Katidral ta' Canterbury
Il-Katidral ta' Canterbury f'Canterbury, Kent, huwa l-waħda mill-eqdem u l-iżjed strutturi Kristjani famużi fl-Ingilterra. Jifforma parti minn Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Huwa l-katridral tal-Arċisqof ta' Canterbury, attwalment Justin Welby, il-mexxej tal-Knisja tal-Ingilterra u l-mexxej simboliku tal-Komunità Anglikana dinjija. It-titlu formali tiegħu huwa l-Katidral u l-Knisja Metropolitika ta' Kristu f'Canterbury.
Stabbilit fil-597, il-katidral ġie rikostruwit għalkollox bejn l-1070 u l-1077. In-naħa tal-Lvant tkabbret ferm fil-bidu tas-seklu 12, u ġiet rikostruwita l-iktar bl-istil Gotiku wara n-nirien tal-1174, b'estensjonijiet sinifikanti lejn il-Lvant biex jakkomodaw il-fluss ta' pellegrini li riedu jżuru s-santwarju ta' Thomas Becket, l-arċisqof li nqatel fil-katidral fl-1170. In-navata u t-transetti Normanni baqgħu jeżistu sal-aħħar tas-seklu 14, meta mbagħad inqerdu għall-istrutturi attwali.
Qabel ir-Riformazzjoni Ingliża, il-katidral kien parti minn komunità monastika Benedittina magħrufa bħala Christ Church, Canterbury, apparti li huwa s-sede tal-arċisqof.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Rumani
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kristjaneżmu fir-Renju Unit jissemma minn Tertuljanu diġà fil-208 W.K.[1] u Origen isemmih fil-238 W.K. Fil-314 tliet isqfijiet mir-Renju Unit attendew il-Kunsill ta' Arles.[2]
Hemm tradizzjoni ta' Londra Medjevali li l-Knisja ta' San Pietru f'Cornhill f'Londra kienet is-sede tal-Kristjaneżmu Ingliż sal-istabbiliment ta' Canterbury fil-597 W.K. Għadu ma ġiex stabbilit jekk dan huwiex minnu jew le. Madankollu, il-Knisja ta' San Pietru hija ppożizzjonata eżatt fuq il-pożizzjoni potenzjali ta' santwarju (Aedes) pagan fil-Bażilika Rumana l-kbira taż Londra, u hemm tradizzjoni li re nattiv Brittaniku, Luċju, ikkonverta għall-Kristjaneżmu fil-179 W.K. u stabbilixxa l-Knisja ta' San Pietru bħala s-sede tal-arċisqof tal-Knisja Ingliża.[3]
Hi x'inhi t-tradizzjoni korretta, għaldaqstant il-Kristjaneżmu Ingliż wasal pjuttost tard f'Canterbury. L-ewwel isqof li kellu bħala s-sede tiegħu l-katidral kien Wistin ta' Canterbury, li qabel kien il-patri superjuri tal-Abbazija Benedittina ta' San Indrija f'Ruma, mibgħut bħala l-kap ta' grupp ta' missjunarji lejn l-Ingilterra mill-Papa Gregorju I fil-596. Wistin stabbilixxa l-katidral fil-597 u ddedikah lil Ġesù Kristu, is-Salvatur Imqaddes.[4] Meta ġew stabbiliti djoċesijiet oħra fl-Ingilterra, Wistin sar l-arċisqof.
Wistin stabbilixxa wkoll l-Abbazija ta' San Pietru u San Pawl 'il barra mis-swar tal-belt ta' Canterbury. Iktar 'il quddiem din il-knisja ġiet iddedikata mill-ġdid li Santu Wistin innifsu u għal sekli sħaħ kienet il-post fejn kienu jindifnu l-arċisqfijiet suċċessivi. L-abbazija hija parti mill-istess Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, flimkien mal-katidral u mal-knisja antika ta' San Martin.[5]
Medju Evu Bikri
[immodifika | immodifika s-sors]Bede ddokumenta li Wistin reġa' uża eks knisja Rumana. L-eqdem fdalijiet li nstabu waqt l-iskavi taħt in-navata attwali fl-1993, madankollu kienu partijiet mill-pedamenti ta' binja tal-Anglo-Sassoni, li kienet inbniet tul triq Rumana.[6][7] Dawn jindikaw li l-knisja oriġinali kienet tikkonsisti minn navata, possibbilment b'narthex, u kappelli laterali fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar. Instabet binja sussidjarja iżgħar lejn il-Lbiċ ta' dawn il-pedamenti. Matul is-seklu 9 jew 10, din il-knisja ġiet sostitwita bi struttura ikbar (161 pied b'75 pied jew 49 metru bi 23 metru) b'faċċata tal-Punent kwadra. Milli jidher kellha wkoll torri ċentrali kwadru. Il-kronista tas-seklu 11 Eadmer, li kien midħla tal-katidral tas-Sassoni meta kien tifel, kiteb li fl-arranġament tiegħu, il-katidral kien jixbaħ il-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan, u indika li kellu għamla ta' bażilika, b'apsida fil-Lvant.[8]
Matul ir-riformi ta' Dunstan, l-arċisqof mid-960 sa mewtu fid-988[9], abbazija Benedittina msejħa l-Prijorat ta' Christ Church ġiet miżjuda mal-katidral. Iżda l-istabbiliment formali bħala monasteru jidher li seħħ biss għall-ħabta tad-997 u l-komunità saret monastika għalkollox biss minn żmien Lanfranc 'il quddiem (bil-kostituzzjonijiet monastiċi indirizzati minnu lill-Pirjol Enriku). Dunstan indifen fin-naħa tan-Nofsinhar tal-artal maġġuri.
Ir-Re Anglo-Sassonu Æthelred il-Mhux Preparat u Emma tan-Normandija żżewġu fil-Katidral ta' Canterbury fir-rebbiegħa tal-1002, u Emma ġiet ikkonsagrata bħala r-"Reġina Ælfgifu".[10][11]
Il-katidral ġarrab ħsarat estensivi matul l-attakki Daniżi fuq Canterbury fl-1011. L-Arċisqof Ælfheah ittieħed bħala ostaġġ minn dawk li wettqu l-attakki u eventwalment inqatel f'Greenwich fid-19 ta' April 1012, u b'hekk kien l-ewwel wieħed mill-ħames arċisqfijiet ta' Canterbury li mietu martri. Wara dan, ġiet miżjuda apsida fil-Punent bħala oratorju ta' Santa Marija, x'aktarx matul l-arċiveskovat ta' Lyfing (1013-1020) jew Aethelnoth (1020-1038).[12]
L-iskavi tal-1993 żvelaw li l-apsida l-ġdida fil-Punent kienet poligonali, maġenb torrijiet eżagonali, u tifforma westwerk (faċċata tal-Punent). Kienet tospita t-tron tal-arċisqof, bl-artal ta' Santa Marija lejn il-Lvant. Għall-ħabta tal-istess żmien li nbniet il-westwerk, il-ħitan tal-arkati ġew imsaħħa u ġew miżjuda torrijiet fil-kantunieri tal-Lvant tal-knisja.
Normanni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-katidral inqered min-nirien fl-1067, sena wara l-Konkwista Normanna. Ir-rikostruzzjoni bdiet fl-1070 taħt l-ewwel arċisqof Normann, Lanfranc (1070-1077). Huwa neħħa l-fdalijiet u reġa' bena l-katidral skont disinn ibbażat sew fuq dak tal-Abbazija ta' Saint-Étienne f'Caen, Franza, fejn kien serva bħala patri superjuri, u ntuża ġebel miġjub minn Franza.[13] Il-knisja l-ġdida, l-assi ċentrali tagħha madwar ħames metri fin-Nofsinhar tal-predeċessur tagħha, kienet binja b'għamla ta' salib, b'navata bil-korsiji u disa' niċeċ, par torrijiet fil-Punent, transetti mingħajr korsiji b'kappelli apsidali, torri baxx fuq in-naħa l-oħra, u kor qasir li jintemm bi tliet apsidi. Kienet iddedikata fl-1077.[14]
Taħt is-suċċessur ta' Lanfranc, Anselm, li ġie eżiljat darbtejn mill-Ingilterra, ir-responsabbiltà tar-rikostruzzjoni jew tat-titjib tan-nisġa tal-katidral tħalliet l-iktar f'idejn il-pirjoli.[15] Wara l-elezzjoni tal-Pirjol Ernulf fl-1096, il-faċċata mhux adegwata ta' Lanfranc fil-Lvant twaqqgħet u ġiet sostitwita b'fergħa tal-Lvant twila 198 pied, id-doppju tat-tul tal-katidral. Ġiet olzata fuq kripta kbira u mżejna b'mod elaborat. Wara Ernulf fl-1107 laħaq Konrad, li lesta x-xogħol sal-1126.[16] Il-kor il-ġdid ingħata l-għamla ta' knisja kompluta fi innifsu, bit-transetti tiegħu stess; il-faċċata tal-Lvant kellha pjanta semiċirkolari, bi tliet kappelli li jagħtu għal ambulatorju. Kampnar għalih waħdu nbena fuq tumbata fid-distrett tal-katidral għall-ħabta tal-1160.[17]
Bħal fil-biċċa l-kbira tal-binjiet tal-knejjes Gotiċi, il-kor minn ġewwa huwa mżejjen b'mod rikk. William ta' Malmesbury kiteb: "Ma kien hemm xejn bħalu fl-Ingilterra, kemm bħala dawl li jidħol mill-ħġieġ ikkulurit tat-twieqi tiegħu, kemm bħala leqqa tal-art tal-irħam tiegħu, kif ukoll għall-bosta pitturi kkuluriti ferm li kienu jattirawk biex tħares lejn is-saqaf bil-panewijiet ta' fuqhom".[18]
Għalkemm ingħatat isem l-arċisqof fundatur tas-seklu 6, is-Sedja ta' Santu Wistin, it-tron ċerimonjali tal-Arċisqof ta' Canterbury, jaf imur lura għal żmien in-Normanni. Intuża għall-ewwel darba fl-1205.
Perjodu ta' Plantagenet
[immodifika | immodifika s-sors]Martirju ta' Thomas Becket
[immodifika | immodifika s-sors]Mument ċentrali fl-istorja tal-katidral kien il-qtil tal-arċisqof Thomas Becket, fit-transett tal-Majjistral (magħruf bħala l-Martirju) nhar it-Tlieta d-29 ta' Diċembru 1170, mill-kavallieri tar-Re Enriku II. Ir-re spiss kellu kunflitti ma' Becket li kellu rieda qawwija u jingħad li stqarr iffrustrat, "Ħadd mhu se jeħlisni minn dan il-qassis turbolenti?". Erba' kavallieri ħadu l-istqarrija tiegħu litteralment u qatlu lil Becket fil-katidral tiegħu stess. Wara Ælfheah fl-1012, Becket kien it-tieni Arċisqof ta' Canterbury li nqatel.
Il-venerazzjoni ta' Becket wara mewtu ttrasformat il-katidral f'post tal-pellegrinaġġi, u b'hekk kien jeħtieġ li jitkabbar kemm fid-daqs tal-binja kif ukoll fil-ġid, permezz tad-dħul mill-pellegrini, sabiex it-tkabbir tal-binja jkun possibbli.
Rikostruzzjoni tal-kor
[immodifika | immodifika s-sors]F'Settembru 1174, il-kor ġarrab ħsarat estensivi minħabba nirien, u b'hekk kienet meħtieġa rikostruzzjoni ewlenija. Il-progress tar-rikostruzzjoni ġie ddokumentat fid-dettall minn patri msejjaħ Gervase.[19][20] Il-kripta ħelsitha ħafif min-nirien,[21] u nstab li l-ħitan ta' barra tal-kor setgħu jinżammu. Dawn żdiedu b'għoli ta' 12-il pied (3.7 metri) matul ir-rikostruzzjoni, iżda l-għamla tonda tat-twieqi tiegħu baqgħet l-istess.[22] Il-kumplament ġie sostitwit bl-istil Gotiku ġdid, bi ħnejjiet ippuntati, volti mrikkbin u dniefel. Il-ġebla tal-ġir li ntużat ġiet importata minn Caen fin-Normandija, u l-irħam ta' Purbeck intuża għax-xaftijiet. Il-kor reġa' seta' jintuża fl-1180 u f'dik is-sena l-fdalijiet ta' Dunstan u ta' Ælfheah ġew ittrasferiti hemmhekk mill-kripta.[23]
Il-mastru bennej li nħatar għar-rikostruzzjoni tal-kor kien il-Franċiż William ta' Sens. Wara li waqa' mill-armatura tal-bini u korra fl-1179, ġie sostitwit b'wieħed mill-eks assistenti tiegħu, magħruf bħala William l-Ingliż.[23]
Kappella tat-Trinità u Santwarju ta' Thomas Becket
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1180-1184, minflok il-kappella l-antika kwadra tal-Lvant, inbniet il-Kappella tat-Trinità attwali, b'estensjoni kbira b'ambulatorju, iddisinjat għas-santwarju ta' San Thomas Becket. Kappella oħra, bi pjanta ċirkolari, ġiet miżjuda iktar lil hinn, għal iktar fdalijiet u relikwi ta' Becket, li b'mod ġenerali kien maħsub li kienu jinkludu l-parti ta' fuq tal-kranju tiegħu, li ġiet maqtugħa fil-qtil tiegħu. Din il-kappella tal-aħħar saret magħrufa bħala l-"Kuruna" jew il-"Kuruna ta' Becket".[24] Dan il-partijiet il-ġodda fil-Lvant tat-transetti tal-kor ġew olzati fuq kripta ogħla mill-kor ta' Ernulf, u b'hekk kien meħtieġ taraġ bejn iż-żewġ livelli. Ix-xogħol fuq il-kappella tlesta fl-1184, iżda l-fdalijiet ta' Becket ma ġewx ittrasferiti mill-qabar tiegħu fil-kripta qabel l-1220. Fil-Kappella tat-Trinità, iktar 'il quddiem ġew midfuna wkoll Edward Plantagenet (il-"Prinċep l-Iswed") u r-Re Enriku IV.[25]
Is-santwarju fil-Kappella tat-Trinità tqiegħed eżatt fuq il-qabar oriġinali ta' Becket fil-kripta. Pedestall tal-irħam, olzat fuq il-kolonni, kien jirfed dak li viżitatur bikri, Walter ta' Coventry, iddeskriva bħala "tebut maħdum b'mod tal-għaġeb bid-deheb u bil-fidda, u mżejjen sew bil-ħaġar prezzjuż".[26] Rakkonti oħra jagħmluha ċara li d-deheb tpoġġa fuq qafas tal-injam, li min-naħa tiegħu kien fih kaxxa tal-ħadid bil-fdalijiet ta' Becket.[27] Teżori oħra ddedikati lill-arċisqof qaddis ġew miżjuda mat-tiżjin tat-tebut matul is-snin, filwaqt li oħrajn tpoġġew fuq pedestalli jew xorok fil-qrib, jew ġew mehmuża ma' tapizzeriji mdendla.[28] Għall-biċċa l-kbira taż-żmien, it-tebut (jew il-"feretru") inżamm issiġillat b'għatu tal-injam, li b'mod teatrali kien jiġi mgħolli bil-ħbula ladarba tinġema' folla ta' pellegrini. L-umanista Olandiż Desiderius Erasmus, li żar il-post fl-1512–1514, iddokumenta li ladarba l-għatu kien jiġi mgħolli, "il-Pirjol ... kien jindika kull ġojjell, u kien jgħid l-isem bil-Franċiż, il-valur tiegħu, u isem id-donatur tiegħu; peress li l-parti prinċipali tagħhom kienu offerti mibgħuta minn prinċpijiet sovrani".[29]
L-introjtu mill-pellegrini (bħal dawk imsemmija fil-Canterbury Tales ta' Geoffrey Chaucer) li żaru s-santwarju ta' Becket, li kien meqjus bħala post ta' fejqan, ħallas għall-biċċa l-kbira tar-rikostruzzjoni sussegwenti tal-katidral u tal-binjiet assoċjati miegħu. Dan id-dħul kien jinkludi l-profitti mill-bejgħ ta' medalji ta' Becket, tal-martirju tiegħu jew tas-santwarju tiegħu, għall-pellegrini.
Is-santwarju tneħħa fl-1538. Ir-Re Enriku VIII allegatament "tella'" l-qaddis mejjet il-qorti fuq akkużi ta' tradiment. Peress li ma deherx il-qorti, instab ħati fin-nuqqas tiegħu u t-teżori tas-santwarju tiegħu ġew ikkonfiskati, u ttieħdu f'żewġ sniedaq kbar fuq 26 karru.[30]
Binjiet monastiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Veduta panoramika tal-katidral u tal-binjiet monastiċi tiegħu, li saret għall-ħabta tal-1165 u hija magħrufa bħala l-"pjanta ta' minn fejn kellu jgħaddi l-ilma" hija ppreservata fil-Eadwine Psalter fil-librerija tal-Kulleġġ tat-Trinità ta' Cambridge. Deskrizzjoni dettalja tal-pjanta tista' tinstab fis-saġġ klassiku ta' Willis. Turi li Canterbury kellha l-istess prinċipji ġenerali ta' arranġament komuni bħall-monasteri Benedittini kollha, għalkemm għad-differenza tas-soltu, il-kjostru u l-binjiet monastiċi kienu jinsabu fit-Tramuntana, minflok fin-Nofsinhar tal-knisja. Kien hemm sala kapitolari separata li għadha teżisti, li jingħad li hija "l-ikbar waħda fl-Ingilterra kollha". Il-ħġieġ ikkulurit ta' ġo fiha juri l-istorja ta' Canterbury.
Il-binjiet kienu jiffurmaw gruppi separati madwar il-knisja. Maġenbha, fuq in-naħa tat-Tramuntana, kien hemm il-kjostru u l-binjiet iddedikati għall-ħajja monastika. Lejn il-Lvant u l-Punent tagħhom kien hemm il-binjiet iddedikati għall-eżerċitar tal-ospitalità. Lejn il-Lvant ukoll kien hemm l-infermerija, bil-kappella tagħha stess. Lejn it-Tramuntana, kien hemm bitħa kbira fil-beraħ li kienet tiddividi l-binjiet monastiċi mill-kumplament tal-binjiet, fosthom l-istalel, il-fosos tal-qmuħ, il-matmura, il-forn, il-birrerija u s-swali tal-ħasil tal-ħwejjeġ, li kienu abitati mill-qaddejja lajċi tal-istabbiliment. Kemm jista' jkun 'il bogħod mill-knisja, lil hinn mill-art tal-monasteru, kien hemm id-dipartiment tat-tallaba. Il-binja għall-wens tal-foqra, b'sala kbira annessa magħha, kienet tifforma l-ospizju tal-foqra.
Il-grupp ta' binjiet iddedikati għall-ħajja monastika kien jinkludi żewġ kjostri. Il-kjostru l-kbir kien imdawwar mill-binjiet li essenzjalment kienu kkollegati mal-ħajja ta' kuljum tal-patrijiet: il-knisja lejn in-Nofsinhar, bir-refettorju dejjem fuq in-naħa opposta, id-dormitorju, olzat fuq il-volti, u s-sala kapitolari biswit, filwaqt li fil-Punent kien ikun hemm l-abitazzjonijiet ta' min kien jieħu ħsieb iċ-ċelel, li kien responsabbli għall-ikel tal-patrijiet u tal-mistednin. Passaġġ taħt id-dormitorju kien jagħti lejn il-Lvant għal kjostru iżgħar jew tal-infermerija, li kien jintuża mill-morda u mill-patrijiet li jimirdu.
Is-sala u l-kappella tal-infermerija kienu estiżi lejn il-Lvant ta' dan il-kjostru, u b'hekk l-għamla u l-arranġament tagħha kienu qishom in-navata u l-presbiterju ta' knisja bil-korsiji. Taħt id-dormitorju, faċċata tal-ispazju għall-ħxejjex aromatiċi, kien hemm il-"pisalis", il-kamra komuni għall-patrijiet. Fil-kantuniera tal-Grigal kien hemm aċċess mid-dormitorju għan-necessarium, li kienet binja f'forma ta' sala Normanna, twila 145 pied (44 metru) u wisa' 25 pied (7.6 metru), b'55 siġġu. Inbniet b'attenzjoni partikolari għall-iġjene, b'nixxiegħa tal-ilma għaddejja minnha minn naħa għall-oħra.
Kien hemm dormitorju iżgħar għall-uffiċjali tal-kunvent orjentat mil-Lvant għall-Punent. Qrib ir-refettorju, iżda barra mill-kjostri, kien hemm l-uffiċċji domestiċi kkollegati: lejn it-Tramuntana, il-kċina kwadra b'47 pied (14-il metru) fuq kull naħa, b'saqaf piramidali, u l-bitħa tal-kċina; lejn il-Punent, il-binjiet fejn kien isir il-butir, fejn kienu jinħażnu l-affarijiet, eċċ. L-infermerija kellha kċina żgħira tagħha stess. Fuq in-naħa opposta tal-bieb tar-refettorju fil-kjostru kien hemm żewġ binjiet fejn il-patrijiet kienu jinħaslu qabel u wara li jieklu. Waħda minnhom huwa t-torri ċirkolari ta' żewġ sulari tal-lavatorju. Lejn in-Nofsinhar tal-kjostru tal-infermerija, qrib in-naħa tal-Lvant tal-katidral, hemm it-teżor, b'volta li tispikka bi tmien naħat.
Il-binjiet iddedikati għall-ospitalità kienu maqsuma fi tliet gruppi. Il-grupp tal-pirjol kienu "jiġu aċċessati fix-Xlokk tal-bitħa l-ħadra, qrib l-iżjed parti sagra tal-katidral, kif jistħoqqilhom l-ekkleżjastiċi jew in-nobbli distinti li kienu jiġu assenjati lilu". Il-binjiet ta' min kien jieħu ħsieb il-patrijiet, fejn il-viżitaturi ta' klassi medja kienu jiġu pprovduti l-intratteniment, kienu jinsabu fin-naħa tal-Punent tan-navata. Il-pellegrini inferjuri, il-foqra u t-tallaba kienu relegati fis-sala tat-Tramuntana, eżatt mad-daħla.
Fost il-pirjoli tal-Prijorat ta' Christ Church kien hemm Ġwanni ta' Sittingbourne (elett fl-1222, li qabel kien patri tal-prijorat) u William Chillenden (elett fl-1264, li qabel kien patri u teżorier tal-prijorat). Il-monasteru ngħata d-dritt li jeleġġi l-pirjol tal-monasteru stess jekk is-sede tal-Papa kienet tkun vakanti, u – minn Gregorju IX 'il quddiem – id-dritt għal elezzjoni ħielsa (għalkemm bl-arċisqof jissorvelja l-għażla tagħhom). Fost il-patrijiet tal-prijorat kien hemm Æthelric I, Æthelric II, Walter d'Eynsham, Reginald fitz Jocelin (ammess fil-konfraternità qabel mewtu), Nigel de Longchamps u Ernulf. Spiss il-patrijiet kienu jikkandidaw għall-kariga ta' Arċisqof ta' Canterbury, jew wieħed minn fosthom jew wieħed minn barra, peress li l-arċisqof nominalment kien il-patri superjuri tagħhom, iżda dan seta' jwassal għal diżgwidi mar-re jew mal-Papa kull meta kien jiġi propost raġel differenti – eżempju ta' dan huma l-elezzjonijiet ta' Baldwin ta' Forde u ta' Thomas Cobham.
Sekli 14 u 15
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-bidu tas-seklu 14, il-Pirjol Eastry ordna li jinbena ħajt diviżorju tal-ġebel u li terġa' tinbena s-sala kapitolari, filwaqt li s-suċċessur tiegħu, il-Pirjol Oxenden żied tieqa kbira b'ħames sezzjonijiet għad-dawl fil-Kappella ta' San Anselmu.
Il-katidral ġarrab ħsarat estensivi minħabba t-terremot tal-Istretti ta' Dover tal-1382, u tilef il-qniepen u l-kampnar tiegħu.
Mill-aħħar tas-seklu 14 reġgħu nbnew in-navata u t-transetti fuq il-pedamenti Normanni bl-istil Perpendikolari taħt it-tmexxija tal-mastru bennej magħruf Henry Yevele. B'kuntrast mal-bini mill-ġdid kontemporanju tan-navata f'Winchester, fejn il-biċċa l-kbira tal-karatteristiċi arkitettoniċi eżistenti nżammew u ġew immudellati mill-ġdid, il-pilastri tneħħew għalkollox, u ġew sostitwiti b'oħrajn Gotiċi inqas imponenti, u l-ħitan antiki tal-korsiji tneħħew għalkollox ukoll għajr għal "pedestall" baxx fin-naħa tan-Nofsinhar. Iktar karatteristiċi Normanni nżammew fit-transetti, speċjalment fil-ħitan tal-Lvant, u l-kappelli l-antiki tal-apsidi ma ġewx sostitwiti qabel nofs is-seklu 15. Il-ħnejjiet tal-arkata tan-navata l-ġdida kienu tassew għoljin meta mqabbla mal-klerestorju. It-transetti, il-korsiji u n-navata l-ġodda ġew imsaqqfa b'volti mrikkbin qosra, b'biċċiet ċilindriċi ħerġin 'il barra. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol twettaq matul il-prijorat ta' Thomas Chillenden (1391-1411): Chillenden bena wkoll ħajt diviżorju ġdid fin-naħa tal-Lvant tan-navata, fejn ġie inkorporat il-ħajt diviżorju eżistenti ta' Eastry. Madankollu, l-art tal-ġebel Normanna tan-navata baqgħet teżisti sa ma ġiet sostitwita fl-1786.
Mill-1396 il-kjostri ġew irrestawrati u mmudellati mill-ġdid mill-istudent ta' Yevele, Stephen Lote, li żied il-volti mrikkbin qosra. Matul dan il-perjodu nħolqu wkoll il-volti partikolari tas-sala kapitolari.
Skarsezza ta' flus u l-għoti tal-prijorità lir-rikostruzzjoni tal-kjostri u tas-sala kapitolari wasslu biex ir-rikostruzzjoni tat-torrijiet tal-Punent tiġi ttraskurata. It-torri tal-Lbiċ ma ġiex sostitwit qabel l-1458, u t-torri Normann tal-Majjistral baqa' jeżisti sal-1834, meta ġie sostitwit b'replika tat-torri Perpendikolari.
Għall-ħabta tal-1430, it-transett tan-Nofsinhar tneħħa biex minfloku tinbena kappella, stabbilita minn Lady Margaret Holland u ddedikata lil San Mikiel u lill-Anġli Kollha. L-apsida tat-transett tat-Tramuntana ġie sostitwit b'kappella ddedikata lill-Madonna, li nbniet fl-1448-1455.
It-torri tal-intersezzjoni tan-navata, twil 235 pied (72 metru) inbeda fl-1433, għalkemm il-preparamenti kienu diġà bdew matul il-prijorat ta' Chillenden meta l-pilastri kienu ġew rinfurzati. Instab li iktar tisħiħ kien meħtieġ għall-ħabta tal-bidu tas-seklu 16 meta ġew miżjuda ħnejjiet riffieda taħt il-ħnejjiet tat-torri tan-Nofsinhar u tal-Punent. It-torri sikwit huwa magħruf ukoll bħala l-"Kampnar tal-Anġlu", peress li fl-imgħoddi kien hemm anġlu indurat fuq il-quċċata tiegħu.
Żmien Modern
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Riformazzjoni, ix-Xoljiment u l-Puritaniżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-katidral ma baqax abbazija matul ix-Xoljiment tal-Monasteri, meta l-istabbilimenti reliġjużi kollha twaqqfu. Canterbury arrendiet f'Marzu 1539, u reġgħet lura għall-istatus preċedenti tagħha ta' "kulleġġ tal-kanonċi sekolari". Skont is-sit web tal-katidral stess, il-katidral kien monasteru Benedittin mis-seklu 10. L-Istabbiliment il-Ġdid seħħ fit-8 ta' April 1541. Is-santwarju ddedikat lil San Thomas Becket inqered skont l-ordnijiet ta' Enriku VIII u r-relikwi ntilfu.
Fl-1642-1643, matul il-Gwerra Ċivili Ingliża, ikonoklastiċi Puritani mmexxija minn Edwin Sandys (Parlamentari) ikkawżaw ħsara sinifikanti waqt it-"tindif" li wettqu tal-katidral, inkluż il-qerda tal-istatwa ta' Kristu fid-Daħla ta' Christ Church u t-twaqqigħ tax-xatbiet tal-injam minn grupp immexxi minn Richard Culmer. L-istatwa ma ġietx sostitwita qabel l-1990 iżda x-xatbiet ġew irrestawrati fl-1660 meta beda wkoll ħafna xogħol ta' tiswija li baqa' għaddej sal-1704.
Għamara
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1688, il-mastrudaxxa Roger Davis, ċittadin ta' Londra, neħħa l-bankijiet tas-seklu 13 u minflokhom għamel żewġ ringieli ta' bankijiet maħduma minnu fuq kull naħa tal-kor. Uħud mill-bankijiet ta' Davis għandhom gost Medjevali partikolari u jaf ikkopja wħud mid-disinni oriġinali. Meta Sir George Gilbert Scott wettaq ir-rinnovazzjonijiet fis-seklu 19, huwa sostitwixxa r-ringiela ta' quddiem tal-bankijiet ta' Davis, b'bankijiet ġodda li ddisinja hu, li donnhom jinkludu bosta kopji ta' dawk fil-Katidral ta' Gloucester, fil-Katidral ta' Worcester u l-Kulleġġ il-Ġdid ta' Oxford.
Statwi fuq il-Faċċata tal-Punent
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira tal-istatwi li attwalment iżejnu l-faċċata tal-Punent tal-katidral ġew installati fis-snin 60 tas-seklu 19 meta kien qed jiġi rinnovat il-Portiku tan-Nofsinhar. Dak iż-żmien, in-niċeċ kienu battala u d-Djaknu tal-katidral ħaseb li d-dehra tal-katidral setgħet tittejjeb ladarba jimtlew. L-iskultur Vittorjan Theodore Pfyffers ġie kkummissjonat biex joħloq l-istatwi u l-biċċa l-kbira minnhom ġew installati sal-aħħar tas-snin 60 tas-seklu 19. Attwalment hemm 53 statwa li jirrappreżentaw diversi figuri li kienu influwenti fil-ħajja tal-katidral u l-knisja Ingliża, fosthom membri tal-kleru, membri tal-familja rjali, qaddisin u teologi. Huma rrappreżentati wkoll l-Arċisqfijiet ta' Canterbury, minn Wistin ta' Canterbury u Lanfranc, sa Thomas Cranmer u William Laud. Ir-rejiet u l-irġejjen minn Æthelberht u Bertha of Kent, sa Vitorja u Eliżabetta II huma inklużi.
Seklu 18 sal-preżent
[immodifika | immodifika s-sors]It-torrijiet oriġinali tad-Daħla ta' Christ Church tneħħew fl-1803 u ġew sostitwiti fl-1937. L-istatwa ta' Kristu ġiet sostitwita fl-1990 bi skultura tal-bronż ta' Kristu magħmula minn Klaus Ringwald.
It-torri Normall oriġinali tal-Majjistral, li kellu l-ogħla quċċata sal-1705, twaqqa' fl-1834 minħabba tħassib strutturali. Ġie sostitwit bit-torri bl-istil Perpendikolari, simili għat-torri tal-Lbiċ (iddisinjat minn Thomas Mapilton), issa magħruf bħala t-Torri ta' Arundel, u b'hekk il-katidral ingħat dehra iktar simetrika. Din kien l-aħħar alterazzjoni knira li saret fil-katidral.
Fl-1866 kien hemm sitt kanoniċi residenzjali, u waħda minnhom kienet annessa mal-Arċidjakonat ta' Canterbury u l-oħra kienet annessa ma' dak ta' Maidstone. F'Settembru 1872, parti kbira mis-saqaf tal-Kappella tat-Trinità nqerdet għalkollox bin-nirien. Ma saret l-ebda ħsara lill-ġebel jew fuq ġewwa u l-ħsara li kien hemm ġiet imsewwija malajr.we
Waqt l-attakki bil-bumbardamenti tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-librerija tagħha nqerdet, iżda l-katidral ma ġarrabx ħsara estensiva mill-bombi; l-uffiċjali lokali tat-tifi tan-nar tfew il-fjammi kollha li ħadu fuq is-saqaf tal-injam.
Fl-1986 ġie installat Artal ġdid tal-Maritirju fit-transett tal-Majjistral, fil-post fejn Thomas Becket inqatel, u dan kien l-ewwel artal ġdid fil-katidral għal 448 sena. Immuntata fuqu mal-ħajt, hemm skultura tal-metall magħmula mill-iskultur ta' Truro Giles Blomfield b'salib u żewġ xwabel imdemmija maġenbu, flimkien mad-dellijiet tagħhom, li jirrappreżentaw l-erba' kavallieri li qatli lil Becket. Plakka tal-ġebel tfakkar ukoll iż-żjara ta' Papa Ġwanni Pawlu II fir-Renju Unit fl-1982. L-iskultura "Trasport" ta' Antony Gormley ġiet żvelata fil-kripta fl-2011. Din hija magħmula minn imsiemer tal-ħadid mis-saqaf tat-transett tax-Xlokk.
Fl-2015, Sarah Mullally u Rachel Treweek saru l-ewwel nisa li ġew ordnati bħala isqfijiet fil-katidral, bħala l-Isqof ta' Crediton u l-Isqof ta' Gloucester rispettivament. Fl-2022, ġie mħabbar li David Monteith, li ddikjara apertament li huwa omosesswali u fi sħubija ċivili, kien se jkun id-Djaknu tal-katidral.
Il-katidral huwa Knisja Reġimentali tar-Riġment Irjali tal-Prinċipessa ta' Wales u post fejn jiggradwaw l-istudenti tal-Università ta' Kent u tal-Università ta' Christ Church ta' Canterbury.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Katidral ta' Canterbury, l-Abbazija ta' Santu Wistin u l-Knisja ta' San Martin ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[31]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[31]
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira tal-xogħol tal-ġebel fil-Katidral ta' Canterbury għandu l-ħsara u qed jitmermer, is-soqfa qed iqattar l-ilma minnhom u ħafna mill-qafas tal-ħġieġ ikkulurit tat-twieqi ssaddad sew. L-aħħar rieżami strutturali ta' kull ħames snin żvela li kombinament ta' sekli ta' erożjoni, tniġġis u użu kostanti kellhom impatt fuq il-binja antika u xi problemi serji kienu jeħtieġu li tittieħed azzjoni b'urġenza.
L-ikbar sfida unika hija s-saqaf. Il-katidral huwa msaqqaf b'firxa enormi ta' ċomb u filwaqt li l-maġġoranza tal-qafas tal-injam għadu f'kundizzjoni tajba, ħafna miċ-ċomb innifsu jeħtieġ li jinbidel. Barra minn hekk, ammont kbir ta' konkos mal-parti t'isfel tas-saqaf jeħtieġ li jinqala' u li jiġi sostitwit b'xorok tradizzjonali tal-injam.
Il-konservazzjoni tax-xogħol tal-ġebel fuq barra, b'mod partikolari fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-binja, hija importanti bl-istess mod. Il-katidral parzjalment inbena bil-ġebla ta' Caen. Studji arkeoloġiċi dettaljati qed isiru biex jiġi identifikat bl-eżatt liema ġebel irid jinbidel jew jissewwa. Barra minn hekk, qed jintużaw tekniki speċjalizzati tat-tindif biex jitneħħew id-depożiti kimiċi akkumulati mal-ġebel li jagħmlu ħsara kbira lill-binja. Fuq ġewwa, fost il-prijoritajiet hemm it-tiżjin tal-volti tal-Kappella tat-Trinità, ix-xogħol ta' konservazzjoni f'diversi kappelli oħra, u titjib ewlieni fil-binja tat-Teżor, li fost affarijiet oħra fih il-kmamar fejn jipprattika l-kor tal-katidral.
L-iżjed twieqi tal-ħġieġ ikkulurit bikrin fil-katidral imorru lura għall-aħħar tas-seklu 12, filwaqt li oħrajn huma ġodda daqs l-erba' twieqi ta' Ervin Bossányi fit-transett tax-Xlokk (1957). Ħafna minnhom diġà ġew ikkonservati u protetti mit-tim ta' konservazzjonisti tal-ħġieġ ikkulurit immexxija minn Leonie Seliger. Madankollu, għad fadal ħafna xogħol ta' konservazzjoni xi jsir, b'mod partikolari fuq it-tieqa tal-Okulu fit-transett tax-Xlokk, li hija tieqa tonda tal-aħħar tas-seklu 12.
Matul il-ħarifa tal-2008 tlesta restawr ewlieni tas-saqaf taċ-ċomb ta' fuq it-transett u b'kollox sewa madwar £500,000. Fl-2018, is-saqaf taċ-ċomb tan-navata ġie sostitwit. Ir-restawr estensiv tal-katidral li sar f'nofs l-2018 kien parti minn xogħol skedat tal-2016-2021 li kien jinkludi wkoll it-titjib tal-aċċessibbiltà u tal-ambjent pajsaġġistiku tal-katidral, faċilitajiet ġodda għall-viżitaturi u restawr ġenerali fuq barra. L-hekk imsejjaħ Vjaġġ ta' Canterbury (bl-Ingliż: Canterbury Journey) huwa proġett li kien mistenni jiswa kważi £25 miljun; il-finanzjament kien jinkludi għotja ta' £13.8 miljun mingħand Heritage Lottery, £10.9 miljun mill-Canterbury Cathedral Trust u £250,000 mill-"Ħbieb tal-Katidral".
Stabbiliment
[immodifika | immodifika s-sors]Djakni u Kanonċi
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-1 ta' Awwissu 2022:
- Djaknu – David Monteith (mis-17 ta' Diċembru 2022)
- Arċidjaknu ta' Canterbury u Kanonku Residenti – William Adam (Arċidjaknu u Kanonku mit-18 ta' Lulju 2022)
- Kanonku Librar – Tim Naish (mit-22 ta' April 2018)
- Kanonku Missjunarju – Emma Pennington (mis-16 ta' Marzu 2019)
- Kanonku Teżorier (Kanonku Djoċesan) – Andrew Dodd (mis-27 ta' Settembru 2020)
Il-katidral juża "Viċi Djaknu" mhux għal appuntat partikolari, iżda b'referenza għall-Kanonku Residenti għal kull xahar.
Kanonċi minuri:
- Kantur – David Roper (temporanjament mill-11 ta' Settembru 2022).
Servizz tal-pulizija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-katidral għandu s-servizz tal-pulizija tiegħu stess, magħrufa bħala l-Kuntistabbli tal-Katidral ta' Canterbury. Huma kuntistabbli attestati, bil-poter li jarrestaw f'każ ta' bżonn, jieħdu ħsieb jissorveljaw u jipproteġu l-katidral. Dawn jaħdmu mill-qrib ukoll mal-Pulizija ta' Kent.
Qniepen
[immodifika | immodifika s-sors]Il-katidral għandu total ta' 21 qanpiena fi tliet torrijiet tal-kampnari:
It-Torri tal-Lbiċ (it-Torri ta' Oxford) fih il-qniepen prinċipali li jindaqqu fil-katidral, imdendlin għal bidla fit-tokki bi stil Ingliż. Hemm erbatax-il qanpiena b'kollox – sensiela ta' tnax b'żewġ semitoni, li jippermettu li jindaqqu għaxar, tmien jew sitt qniepen u xorta waħda jibqgħu intonati. Il-qniepen kollha ġew fonduti fl-1981 mill-Fonderija tal-Qniepen ta' Whitechapel minn seba' qniepen tas-sensiela l-antika ta' tnax-il qanpiena b'metall ġdid li ġie miżjud u bit-twaħħil f'qafas ġdid. It-tul (pixka) tal-ħbula ġiet miżjuda billi fl-istess żmien tbaxxiet l-art tal-kompartiment tad-daqq sal-livell tal-volta tal-korsija tan-Nofsinhar, biex b'hekk il-qniepen il-ġodda setgħu ikunu iktar baxxi fil-kampnar milli l-qniepen ġodda, bl-intenzjoni li jitnaqqas l-istress fuq l-istruttura Medjevali. L-itqa qanpien (it-tenur) ta' din is-sensiela tiżen 34 cwt twal u 3 qr 4 lb (3,896 libbra jew 1,767 kilogramma). Dawk li jdoqqu l-qniepen jipprattikaw il-Ħamis fis-7:15 ta' filgħaxija.
It-Torri tal-Majjistral (it-Torri ta' Arundel) fih il-qniepen tat-tokki tal-arloġġ tal-katidral. Il-ħames tokki ta' ħames kwarti ttieħdu minn sensiela antika ta' 12 fit-Torri ta' Oxford (fejn oriġinarjament kien hemm arloġġ), u kien iserraħ max-xorok fit-Torri ta' Arundel. It-tokki jindaqqu mat-tmien ton Gregorjan, li jintuża wkoll fil-Kulleġġ ta' Merton, Oxford. It-tokk tas-siegħa jindaqq fuq Dunstan il-Kbira, l-ikbar qanpiena f'Kent twila 62 cwt twal 2 qr 9 lb (7,009 libbra jew 3,179 kilogramma), li tindaqq ukoll il-Ħadd filgħodu għall-Quddiesa ta' Filgħodu.
Fl-1316 il-Pirjol Enriku ta' Eastry ta qanpiena kbira ddedikata lil San Tumas, li kienet tiżen 71+1⁄2 cwt (3,630 kilogramma). Iktar 'il quddiem, fl-1343, il-Pirjol Hathbrand ta qniepen iddedikati lil Ġesù u lil San Dunstan. F'dan iż-żmien, il-qniepen fil-kampnar reġgħu ddendlu f'posthom u l-ismijiet tagħhom ġew irreġistrati bħala "Ġesù", "Dunstan", "Marija", "Crundale", "Elphy" (Ælfheah) u "Thomas". Fit-terremot tal-Istretti ta' Dover tal-1382, il-kampnar waqa', u l-ewwel tliet qniepen inqerdu. Wara r-rikostruzzjoni tiegħu, it-tliet qniepen l-oħra reġgħu ddendlu flimkien mat-tnejn l-oħra (li ma hemm l-ebda dokumentazzjoni dwarhom rigward meta ġew prodotti.
L-eqdem qanpiena fil-katidral hija l-Qanpiena Harry (bejn wieħed u ieħor 8 cwt twal (900 libbra jew 400 kilogramma)), li hija mdendla ġo gaġġa fil-quċċata tat-torri ċentrali li ġabet isimha minnha. Din il-qanpiena ġiet fonduta minn Joseph Hatch fl-1635, u tindaqq fit-8 ta' filgħodu u fid-9 ta' filgħaxija kujum biex jitħabbar il-ftuħ u l-għeluq tal-katidral, u okkażjonalment għas-servizzi bħala qanpiena mqaddsa.
Il-katidral għandu l-kustodja wkoll tal-qanpiena tal-HMS Canterbury, bastiment tal-Ewwel Gwerra Dinjija, imdendla fil-Kappella ta' Buffs fit-transett tal-Lbiċ.
Librerija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-librerija tal-katidral għandha kollezzjoni ta' madwar 30,000 ktieb u fuljett li ġew stampati qabel is-seklu 20, u ta' madwar 20,000 ktieb u sensiela li ġew stampati wara. Ħafna mill-kotba bikrin ġew akkwistati bħala parti mill-kollezzjonijiet mogħtija bħala donazzjoni. Għandha ħafna kotba dwar l-istorja tal-knisja, it-teoloġija antika, l-istorja Brittanika (inkluż l-istorja lokali), l-ivvjaġġar, ix-xjenza u l-mediċina, u l-moviment ta' kontra l-jasar. Il-kollezzjoni tal-librerija hija inkluża fil-katalgu online tal-librerija tal-Università ta' Kent.
F'Lulju 2018, il-katidral xtara f'irkant il-Bibbja Medjevali ta' Trussel għal £100,000. Din il-Bibbja, li sussegwentement bdiet tissejjaħ il-"Bibbja ta' Lyghfield", f'ġieħ il-patri William Lighfyld, fl-imgħoddi kienet f'Canterbury, u kienet tneħħiet wara x-Xoljiment tal-Monasteri.
Bibljografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Babington, Margaret (1955), The Romance of Canterbury Cathedral, Raphael Tuck.
- Blick, Sarah (2005), "Reconstructing the Shrine of St. Thomas Becket, Canterbury Cathedral", in Blick, Sarah; Tekippe, Rita (eds.), Art and architecture of late medieval pilgrimage in Northern Europe and the British Isles, Leiden and Boston: Brill.
- Collinson, Patrick; Ramsay, Nigel; Sparks, Margaret, eds. (2002) [1995], A History of Canterbury Cathedral (revised ed.), Oxford University Press, ISBN 019820051X.
- Cook, G. H. (1949), Portrait of Canterbury Cathedral, London: Phoenix House.
- Farmer, David Hugh (1992), The Oxford Dictionary of Saints (3rd ed.), Oxford University Press, ISBN 0192830694.
- Iremonger, F. A. (1948), William Temple, Archbishop of Canterbury – his life and letters, Oxford University Press.
- Purcell, William (1969), Fisher of Lambeth: a portrait from life, Hodder and Stoughton, ISBN 0340029382.
- Stahlschmidt, J. C. L. (1887), The Church Bells of Kent: Their Inscriptions, Founders, Uses and Traditions, Elliot Stock, OCLC 12772194.
- Willis, Robert (1845), The Architectural History of Canterbury Cathedral, Londra: Longman.
- Withers, Hartley (1897), The Cathedral Church of Canterbury, Bell's Cathedral Series (2nd revised ed.), London: George Bel.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Butler, John (2011), The Red Dean of Canterbury: the Public and Private Faces of Hewlett Johnson, Scala Publishing, ISBN 1857597362.
- Best, Nicholas (2019), Bell Harry, Endeavour Media.
- Foyle, Jonathan (2013), The Architecture of Canterbury Cathedral, Scala Arts and Heritage Publishers, ISBN 978-1857597011.
- Guy, John (2012), Thomas Becket: Warrior, Priest, Rebel, Random House, ISBN 1400069076.
- Keates, Jonathan & Hornak, Angelo (2013), Canterbury Cathedral, Scala Arts and Heritage Publishers, ISBN 978-1857590272.
- Michael, M. A. (2004), The Stained Glass of Canterbury Cathedral, Scala Arts and Heritage Publishers, ISBN 978-1857593655.
- Newman, John (2013), Pevsner's Buildings of England, Kent: North and North East, New Haven: Yale University Press, ISBN 978-0300185065.
- Rudolph, Conrad, "The Parabolic Discourse Window and the Canterbury Roll: Social Change and the Assertion of Elite Status at Canterbury Cathedral," Oxford Art Journal 38 (2015) 1–19.
- Sparks, Margaret (2007), Canterbury Cathedral Precincts: an historical survey, Canterbury: Dean & Chapter of Canterbury, ISBN 978-0950139203.
- Sparks, Margaret & Brayshaw, Karen (2011) The Library of Canterbury Cathedral. Canterbury: Friends of Canterbury Cathedral, ISBN 978-0-906211-63-2.
- Weaver, Jeffrey (2013) The Ancestors of Christ Windows at Canterbury Cathedral. Los Angeles: Getty Publications, ISBN 978-1-60606-146-6.
- Withers, Hartley (1908) [1896]. The Cathedral Church of Canterbury: A Description of Its Fabric and a Brief History of the Archiepiscopal See. Bell.
- Woolnoth, William (1816). A graphical illustration of the metropolitan cathedral church of Canterbury: accompanied by a history and description ... of that venerable fabric ... Also comprising biographical sketches of the lives of the archbishops, and deans of Canterbury; and historical notices of the celebrated Convent of Christchurch ... T. Cadell and W. Davies.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "The Project Gutenberg eBook of The Christian Church in These Islands before the Coming of Augustine, by G. F. Browne". web.archive.org. 2022-02-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-02-04. Miġbur 2023-06-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Timeline of Orthodoxy in the British Isles - OrthodoxWiki". web.archive.org. 2022-02-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-02-04. Miġbur 2023-06-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Thomas Allen, Thomas Wright The History and Antiquities of London, Westminster, Southwark and Parts Adjacent Vol 3,1839, publisher George Virtue, Londra, pp 447–450.
- ^ "Canterbury Cathedral- A Virtual Tour". web.archive.org. 2008-12-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-28. Miġbur 2023-06-03.
- ^ Labadi, Sophia (2013). UNESCO, Cultural Heritage, and Outstanding Universal Value: Value-based Analyses of the World Heritage and Intangible Cultural Heritage Conventions. Rowman & Littlefield. p. 170. ISBN 978-0-7591-2256-7.
- ^ "AD 1000 - Canterbury Cathedral | The Timeline of Britain - Current Archaeology". web.archive.org. 2010-09-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-09-17. Miġbur 2023-06-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Canterbury Archaeological Trust - Canterbury Cathedral". web.archive.org. 2012-04-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-04-12. Miġbur 2023-06-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Willis, Robert (1845), The Architectural History of Canterbury Cathedral, Londra: Longman.
- ^ "British Museum - Term details". web.archive.org. 2014-04-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-04-14. Miġbur 2023-06-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Alistair Campbell (1949). Encomium Emmae Reginae.
- ^ "Emma of Normandy, who was she?". web.archive.org. 2022-02-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-02-12. Miġbur 2023-06-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Farmer, David Hugh (1992), The Oxford Dictionary of Saints (3rd ed.), Oxford University Press, ISBN 0192830694.
- ^ Cook, G. H. (1949), Portrait of Canterbury Cathedral, Londra: Phoenix House.
- ^ Cook, G. H. (1949), Portrait of Canterbury Cathedral, London: Phoenix House, pp. 13-14.
- ^ "The Project Gutenberg eBook of The Cathedral Church Of Canterbury, by Hartley Withers, B.A." web.archive.org. 2018-06-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-06-04. Miġbur 2023-06-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Cook, G. H. (1949), Portrait of Canterbury Cathedral, London: Phoenix House, p. 19.
- ^ "Pastscape - Detailed Result: CAMPANILE MOUNT". web.archive.org. 2015-04-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-04-04. Miġbur 2023-06-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ English Romanesque Art 1066–1200. Catalogue of an Exhibition held at the Hayward Gallery, London, 5 April-8 July 1984. Londra: Arts Council of Great Britain. 1984. pp. 33–34.
- ^ Cook, G. H. (1949), Portrait of Canterbury Cathedral, London: Phoenix House, p. 23.
- ^ Willis, Robert (1845), The Architectural History of Canterbury Cathedral, Londra: Longman, p. 14.
- ^ Willis, Robert (1845), The Architectural History of Canterbury Cathedral, Londra: Longman, p. 71.
- ^ Willis, Robert (1845), The Architectural History of Canterbury Cathedral, Londra: Longman, p. 79.
- ^ a b Cook, G. H. (1949), Portrait of Canterbury Cathedral, Londra: Phoenix House, pp. 22-23.
- ^ Withers, Hartley (1897), The Cathedral Church of Canterbury, Bell's Cathedral Series (2nd revised ed.), Londra: George Bell, pp. 88-89.
- ^ Withers, Hartley (1897), The Cathedral Church of Canterbury, Bell's Cathedral Series (2nd revised ed.), Londra: George Bell, p. 8.
- ^ Blick, Sarah (2005), "Reconstructing the Shrine of St. Thomas Becket, Canterbury Cathedral", in Blick, Sarah; Tekippe, Rita (eds.), Art and architecture of late medieval pilgrimage in Northern Europe and the British Isles, Leiden and Boston: Brill, pp. 407-409.
- ^ Blick, Sarah (2005), "Reconstructing the Shrine of St. Thomas Becket, Canterbury Cathedral", in Blick, Sarah; Tekippe, Rita (eds.), Art and architecture of late medieval pilgrimage in Northern Europe and the British Isles, Leiden u Boston: Brill, p. 408.
- ^ Blick, Sarah (2005), "Reconstructing the Shrine of St. Thomas Becket, Canterbury Cathedral", in Blick, Sarah; Tekippe, Rita (eds.), Art and architecture of late medieval pilgrimage in Northern Europe and the British Isles, Leiden u Boston: Brill, p. 424.
- ^ Blick, Sarah (2005), "Reconstructing the Shrine of St. Thomas Becket, Canterbury Cathedral", in Blick, Sarah; Tekippe, Rita (eds.), Art and architecture of late medieval pilgrimage in Northern Europe and the British Isles, Leiden u Boston: Brill, p. 425.
- ^ Withers, Hartley (1897), The Cathedral Church of Canterbury, Bell's Cathedral Series (2nd revised ed.), Londra: George Bell, p. 13.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Canterbury Cathedral, St Augustine's Abbey, and St Martin's Church". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-03.