Genova: It-Toroq Ġodda u s-Sistema tal-Palazzi tal-Listi
Genova: It-Toroq Ġodda u s-Sistema tal-Palazzi tal-Listi huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinkludi għadd ta' toroq u palazzi fiċ-ċentru ta' Genova, fir-reġjun ta' Liguria fil-Majjistral tal-Italja.[1]
It-Toroq Ġodda (bit-Taljan: Strade Nuove) huma grupp ta' toroq li nbnew mill-aristokrazija ta' Genova matul it-tkabbir tal-belt fi żmien meta r-Repubblika ta' Genova kienet laħqet il-qofol tas-setgħa finanzjarja u marittima tagħha. It-Toroq Ġodda huma Via Giuseppe Garibaldi (1558-1583, li qabel kienet Strada Maggiore jew Strada Nuova) u Via Balbi (1602-1620, li qabel kienet Strada Balbi), u wara żdiedet ukoll Via Cairoli (1778-1786, li qabel kienet Strada Nuovissima).
Il-Palazzi tal-Listi (bit-Taljan: Palazzi dei Rolli) huma grupp ta' palazzi, li l-biċċa l-kbira minnhom imorru lura wkoll għall-aħħar tas-seklu 16 u l-bidu tas-seklu 17, li kien assoċjati ma' sistema partikolari ta' "abitazzjonijiet pubbliċi" f'residenzi privati, fejn mistednin notevoli fuq żjara statali fir-Repubblika kienu jiġu ospitati f'wieħed minn dawn il-palazzi f'isem l-Istat.
Fit-13 ta' Lulju 2006, tnejn u erbgħin mill-163 palazz oriġinarjament inklużi f'waħda mill-ħames listi pubbliċi msejħa "Rolli" (jiġifieri Listi) ġew inklużi fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-kumitat speċjali tal-UNESCO li ltaqa' f'Vilnius, il-Litwanja. Is-sit jinkludi ġabra ta' palazzi Rinaxximentali u Barokki tul l-hekk imsejħa "toroq ġodda", li joffru varjetà straordinarja ta' soluzzjonijiet differenti, u jiksbu valur universali permezz tal-adattament tagħhom għall-karatteristiċi partikolari tas-sit u għar-rekwiżiti ta' organizzazzjoni soċjali u ekonomika speċifika. Barra minn hekk, joffru wkoll eżempju oriġinali ta' network pubblika ta' residenzi privati maħsuba biex jospitaw żjarat statali.[1]
Fl-20 ta' Jannar 2007, l-UNESCO żvelat plakka f'Via Garibaldi, li qabel kienet Strada Nuova, li tispjega r-raġunijiet għalfejn it-Toroq Ġodda u s-Sistema tal-Palazzi tal-Listi tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO:
L-ikbar djar, b'għamliet u b'distribuzzjoni differenti, li ntgħażlu b'mod aleatorju fil-listi (rolli) biex jospitaw iż-żjarat statali. Il-binjiet, spiss mibnija fuq art mhux watja, kienu jiffurmaw atriju mtarraġ, bitħa, taraġ, ġnien u tiżjin intern rikk, u jesprimu identità soċjali u ekonomika unika u l-bidu tal-arkitettura urbana tal-era moderna fl-Ewropa.
Uħud mill-Palazzi tal-Listi llum il-ġurnata jintużaw bħala binjiet pubbliċi, mużewijiet, uffiċċji u residenzi privati. Fost il-palazzi miftuħa għall-pubbliku, Palazzo Rosso, Palazzo Bianco u Palazzo Doria Tursi flimkien jikkostitwixxu l-Mużewijiet ta' Strada Nuova li jinsabu f'Via Garibaldi.[2]
Rolli ta' Genova
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Rolli di Genova jew aħjar ir-Rolli degli alloggiamenti pubblici di Genova, jiġifieri l-"Listi tal-abitazzjonijiet pubbliċi ta' Genova", kienu l-listi uffiċjali fi żmien ir-Repubblika ta' Genova tal-palazzi u tal-vilel privati, li kienu proprjetajiet tal-iktar familji distinti ta' Genova. Dawk li kienu jitilgħu f'lotterija pubblika kienu jiġu obbligati jospitaw f'isem il-gvern l-iżjed viżitaturi notevoli matul iż-żjara statali tagħhom fir-Repubblika.[1]
Iktar 'il quddiem, dawn il-palazzi ospitaw bosta viżitaturi famużi tal-belt matul il-Vjaġġ Grandjuż tagħhom, b'itinerarju kulturali madwar l-Italja.
Illum il-ġurnata, il-Palazzi dei Rolli huwa isem kollettiv li jirrappreżenta ġabra tal-iżjed palazzi prestiġjużi taċ-ċentru storiku ta' Genova, speċjalment tul l-hekk imsejħa Strade Nuove, it-"Toroq Ġodda" li nbnew mill-aristokrazija ta' Genova fil-qofol tas-setgħa ekonomika ta' Genova fis-sekli 16 u 17 (Via Giuseppe Garibaldi, li qabel kienet Strada Nuova jew Via Aurea, Via Cairoli, li qabel kienet Strada Nuovissima, u Via Balbi, li issa tospita l-Università ta' Genova).[3]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Bejn l-ewwel nofs tas-seklu 16 u l-ewwel nofs tas-seklu 17, in-nobbiltà ta' Genova tat bidu għal ippjanar tal-belt li sar bir-reqqa biex il-belt Medjevali eżistenti tiġi ttrasformata. Barra minn hekk, tat bidu għal tkabbir urban imdaqqas lejn it-Tramuntana. Il-mossa biex il-palazzi antiki jitkabbru u biex jinbnew palazzi lussużi ġodda kienet immexxija mill-ġid straordinarju li kellha l-belt permezz ta' attivitajiet finanzjarji prosperużi ma' diversi setgħat Ewropej. B'mod partikolari, l-aristokrazija ta' Genova ffinanzjat il-proġetti għaljin tal-Kuruna Spanjola, bħall-armata ta' merċenarji li Spanja kellha fil-Fjandri mill-1566, u l-paċi f'Westfalen fl-1648. Il-klassi għolja ta' Genova, li kienet tinkludi lil dawk li kienu nobbli mit-twelid kif ukoll lil dawk li saru hekk bil-ġid merkantili miksub, riedet tesponi l-prestiġju tagħha bil-kostruzzjoni ta' palazzi u vilel suburbani grandjużi fil-belt ta' sbuħija tal-għaġeb.[4]
Ir-Rolli jew aħjar ir-Rolli degli alloggiamenti pubblici di Genova kienu listi uffiċjali stabbiliti fl-1576 mis-Senat ta' Genova, istituzzjoni aristokratika li saret prominenti bħala riżultat tar-riformi oligarkiċi tal-Prinċep u l-Ammirall Andrea Doria, bl-għan li jiddeterminaw il-palazzi disponibbli għall-gvern biex jiġi żgurat li r-Repubblika ta' Genova setgħet toffri abitazzjoni xierqa lill-iktar mistednin notevoli li minn żmien għal żmien kienu jżuru l-belt, fosthom prinċpijiet, rejiet, diplomatiċi jew awtoritajiet reliġjużi. Il-fatt li ma ntgħażilx palazz wieħed iżda bosta palazzi kien sinjal li l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Genova kienu jqisu l-belt kollha bħala "palazz irjali Repubblikan".[5]
Il-Palazzi tal-Listi kienu maqsuma fi tliet kategoriji abbażi tal-prestiġju tagħhom, skont id-daqs, is-sbuħija u l-importanza tagħhom bħala kriterji ewlenin biex jintgħażlu l-palazzi l-iżjed adattati biex jakkomodaw lill-kardinali, lill-prinċpijiet u lill-viċirejiet, lis-sinjuri fewdali, lill-ambaxxaturi jew lill-gvernaturi. Tliet palazzi biss kienu meqjusa adattati biex jakkomodaw l-ogħla dinjitarji, bħall-Papiet, l-Imperaturi, ir-Rejiet u l-iżjed Kardinali u Prinċpijiet importanti: Palazzo Doria Spinola f'Salita Santa Caterina, u Palazzo Grimaldi Doria Tursi u Palazzo Lercari Parodi f'Via Garibaldi.[6]
Ir-Rolli jew "Listi" ppreservati sa żminijietna kienu ħamsa: tal-1576 (li kienet tinkludi 52 palazz); tal-1588 (li kienet tinkludi 111-il palazz); tal-1599 (li kienet tinkludi 150 palazz); tal-1614 (li kienet tinkludi 96 palazz); u tal-1664 (li kienet tinkludi 95 palazz). B'kollox, kien hemm 162 palazz inklużi f'mill-inqas waħda minn dawn il-listi uffiċjali.[6]
Kwotazzjonijiet (traduzzjonijiet mhux uffiċjali)
[immodifika | immodifika s-sors]- Ġib l-ittra lis-Sinjura Mojon, f'Via Balbi; dan huwa wieħed mit-tliet ismijiet ta' waħda mit-toroq ewlenin, li hija wkoll l-isbaħ waħda fl-Italja (Stendhal, Journal d'un vojage en Italie et en Suisse pendant l'annee 1828, 1828)
- Ippruvajt inżur tliet galleriji ta' pitturi famużi f'Via Balbi. Peress li s-sidien għandhom id-drawwa tajba li jgħixu fil-kmamar fejn hemm il-pitturi, wieħed irid jistaqsi diversi drabi biex jirnexxilu jżurhom; u spiss in-nuqqas ta' sabar li kienu jiġġenerawli r-rifjuti arroganti tal-qaddejja kien inaqqas mill-gost li wieħed imur jara l-pitturi. In-nies għonja ta' Genova kważi dejjem jgħixu fit-tielet sular sabiex ikunu jistgħu jaraw il-baħar. It-taraġ huwa magħmul mill-irħam, iżda meta, wara li tkun tlajt xi mitt tarġa, qaddej iħallik tistenna xi ħmistax-il minuta biex imbagħad jgħidlek: "L-Eċċellenza Tiegħu għadu fil-kamra tiegħu, erġa' ejja għada", tista' tobsor li wieħed taqbiżlu, speċjalment meta dak li jkun ikollu jitlaq filgħaxija (Stendhal, Memoires d'un touriste, 1837)
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Genova: It-Toroq Ġodda u s-Sistema tal-Palazzi tal-Listi ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Palazzi tal-Listi inklużi fis-Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm tnejn u erbgħin palazz inklużi fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Dawn huma:[1][3]
Palazzi tal-Listi mhux inklużi fis-Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Palazzi tal-Listi li għadhom ippreservati iżda, minħabba t-tqassim modern tagħhom jew tibdil fl-użu tagħhom, ma ġewx inklużi fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huma:[7]
Jiem ir-Rolli
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2009, wara li l-Palazzi tal-Listi ġew rikonoxxuti bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, il-Muniċipalità ta' Genova bdiet l-inizjattiva tal-hekk imsejħa Jiem ir-Rolli (bl-Ingliż: Rolli Days)[8], bi żjarat mingħajr ħlas kemm fil-binjiet pubbliċi kif ukoll privati. Kull darba jiġi propost itinerarju differenti, u l-istudenti tal-arti, l-arkitetti, u l-gwidi professjonali joffru żjarat iggwidati, kważi kollha kemm huma mingħajr ħlas.
Jiem ir-Rolli jiġu organizzati darbtejn fis-sena, normalment matul tmiem il-ġimgħa f'Mejju u f'xi jum f'Settembru. Eċċezzjoni għal din ir-regola saret meta kien hemm l-għaxar anniversarju tar-rikonoxximent tal-UNESCO fl-2016, meta tliet tmiem il-ġimgħa ġew iddedikati għal Jiem ir-Rolli f'April, f'Mejju u f'Ottubru.
L-għadd ta' binjiet notevoli miftuħin għall-pubbliku matul Jiem ir-Rolli qed jiżdied senawara l-oħra. Iktar reċentement, anke l-palazzi li oriġinarjament ma kinux parti mis-sistema tal-listi (pereżempju, xi binjiet storiċi tal-Università ta' Genova), xi vilel suburbani u xi knejjes bdew jieħdu sehem f'din l-inizjattiva.
Palazzo Grillo bħala s-sede tal-Fondazzjoni De André
[immodifika | immodifika s-sors]Wieħed mill-Palazzi tal-Listi, Palazzo Grillo f'Piazza delle Vigne[9], kien maħsub biex jospita l-Fondazzjoni li ngħatat kunjom Fabrizio De André, kantawtur famuż minn Genova. Minħabba ż-żmien meħtieġ għar-restawr tal-binja, l-inawgurazzjoni tal-faċilità ġiet skedata fl-2019, l-għaxar anniversarju ta' mewtu fl-2009.
Ġewwa daru, li tinsab fiċ-ċentru ta' Genova, hemm kafetterija u ristorant, awditorju, kmamar pubbliċi (klassijiet u kmamar bit-tagħrif) iddedikati għall-istudju tal-iskola ta' Genova tal-kantawturi, u s-sular ta' fuq nett tar-residenza huwa post li jintuża meta jkun hemm xi mistednin.
L-organizzazzjoni FAI fl-Italja appoġġat it-tlestija tar-riabilitazzjoni u tar-restawr ta' Villa Saluzzo Bombrini, fil-kwartier ta' Albaro, magħruf bħala Il Paradiso (jiġifieri l-Ġenna) u li kien jgħix fih De André meta kien żagħżugħ.
Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Fiorella Caraceni (1992), Una strada rinascimentale: via Garibaldi a Genova, Genova, SAGEP
- Giorgio Doria (1995), Nobiltà e investimenti a Genova in Età moderna, Genova
- Gioconda Pomella (2007), Guida Completa ai Palazzi dei Rolli Genova, Genova, De Ferrari Editore (ISBN 9788871728155)
- Mauro Quercioli (2008), I Palazzi dei Rolli di Genova, Ruma, Libreria dello Stato (ISBN 9788824011433)
- Fiorella Caraceni Poleggi (2001), Palazzi Antichi e Moderni di Genova raccolti e disegnati da Pietro Paolo Rubens (1652), Genova, Tormena Editore (ISBN 9788884801302)
- Mario Labò (2003), I palazzi di Genova di P.P. Rubens, Genova, Nuova Editrice Genovese
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e f Centre, UNESCO World Heritage. "Genoa: Le Strade Nuove and the system of the Palazzi dei Rolli". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-11.
- ^ "Strada Nuova Museums | Museums in Genoa". www.museidigenova.it. Miġbur 2022-03-11.
- ^ a b Quercioli, Mario (2008). I Palazzi dei Rolli Genova. Roma: Libreria dello Stato, Istituto Poligrafico e Zecca dello Stato. ISBN 9788824011433.
- ^ Le Strade Nuove. Genova: SAGEP Editrice. 1986. p. 5.
- ^ Ennio Poleggi (1998), Una reggia repubblicana. Atlante dei palazzi di Genova 1576-1664. Torino.
- ^ a b Pomella, Gioconda (2007). Guida Completa ai Palazzi dei Rolli. Genova: De Ferrari. p. 6. ISBN 9788871728155.
- ^ "Elenco dei palazzi dei rolli e delle strade nuove di Genova". www.irolli.it. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-11-13. Miġbur 2022-03-11.
- ^ "Home". Rolli Days Online (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-11.
- ^ "Piazza delle Vigne 4". www.irolli.it. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-11-13. Miġbur 2022-03-11.