Aqbeż għall-kontentut

Kastell ta' Nesvizh

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-kastell mil-lag.

Il-Kastell ta' Nesvizh jew il-Kastell ta' Nyasvizh (bil-Belarussu: Нясвіжскі замак, b'ittri Rumani: Niasvižski zamak; bir-Russu: Несвижский замок; bil-Polakk: zamek w Nieświeżu; bil-Litwan: Nesvyžiaus pilis) huwa kastell residenzjali tal-familja Radziwiłł f'Nyasvizh (Nesvizh), il-Belarussja. Il-kastell jinsab 183 metru (600 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Inbena fis-sekli 16 u 17, u kien proprjetà tal-familja Radziwiłł sal-1939. Il-kastell u l-Knisja tal-Corpus Christi fil-qrib kienu strumentali fl-iżvilupp tal-arkitettura Russa u Ewropea Ċentrali.[1] Fl-2005, il-kastell, il-knisja u l-ambjent tal-madwar tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Il-gallerija tar-ritratti tal-familja Radziwiłł.

Il-proprjetà kienet tal-familja Radziwiłł, familja sinjura, mill-1533, meta ngħatat lil Mikołaj Radziwiłł u lil ħuh Jan Radziwiłł wara l-estinzjoni tal-familja Kiszka. Peress li l-familja Radziwiłł kienet waħda mill-iżjed importanti u sinjuri fil-Gran Dukat tal-Litwanja u fil-Kuruna tar-Renju tal-Polonja, il-Metrika Litwan tressaq hemmhekk fl-1551. Fl-1586, il-proprjetà ġiet ikkonvertita f'ordynacja (ordinanza).

Wara l-Unjoni ta' Lublin, il-kastell sar waħda mill-iżjed residenzi importanti fil-parti ċentrali tal-Commonwealth bejn il-Polonja u l-Litwanja.

Fl-1582 Mikołaj Krzysztof "Sierotka" Radziwiłł, il-Marexxall tal-Litwanja, il-Vojvod ta' Trakai, Vilnius u l-Kastellan ta' Šiauliai, beda l-kostruzzjoni ta' "château" kwadru imponenti ta' tliet sulari. Għalkemm ix-xogħlijiet kienu bbażati fuq kastell Medjevali li kien jeżisti hemmhekk qabel, il-fortifikazzjonijiet preċedenti ġew ikkonvertiti għalkollox f'dar Rinaxximentali-Barokka. Il-kostruzzjoni tlestiet sal-1604, u xi nofs seklu wara ġew miżjuda diversi galleriji. L-irkejjen tal-istruttura ġew iffortifikati b'erba' torrijiet ottagonali.

Fl-1706, matul il-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana, l-armata ta' Karlu XII serqet ir-rikkezzi tal-kastell u qerdet il-fortifikazzjonijiet. Diversi deċennji wara, il-familja Radziwiłł stiednet xi arkitetti Ġermaniżi u Taljani biex iwettqu rinnovazzjoni u tkabbir sostanzjali tal-kastell. Antoni Zaleski żejjen il-faċċati tal-kastell bl-isfar b'xogħol bl-istukko Barokk. Id-daħliet tal-kastell tas-seklu 16 ġew rikostruwiti wkoll. Għall-ħabta ta' dak iż-żmien, it-tliet binjiet separati madwar il-bitħa ċentrali ġew magħqudin fi struttura unika.

Id-daħla prinċipali tar-residenza.

Matul il-Gwerra bejn il-Polonja u l-Prussja tal-1792, il-kastell inħataf mill-forzi Russi u l-familja Radziwiłł tkeċċiet. Ftit wara, il-Metrika Litwana ġiet ittrasferita lejn San Pietruburgu (fejn għadha sal-lum), filwaqt li l-maġġoranza tal-opri tal-arti miġbura fil-palazz ġew distribwiti fost diversi nobbli Russi u Pollakki b'appoġġ għal Katerina l-Kbira. Minħabba t-Tieni Qsim tal-Polonja fl-1793, il-kastell sar parti mir-Russja.

Abbandunat kemm mis-sidien oriġinali kif ukoll mill-armata Russa, il-palazz gradwalment mar għall-agħar. Madankollu, il-familja Radziwiłł irrestawratu u bejn l-1881 u l-1886, il-kastell minn ġewwa ġie rinnovat mill-Prinċep Antoni Wilhelm Radziwiłł u l-mara Franċiża tiegħu, Marie de Castellane. Huma ddisinjaw ukoll park pajsaġġistiku bi stil Ingliż. B'erja ta' iktar minn kilometru kwadru, il-park huwa wieħed mill-ikbar faċilitajiet tax-xorta tiegħu fl-Ewropa.

Veduta panoramika tal-kastell mill-ajru fl-1927.

Wara l-Gwerra bejn il-Polonja u l-Unjoni Sovjetika, il-kumpless tal-kastell u l-inħawi tal-madwar saru parti mit-Tieni Repubblika Pollakka li kienet għadha kemm ġiet stabbilita fl-1920. Matul dak iż-żmien, il-kastell kien meqjus bħala wieħed mill-isbaħ fir-reġjun ta' Kresy. Matul l-invażjoni tal-Polonja fl-1939, il-familja Radziwiłł tkeċċiet mill-kastell mill-Armata Ħamra. Fi żmien l-Unjoni Sovjetika, il-kastell intuża bħala sanatorium, filwaqt li l-park gradwalment ġie ttraskurat.

Il-kumpless tal-kastell jitqies bħala l-isbaħ wieħed fil-Belarussja.[3] Fl-2005 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][4]

Il-kumpless tal-kastell ġie rrestawrat b'mod estensiv mill-2004 sal-2012.

Kastelli oħra tal-familja Radziwiłł

[immodifika | immodifika s-sors]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kumpless Arkitettoniku, Residenzjali u Kulturali tal-Familja Radziwill f'Nesvizh ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Siti ta' Wirt Dinji Relatati

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2023-08-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Architectural, Residential and Cultural Complex of the Radziwill Family at Nesvizh". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-27.
  3. ^ "Nesvizh Palace, Belarus | Belarus.by". web.archive.org. 2020-08-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-08-13. Miġbur 2023-08-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "Landmarks, historic and cultural, and natural sites of the Republic of Belarus on the UNESCO World Heritage List » Land Of Ancestors - Belarus". web.archive.org. 2016-06-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-10. Miġbur 2023-08-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Litomyšl Castle". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-27.
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Mir Castle Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-27.