Katidral ta' León, Nikaragwa
Il-Katidral tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna, magħruf ukoll bħala l-Bażilika-Katidral Rjali u Rinomata tat-Tlugħ is-Sema tal-Verġni Marija (bl-Ispanjol: Real e Insigne Basílica de la Asunción de la Bienaventurada Virgen María) jew fil-qosor il-Katidral ta' León, huwa attrazzjoni storika ferm importanti f'León, in-Nikaragwa. Il-katidral tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[1] Dan is-sit huwa wieħed mit-tliet Siti ta' Wirt Dinji kulturali tan-Nikaragwa, flimkien mal-fdalijiet ta' León Viejo u El Güegüense.
Kostruzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kostruzzjoni tal-katidral damet bejn l-1747 u l-1814 u l-katidral ġie kkonsagrat mill-Papa Piju IX fl-1860. Il-katidral żamm l-istatus tiegħu bħala l-ikbar katidral fl-Amerka Ċentrali u wieħed mill-iżjed magħrufa fl-Amerki minħabba l-arkitettura distinta u l-importanza kulturali speċjali tiegħu.
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Id-disinn arkitettoniku ġie żviluppat fl-1762 mill-arkitett mill-Gwatemala Diego José de Porres Esquivel. Fih taħlita tal-istili tal-Barokk u tan-Neo-Klassiċiżmu b'xi influwenzi mill-Gotiku, mir-Rinaxximent u mill-Mudéjar. B'hekk il-binja tista' tiġi kkategorizzata bħala waħda li għandha stil Eklettiku. Il-katidral għandu pjanta rettangolari, ta' tip ġenerali f'dawk is-sekli u simili għal dawk tal-katidrali ta' Lima u ta' Cuzco, il-Perù. It-torrijiet tal-kampnari u l-faċċata huma prinċipalment Neo-Klassiċi. Il-katidral għandu navata u erba' korsiji, għaxar niċeċ bl-arkati u żewġ torrijiet fil-faċċata, maġenb frontun tond ċentrali li jimmarka l-pożizzjoni tan-navata. Is-sakrarju, li jikser is-simetrija rettangolari tal-binja fuq in-naħa tan-Nofsinhar, jinsab kważi b'mod parallel mal-ikbar artal. Minn ġewwa il-katidral huwa spazjuż u għandu kolonni f'għamla ta' salib; in-navata ċentrali hija maqsuma minn kolonni mill-korsija laterali u l-istruttura hija kompluta b'koppla kbira fuq il-korsija prinċipali. Il-faċċata, olzata fuq art imtarrġa, tlaqqa' l-istil Barokk mal-istil Neo-Klassiku. It-twieqi ġejjin bl-arkati u ż-żewġ torrijiet għandhom koppli Ċiniżi. Minħabba kemm huma sodi l-ħitan tiegħu, il-katidral baqa' sħiħ minkejja t-theżżiżiet, l-iżbroffi vulkaniċi tal-vulkan Cerro Negro u l-gwerer.
Taħt il-knisja hemm seba' mini li jagħtu għall-knejjes l-oħra fil-belt. Il-knisja għandha seba' kantini; dawn jipprovdu l-istabbilità f'każ ta' xi terremot. Waħda minn dawn il-kantini tagħti għall-mini li jagħtu għall-knejjes l-oħra fil-belt. Fuq l-art, il-knisja għandha 34 koppla li jipprovdu l-ventilazzjoni u d-dawl; "il-binja hija waħda mill-iżjed katidrali mdawla b'mod naturali fl-Amerka". In-nies kienu jingħataw il-possibbiltà li jindifnu taħt il-katidral, u b'hekk kienu jgħixu l-finanzjament tal-kostruzzjoni u taż-żamma tal-binja.[2]
Valur storiku
[immodifika | immodifika s-sors]Il-katidral għandu valur storiku peress li huwa l-ewwel djoċesi episkopali tal-Knisja Kattolika fin-Nikaragwa; ġie stabbilit fl-1531 u għaldaqstant huwa waħda mill-eqdem djoċesijiet fl-Amerka. Attwalment huwa s-sede tad-Djoċesi ta' León.
Taħt il-katidral, fi kripti ddisinjati biex jifilħu għat-terremoti, hemm il-fdalijiet ta' 27 katavru, fosthom ta' għaxar isqfijiet, ħames patrijiet, mexxej eminenti tal-moviment tal-indipendenza, tliet poeti, mużiċista, sitt persuni notevoli oħra u skjav li sar qaddis.
Fil-katidral indifnu nies prominenti min-Nikaragwa, fosthom Miguel Larreynaga, il-poeti Rubén Darío, Salomón de la Selva u Alfonso Cortés, il-mużiċista José de la Cruz Mena, it-tabib Luis H. Debayle, il-professur Edgardo Buitrago, l-ewwel isqof ta' León u l-aħħar isqof tan-Nikaragwa kollha, Monsinjur Simeón Pereira, u l-Isqof Castellón u l-patri Marcelino Areas.
Il-qabar ta' Darío, missier il-moviment tal-Moderniżmu fil-letteratura Spanjola u meqjus bħala l-"Prinċep tal-ittri bil-lingwa Spanjola", jinsab taħt l-istatwa ta' San Pawl.
Fil-bidu tas-seklu 20, l-Isqof Monsinjur Simón Pereira y Castellón (l-istess wieħed li qaddes il-funeral ta' Darío fit-13 ta' Frar 1916) ikkummissjona l-iskultur ta' Granada Jorge Navas Cordonero biex jagħmel l-istatwa tal-Verġni Marija fuq il-frontun ċentrali tal-faċċata, u t-Titani bejn il-frontun u t-torrijiet tal-kampnari. Navas skolpixxa wkoll l-istatwi Neo-Klassiċi tat-Tnax-il Appostlu qrib il-kolonni tan-navata ċentrali, l-iljun tal-qabar ta' Dario, simili ħafna għall-Iljun ta' Lucerne, l-Iżvizzera (imnaqqax mill-iskultur Daniż Bertel Thorvaldsen, 1770–1844), l-iskultura ta' Kristu tal-qabar tal-Monsinjur Pereira, u bosta tiżjin ieħor ġewwa l-katidral u l-kappella tas-sakrarju tiegħu.[3]
-
Il-Katidral ta' León fl-1852.
-
Il-Katidral ta' León fl-1907.
Il-katidral jospita wkoll skalda mill-kurċifiss oriġinali li fuqu miet Ġesù Kristu.
Nies notevoli midfuna fil-katidral
[immodifika | immodifika s-sors]- Isqfijiet: Diego Alvaréz de Osorio, Francisco de Mendavia u Antonio de Valdivieso, l-ewwel tliet isqfijiet tan-Nikaragwa, li l-fdalijiet tagħhom ġew ittrasferiti minn León Viejo fis-26 ta' Frar 2008, kif ukoll Juan Benito Garret y Arlovi, Domingo Antonio Zattarain, José Antonio Flores de Ribero, Juan Carlos Vílchez y Cabrera, Nicolás García Jerez, Simeón Pereira y Castellón, Agustín Nicolás Tigerino y Loáisiga u Cesár Bosco Vivas Robelo.
- Patrijiet: José Desiderio de la Quadra, Remigio Casco, Rafael Jerez (ħu l-eroj tal-indipendenza Máximo Jerez u l-pittur Toribio Jerez), Félix Pereira y Castellón u Marcelino Areas.
- Eroj tal-indipendenza: Miguel Larreynaga (1772-1847), u n-nisel tiegħu; l-irmied tal-fdalijiet tiegħu inġiebu mill-Gwatemala fis-snin 70 tas-seklu 20.
- Poeti: Rubén Darío (1867-1916), Salomón de la Selva (1893-1959) u Alfonso Cortés (1893-1969).
- Mużiċisti: José de la Cruz Mena; l-irmied tal-fdalijiet tiegħu ġie ttrasferit miċ-Ċimiterju ta' Guadalupe fit-3 ta' Mejju 1998.
- Nies notevoli oħra: Alfonso Ayón, Pedro Argüello, is-sindku ta' León. Leocadia del Prado Arguello; it-tabib għaref Luis H. Debayle u martu Casimira Sacasa; il-professur Edgardo Buitrago.
- Skjav qaddis, skont il-ġabra tal-fatti ta' Ernesto Cardenal.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Bis-saħħa tal-valur artistiku, kulturali u storiku kbar tiegħu, fit-28 ta' Ġunju 2011, il-Katidral ta' León ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, it-tieni wieħed fl-istorja tal-pajjiż.[1][4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Skont id-dikjarazzjoni fil-qosor dwar is-sit, l-UNESCO ddeskrivietu b'dan il-mod:
Il-Katidral ta' León fin-Nikaragwa nbena bejn l-1747 u l-bidu tas-seklu 19 skont id-disinni tal-arkitett mill-Gwatemala Diego José de Porres Esquivel. Jesprimi t-tranżizzjoni mill-arkitettura Barokka għal dik Neo-Klassika u l-istil tiegħu jista' jitqies bħala eklettiku. Il-katidral huwa kkaratterizzat mis-sempliċità tat-tiżjin tiegħu u mill-abbundanza tad-dawl naturali fuq ġewwa. Il-volta tas-santwarju fiha tiżjin rikk ħafna. Il-katidral fih bosta opri tal-arti importanti fuq ġewwa, inkluż artal Fjamming u pitturi tal-14-il posta tal-Via Crucis tal-artist min-Nikaragwa Antonio Sarria.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "León Cathedral - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-06.
- ^ "Cathedral Basilica of the Assumption, León | 327652 | EMPORIS". web.archive.org. 2020-09-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-09-29. Miġbur 2025-01-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Galería Virtual Baltodano Cantarero - Galería Virtual Baltodano Cantarero - Exposición: Nicaragua, sus gentes y paisajes - Imagen: Catedral de San Pedro, León". historia.ihnca.edu.ni (bl-Ispanjol). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-10-31. Miġbur 2025-01-06.
- ^ "Cuatro nuevos sitios inscritos en la Lista del Patrimonio Mundial de la UNESCO". www.unesco.org (bl-Ispanjol).