Minaret ta' Jam
Il-Minaret ta' Jam huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Punent tal-Afganistan. Jinsab f'reġjun remot u kważi inaċċessibbli tad-Distrett ta' Shahrak fil-Provinċja ta' Ghor, qrib ix-xmara Hari. Il-minaret għoli 62 metru (203 pied) jew 65 metru (213-il pied) inbena għall-ħabta tal-1190 u huwa magħmul kompletament minn brikks moħmija. Huwa famuż għat-tiżjin elaborat tal-brikks, tal-istukko u tal-madum igglejżjat, li jikkonsisti minn strixxi li jalternaw ta' kalligrafija Kufika u Naskhi, disinni ġeometriċi, u versi mill-Koran. Mill-2002, il-minaret iddaħħal fil-lista tas-siti fil-periklu, minħabba t-theddida serja tal-erożjoni u peress li ma ġiex ippreservat b'mod attiv. Fl-2014, il-BBC irrapportaw li t-torri kien jinsab f'periklu imminenti li jaqa'.
Fl-2020, il-Minaret ta' Jam tniżżel fost is-siti ta' wirt kulturali tad-dinja Iżlamika mill-Organizzazzjoni Iżlamika Edukattiva, Xjentifika u Kulturali Dinjija (ICESCO). Skont il-Ministeru Afgan għall-Affarijiet Barranin, il-Minaret ta' Jam huwa l-ewwel sit ta' wirt kulturali tal-Afganistan li tniżżel mill-ICESCO.
Il-kelma "minaret" ġejja mill-Għarbi (منارة) u normalment tfisser torri qrib moskea li minnu l-muezzin isejjaħ lill-fidili għat-talb. Madankollu tfisser ukoll fanal u għandha tifsiriet oħra. F'dan il-każ tintuża għall-ewwel tifsira.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Minaret ta' Jam x'aktarx li jinsab fis-sit tal-belt kapitali tad-dinastija Gurida, Firozkoh.
Il-minaret ċirkolari jserraħ fuq bażi ottagonali; kellu żewġ gallariji tal-injam u fuq nett kellu lanterna. Il-preżentazzjoni formali tiegħu tixbah ħafna lill-minareti ta' Ghazni li nbnew minn Masud III. Huwa maħsub li ispira direttament il-Qutb Minar f'Delhi, l-Indja.
Il-Minaret ta' Jam huwa parti minn grupp ta' madwar 60 minaret u torri li nbnew bejn is-sekli 11 u 13 fl-Asja Ċentrali, fl-Iran u fl-Afganistan, inkluż il-Minaret ta' Kutlug Timur f'Urgench (li għal żmien twil kien meqjus bħala l-itwal minaret eżistenti). Huwa maħsub li l-minareti nbnew bħala simboli tar-rebħiet Iżlamiċi, filwaqt li torrijiet oħra kienu sempliċement attrazzjonijiet jew torrijiet tal-għassa.
Il-pajsaġġ arkeoloġiku madwar il-Minaret ta' Jam jinkludi l-fdalijiet ta' "palazz", fortifikazzjonijiet, forn tal-oġġetti tal-fuħħar u ċimiterju Lhudi, u ġie ssuġġerit li jinkludi l-fdalijiet tal-belt mitlufa tal-Muntanja Turkważ. Analiżi tal-"ħofor tal-ħallelin" madwar is-sit, immaġnijiet satellitari b'riżoluzzjoni għolja u data minn Google Maps wasslu għal stima li l-belt kapitali Gurida tas-sajf madwar il-minaret kienet mifruxa fuq madwar 19.5-il ettaru ta' art.
Il-Minaret u l-fdalijiet arkeoloġiċi ta' Jam irnexxielhom jitniżżlu bħala l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Afganistan fl-2002. Is-sit tniżżel ukoll fil-lista tas-siti fil-periklu tal-UNESCO, minħabba l-istat prekarju ta' preservazzjoni tal-minaret, u r-riżultati tas-serq mis-sit.
Skont l-arkeologi ġie skopert ċimiterju Lhudi xi 10 kilometri 'l bogħod mill-minaret, inkluż il-fdalijiet ta' binja militari, palazz u ġarer tal-fuħħar.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Matul is-sekli 12 u 13 W.K., il-Guridi kienu jikkontrollaw it-territorju li issa huwa l-Afganistan, iżda wkoll partijiet mil-Lvant tal-Iran, tal-Asja Ċentrali, tat-Tramuntana tal-Indja u partijiet mill-Pakistan.
Id-datazzjoni tal-kalligrafija Għarbija tal-minaret mhix ċara – tista' tiġi interpretata bħala 1193/4 jew 1174/5 meta kkonvertita fid-dati tal-kalendarju Gregorjan. B'hekk jaf tfakkar ir-rebħa tas-sultan Gurid Ghiyas ud-Din kontra l-Ghaznevidi fl-1186 f'Lahore. Madankollu, Dr. Ralph Pinder-Wilson, arkeologu Brittaniku u d-Direttur tal-Istitut Brittaniku tal-Istudji Afgani fis-snin 70 tas-seklu 20, kiteb studju ewlieni dwar il-Minareti ta' Jam u ta' Ghazni fejn esprima t-twemmin tiegħu li l-minaret kien inbena biex ifakkar ir-rebħa ta' Mu'izz ad-Din, ħu Ghiyath ud-Din, kontra Prithviraj Chauhan. Din ir-rebħa ppermettiet lill-Iżlam jinfirex fit-Tramuntana tas-subkontinent Indjan. Pinder-Wilson kien jemmen li l-minaret kien inbena bl-istil ta' dak iż-żmien, li kien jinkludi tradizzjoni ta' torrijiet Iżlamiċi bikrin tar-rebħiet li kienu jipproklamaw is-setgħa ħakkiema tal-Iżlam.
Huwa preżunt li l-Minaret ta' Jam kien mehmuż mal-Moskea tal-Ġimgħa ta' Firozkoh, li l-kronista Gurid Abu 'Ubayd al-Juzjani jistqarr li ġġarrfet u nġarret minn għargħar f'daqqa, xi żmien qabel l-assedji Mongoli fil-bidu tas-seklu 13. Mix-xogħol arkeoloġiku f'Jam permezz tal-Proġett Arkeoloġiku tal-Minaret ta' Jam, instabet evidenza ta' binja b'bitħa kbira fil-beraħ maġenb il-minaret, kif ukoll evidenza ta' sedimenti tax-xmara fuq il-pavimentar tal-brikks moħmija.
Il-glorja tal-Imperu tal-Guridi battiet wara l-mewt ta' Ghiyath ud-Din fl-1202, u ġie mġiegħel iċedi t-territorju lill-Imperu ta' Khwarezm. Juzjani jistqarr li Firuzkuh inqerdet mill-Mongoli fl-1222.
Il-minaret ma tantx kien magħruf 'il barra mill-Afganistan sakemm Sir Thomas Holdich irrapporta l-eżistenza tiegħu fl-1886 hu u jaħdem għall-Kummissjoni tal-Konfini Afgani. Madankollu, ma sarx magħruf fuq livell dinji qabel l-1957, permezz tax-xogħol tal-arkeologi Franċiżi André Maricq u Gaston Wiet. Iktar 'il quddiem, Werner Herberg wettaq stħarriġiet limitati madwar is-sit fis-snin 70 tas-seklu 20, u Ralph Pinder-Wilson temm l-istudju l-kbir tiegħu dwar is-sit fl-istess deċennju, qabel ma l-invażjoni Sovjetika tal-1979 ma reġgħetx qatgħet l-aċċess għas-sit.
Terremot tal-2022
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-17 ta' Jannar 2022, terremot heżżeż il-Punent tal-Afganistan u qatel 28 ruħ. It-terremot wassal biex jaqgħu xi brikks mit-torri u attwalment jinsab f'iktar riskju li jċedi.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Minaret ta' Jam u l-fdalijiet arkeoloġiċi ta' madwaru ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2002.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Kontenut kalligrafiku
[immodifika | immodifika s-sors]- L-istrixxa ta' fuq nett tikkonsisti mill-konfessjoni tal-fidi Musulmana, ix-shahada, "Jien nemmen li m'hemmx alla ieħor għajr Allah u li Muħammed huwa l-messaġġier ta' Allah".
- Taħtha, hemm żewġ strixxi oħra li jikkonsistu mill-vers 13, tas-sura ta' al-Saff LXI, "Allah għinni nasal għar-rebħa. O Muħammed agħti l-bxara t-tajba lil dawk li jemmnu. Ħenjin huma dawk li jemmnu".
- L-istrixxa ta' taħthom tikkonsisti mill-ismijiet u mit-titli ta' Ghiyath ad-Din Muhammad bin Sam.
- Taħt din l-istrixa hemm strixxa li fiha verżjoni amplifikata tal-ismijiet u tat-titli ta' Ghiyath ad-Din Muhammad bil-madum tal-mużajk turkważ.
- Eżagonu rettangolari b'żewġ linji ta' kalligrafija Naskhi taħtu: (1) "Xogħol Ali ibn...", (2) mhux deċifrat.
- Kitba ta' "Abu'l-Fath", bi ħsara estensiva, peress li hija magħmula bl-istukko.
- Strixxi mdaħħlin f'xulxin jikkonsistu mis-sura ta' Maryam XIX.
- Lejn it-Tramuntana hemm kalligrafija Kufika, "Fid-data tas-sena ħames mija u disgħin"(ekwivalenti għall-ħabta tas-27 ta' Diċembru 1193 sas-16 ta' Diċembru 1194).
Theddidiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Minaret ta' Jam huwa mhedded bl-erożjoni, l-infiltrazzjoni tal-ilma u l-għargħar, minħabba l-prossimità tiegħu max-xmajjar Hari u Jam. Theddida oħra huma t-terremoti li jseħħu spiss fir-reġjun. It-torri ilu jmejjel fuq naħa, u sar xogħol ta' stabbilizzazzjoni diversi drabi.
Wara ż-żjara tiegħu fl-2002, l-esploratur Brittaniku u l-Membru Parlamentari futur Rory Stewart irrapporta li xi serq u skavi illegali kkawżaw ħsarat ukoll lis-sit arkeoloġiku madwar il-minaret.
Fil-21 ta' Lulju 2018, Pajhwok News irrapportaw taqbid bejn it-Talibani u l-qawwiet lokali fil-punti tal-kontrolli militari qrib il-Minaret ta' Jam li dam madwar sitt sigħat. Il-militanti taw in-nar lill-foresti madwar id-distrett storiku u kkawżaw ħsara lill-moskea.
Id-Direttur tal-Kultura u tal-Informazzjoni ta' Ghor, Fakhruddin Ariapoor, esprima t-tħassib tiegħu rigward in-nuqqas ta' stabbiltà fl-inħawi, u ddikjara li xi partijiet miż-żona ekoloġika kien ġarrbu ħsarat estensivi; minkejja li l-minaret kien baqa' qawwi u sħiħ, huwa wissa li jekk il-gvern ċentrali ma kienx se joqgħod b'seba' għajnejn għas-sigurtà tas-sit, il-militanti kienu se jispiċċaw jeqirduh.
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-minaret ġie skopert mill-ġdid l-iktar fl-1958 minn esploraturi Franċiżi. Mis-sejba tiegħu sal-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20, saru sforzi attivi ta' restawr u studji xjentifiċi sabiex il-proċess ta' erożjoni jitrażżan. Madankollu, wara l-invażjoni Sovjetika tal-Afganistan, ma sar l-ebda sforz.
L-UNESCO ppruvat tniedi programmi ta' valutazzjoni. Fl-2012 l-UNESCO ħejjiet pjanijiet għall-iskennjar tridimensjonali, għall-kejl idrawliku, u għat-tisħiħ tar-riffieda u tal-ħitan bħala manutenzjoni tal-minaret, u ttieħdu ritratti tal-istruttura esterna sabiex jiġu pprovduti mudelli għar-rikostruzzjoni futura. Għalkemm l-immudellar tridimensjonali tal-minaret finalment twettaq għall-UNESCO minn Iconem, in-nuqqas ta' stabbilità politika wassal għal nuqqas ta' finanzjament u ma sar l-ebda sforz ta' manutenzjoni. Barra minn hekk, l-art tal-madwar għamlitha diffiċli li jsir xi progress fir-rigward tal-istruttura peress li xxekkel l-aċċess. Madankollu, dawn il-valutazzjonijiet ipprovdew bażi soda għall-manutenzjoni fil-futur. Filwaqt li għadu diffiċli li jsir xogħol fis-sit, l-arkeologi analizzaw l-immaġnijiet satellitari u d-data ta' Google Maps sabiex jagħmlu skoperti ġodda dwar il-minaret u l-fdalijiet arkeoloġiċi tal-madwar.
Jeħtieġ li jsir, u jista' jsir, ħafna sabiex tiġi appoġġata l-konservazzjoni tal-minaret. Is-sigurtà għandha tkun waħda mill-ewwel prijoritajiet għaliex is-serq huwa komuni fis-sit arkeoloġika. Bl-istess mod, huwa importanti li l-poplu tal-Afganistan ikun involut bit-tama li l-interess u l-involviment tiegħu fis-sit jiffinanzjaw sforzi oħra ta' preservazzjoni fil-futur.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Dupree, Nancy Hatch (1977): An Historical Guide to Afghanistan. 1st Edition: 1970. 2nd Edition. Revised and Enlarged. Afghan Tourist Organization.
- Sampietro, Albert (July 28, 2003). "The Minaret of Jam in Afghanistan". albertsampietro.com.
- Freya Stark: The Minaret of Djam, an excursion in Afghanistan, Londra: John Murray, 1970.
- Dan Cruickshank (ed.), Sir Banister Fletcher's A History of Architecture, 20th edition, Architectural Press 1996, ISBN 0-7506-2267-9.
- Herberg, W. with D. Davary, 1976. Topographische Feldarbeiten in Ghor: Bericht über Forschungen zum Problem Jam-Ferozkoh. Afghanistan Journal 3/2, 57-69.
- Maricq, A. & G. Wiet, 1959. Le Minaret de Djam: la découverte de la capitale des Sultans Ghurides (XIIe-XIIIe siècles). (Mémoires de la Délégation archéologique française en Afghanistan 16). Pariġi.
- Sourdel-Thomine, J., 2004. Le minaret Ghouride de Jam. Un chef d'oeuvre du XIIe siècle. Paris: Memoire de l'Academie des Inscriptions et Belles Lettres.
- Stewart, Rory. 2006. The Places In Between. Harvest Books. ISBN 0-15-603156-6.
- Thomas, David, 2018. The Ebb and Flow of the Ghurid Empire. Sydney University Press. ISBN 9781743325414.
- Thomas, David, 2004. Looting, heritage management and archaeological strategies at Jam, Afghanistan.
- Thomas, D.C., G. Pastori & I. Cucco, 2004. “Excavations at Jam, Afghanistan.” East and West 54 (Nos. 1–4) pp. 87-119.
- Thomas, D.C., G. Pastori & I. Cucco, 2005. The Minaret of Jam Archaeological Project at Antiquity.
- Thomas, D.C., & A. Gascoigne, in press. Recent Archaeological Investigations of Looting at Jam, Ghur Province, in J. van Krieken (ed.) Afghanistan’s Cultural Heritage: its Fall and Survival. Leiden: E.J. Brill.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Minaret and Archaeological Remains of Jam". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-07.