceaușescu u martu Elena ħarbu l-kapitali ma' Emil Bobu u Manea Mănescu u bil-ħelikopter kienu sejrin lejn ir-residenza ta' Ceaușescu fi Snagov, u ħarbu għal darb'oħra din id-darba lejn Târgoviște. Qrib Târgoviște kellom jabbandunaw il-ħelikopter hekk kif ġew ordnati mill-armata, li sa dak il-ħin kienet irrestrinġiet it-titjir fl-ispazju tal-arju tar-Rumanija. Iċ-Ceaușescu ġew miżmuma mill-pulizija u wara ngħataw lill-armata.

Nhar il-Milied, il-25 ta' Diċembru 1989, f'kamra żgħira, Nicolae u Elena ġew imressqa quddiem qorti mfassal fuq ordnijiet tal-Front ta' Salvazzjoni Nazzjonali, il-gvern proviżorju tar-Rumanija. Huma affaċċjaw akkużi ta' ġenoċidju u ġbir illegali ta' ġid. Ceaușescu kontinwament baqa' jiċħad il-validità u l-awtorità ta' din il-qorti biex jikkastigawh, u saħaq li hu kien għadu legalment il-president tar-Rumanija. Fi tmiem il-proċess, iċ-Ceaușescu nstabu ħatja b'dawn l-akkużi u kkundannati għall-mewt:[32]

  • Ġenoċidju – iktar minn 60,000 vittma
  • Subversjoni tal-poter tal-istat b'azzjonijiet militari kontra l-poplu u l-poter tal-istat
  • L-offiża tal-qerda ta' proprjetà pubblika bit-tkissir u l-ħsara fuq bini, splużjonijiet fl-ibliet, etċ.
  • L-imminar tal-ekonomija nazzjonali
  • Il-ħarba mill-pajjiż bl-użu ta' iktar minn $1 biljun f'fondi ddepożitati f'banek barranin

Suldat li kien qiegħed gwardja f'dan il-proċess kien ordnat biex jieħu liċ-Ceaușescu 'l barra wieħed wieħed u jisparalhom, imma huma talbu li jinqatlu flimkien. Is-suldati qabblu u bdew jorbtu idejhom minn wara darhom fost il-protesti taċ-Ceaușescu. Huma ġew maqtula minn ġabra ta' suldati inklużi l-Kaptan Ionel Boeru, is-Surġent-Maġġuri Georghin Octavian u Dorin-Marian Cîrlan.[33] L-iskwadra tal-isparar bdiet tispara hekk kif it-tnejn li huma kienu mal-ħajt. Ekwipaġġ televiżiv li kienu hemm biex jiġbu l-eżekuzzjoni rnexxielhom iġibu l-aħħar ftit hekk kif iċ-Ceaușescu kienu mal-art fost trab mill-balli li ħabtu mal-ħajt u mal-art. Qabel ma tkompliet is-sentenza, Nicolae Ceaușescu kanta "L-Internazzjonali" waqt li kien qiegħed jittieħed għall-post tal-qatla.

L-immaġini tal-mewt taċ-Ceaușescus mal-ewwel waslu fil-pajjiżi tal-Punent, u iktar tard dik il-ġurnata ntwerew fuq it-televiżjoni Rumena.[34] Il-mod kif tmexxa l-proċess kien ikkritikat bil-qawwi kemm ġewwa u barra r-Rumanija. Madanakollu, Ion Iliescu, il-President proviżorju tar-Rumanija, qal fl-2009 li l-proċess kien "tal-mistħija, imma bżonnjuż" sabiex itemm l-istat ta' anarkija li l-pajjiż kien fih fit-tliet ijiem minn meta ċ-Ceaușescus ħarbu minn Bukarest.[35] Fuq l-istess nota, Victor Stănculescu, li kien il-Ministru tad-Difiża qabel ma qaleb man-naħa tar-rivoluzzjoni, qal fl-2009 li l-alternattiva kienet li ċ-Ceaușescus jinqatlu fit-toroq ta' Bukarest.[36] Nicolae u Elena Ceaușescu kienu l-aħħar nies li ġew maqtula fir-Rumanija qabel ma ġiet abolita l-piena kapitali fis-7 ta' Jannar 1990.[37]

Fil-bidu, Nicolae u Elena Ceaușescu ġew midfuna f'oqbra fiċ-Ċimiterju ta' Ghencea f'Bukarest; l-oqbra tagħhom kienu ħafna drabi mżejna bi fjuri u simboli tat-tmexxija Komunista. Fl-20 ta' Lulju 2010, xjentisti forensiċi għamlu eżumazzjoni tal-iġsma sabiex jagħmlu testijiet tad-DNA u jikkonfermaw li l-fdalijiet kienu tassew taċ-Ceaușescus.[38] Il-ġisem ta' Elena kien fi stat wisq dekompost sabiex jiġi identifikaw, però Nicolae ġie identifikat mal-ewwel, hekk kif kien liebes il-kowt xitwi mimli balal.[39] Familtu organizzat servizz funebri għall-koppja,[38] u huma ġew midfuna mill-ġdid f'Ghencea taħt lapida modesta.[40]

Kult tal-personalità u awtoritarjaniżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Propaganda ta' Ceaușescu fit-triq ta' Calea Moşilor f'Bukarest (1986)
Ceaușescu jingħata x-xettru presidenzjali minn Ștefan Voitec, l-eks-president tal-Gran Assemblea Nazzjonali

Ceaușescu ħoloq kult tal-personalità diffuż, fejn ħa titli bħal "Conducător" ("Mexxej") u "Geniul din Carpați" ("Il-Ġenju tal-Karpati"), ispirat mill-kultura Proletarja. Wara l-elezzjoni tiegħu bħala President tar-Rumanija hu anke għamel xettru jixbah lil tar-rejiet..

L-iktar ġurnata importanti tas-sena matul it-tmexxija ta' Ceaușescu kienet għeluq snin, is-26 ta' Jannar, ġurnata li rat lill-istampa Rumena timtela b'tifħir lejh. Skont l-istoriku Victor Sebstyen, kienet waħda mill-ftit ġranet tas-sena meta persuna Rumena komuni kienet turi wiċċ ferħan minħabba li kien wisq riskuż li turi li hi skuntenta f'din il-ġurnata.[9]

Dawn l-eċċessitajiet wasslu lill-pittur Salvador Dalí sabiex jibgħat telegramma ta' tifħir lill-Conducător, fejn sarkastikament feraħ lil Ceaușescu fuq l-"introduzzjoni tax-xettru presidenzjali". Il-gazzetta tal-Partit Komunista Scînteia ppubblikat dan il-messaġġ, mingħajr ma kienet konxja ta' dan ix-xogħol satiriku.

Ma kinitx ta' sorpriża li Ceaușescu kien ikkonċernat fuq id-dehra pubblika tiegħu. Għal numru ta' snin, kważi kull ritratt uffiċjali tiegħu kien jurih ta' erbgħin sena. It-televiżjoni tal-istat Rumena kienet taħt ordinijiet stretti sabiex juruh fl-aħjar dawl.[9] Barra minn hekk, il-produtturi kellhom jagħtu każ li t-tul ta' Ceaușescu qatt ma kellha tiġi enfasizzata fuq l-iskrin. Li tikser dawn ir-regoli kienu jwasslu għal konsegwenzi serji; produttur wera filmat ta' Ceaușescu jpetpet u jtemtem, u kien ipprojbit għal tliet xhur.[9]

Martu Elena, li kellha biss edukazzjoni ta' skola primarja,[41] kienet "xjentista ta' fama dinjija" u "omm ta' mħabba". Elena rċiviet diversi titli minn universitajiet madwar id-dinja, u setgħet tiffirma isimha bid-dottorat honoris causa. Hi daħlet membru tal-Akkademja Rumena u akkademji oħra, fosthom l-Akkademja tax-Xjenza fl-Istati Uniti.

Il-kult tal-personalità ta' Ceaușescu kienet tixbah lil dik taċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq, fejn għamlet lill-familtu mhux biss is-sors tal-għarfien politiku imma wkoll fl-aspett kulturali u xjentifiku. Il-President "kiteb" kotba tal-filosofija, l-ekonomija politika u l-istorja fost oħrajn. Bħala parti mill-propaganda, iċ-Ceaușescus irċevew ordnijiet u titli minn diversi stati u istituzzjonijiet. Franza tat lil Nicolae l-Leġjun ta' Unur, fl-1978 hu ngħata n-Knight Grand Cross tal-Ordni tal-Banju fir-Renju Unit, titlu li tneħħielu fl-1989.

Il-politika interna ta' Ceaușescu kienet tinvolvi l-kontroll assolut fuq il-popolazzjoni. F'Marzu tal-1983, il-Kunsill tal-Istat iddeċieda li jirreġistra l-magni tal-istampaturi u dan sabiex uffiċjalment jipprevjeni l-użu tagħhom minn nies "li huma ta' theddida għall-ordni pubblika jew is-sigurtà tal-istat", għalkemm dan kollu kien biex irażżan l-istampar ta' manifesti. Skont id-digriet il-ġdid, l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' tajprajters kellu jingħata mill-Ministeru tal-Intern li seta' "jikkontrolla wkoll l-użu tagħhom." Karta bl-ittri, figuri u s-sinjali ortografiċi ta' kull magna kellha tintbagħat lill-militar; dan biex jiġi identifikat il-post fejn manifest seta' ġie kkreat.[42]

Il-gvern ta' Ceaușescu għadda liġijiet speċjali u digrieti sabiex iżomm u jikkontrolla l-kuntatti li ċ-ċittadini Rumeni jagħmlu mal-barranin. Fl-1982, kien ġie mniedi limitu tan-numru ta' telefonati li setgħu jsiru 'l barra mir-Rumanija, biex b'hekk għamilha iktar faċli sabiex irażżan id-dissens.[42]

Biblijografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Behr, Edward (1991). Kiss the Hand You Cannot Bite (bl-Ingliż). New York: Villard Books. ISBN 978-0679401285.
  • Crampton, Richard (1997). Eastern Europe In the Twentieth Century-And After (bl-Ingliż). Londra: Routledge. ISBN 978-0415164238.
  • Georgescu, Vlad (1995). Istoria românilor de la origini pînă în zilele noastre (bir-Rumen) (4 ed.). Bukarest: Editura Humanitas. ISBN 978-9732805480.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d e f ġ g Gruia, Cătălin (2009-04-29). "Viața lui Nicolae Ceaușescu" (bir-Rumen). National Geographic.
  2. ^ a b ċ "Nicolae Ceausescu Chronology" (bl-Ingliż). Ceausescu.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-09-09.
  3. ^ Behr, Edward (1991). Kiss the Hand You Cannot Bite (bl-Ingliż). New York: Villard Books. pp. 180–181. ISBN 978-0679401285.
  4. ^ Behr, Edward (1991). Kiss the Hand You Cannot Bite (bl-Ingliż). New York: Villard Books. pp. 181–186. ISBN 978-0679401285.
  5. ^ Ţiu, Ilarion (2011-09-18). "Ceauşescu a colectivizat cu arma în mână" (bir-Rumen). Adevărul. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-10-10.
  6. ^ Preda, Cristian (2011). Rumânii fericiți: Vot și putere de la 1831 până în prezent (bir-Rumen). Iași: Polirom. ISBN 978-9734622016.
  7. ^ Vranceanu, Silvia (2005-08-04). "Martirii din Vadu Rosca" (bir-Rumen). HotNews.ro.
  8. ^ "Mai rai ca Ceausescu" (bir-Rumen). 9AM.ro. 2007-12-14.
  9. ^ a b ċ d e f ġ g Sebetsyen, Victor (2009). Revolution 1989: The Fall of the Soviet Empire (bl-Ingliż). New York: Pantheon Books. ISBN 978-0307387929.
  10. ^ Georgescu, Vlad (1995). Istoria românilor de la origini pînă în zilele noastre (bir-Rumen) (4 ed.). Bukarest: Editura Humanitas. p. 275. ISBN 978-9732805480.
  11. ^ Betea, Lavinia (2012-12-27). "Apoteoza lui Ceauşescu – 21 august 1968" (bir-Rumen). Adevărul.
  12. ^ a b ċ d e f Crampton, Richard (1997). Eastern Europe In the Twentieth Century-And After (bl-Ingliż). Londra: Routledge. p. 355. ISBN 978-0415164238.
  13. ^ Mincan, Mihai (2011-01-24). "DOSAR: Generaţia SIDA - au supravieţuit, dar au stat ascunşi" (bir-Rumen). Adevărul.
  14. ^ Betea, Lavinia (2011-05-02). "Ceauşescu, între legendă şi adevăr: data naşterii şi alegerea numelui de botez" (bir-Rumen). Jurnalul Național.
  15. ^ "S-a nascut Nicolae Ceausescu, presedintele Romaniei in perioada 1965 - 1989" (bir-Rumen). News20.ro. 2008-01-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-05-29.
  16. ^ Dente, Karen; Hess, Jamie (2006). "Pediatric AIDS in Romania – A Country Faces Its Epidemic and Serves as a Model of Success". Medscape General Medicine (bl-Ingliż). 8. PMC 1785216. PMID 16926750.
  17. ^ Behr, Edward (1991). Kiss the Hand You Cannot Bite (bl-Ingliż). New York: Villard Books. p. 195. ISBN 978-0679401285.
  18. ^ Behr, Edward (1991). Kiss the Hand You Cannot Bite (bl-Ingliż). New York: Villard Books. p. 195. ISBN 978-0679401285.
  19. ^ Georgescu, Vlad (1995). Istoria românilor de la origini pînă în zilele noastre (bir-Rumen) (4 ed.). Bukarest: Editura Humanitas. pp. 282–283. ISBN 978-9732805480.
  20. ^ Georgescu, Vlad (1995). Istoria românilor de la origini pînă în zilele noastre (bir-Rumen) (4 ed.). Bukarest: Editura Humanitas. p. 284. ISBN 978-9732805480.
  21. ^ Kirk, Roger; Răceanu, Mircea (1994). Romania versus the United States: diplomacy of the absurd, 1985–1989 (bl-Ingliż). Palgrave Macmillan. p. 81. ISBN 978-0312120597.
  22. ^ "RUMANIA: Enfant Terrible" (bl-Ingliż). Time. 1973-04-02.
  23. ^ Popescu, Adam (2009-02-06). "Ceauşescu a cerut rachete de la americani" (bir-Rumen). EVZ.ro.
  24. ^ Bărbulescu, Mihai; Deletant, Dennis; Hitchins, Keith; Papacostea, Șerban; Teodor, Pompiliu (1998). Istoria României (bir-Rumen). Bukarest: Editura Enciclopedică. ISBN 9789734502448.
  25. ^ a b ċ d e Crampton, Richard (1997). Eastern Europe In the Twentieth Century-And After (bl-Ingliż). Londra: Routledge. p. 356. ISBN 978-0415164238.
  26. ^ Wolfe-Murray, Rupert (2012-12-23). "Was Romania's 1989 Christmas Revolution a Fake?" (bl-Ingliż). Huffington Post.
  27. ^ Mungiu-Pippidi, Alina (2001). "The Return of Populism - The 2000 Romanian Elections". Government and Opposition (bl-Ingliż). 36 (2): 230–252. doi:10.1111/1477-7053.00063.
  28. ^ "În 1982, datoria externă a României era de aproximativ 12 miliarde dolari" (bir-Rumen). RealitateaTV.ro. 2009-03-07.
  29. ^ Tismăneanu, Vladimir (2006). Raport al Comisiei prezidențiale pentru analiza dictaturii comuniste din România (Rapport) (bir-Rumen).
  30. ^ "Ţara umilinţei în Templele Foamei: cum ne-am bătut pe un ou, pe „Fraţii Petreuş" de pe cartelă sau pe o sticlă cu lapte. Lumina, butelia şi căldura, la porţie" (bir-Rumen). Adevărul. 2013-03-07.
  31. ^ Aubin, Stephen P. Distorting Defense: Network News and National Security (bl-Ingliż). Praeger. p. 158. ISBN 978-0-275-96303-3.
  32. ^ "COMUNICAT din 1989 privind procesul lui Nicolae Ceausescu si al Elenei Ceausescu in fata Tribunalului Militar Extraordinar". Monitorul Oficial (bir-Rumen) (3). 1989-12-26.
  33. ^ Boyes, Roger (2009-12-24). "'Ceausescu looked in my eyes, and he knew that he was going to die'" (bl-Ingliż). The Times.
  34. ^ Schepp, Matthias (2005-10-20). "Der Diktator und sein Henker" (bil-Ġermaniż). Stern.de.
  35. ^ Demian, Sinziana (2009-12-25). "In Romania, Ceausescu's death haunts Christmas" (bl-Ingliż). Public Radio International.
  36. ^ "Ceausescu execution 'avoided mob lynching'" (bl-Ingliż). BBC. 2009-12-25.
  37. ^ "DECRET-LEGE nr.6 din 7 ianuarie 1990 pentru abolirea pedepsei cu moartea, pentru modificarea şi abrogarea unor prevederi din Codul penal şi alte acte normative" (bir-Rumen). Kamra tad-Deputati tar-Rumanija. 1990-01-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-12-25. Miġbur 2017-12-21.
  38. ^ a b Osborn, Andrew (2010-07-21). "Nicolae Ceausescu exhumed 'wearing his black winter coat'" (bl-Ingliż). The Telegraph.
  39. ^ "Exhumed body in Romania is ‎Nicolae Ceausescu" (bl-Ingliż). The Telegraph. 2010-11-04.
  40. ^ Malathronas, John (2010-12-05). "See Nicolae Ceausescu's grandiose and bloody legacy in Bucharest" (bl-Ingliż). CNN.
  41. ^ Popescu, Cristian Tudor (2009-09-02). "Savanta şi Amanta" (bir-Rumen). Gândul.
  42. ^ a b Georgescu, Vlad (1995). Istoria românilor de la origini pînă în zilele noastre (bir-Rumen) (4 ed.). Bukarest: Editura Humanitas. p. 297. ISBN 978-9732805480.


Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]

Predeċessur
Gheorghe Gheorghiu-Dej
President tar-Rumanija
28 ta' Marzu 1974 – 22 ta' Diċembru 1989

Suċċessur
Ion Iliescu