Aqbeż għall-kontentut

Imblokk Kontinentali

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn L-Imblokk Kontinentali)
Napuljun Bonaparti

L-Imblokk Kontinentali, jew is-Sistema Kontinentali, kienet il-politika barranija adottata minn Napuljun I ta' Franza fil-battalja tiegħu kontra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda matul il-Gwerer Napoleoniċi. Din ġiet fl-effett fil-21 ta' Novembru, 1806 u baqgħet sal-1814. Dan il-qbil kien jinvolvi d-divjet li vapuri li jkollhom il-banidera Ingliża ma jiddaħlux f'portijiet ta' pajjiżi li huma suġġetti tad-dominju Franċiż.[1]

Skopijiet u estensjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-sitwazzjoni tal-Ewropa fl-1811. Il-kuluri jindikaw (minn blu skur għal blu ċar) il-pajjiżi:
– Membri tal-Imperu
– Satelliti
– Li applikaw l-imblokk

L-iskop kien dak li jolqot l-ekonomija Ingliża, wara li bit-telfa fil-Battalja ta' Trafalgar, Franza sabitha bi tqila biex tikkontrasta d-dominju Ingliż fuq l-ibħra u lanqas kellha aktar il-possibilità li tinvadi bi spedizzjoni ta' truppi trasportati permezz tal-baħar lejn l-art Ingliża. Wara l-indħil tan-navi Ingliża fid-Danimarka f'Awwissu tal-1807, l-imblokk ġie estiż anki fil-portijiet tal-Baħar Baltiku u f'Novembru u Diċembru tal-istess sena l-imblokk ġie iggravat aktar biż-żewġ Digrieti ta' Milan. Bl-ewwel wieħed, tat-23 ta' Novembru 1807, ġew elenkati l-prodotti, fosthom dawk kolonjali, li kienu se jiġu kkunsidrati ta' oriġini Ingliża. Barra minn hekk, kull biċċa tal-baħar, anke dik li mhix Ingliża, li titrakka f'port ta' pajjiż li jinsab fis-Sistema Kontinentali u li kien ġej minn port Ingliż, il-prodotti tiegħu kienu jiġu kkonfiskati. Bit-tieni digriet, tas-17 ta' Diċembru 1807, ġie stabbilit li l-vapuri newtrali li fl-ewwel digriet kienu kkunsidrati bħala nieqsa min-nazzjonalità, u b'hekk setgħu jinqabdu mill-vapuri Franċiżi. Wara li ġew fl-effett dawn id-digriet, ir-Russja ta' Alessandru I adottaw l-imblokk u dan tal-aħħar ikkonvinċa lill-Awstrija biex tagħmel l-istess. Madanakollu, din is-sistema ftit li xejn kienet rispettata: id-derogi uffiċjali fil-portijiet Franċiżi, imma fuq kollox il-vjolazzjonijiet, kienu frekwentissimi kawża tal-imġieba tal-intendenti li minħabba li kienu jirċievu flus minn taħt, kienu jispiċċaw jagħlqu għajn waħda (u ħafna drabi t-tnejn li huma) quddiem il-vjolazzjonijiet li kienu jsiru (min-naħa l-oħra l-operaturi kollha tal-port kellhom interess komuni li jaċċettaw l-ikbar numru ta' vapuri possibbli li setgħu jitrakkaw). Jidher li anke l-Ġeneral Masséna kien jagħmel gwadanj hekk kif kien ibiegħ lin-negozjanti sinjuri Taljani liċenzji ta' deroga għan-normi tal-imblokk. Barra minn hekk l-intendenza stess tal-eżerċtu Franċiż kienet ta' spiss tagħmel l-akwisti tagħha ta' materjali u tal-ilbies tas-suldati mill-Ingilterra. Is-sitwazzjoni kienet aktar agħar fl-istati li ma kinux direttament ikkontrallati minn Franza, fejn fl-Olanda, Luiġi, ħu Napuljun li kien ukoll ir-Re, naqas li jagħmel lis-sudditi tiegħu jirrispettaw id-Digriet ta' Berlin (l-obbligu li Napuljun għamillu biex jirrispetta l-imblokk kienet waħda mir-raġunijiet li dderminaw fid-deċiżjoni ta' Luiġi li jabdika u jabbanduna lil ħuħ). Lejn l-aħħar tal-1809, kien l-istess Napuljun li awtorizza l-bejgħ tal-qamħ Franċiż u Olandiż lill-Ingilterra li kienet għadha ġejja minn żmien diffiċli fil-ġbir tal-qamħ. L-iskop kien dak li jnixxef aktar ir-riservi likwidi tal-avversarju, imma din kienet ġustifikazzjoni kemmxejn vaga biex tiġi aċċettata minn dawk il-pajjiżi xettiċi li xorta kienu għadhom parti mill-imblokk.

L-Imblokk Kontinentali

[immodifika | immodifika s-sors]

L-imblokk tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-vapuri Ingliżi jew dawk li kienu ġejjin minn portijiet Ingliżi u dawk il-prodotti definiti mid-Digrieti ta' Milan bħala ta' oriġini Brittaniċi, ittrasforma l-ekonomiji ta' diversi pajjiżi f'suq fejn parti kbir mill-materja prima u dawk il-prodotti li kienu semi-kompluti kellha tiġi importata minn Franza u mill-industriji tagħha. Mingħajr il-konkorrenza Ingliża dawn il-prodotti wasslet biex il-prezzijiet jogħlew, u dan kien ukoll kawża tal-fatt li Franza kienet tapplika ħafna taxxa fuq il-prodotti kemm dawk li kienu jiġu importanti u anki dawk f'esportazzjoni. Jekk dan is-suq, imsejjaħ bħala "Sistema Kontinentali" wassal għal benefiċċji għall-industrija u l-kummerċ Franċiż, għall-pajjiż l-oħra ma kienx hekk, fejn waqt li kienu nieqsa mill-parti l-kbira tal-kummerċ marittimu, huma waqgħu f'riċessjoni, fejn din għenet il-popolarità kontra l-Imperatur u s-Sistema Kontinentali biex tiżdied.

Ir-reazzjoni Ingliża

[immodifika | immodifika s-sors]
Ġorġ III, Re tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda, Re ta' Hannover. Ritratt ta' Allan Ramsay, madwar is-sena 1762.

Ir-reazzjoni Ingliża kienet waħda immedjata: f'Jannar tal-1807 ġew fis-seħħ ċerti ordinanzi li kienu jinvolvu kif kellu jkun il-komportameent tan-navi Brittanika fil-konfront tal-vapuri newtrali diretti lejn portijiet Franċiżi. Dawk li kienu jinqabdu fil-baħar li kienu jittraspurtaw prodotti suġġetti għall-imblokk kienu jiġu kkonfiskati, u kienu jitpoġġew għall-irkant, waqt li t-tagħbija kienet tiġi sekwestrata. Il-qawwa li kienet tħaddan l-Ingilterra fuq il-baħar wassal biex dawn il-miżuri jġibu riżultati effikaċi minn dak tal-imblokk Franċiż: il-prodotti kolonjali sparixxew mis-swieq tal-pajjiżi suġġetti għall-Imblokk Kontinentali. Bejn it-tkomplija tal-aggressjoni ma' Franza (1803) u l-1806, l-Ingilterra kienet diġà rat telf fl-esportazzjoni lejn il-kontinent minn 55% għal 25%, u dan it-telf kien aktar wara it-Trattat ta' Tilsit. Wara d-Digriet ta' Milan, l-Ingilterra mmodifikat l-ordinanzi tagħha: kwalunkwe kummerċ mal-portijiet kontinentali li huma suġġetti għall-imblokk kien projbit b'konsegwenza tal-konfiskazzjoni tat-tagħbija u s-sekwestru tal-biċċa tal-baħar (irrelevanti liema bandiera kien ikollu) bil-patt u l-kundizzjoni li l-vapuri jitrakkaw f'port kolonjali Brittaniku, bħal Malta, u jħallsu t-taxxa fuq it-tagħbija destinata għall-Ewropa Napoleonika.

L-effetti tal-imblokk

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Imblokk Kontinentali ħadmet bħala boomerang għal Napuljun. L-imblokk ma tantx niżel tajjeb min-nazzjonijiet "alleati" ma' Napuljun u b'hekk dan il-fattur ikkontribwixxa biex inaqqas dawk favur il-politika ta' Napuljun u lejh stess. In-nuqqas ta' rispett min-naħa tal-pajjiż li ma kinux direttament amministrati minn Franza wasslu 'l-Imperatur, kemm għal raġunijiet ekonomiċi u anki ta' prestiġju, biex jintervjeni kontrihom permezz tal-militar, bi spiża kbira ta' riżorsi umani u anki ta' materjali li fil-futur qarib kienu kawżi fatali. L-intervent li għamel fi Spanja u l-Portugall (pajjiż ieħor, flimkien mal-Olanda, li, minħabba li l-baħar kien ħajtu, ma setax idur kontra l-aqwa qawwa navali fid-dinja) bejn l-1807 u l-1809, kellu l-iskop (anke jekk mhux l-uniku) li jimponi liż-żewġ pajjiżi r-rispett lejn l-Imblokk. Il-Kampanja tar-Russja tal-1812, li wasslet għall-falliment totali ta' Napuljun, kienet ir-risposta għall-ultimatum tar-Re Alessandru I tar-Russju, wara li t-Tsar ħareġ barra minn din is-sistema.

Anki għall-Ingliżi, il-miżuri ta' ritaljazzjoni lejn l-imblokk ħolqu diversi problemi mal-pajjiżi hekk imsejħin bħala "newtrali", parikularment id-"dritt tat-tfittxija", bl-azzjonijiet li kienu jsiru mill-vapuri Brittaniċi fil-konfronti ta' dawk tal-Istati Uniti kien wieħed mir-raġunijiet prinċipali li ddetermina li dan tal-aħħar iddikjara gwerra lill-Ingilterra nhar l-4 ta' Ġunju 1812. Komplessivament, meta wieħed iħares lejn l-aspetti kollha tal-kwistjoni u mhux biss dawk ekonomiċi, l-Ingilterra rnexxielha taffronta l-konsegwenzi negattivi tal-imblokk ħafna aħjar minn Franza.

Is-sehem ta' Malta

[immodifika | immodifika s-sors]

Malta, li dak iż-żmien kienet "temporanjament" taħt il-ħakma Brittanika, ibbenifikat mill-aktar mal-introduzzjoni tal-Imblokk Kontinentali. Il-kummerċ Brittaniku ġie trasferit minn portijiet Taljani lejn Malta fejn minn hawnhekk il-prodotti bdew jiġu esportati fl-Ewropa taħt kuntrabandu. Barra minn hekk, il-vapuri newtrali li kienu jaqsmu l-Mediterran bil-ħsieb li jitrakkaw f'xi port kontinentali, kellhom jgħaddu Malta biex jixtru l-liċenzja min-Navi Rjali. Din is-sitwazzjoni ġġenerat ħafna attività li minnha bbenefikat il-popolazzjoni kollha ta' Malta.

L-evidenza ta' din il-qagħda ekonimka jidher mill-fondazzjoni ta' banek ġodda f'Malta. Bejn Ġunju tal-1809 u s-sena 1812, infetħu tliet banek li kienu l-Anglo-Maltese Bank, il-Banco di Malta u l-Biagio-Tagliaferra. Aktar minn hekk, anke n-numru ta' vapuri li kienu jidħlu fil-Port il-Kbir żdied, li kompla jikkonferma t-tkabbir ekonomiku. Fl-1801, in-numru ta' vapuri Ingliżi li stazzjonaw Malta kien jammonta għal 291. Fl-1811, dan in-numru kiber bid-doppju, waqt li fis-sena ta' wara, in-numru tela' għal 3,000. Ovvjament, dan kien iffiser li d-domanda għax-xogħol kienet iġġib salarji aħjar. Minħabba l-influss ta' truppi u negozjanti barranin dan wassal għal aktar domanda għall-ikel, li min-naħa l-oħra ggarantixxa x-xogħol lill-bdiewa. Matul is-Sistema Kontinentali, kumpaniji tal-assigurazzjoni marittimi u aġenziji tal-vapuri ġew miftuħa biex jieħdu ħsieb tan-negozju relatat mat-tiswija tal-vapur, il-kru, u l-merkanzija. Fil-fatt, "Peninsular and Oriental" stabilixxiet l-uffiċju tagħha fi Triq Merkanti, il-Belt Valletta.

Però dan iż-żmien spiċċa mal-wasla tal-pesta fl-1813 li laqtet lill-Gżejjer Maltin. Ħafna kumpaniji tal-vapuri bdew jevitaw lil Malta kemm minħabba l-biża' li jlaqqtu l-marda u kif ukoll minħabba li kienu jispiċċaw fi kwarantina jekk imorru f'xi port ieħor. Dawn ir-restrizzjonijiet spiċċaw mal-1826, però ħafna ħsara kienet diġà ġiet ikkawżata.

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ "Hu ddikjarat li l-Gżejjer Brittaniċi jinsabu fi stat ta' imblokk. Kull kuntatt jew kummerċ mal-Gżejjer Brittaniċi huwa projbit". Barra minn hekk kull prodott Ingliż li kien diġà daħal fl-Ewropa kellu jiġi kkonfiskat u ċ-ċittadini Ingliżi residenti kellhom jiġu arrestati.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]