Aqbeż għall-kontentut

Louis Galea

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Louis Galea
Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentati ta' Malta

10 Mejju 2008 - 29 April 2010
Anton Tabone - Michael Frendo
Ministru tal-Edukazzjoni

Settembru 1998 - Marzu 2008
Evarist Bartolo - Dolores Cristina (en) Translate
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

Ħajja
Twelid Mqabba, 2 Jannar 1948 (76 sena)
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Malta
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
Impjegaturi Università ta' Malta

Louis Galea (twieled fit-2 ta' Jannar 1948[1]) huwa r-rappreżentant Malti fil-Qorti tal-Awdituri. Huwa kien Ministru fi gvernijiet Nazzjonalisti u kien Speaker tal-Parlament.

Louis Galea twieled fir-raħal tal-Imqabba nhar it-2 ta' Jannar, 1948, minn Joseph u Jane Galea; wieħed fost disa' wlied.

Galea iggrawda b'Baċellerat tal-Arti fl-Istorja, l-Ingliż u l-Ekonomija u għallem l-Istorja u l-Ingliż fil-livell sekondarju fil-Kulleġġ De La Salle fil-Kottonera. Suċċessivament, fl-1970 daħal fl-Università ta' Malta bħala student tal-liġi u ggrawda bid-Dottorat tal-Liġi fl-1975 fejn speċjalizza t-teżi fuq "Collective Bargaining and the Law in Malta". Hu kien il-president tal-Korporazzjoni Kattolika tal-Istudenti (1969), segretarju tal-Kunsill Rappreżentattiv tal-Istudenti (1972), u president tal-istess Kunsill (1973).[2] Għal xi żmien kien ukoll jgħallem fl-Università. L-orjentazzjoni ta' wieħed xellugi kienet evidenti diġà fi żmien bħala student.

Fl-1968, flimkien ma' Henry Frendo, Galea kien wieħed mill-organizzaturi tal-Kampanja għal Djar Aħjar, f'pajjiż imħarbat bl-ispekulazzjoni u l-prezzijiet dejjem telgħin tal-proprjetà. Fl-1969 issieħeb mal-Partit Nazzjonalista (PN) fejn aktar tard, fl-1977 ġie maħtur bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit, kariga li baqa' jżomm sal-1987 meta sar Ministru. Ir-rwol ta' Galea kien wieħed importanti fi ħdan il-partit hekk kif kien wieħed mill-arkitetti fir-rifondazzjoni tal-PN fis-snin sebgħin meta l-partit ħareġ bħala partit Demokristjan ċentru xellugi.

Esponent ewlieni tal-istil Taljan ta' demokrazija Kristjana, Galea kien strumentali sabiex jipperswadi 'l-partit sabiex jaċċetta l-istat ta' benessri u riformi oħra soċjali magħmula minn Dom Mintoff. Bħala Segretarju Ġenerali hu mhux biss għen fil-fondazzjoni ta' fergħat ġodda tal-partit f'Malta u Għawdex, iżda żied ukoll il-fergħa taż-żgħażagħ u tan-nisa, kif ukoll is-segretarjat tal-ħaddiema.

Mill-1972, Dr. Galea serva bħala membru fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonali u fil-Kumitat Eżekuttiv, u kien membru fil-Kunsill Amministrattiv mill-1975 sal-1987. Hu ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament Malti fl-1976, fejn suċċessivament baqa' jiġi elett f'kull leġislatura. Fl-1976, il-PN u l-kap tal-Oppożizzjoni tawh ir-rwol ta' Shadow Minister sabiex jissorvelja l-impjieg nazzjonali u l-politika soċjali, u sabiex jiskrutinizza d-deċiżjonijiet u l-ispiża tal-gvern f'dan il-qasam.

Wara l-elezzjoni tal-1987, Galea ġie maħtur Ministru tal-Politika Soċjali. F'dan is-settur seħħew numru ta' riformi taħt it-tmexxija tiegħu, fejn mexxa numru ta' modifiki fil-liġijiet u riformi fil-leġislatura tas-sigurtà soċjali u l-benessri soċjali. Hu nnegozja u kkonkluda qbil bilatreli rigward is-sigurtà soċjali mal-Awstralja, il-Kanada, il-Libja u r-Renju Unit.[1] Fl-1992 hu nħatar bħala Ministru għall-Affarijiet Interni u Żvilupp Soċjali, fejn biddel l-isem tal-ħabs ta' Kordin għal "faċilità korrettiva".[3] Taħt dan il-ministeru hu għamel riforma fil-Forza tal-Pulizija ta' Malta, daħħal kunċetti moderni ta' Protezzjoni Ċivili u beda proċess ta' riforma fid-Dipartment tal-Ħabs sabiex jiġi trasformat f'Dipartment ta' Servizzi Korrettivi modern. Fis-settur tas-saħħa, proġetti u programmi li jinkludu l-formazzjoni ta' sptar speċjalizzat tal-ġerjatrika, l-iżvilupp ta' ċentru f'Malta tal-onkoloġija u t-tnedija ta' sptar ġenerali ġdid (illum l-Isptar Mater Dei). Hu wkoll waqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ugwaljanza tan-Nisa mal-Irġiel, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, is-SEDQA (aġenzija nazzjonali li tipprovdi programmi ta' rijabilitazzjoni u prevenzjoni mill-abbuż tal-alkoħol u d-droga), flimkien maċ-ċentru ta' rijabilitazzjoni ta' San Blas (bl-għajnuna tal-CARITAS), u l-ftuħ mill-Fondazzjoni Richmond ta' Villa Chelsea għal persuni bi problemi mentali.

Fl-1996 ħa l-inkarigu bħala Shadow Minister tal-Edukazzjoni waqt li wara l-elezzjonijiet tal-1998, Dr. Galea ġie maħtur Ministru tal-Edukazzjoni u l-Kultura. Taħt dan il-Ministeru hu inkluda Kurrikulu Nazzjonali ġdid, u t-twaqqif tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) sabiex jipprovdi taħriġ u edukazzjoni professjonali u vokazzjonali, il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, iċ-Ċentru Malti għar-Restawr, iċ-Ċentru għall-Arti u l-Kreattività u l-Kunsill Malti tal-Lingwa.

Louis Galea huwa miżżewweġ lil Vincienne née Zammit u hu missier ta' erbgħa (Sarah, Marie Louise, Andre u Paula) u nannu ta' Michael, Samuel u Sophie.

  1. ^ a b europarl.europa.eu (ed.). "Curriculum Vitae of Louis Galea" (PDF) (bl-Ingliż).
  2. ^ "Biography" (bl-Ingliż). louisgalea.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-13.
  3. ^ Debono, James (2008-03-16). "Louis Galea: The rise and fall of a Maltese Christian Democrat" (bl-Ingliż). MaltaToday.