Aqbeż għall-kontentut

Kastell ta' Kroměříž

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Ġnien Barokk ta' Kroměříž

Il-Kastell ta' Kroměříž (biċ-Ċek: Zámek Kroměříž jew Arcibiskupský zámek, bil-Ġermaniż: Schloss Kremsier) fil-belt ta' Kroměříž, ir-Repubblika Ċeka, kien jintuża bħala r-residenza prinċipali tal-isqfijiet ta' Olomouc fis-seklu 18 u mill-1777 bħala r-residenza tal-arċisqfijiet ta' Olomouc. Il-kastell flimkien mal-ġonna ta' Kroměříž tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1]

L-ewwel residenza fis-sit tal-kastell ġiet stabbilita mill-isqof Stanislas Thurzo fl-1497. Il-binja kellha stil Gotiku Aħħari, b'kemxejn dettall Rinaxximentali. Matul il-Gwerra tat-Tletin Sena, ir-rikkezzi tal-kastell insterqu mill-armata Żvediża (fl-1643).

It-torri Medjevali tal-kastell

Fl-1664, isqof mill-familja setgħana ta' Lichtenstein ikkummissjonat l-arkitett Filiberto Lucchese biex jirrinnova l-kastell (magħruf ukoll bħala l-Palazz tal-Arċisqof) fl-istil Barokk. Il-monument ewlieni u kapulavur ta' Lucchese f'Kroměříž huwa l-Ġnien Barokk ta' quddiem il-kastell. Wara li Lucchese miet fl-1666, Giovanni Pietro Tencalla temm ix-xogħlijiet fil-ġnien formali u rrinnova l-kastell bi stil skont l-iskola ta' Torino, l-Italja, li kien tħarreġ fiha.[2]

Wara li l-kastell ħa n-nar f'Marzu 1752, l-Isqof Hamilton ikkummissjona żewġ artisti imperjali ewlenin, Franz Anton Maulbertsch u Josef Stern, biex jiddekoraw is-swali tal-kastell bl-opri tal-arti tagħhom. Flimkien mal-pitturi tagħhom, il-kastell għandu kollezzjoni kbira tal-arti, li ġeneralment hija meqjusa bħala t-tieni l-aqwa fir-Repubblika Ċeka wara dik tal-Gallerija Nazzjonali fi Praga, u li fost l-opri tal-arti tinkludi l-aħħar pittura mitoloġika ta' Tizjanu, Il-kastig ta' Marsija. L-ikbar parti tal-kollezzjoni ġiet akkwistata mill-Isqof Karel f'Köln, il-Ġermanja, fl-1673. Il-kastell fih ukoll arkivju mużikali straordinarju u librerija b'33,000 volum.[3]

Ir-rotunda tal-Ġnien Barokk minn ġewwa

Skont kif spjegat fid-dokument tan-nominazzjoni tas-sit biex isir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, il-kastell huwa eżempju tajjeb iżda mhux straordinarju ta' tip ta' residenza aristokratika bħalma hemm diversi fl-Ewropa. Min-naħa l-oħra, il-Ġnien Barokk jispikka għaliex huwa eżempju pjuttost intatt u rari ħafna ta' ġnien ta' dik ix-xorta.[1]

Il-Ġnien Barokk jinsab kemxejn 'il bogħod mill-kastell. Xi inċiżjonijiet li tlestew fl-1691 minn Georg Matthaeus Vischer juru li fl-imgħoddi l-ġnien kien jikkonfina mal-kastell u kien magħluq għalkollox mhux isseparat kif inhu llum. Barra minn hekk, kien maqsum fi tnejn: naħa purament ornamentali u naħa oħra lejn in-Nofsinhar magħmula minn siġar tal-frott u karatteristiċi ornamentali produttivi.[1]

Il-pajsaġġi u l-palazzi Barokki tal-Boemja u tal-Moravja ġew influwenzati ħafna mill-Barokk Taljan, għalkemm fil-każ tal-Ġnien Barokk ta' Kroměříž fuq art pjuttost ċatta, l-influwenza tal-istil Barokk Formali Franċiż huwa viżibbli wkoll. Apparti l-Ġnien Barokk formali, qrib il-kastell hemm ukoll ġnien Ingliż inqas formali tas-seklu 19, li ġarrab ħsarat mill-għargħar li kien hemm fl-1997.[4][5]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-UNESCO ddeżinjat il-ġonna u l-kastell ta' Kroměříž bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1998.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ", ladarba speċjalment il-Ġnien Barokk kellu rwol sinifikanti fl-iżvilupp tad-disinn tal-ġonna u tal-palazzi Barokki fl-Ewropa Ċentrali; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem", ladarba l-ġonna u l-kastell ta' Kroměříž huma eżempju eċċezzjonali komplut u ppreservat tajjeb ta' residenza aristokratika u l-pajsaġġ assoċjat magħha tas-sekli 17 u 18.[1]

L-ispazji fuq ġewwa tal-kastell intużaw b'mod estensiv minn Miloš Forman, taparsi kienu l-ispazji fuq ġewwa tal-Palazz Imperjali (Hofburg) ta' Vjenna, l-Awstrija, fil-ġbid ta' Amadeus (1984) dwar il-ħajja ta' Wolfgang Amadeus Mozart, li effettivament qatt ma żar il-belt ta' Kroměříž, minkejja li wħud mill-kompożizzjonijiet mużikali tiegħu huma maħżuna fl-arkivju mużikali tal-kastell.[6] Minn dak iż-żmien 'l hawn, speċjalment fis-seklu 21, inġibdu u nħadmu (minn tal-inqas parzjalment) diversi films jew sensieli oħra fil-kastell u/jew fil-ġonna.

Films miġbuda fil-Kastell ta' Kroměříž
Sena Isem tal-film
2019 Whiskey Cavalier[7]
2017 Maria Theresa[8]
2016 Satisfaction 1720[9]
2014 The Musketeers[10]
2014 Ekaterina[11]
2013 Angélique[12]
2012 A Royal Affair[13]
2012 La figlia del capitano[14]
2010 Chateaubriand[15]
2003 Trenck - Zwei Herzen gegen die Krone[16]
2002 Napoléon[17]
1999 Michele Strogoff - Il corriere dello zar[18]
1994 Immortal Beloved[19]
1992 The Young Indiana Jones Chronicles[20]
1991 The Frog Prince[21]
1984 Amadeus[22]
  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Gardens and Castle at Kroměříž". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-27.
  2. ^ Sváček, Libor (2015). UNESCO (bl-Ingliż). pp. 76–83. ISBN 978-80-7339-067-9.
  3. ^ "Archbishop's Chateau Kroměříž". Archbishop's Chateau Kroměříž (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-27.
  4. ^ "Kromeriz Castle and Gardens, Kroměříž, Czech Republic - SpottingHistory.com". www.spottinghistory.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-27.
  5. ^ CzechTourism. "Kroměříž · #VisitCzechRepublic". www.visitczechrepublic.com. Miġbur 2021-03-27.
  6. ^ Jana Spáčilová:Hudba na dvoře olomouckého biskupa Schrattenbacha (1711–1738), Masarykova univerzita v Brně, Filozofická fakulta, Ústav hudební vědy, Brno 2006.
  7. ^ Whiskey Cavalier (TV Series 2019) - IMDb
  8. ^ Maria Theresa (TV Mini-Series 2017–2019) - IMDb
  9. ^ Satisfaction 1720 (2016) - IMDb
  10. ^ The Musketeers (TV Series 2014–2016) - IMDb
  11. ^ Ekaterina (TV Series 2014– ) - IMDb
  12. ^ Angélique (2013) - IMDB
  13. ^ A Royal Affair (2012) - IMDb
  14. ^ La figlia del capitano (2012) - Imdb
  15. ^ Chateaubriand (TV Movie 2010) - IMDb
  16. ^ Trenck - Zwei Herzen gegen die Krone (TV Movie 2003) - IMDb
  17. ^ Napoléon (TV Mini-Series 2002) - IMDb
  18. ^ Michele Strogoff - Il corriere dello zar (TV Movie 1999) - IMDb
  19. ^ Immortal Beloved (1994) - IMDb
  20. ^ The Young Indiana Jones Chronicles (TV Series 1992–1993) - IMDb
  21. ^ The Frog Prince (1991) - IMDb
  22. ^ Amadeus (1984) - IMDb