Aqbeż għall-kontentut

Lamu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Lamu
 Kenja
Amministrazzjoni
County of KenyaKontea ta' Lamu
Isem uffiċjali Lamu
Ismijiet oriġinali Lamu
Kodiċi postali 80500
Ġeografija
Koordinati 2°16′07″S 40°54′01″E / 2.2686°S 40.9003°E / -2.2686; 40.9003Koordinati: 2°16′07″S 40°54′01″E / 2.2686°S 40.9003°E / -2.2686; 40.9003
Lamu is located in Kenya
Lamu
Lamu
Lamu (Kenya)
Superfiċjenti 0.37 kilometru kwadru, 15.6 hectare, 1,200 hectare
Għoli 15 m
Demografija
Popolazzjoni 18,382 abitanti
Informazzjoni oħra
bliet ġemellati Zonguldak

Lamu hija belt żgħira fil-Gżira ta' Lamu, li min-naħa tagħha hija parti mill-Arċipelagu ta' Lamu fil-Kenja. Tinsab 341 kilometru (212-il mil) bit-triq fil-Grigal ta' Mombasa li tintemm fil-Moll ta' Mokowe, u minn hemm wieħed irid jaqsam il-fliegu tal-baħar biex jasal fuq il-Gżira ta' Lamu. Hija s-sede tal-Kontea ta' Lamu u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Fil-belt hemm il-Forti ta' Lamu f'xatt il-baħar, li nbena taħt Fumo Madi ibn Abi Bakr, is-sultan ta' Pate, u li tlesta wara mewtu fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 19. F'Lamu hemm 23 moskea, inkluż il-Moskea ta' Riyadha, li nbniet fl-1900. Barra minn hekk, fil-belt hemm ukoll santwarju tal-ħmir.[2]

Storja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

L-isem oriġinali tar-raħal huwa Amu,[3] li l-Għarab kien isejħu Al-Amu (bl-Għarbi: آامو) u l-Portugiżi "Lamon". Il-Portugiżi applikaw l-isem għall-gżira kollha peress li l-insedjament ewlieni kien jismu Amu.

Il-Belt ta' Lamu fil-Gżira ta' Lamu hija l-eqdem belt abitata kontinwament fil-Kenja, u kienet wieħed mill-insedjamenti Swahili oriġinali tul il-kosta tal-Lvant tal-Afrika. Huwa maħsub li ġiet stabbilita fl-1370.[4]

Illum il-ġurnata, il-maġġoranza tal-popolazzjoni ta' Lamu hija Musulmana.[5]

Isem il-belt issemma għall-ewwel darba bil-miktub mill-vjaġġatur Għarbi Abu-al-Mahasini, li ltaqa' ma' mħallef minn Lamu li kien qed iżur il-Mekka fl-1441.

Fl-1506, il-flotta Portugiża taħt Tristão da Cunha bagħtet bastiment biex timblokka l-belt ta' Lamu, u ftit jiem wara l-bqija tal-flotta waslet u ġiegħlet lir-re tal-belt jikkonċedi telfa malajr u jħallashom miżata ta' 600 Metical minnufih.[6] L-azzjoni tal-Portugiżi ġiet imqanqla mill-missjoni ta' suċċess tan-nazzjon biex ikollhom il-kontroll tal-kummerċ tul il-kosta tal-Oċean Indjan. Għal żmien konsiderevoli, il-Portugall kellu monopolju fuq it-trasport marittimu tul il-kosta tal-Lvant tal-Afrika u kien jimponi t-taxxi fuq l-esportazzjoni b'rabta mal-kanali lokali ta' kummerċ li diġà kienu jeżistu qabel. Fis-snin 80 tas-seklu 16, wara għadd ta' attakki mit-Torok, Lamu għamlet ribelljoni kontra l-Portugiżi. Fl-1652, l-Oman għen lil Lamu biex tirreżisti l-kontroll Portugiż.

Epoka tad-Deheb

[immodifika | immodifika s-sors]

L-epoka tad-deheb ta' Lamu kienet matul l-aħħar tas-seklu 17 u l-bidu tas-seklu 19 bħala protettorat tal-Oman. Lamu kienet immexxija bħala repubblika taħt kunsill ta' mlaħħqin anzjani, magħrufa bħala l-Yumbe, li mexxew minn palazz fil-belt; ma tantx fadal wisq mill-palazz illum il-ġurnata għajr roqgħa art irvinata. Matul dan il-perjodu, Lamu saret ċentru tal-poeżija, tal-politika, tal-arti u tal-artiġjanat, kif ukoll tal-kummerċ. Bosta mill-binjiet tal-belt inbnew matul dan il-perjodu bi stil klassiku distint. Apparti l-kummerċ tal-arti u tal-artiġjanat li kien qed jiffjorixxi, Lamu saret ċentru letterarju u skolastiku. Kittieba nisa bħall-poeta Mwana Kupona – famuża għall-Parir dwar id-Dmirijiet tan-Nisa – kellhom status ogħla f'Lamu milli fil-bqija tal-Kenja ta' dak iż-żmien.[7]

Fl-1812, koalizzjoni tal-armata ta' Pate-Mazrui invadiet l-arċipelagu matul il-Battalja ta' Shela. Il-koalizzjoni żbarkat f'Shela bl-intenzjoni li taħtaf lil Lamu u tlest l-forti li kien beda jinbena, iżda ġew mgħakksa bi vjolenza min-nies lokali fid-dgħajjes tagħhom fil-bajja malli ppruvaw jaħarbu. Minħabba l-biża' ta' attaki futuri, Lamu appellat lill-Oman għal gwarniġjon ta' Busaidi biex jopera fil-forti l-ġdid u jgħin fil-protezzjoni taż-żona mir-ribelli Mazrui tul il-kosta tal-Kenja.[7]

Perjodu kolonjali

[immodifika | immodifika s-sors]
Xatt il-baħar ta' Lamu.

F'nofs is-seklu 19, Lamu sfat taħt l-influwenza politika tas-sultan ta' Zanzibar. Il-Ġermaniżi ħatfu lil Wituland f'Ġunju 1885.[8] Il-Ġermaniżi kienu tal-fehma li Lamu kellha importanza strateġika u kienet post ideali għal bażi.[9] Mit-22 ta' Novembru 1888 sat-3 ta' Marzu 1891, kien hemm uffiċċju postali Ġermaniż f'Lamu biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni fi ħdan il-protettorat Ġermaniż fis-sultanat. Kien l-ewwel uffiċċju postali li ġie stabbilit fil-kosta tal-Lvant tal-Afrika; illum il-ġurnata hemm mużew f'Lamu iddedikat għalih: il-Mużew tal-Uffiċċju Postali Ġermaniż.[10] Fl-1890, Lamu sfat taħt it-tmexxija kolonjali Brittanika kif stipulat fit-termini tat-Trattat bejn Heligoland u Zanzibar. Il-Kenja kisbet l-indipendenza politika fl-1963, għalkemm l-influwenza tal-gvern ċentrali tal-Kenja baqgħet baxxa, u Lamu għadha tgawdi ftit awtonomija lokali.

Il-Mużew tal-Forti ta' Lamu.

F'rapport tal-2010 bit-titlu Insalvaw il-Wirt Tagħna li Qed Jisparixxi, il-Fond għall-Wirt Globali identifika lil Lamu bħala wieħed minn 12-il sit dinji "f'xifer l-irdum" li jġarrab telf u ħsara irriparabbli, u kkwota l-ġestjoni u l-pressjoni tal-iżvilupp bħala kawżi primarji.[11]

Filwaqt li l-grupp terroristiku Al Shabaab bil-ħtif li kien iwettaq wassal biex Lamu ma tkunx aċċessibbli għall-ħabta ta' Settembru 2011, sal-bidu tal-2012 il-gżira bdiet titqies bħala sikura. Fl-4 ta' April 2012, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti neħħa r-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn Lamu.[12] Madankollu, żewġ attakki qrib Lamu f'Lulju 2014, rivendikati minn Al Shabaab, wasslu għall-mewt ta' 29 ruħ.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta mil-Lukanda tad-Dar tal-Ġebel.

Iċ-Ċentru Storiku ta' Lamu ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ" minħabba li l-arkitettura u l-istruttura urbana ta' Lamu grafikament joħorġu fid-dieher l-influwenzi kulturali ta' diversi mijiet ta' snin mill-Ewropa, mill-Arabja u mill-Indja, bl-użu ta' tekniki Swahili tradizzjonali li ħolqu kultura distinta; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem" minħabba li t-tkabbir u d-deklin tal-portijiet marittimi tul il-kosta tal-Lvant tal-Afrika u l-interazzjoni bejn il-poplu Bantu, l-Għarab, il-Persjani, l-Indjani u l-Ewropej, jirrappreżentaw fażi kulturali u ekonomika sinifikanti fl-istorja tar-reġjun; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju" minħabba r-rwol kummerċjali ewlieni li kellha l-belt u l-attraenza tagħha għall-istudjużi u għall-għalliema, li taw funzjoni reliġjuża importanti lill-belt u lir-reġjun, li għadha l-istess sal-lum il-ġurnata.[1]

Lamu għandha klima niexfa tas-savanna tropikali (As skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen).

Data klimatika għal Lamu
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja f'°C (°F) 30.9

(87.6)

31.3

(88.3)

32.1

(89.8)

31.1

(88.0)

29.0

(84.2)

28.0

(82.4)

27.4

(81.3)

27.5

(81.5)

28.3

(82.9)

29.5

(85.1)

30.8

(87.4)

31.2

(88.2)

29.8

(85.6)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 24.5

(76.1)

24.7

(76.5)

25.5

(77.9)

25.6

(78.1)

24.5

(76.1)

23.7

(74.7)

23.2

(73.8)

23.1

(73.6)

23.5

(74.3)

24.3

(75.7)

24.6

(76.3)

24.6

(76.3)

24.3

(75.7)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 6

(0.2)

4

(0.2)

25

(1.0)

130

(5.1)

329

(13.0)

164

(6.5)

75

(3.0)

40

(1.6)

39

(1.5)

40

(1.6)

39

(1.5)

28

(1.1)

919

(36.3)

Medja ta' jiem bix-xita 1 1 3 10 15 15 11 8 7 5 6 3 85
Sors: l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija.[13]
Attività f'xatt il-baħar ta' Lamu.

L-ekonomija ta' Lamu kienet ibbażat fuq il-kummerċ tal-iskjavi sal-abolizzjoni tal-iskjavitù fl-1907. Esportazzjonijiet tradizzjonali oħra kienu jinkludu l-avorju, il-mangrovji, il-qxur tal-fkieren tal-baħar u l-qarn tar-rinoċeronti, li kienu jiġu ttrasportati mill-Oċean Indjan għal-Lvant Nofsani u għall-Indja. Minbarra l-abolizzjoni tal-iskjavitù, il-kostruzzjoni tal-Linja Ferrovjarja tal-Uganda fl-1901 (li bdiet mill-port kompetitur ta' Mombasa) xekkel b'mod sinifikanti l-ekonomija ta' Lamu.

Gradwalment, it-turiżmu reġa' qajjem l-ekonomija lokali fuq saqajha f'dawn l-aħħar żminijiet, u l-belt saret destinazzjoni popolari fost il-backpackers. Bosta nies lokali jipprovdu mawriet fuq id-dgħajjes tradizzjonali (dhow) lit-turisti. Triq Harambee hija magħrufa għall-gastronomija, u fiha hemm għadd ta' ħwienet, inkluż ħanut tal-halwa li jbigħ il-ħelu u kebabs żgħar tal-laħam tan-nagħaġ u filgħaxija jbigħ il-kejkijiet. Ingredjenti komuni huma l-ġewż tal-Indì, il-mango, it-tronġa u l-frott tal-baħar bħall-granċ u l-awwista. Il-belt għandha suq ċentrali, l-Gallerija ta' Baraka u l-ħanut tad-disinni ta' Shumi, kif ukoll ħanut tal-kotba ta' Mwalimu.

L-eqdem lukanda fil-belt, il-Berġa ta' Petley, tinsab f'xatt il-baħar. Lukandi oħra jinkludu Dar Amu li għadha kemm ġiet rinnovata, il-Lukanda ta' Bahari b'20 kamra, il-Vilel ta' Doda, Dar Jannat b'sjieda Żvediża, il-Lukanda tal-Palazz ta' Lamu fuq tliet sulari u bi 23 kamra, il-Lukanda tad-Dar tal-Ġebel bi 13-il kamra, li ġiet ikkonvertita minn dar tas-seklu 18, u l-Lukanda Sunsail bi 18-il kamra, li kienet dar ta' merkant f'xatt il-baħar b'soqfa għoljin.

Il-mangrovji jinħasdu għall-pilastri tal-kostruzzjoni, u Lamu għandha komunità mdaqqsa ta' artiġjani, fosthom mastrudaxxi li huma involuti fil-bini tad-dgħajjes u fil-produzzjoni ta' bibien u ta' għamara mżejna.

Il-belt hija moqdija bl-Isptar Distrettwali ta' Lamu lejn in-Nofsinhar taċ-ċentru prinċipali tal-belt, operat mill-Ministeru għas-Saħħa. Ġiet stabbilita fis-snin 80 tas-seklu 20, u huwa wieħed mill-iżjed sptarijiet mgħammra fil-kosta tal-Kenja.

Iċ-Ċina bdiet twettaq studji tal-fattibbiltà biex tittrasforma lil Lamu fl-ikbar port fil-Lvant tal-Afrika, bħala parti mill-istrateġija tagħha tal-Grupp tal-Perli.

Attrazzjonijiet ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-belt ġiet stabbilita fis-seklu 14 u fiha bosta eżempji ta' arkitettura Swahili. Iċ-ċentru storiku tal-belt tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala "l-eqdem insedjament Swahili u l-iktar ippreservat fil-Lvant tal-Afrika".[1]

Il-belt kienet ċentru tal-kummerċ tal-iskjavi u b'hekk il-popolazzjoni ta' Lamu hija diversifikata ħafna etnikament. Lamu kienet parti mir-rotot kummerċjali ewlenin tal-Arabja, u b'hekk il-popolazzjoni fil-biċċa l-kbira hija Musulmana. Sabiex jirrispettaw l-abitanti Musulmani, it-turisti fil-belt huma mistennija ma jilbsu bikinis jew xorts.[14]

Hemm diversi mużewijiet, fosthom il-Mużew ta' Lamu, li fih il-qarn ċerimonjali tal-gżira (magħruf bħala siwa); mużewijiet oħra huma ddedikati lill-kultura Swahili u lis-servizz postali lokali. Dawn li ġejjin huma xi binjiet notevoli fil-belt ta' Lamu.

Forti ta' Lamu

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Forti ta' Lamu huwa forti fil-belt. Fumo Madi ibn Abi Bakr, is-sultan ta' Pate, beda jibni l-forti f'xatt il-baħar, biex jipproteġi lill-membri tal-gvern mhux popolari tiegħu. Huwa miet fl-1809, qabel ma tlesta l-ewwel sular tal-forti. Il-forti tlesta sal-bidu tas-snin 20 tas-seklu 19.

Moskea ta' Riyadha

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Moskea ta' Riyadha f'Lamu.
Is-Santwarju tal-Ħmir ta' Lamu.

Habib Salih, Sharif minn Comoros b'rabtiet mal-Hadramawt, il-Jemen, mar jgħix f'Lamu fis-snin 80 tas-seklu 19, u sar għalliem reliġjuż rispettat ħafna. Habib Salih kellu suċċess kbir u kien jiġbor l-istudenti madwaru. Fl-1900 inbniet il-Moskea ta' Riyadha u huwa introduċa l-Habshi Maulidi, fejn l-istudenti tiegħu kantaw versi u siltiet akkumpanjati bit-tambourines. Wara mewtu fl-1935, uliedu subien komplew iġestixxu l-madrasa, li saret wieħed mill-iżjed ċentri prestiġjużi għall-istudji Iżlamiċi fil-Lvant tal-Afrika. Il-moskea hija ċ-ċentru għall-Festival ta' Maulidi, li jsir kull sena matul l-aħħar ġimgħa tax-xahar li fih twieled il-Profeta Muħammed. Matul dan il-festival, pellegrini mis-Sudan, mill-Kongo, mill-Uganda, minn Zanzibar u mit-Tanzania jingħaqdu man-nies lokali biex ikantaw kant ta' tifħir lil Muħammed. Il-Moskea ta' Mnarani hija moskea notevoli wkoll fil-belt.

Santwarju tal-ħmir

[immodifika | immodifika s-sors]

Peress li l-gżira ma fiha l-ebda vettura bil-mutur, it-trasport u xogħol iebes ieħor isir bl-għajnuna tal-ħmir. Fil-gżira hemm xi 3,000 ħmar. Dr. Elisabeth Svendsen tas-Santwarju tal-Ħmir fl-Ingilterra żaret Lamu għall-ewwel darba fl-1985. Imħassba dwar il-kundizzjonijiet tal-ħmir, fetħet santwarju fl-1987. Is-Santwarju tal-Ħmir jagħti trattament b'xejn lill-ħmir kollha li jkollhom bżonn.[15]

Kompetizzjoni tad-dgħajjes tradizzjonali matul il-Festival Kulturali ta' Lamu tal-2012.

F'Lamu jsir il-Festival ta' Maulidi, f'Jannar jew fi Frar, fejn jiġi ċċelebrat it-twelid ta' Muħammed. Isiru firxa sħiħa ta' attivitajiet li jvarjaw minn "tlielaq tal-ħmir għal avvenimenti tat-tbaħħir tad-dgħajjes tradizzjonali u kompetizzjonijiet tal-għawm".[16] Il-Festival Kulturali ta' Lamu, karnival ikkulurit, normalment isir fl-aħħar ġimgħa ta' Awwissu, u mis-sena 2000 sar jinkludi żfin tradizzjonali, artiġjanat bħar-rakmu (kofia), u tlielaq bid-dgħajjes tradizzjonali.[17] Il-Premjijiet tal-Ħmir, bi premjijiet għall-ifjen ħmir, jingħataw f'Marzu/April.[18] Il-mużika tan-nisa fil-belt hija notevoli wkoll u jiżfnu ċ-chakacha, żifna fit-tiġijiet. L-irġiel jagħmlu l-hanzua (żifna bix-xwabel) u jilbsu l-kanzu.[19]

Nies lokali jużaw il-ħmar bħala mezz ta' trasport.

Fl-2011 saru proposti biex jinbena port fond li kien ikollu kapaċità ikbar bħala fond, għadd ta' rmiġġi, u kapaċità ta' lqugħ u tat-tluq tal-bastimenti fl-istess ħin meta mqabbel mal-port prinċipali tal-pajjiż f'Mombasa.

L-Ajruport ta' Manda jinsab fil-Gżira ta' Manda fl-Arċipelagu ta' Lamu tal-Kontea ta' Lamu tul ix-xatt tal-Punent tal-Oċean Indjan. Jinsab madwar 450 kilometru (280 mil) bl-ajru, fix-Xlokk tal-Ajruport Internazzjonali ta' Nairobi, l-ikbar ajruport ċivili tal-pajjiż. Diversi linji tal-ajru jaqdu l-inħawi, fosthom Air Kenya, Safari Link u Fly 540 — hemm titjiriet ta' kuljum lejn Malindi, Mombasa u Nairobi.

Residenti notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]

Kultura popolari

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kanzunetta "Lamu"[20] tal-kantant Kristjan Michael W. Smith ġiet ispirata mill-Gżira ta' Lamu. Fil-kanzunetta, Smith jirreferi għal Lamu bħala "moħba fi gżira... post li dalwaqt kien se jwassal twelid mill-ġdid mit-telqa... meta d-dinja tkun kwieta". Il-kanzunetta tirreferi għal meta wieħed jaħrab mill-problemi tal-ħajja.

Il-ġrajja qasira ta' Anthony Doerr "Il-Kollezzjonista tal-Qxur tal-Baħar" mill-kollezzjoni ta' stejjer tiegħu bl-istess isem hija ambjentata f'Lamu.

Parti mill-avvenimenti fir-rumanz Our Wild Sex in Malindi (il-Kapitli 14 u 15) ta' Andrei Gusev huma ambjentati f'Lamu u fil-gżira ta' Manda fil-qrib.[21][22]

Lamu tissemma wkoll fir-rumanz Monsoon ta' Wilbur Smith.

F'Lamu jiġi introdott il-protagonist tat-tliet kapitli tar-rumanz Raden Blu ta' Carrie Classon.

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Lamu Old Town". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-01.
  2. ^ https://www.the-star.co.ke/authors/praxidescheti. "Lamu youth dodging mosque time; where exactly are they?". The Star (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-01.
  3. ^ Romero, Patricia (1997). Lamu. History, Society, and Family in an East African Port City. Marcus Wiener Publishers, p. 10.
  4. ^ This is Kenya. Struik. 2005. p. 18. ISBN 978-1-84537-151-7.
  5. ^ Oded, Arye (2000). Islam and Politics in Kenya. Lynne Rienner Publishers, p. 11.
  6. ^ Strandes, Justus (1971). "The Portuguese in East Africa". East African Literature Bureau. p. 66.
  7. ^ a b Trillo, Richard (2002). Kenya. Rough Guides. ISBN 978-1-85828-859-8. p. 555.
  8. ^ McIntyre, Chris; McIntyre, Susan (1 April 2013). Zanzibar. Bradt Travel Guides. ISBN 978-1-84162-458-7. p. 22.
  9. ^ Fitzpatrick, Mary (2009). East Africa. Lonely Planet. ISBN 978-1-74104-769-1. p. 330.
  10. ^ "National Museums of Kenya - Lamu-German Post Office Historical Background". web.archive.org. 2016-06-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-06-24. Miġbur 2024-03-01.
  11. ^ "Global Heritage Fund | GHF". web.archive.org. 2012-08-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-08-20. Miġbur 2024-03-01.
  12. ^ "Security message and Travel Warning (April 4, 2012) | Embassy of the United States". web.archive.org. 2013-12-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-12-13. Miġbur 2024-03-01.
  13. ^ WMO. "World Weather Information Service". World Weather Information Service (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-01.
  14. ^ Fitzpatrick, Mary (2009). East Africa. Lonely Planet. ISBN 978-1-74104-769-1. p. 343.
  15. ^ Trillo, Richard (2002). Kenya. Rough Guides. ISBN 978-1-85828-859-8. p. 566.
  16. ^ Bain, Keith; Bruyn, Pippa de; Williams, Lizzie (2010). Frommer's Kenya and Tanzania. John Wiley & Sons. ISBN 978-0-470-64546-8. p. 284.
  17. ^ Ham, Anthony; Butler, Stuart; Starnes, Dean (2012). Lonely Planet Kenya. Lonely Planet. ISBN 978-1-74321-306-3. p. 215.
  18. ^ Parkinson, Tom; Phillips, Matt; Gourlay, Will (2006). Kenya. Lonely Planet. ISBN 978-1-74059-743-2. p. 219.
  19. ^ Senoga-Zake, George W. (1986). Folk Music of Kenya. Uzima Publishing House. ISBN 978-9966-855-02-2. p. 68.
  20. ^ "Michael W. Smith" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-01.
  21. ^ "About "OUR WILD SEX IN MALINDI"". mliterature.narod.ru. Miġbur 2024-03-01.
  22. ^ "Наш жёсткий секс в Малинди (Гусев Андрей) / Проза.ру". proza.ru. Miġbur 2024-03-01.