Aqbeż għall-kontentut

Elena Ceaușescu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Elena Ceaușescu
Viċi Prim Ministru

Ħajja
Isem propju Lenuta Petrescu
Twelid Petrești, 7 Jannar 1916
Nazzjonalità Rumanija
L-ewwel lingwa Rumen
Mewt Târgoviște (en) Translate, 25 Diċembru 1989
Post tad-dfin Ċimiterju ta' Ghencea
Kawża tal-mewt piena kapitali (ferita b'tir ta' arma tan-nar)
Familja
Konjuga/i Nicolae Ceaușescu
Ulied
Tribù Ceaușescu family (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater University of Bucharest (en) Translate
Lingwi Rumen
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni Strigoi (en) Translate
Premjijiet

Elena Ceaușescu (imwielda bħala Lenuța Petrescu; twieldet fis-7 ta' Jannar 1916 – mietet fil-25 ta' Diċembru 1989) kienet il-mara ta' Nicolae Ceaușescu, il-kap Komunista tar-Rumanija. Hi serviet ukoll bħala Viċi-Prim Ministru tar-Rumanija.

Lenuța Petrescu twieldet f'familja ta' bdiewa fir-raħal ta' Petrești, fid-distrett ta' Dâmbovița. Rekords skolastiċi juru li l-unika marka tajba li ġabet kien fix-xogħol tal-labar fl-iskola primarja. Wara l-iskola primarja marret tgħix flimkien ma' ħuha fil-belt ta' Bukarest fejn għall-bidu kienet taħdem bħala assistenta f'laboratorju qabel ma sabet xogħol f'fabbrika tat-tessuti. Fl-1939 issiebħet mal-Partit Komunista Rumen u hemmhekk iltaqgħet maż-żagħżugħ Nicolae Ceaușescu. Ceaușescu mal-ewwel laqtitu lil Elena, u għalkemm ir-relazzjoni tagħhom kienet waħda imħarbta minħabba li Ceaușescu kien dieħel u ħiereġ il-ħabs, huma żżewġu fit-23 ta' Diċembru 1947.

Karriera fil-gvern

[immodifika | immodifika s-sors]
Elena Ceaușescu flimkien ma' Ion Iliescu fl-1976

Wara li l-Komunisti ħadu l-poter, Elena ħadmet bħala segretarja fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Meta r-raġel tagħha sar segretarju ġenerali tal-partit, Elena ngħatat diversi uffiċċji fil-Partit Komunista Rumen. F'Ġunju tal-1973 hi saret membru tal-Politburo tal-Partit Komunista, biex b'hekk laħqet bħala t-tieni l-ogħla u l-iktar figura influwenti wara Ceaușescu innifsu. Hi kienet involuta ħafna fl-amministrazzjoni tal-partit flimkien ma' żewġha, u kienet fost il-ftit min-nisa miżżewġa ta' kapijiet tal-Partit Komunista li kellha profil politiku għoli.

Elena kienet takkumpanja lil żewġha f'diversi żjarat uffiċjali barra mill-pajjiż. Waqt żjara statali lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina f'Ġunju tal-1971, hi nnutat kif Jiang Qing, il-mara tal-President Mao Zedong, kellha pożizzjoni ta' poter. B'riżultat t'hekk bdiet taħdem biex tikseb iktar poter politiku fir-Rumanija. F'Ġunju tal-1971, ġiet eletta bħala membru tal-Kummissjoni Ċentrali fuq it-Tbassir Soċjo-Ekonomiku, u f'Lulju tas-sena ta' wara, saret membru sħiħ tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista. F'Ġunju tal-1973, wara li ġiet nominata minn Emil Bodnăraș, ġiet eletta fil-Kumitat Eżekuttiv tal-partit. F'Novembru tal-1974, matul il-ħdax-il Kungress tal-Partit, saret membru tal-kumitat eżekuttiv politiku, u f'Jannar tal-1977, saret membru tal-ogħla korp fi ħdan il-partit, l-Uffiċċju Permanenti tal-Kumitat Eżekuttiv Politiku. F'Marzu tal-1975, ġiet eletta fil-Gran Assemblea Nazzjonali, il-leġiżlatura nazzjonali tal-pajjiż, fejn ħadet is-siġġu ta' Pitești (fid-disrett ta' Arges), l-iktar reġjun industrijali importanti fil-pajjiż. Din il-kariga baqgħet iżżommha sa mewtha. F'Marzu tal-1980, saret Viċi-Prim Ministru, titlu statali li wkoll żammitu sar-Rivoluzzjoni Rumena.

Mis-snin tmenin 'il quddiem, Elena kienet iċ-ċentru ta' kult tal-personalità li kien jilħaq lil dak ta' Nicolae. Hi kienet magħrufha bħala "Omm in-Nazzjon". Bħal żewġha, it-Televiżjoni Rumena kienet taħt ordnijiet stretti sabiex tinkwadraha bl-aħjar mod possibbli, fosthom li ma kellhiex tintwera fil-profil minħabba mneħirha kbir u d-dehra sempliċi tagħha.[1]

Elena u Nicolae mal-Imperatur Hirohito waqt żjara f'Tokjo fl-1975

Nhar is-16 ta' Diċembru 1989, f'Timișoara nġabret ġemgħa biex tappoġġja lill-qassis Ungeriż Laszlo Tokes li kien arrestat wara li attakka t-tmexxija ta' Ceaușescu. Din kibret aktar minn mistenni għal protesta kbira kontra l-gvern. L-armata sparat fuq il-folla u mijiet sfaw vittmi. Fl-20 ta' Diċembru saret it-tieni protesta fejn fiha ħadu sehem 50,000 ruħ, bl-uniku għan kien li jipprotestaw kontra l-gvern u Nicolae Ceaușescu. Nicolae, fuq parir ta' Elena, ordna li l-għada kellha ssir attività fil-pjazza ċentrali ta' Bukarest. Hemmhekk inġabru mat-80,000 ruħ li malli Nicolae tfaċċa fil-parapett flimkien ma' martu u d-diversi uffiċjali tal-Partit, qabdu jgħajtu għajat kontra ż-żewġ dittaturi.

Bis-sitwazzjoni teskala, Elena ħarbet ma' żewġha fit-22 ta' Diċembru, però nqabdu fil-belt ta' Târgoviște. Fil-proċess hi wieġbet għal ftit mistoqsijiet minħabba li Nicolae ħa rwol protettiv, saqsiha sabiex tikkalma u xengel rasu kull darba li kienet titkellem b'rabja. Nhar il-Milied, fil-25 ta' Diċembru, ġew sentenzjanti għall-mewt. Huma ntrabtu b'idejhom wara darhom u ttieħdu barra fejn skwadra tal-isparar sparat fuq it-tnejn. Hi kellha 73 sena. Hi kienet l-unika mara li qatt ingħatat il-piena kapitali fl-istat modern tar-Rumanija.[2]

  • Sweeney, John (1991). The Life and Evil Times of Nicolae Ceauşescu (bl-Ingliż).
  • Behr, Edward (1991). Kiss The Hand You Cannot Bite (bl-Ingliż). ISBN 0-679-40128-8.
  1. ^ Sebetsyen, Victor (2009). Pantheon Books (ed.). Revolution 1989: The Fall of the Soviet Empire (bl-Ingliż). New York City. ISBN 0-375-42532-2.
  2. ^ Duduciuc, Alina; Ţiu, Ilarion. "Evoluţia constituţională a României" (bir-Rumen). Sfera Politicii. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-24. Miġbur 2018-02-12.
  3. ^ "Grand State Banquet" (bl-Ingliż). Badraie. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-05.
  4. ^ "CEAUSESCU ra Elena" (bit-Taljan). Quirinale.
  5. ^ "Ordens Honoríficas Portuguesas" (bil-Portugiż).
  6. ^ "Senarai Penuh Penerima Darjah Kebesaran, Bintang dan Pingat Persekutuan Tahun 1984" (PDF) .Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)