Gżira ta' Pico
Gżira ta' Pico | |
---|---|
Portugall | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Portugall |
Autonomous region of Portugal | Ażores |
Ismijiet oriġinali | Ilha do Pico |
Ġeografija | |
Koordinati | 38°29′N 28°22′W / 38.48°N 28.37°WKoordinati: 38°29′N 28°22′W / 38.48°N 28.37°W |
Superfiċjenti | 447 kilometru kwadru |
Għoli | 2,351 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 13,834 abitanti |
Informazzjoni oħra | |
Żona tal-Ħin | UTC−1 |
Il-Gżira ta' Pico (bil-Portugiż: Ilha do Pico; pronunzjata: [ˈiʎɐ du ˈpiku]) hija gżira fil-Grupp Ċentrali tal-Ażores, il-Portugall. Il-pajsaġġ huwa kkaratterizzat minn vulkan, Ponta do Pico, li huwa l-ogħla muntanja fl-Ażores u fil-Portugall, u l-ogħla elevazzjoni tal-Katina tal-Atlantiku Nofsani. Skont it-tradizzjoni tal-poeta Portugiż, Raul Brandão, Pico tissemma bħala Ilha Preta ("Gżira Sewda"), minħabba l-ħamrija vulkanika sewda tagħha, li jiffurmaw il-vinji ddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[1] li fl-imgħoddi ppermettew l-iżvilupp tal-ekonomija tal-gżira. Il-Gżira ta' Pico hija t-tieni l-ikbar gżira tal-Ażores u ġeoloġikament hija l-iktar waħda li ffurmat reċentement, u għandha madwar 300,000 sena.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Id-data eżatta tal-iskoperta tal-gżira mhix magħrufa. Madankollu, fl-Atlas Katalan tal-1375, il-Gżira ta' Pico tidher flimkien ma' diversi gżejjer oħra tal-Ażores, bl-isem ta' li colunbj. Fil-mappa ta' Cristoforo Soligo tal-1475, il-Gżira ta' Pico hija deskritta kemm bħala l-gżira Dom Diniz (jew São Diniz) kif ukoll bħala Insula Columbi.[3]
Għalkemm l-Ażores ilhom abitati mill-1439, l-insedjament fuq il-Gżira ta' Pico beda biss fis-snin 80 tas-seklu 15 meta l-Gżira ta' Pico kienet taħt il-kontroll tal-gżira fil-qrib ta' Faial. Huwa maħsub li l-Gżira ta' Pico kienet l-aħħar gżira tal-Grupp Ċentrali li ġiet okkupata.
F'ittra datata t-28 ta' Marzu 1481, l-amministratur tal-Ażores, D. Beatriz, ta l-pussess tal-Gżira ta' Pico lill-ewwel kaptan tad-donatarie, D. Álvaro d'Ornelas, resident tal-gżira ta' Madeira, bil-kundizzjoni li jippopola l-gżira (il-'Kaptana', spiss nobbli, kisbu drittijiet tal-art f'reġjuni mhux importanti biżżejjed biex ikollhom 'gvernatur', u kienu mod irħis biex l-istat jinsedja territorju ġdid). d'Ornelas ma rnexxilux jattira insedjaturi, u għalhekk fid-29 ta' Diċembru 1482, il-kaptan Fjamming tal-gżira ta' Faial, 7 km minn Pico, Jós d'Hutra, sar kaptan ġdid. It-trasferiment tal-Gżira ta' Pico lil Jós d'Hutra mhux biss jikkonferma li Pico ma kinitx ikkolonizzata fl-aħħar tas-seklu 15, iżda juri wkoll l-interess li l-popolazzjoni tal-gżejjer tal-grupp ċentrali tingħata spinta. Wieħed seta' jifhem din l-ispinta minħabba l-importanza ġeoekonomika tal-arċipelagu tal-Ażores li kienet qed tiżdied dak iż-żmien, filwaqt li l-monarkija Portugiża kienet qed tespandi lejn il-Marokk u lejn il-kosta tal-Punent tal-Afrika.[4]
Il-popolazzjoni kibret bil-mod, parzjalment minħabba diffikultajiet marbuta mal-kultivazzjoni tal-qamħ. Sal-1587, kien hemm inqas minn 3,000 abitant. Il-kwalità tal-ħamrija hija kkundizzjonata mill-ħamrija vulkanika li tikkonsisti l-iktar minn bażalt reċenti b'erożjoni ħafifa (iddeżinjata bħala "biscoitos" jew "mistérios"). Xi eżempji jinkludu l-Mistério de São João, li rriżultat minn żbroff tal-1718. Barra minn hekk, hemm ftit xmajjar fuq il-gżira meta mqabbel ma' partijiet oħra tal-arċipelagu. L-aħħar żbroffar ta' magma seħħ fl-1718[5] u fl-1720 u ġġenera tliet koni bl-irmied vulkaniku (Mistérios): Santa Luzia u São João fl-1718 u Silveira fl-1720.[6]
Apparti minn xi ftit skjavi li ntbagħtu biex jirgħu n-nagħaġ f'iżolament qabel l-insedjament Ewropew, l-ewwel abitanti tal-gżira kienu primarjament Portugiżi, iżda ta' oriġini differenti. L-insedjaturi ta' oriġini Portugiża waslu minn partijiet differenti tal-metropoli, uħud għaddew mill-gżira ta' Madeira jew minn gżejjer oħra tal-Ażores, partikolarment Terceira. Xi individwi kellhom oriġini nobbli, u kellhom il-pussess ta' artijiet u ta' oġġetti; kien hemm lajċi u membri regolari tal-kleru, speċjalment Franġiskani; u grupp ieħor kien magħmul minn merkanti, artiġjani, bdiewa u ħaddiema tas-sengħa. Għadd żgħir ta' Lhud ġew mill-bidu tas-seklu 16, u kien hemm skjavi ta' oriġini Afrikana li kienu jrabbu l-annimali, jaħdmu l-art u jagħmlu xogħol domestiku. L-ewwel muniċipalità fil-Gżira ta' Pico ġiet stabbilita f'Lajes, fejn kien disponibbli l-ilma ħelu (kif joħroġ fid-dieher mill-isem ta' Ribeiras fir-raħal).
Madwar 9,000 ruħ kienu jgħixu fil-Gżira ta' Pico sal-1695. Il-Gżira ta' Pico telgħet 'il fuq fil-ġerarkija urbana mill-ħames l-ikbar ċentru fl-Ażores għar-raba', wara São Miguel, Terceira u Faial. Sa nofs is-seklu 18, il-popolazzjoni kienet qabżet id-19,000 ruħ. Fl-1542, l-abitanti tat-Tramuntana tal-gżira staqsew lir-Re João III biex jinħoloq it-tieni villaġġ, biex b'hekk ikun hemm iktar ordni f'ekonomija li kienet mifnija mis-serq u mill-korruzzjoni. Ġiet stabbilita São Roque do Pico. Kien biss ferm wara, meta r-rabta bejn il-gżejjer ta' Pico u ta' Faial issaħħew iktar, li kien hemm il-ħtieġa li tinħoloq it-tielet muniċipalità. Madalena ġiet stabbilita fl-1723 (il-belt ikbar ta' Horta tinsab 7 km 'il bogħod fuq il-Gżira ta' Faial, u kienet il-post fejn ħafna mis-sidien tal-proprjetajiet u l-produtturi tal-inbid tal-gżira kienu jgħixu).
Il-gżejjer ta' Pico u ta' Faial kienu amministrati b'mod konġunt sal-1766, meta l-Gżira ta' Pico saret parti integrali tal-Provinċja tal-Ażores, immexxija minn kaptan-ġeneral ibbażat f'Angra. Iċ-ċentralizzazzjoni tal-governanza b'dan il-mod ma tantx kellha suċċess: fl-1836, in-nies tal-Gżira ta' Pico ġew integrati mill-ġdid f'unità amministrattiva iżgħar, it-tielet distrett tal-Ażores, mal-gżejjer ta' Faial, Flores u Corvo.
L-insedjaturi inizjalment kienu jkabbru l-qamħ u xi żebbuġ, u żviluppaw ukoll industrija tal-Isatis tinctoria, bħalma kien hemm fuq Faial (abbażi ta' likeni li kienu esportati lejn il-Fjandri biex jiġu prodotti l-kuluri kummerċjali). Iż-żewġ gżejjer spiss kienu jikkondividu attivitajiet għall-għajxien. Il-vitikultura, megħjuna mill-ħamrija iktar rikka li tinstab fil-mikroklimi adattati, kibret b'mod rapidu. L-industrija ġiet imfixkla mill-aħħar żbroffar vulkaniku, iżda l-vitikultura żiedet b'mod konsiderevoli l-opportunitajiet kummerċjali biex wieħed jaqla' l-għajxien tiegħu. Il-produzzjoni tal-inbid famuż ta' Pico magħruf bħala verdelho, li tmur lura żewġ sekli, kienet apprezzata ferm f'bosta pajjiżi (inkluż l-Ingilterra u l-Amerki u saħansitra fil-palazzi tal-ksari Russi). Il-vitikultura marret lura bit-tifqigħa tal-moffa żajbrija u l-phylloxera matul nofs is-seklu 19, u ħolqot kriżi fuq il-gżira li damet sas-seklu 20.
L-attività ekonomika maġġuri l-oħra kienet il-kaċċa tal-balieni. Il-preżenza ta' bastimenti Amerikani u Brittaniċi tal-kaċċa tal-balieni fl-ibħra tal-Ażores fl-aħħar tas-seklu 18 stabbilizzat l-ekonomija. Il-kaċċa tal-gabdoll saret l-industrija primarja madwar il-Gżira ta' Pico sakemm ġiet abolita fl-1986. Il-fabbrika tal-kaċċa tal-balieni issa saret mużew.[7]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Ġeografija fiżika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżira ta' Pico tinsab 17.5-il kilometru fin-Nofsinhar ta' São Jorge u seba' kilometri biss fil-Lvant ta' Faial, fil-Grupp Ċentrali ta' gżejjer, żona magħrufa kollokjalment bħala O Triângulo (it-Triangolu). Il-Gżira ta' Pico hija twila 46.3 kilometru, b'wisa' massima ta' madwar 16-il kilometru; u b'hekk hija t-tieni l-ikbar gżira tal-Ażores. Il-151.8 km ta' kosta hija kemxejn imwaqqfa b'daħliet u b'qaliet. L-aċċessibbiltà għall-baħar ma tippreżenta l-ebda diffikultà, għajr f'xi sezzjonijiet fejn hemm irdumijiet kbar u mhux stabbli, soġġetti għal ċedimenti frekwenti tal-art (bħalma wieħed jista' jara l-iktar fil-Grigal u fix-Xlokk). L-għasafar tal-baħar igawdu minn kundizzjonijiet favorevoli biex ibejtu f'dawn il-ħabitats, b'mod partikolari l-ispeċijiet ta' ċirlewwa (Sterna hirundo u Sterna dougallii) u ta' garnija (Calonectris borealis). Is-sottostrati tal-blat huma prevalenti tul il-kosta (ħaġar kbar li jalternaw maċ-ċagħaq) u ma hemm l-ebda bajja tar-ramel, iżda hemm bosta għadajjar li jiffurmaw minħabba l-marea u daħliet naturali li jintużaw għall-għawm.
Tul il-pjanura ċentrali tal-koni vulkaniċi sal-kosta tal-Lvant, il-pajsaġġ huwa mimli krateri u koni mimlijin b'lagi, u huwa dominat mill-vulkan antik ta' Topo. Ġeomorfoloġikament, il-gżira hija magħmula minn tliet unitajiet:[8]
- il-Vulkan ta' Topo - dan jinsab fin-naħa l-iktar fin-Nofsinhar tal-gżira, u jikkorrispondi għal vulkan antik qisu tarka maħluq bit-trikkib ta' diversi flussi ta' lava u meqrud mill-erożjoni u miċ-ċedimenti tal-art;
- il-Promontorju ta' Achada - dan huwa estiż min-naħa tal-Lvant tal-gżira sal-istratovulkan, u huwa żona assjali li tinkludi koni tal-lava u flussi vulkaniċi tul katina muntanjuża mimlija krateri mimlijin b'lagi, kif ukoll b'arbuxelli u b'foresti densi. Il-koni f'dan ir-reġjun huma orjentati tul assi tal-Punent Majjistru u Nofsinhar ix-Xlokk u jibqgħu sejrin tul mogħdija mil-Lvant għall-Punent bejn strutturi vulkaniċi oħra;
- il-Vulkan ta' Pico - dan jokkupa l-parti tal-Punent tal-gżira, u jikkorrispondi għal vulkan ċentrali b'altitudni ta' 2,351 metru (7,713 pied), li nħoloq permezz ta' bosta żbroffar vulkaniku tat-tip ta' Hawaii u Stromboli. Mal-ġnub tal-vulkan hemm koni tal-lava u tal-flussi vulkaniċi diversi ħafna li ffurmaw tul fratturi u xquq radjali.
Ġeneralment, l-istrutturi tettoniċi tal-Gżira ta' Pico huma orjentati mill-Punent Majjistru għal-Lvant ix-Xlokk u tul assi mill-Grigal għal-Lbiċ. L-assi prinċipali jikkontrolla l-istrutturi ewlenin, speċjalment il-vulkan prinċipali ta' Pico, filwaqt li l-assi sekondarju jaffettwa l-fratturi u x-xquq radjali tul il-pjanura ċentrali u l-vulkan fil-Lvant.
B'mod simili għall-istrutturi ġeomorfoloġiċi deskritti hawn fuq, il-formazzjonijiet vulkaniċi tal-art ġew identifikati minn Madeira (1998) fl-unitajiet li ġejjin:
- il-Kumpless Vulkaniku ta' Lajes - fih l-eqdem strutturi vulkaniċi, u huwa magħmul minn vulkani, lava u detriti li għandhom bejn 35,000 u 300,000 sena ilu; jinkludi l-istrutturi tal-parti tal-Lvant tal-gżira, inkluż il-vulkan antik ta' Topo.
- il-Kumpless Vulkaniku ta' Calheta de Nesquim - imur lura għal madwar 230,000 sena ilu; huwa żona ta' xquq vulkaniċi b'koni u lava bażaltika, assoċjata mal-Pjanura ta' Achada, u l-bosta xquq tul il-promontorju ċentrali tal-gżira.
- il-Kumpless Vulkaniku ta' Madalena - l-iżjed kumpless vulkaniku reċenti, bi żbroffar ġeoloġiku u storiku; jinkludi l-istratovulkan bażaltiku ta' Pico, iżda anke ħafna mill-koni, mix-xquq u mill-fluss tal-lava madwar il-quċċata ta' 2,351 metru tiegħu.
L-aħħar żbroffar vulkaniku (dibattibbli) seħħ fl-1963, bi żbroff żgħir taħt il-baħar lil hinn mill-kosta tal-Majjistral (fit-Tramuntana ta' Cachorro f'Santa Luzia). Qabel dan, kien hemm attività vulkanika maġġuri fil-fluss tal-lava mhux biss fiż-żoni ta' Prainha (1562-1564), Santa Luzia (1718), São João (1718) u Silveira (1720). Il-mogħdijiet minn fejn għaddew il-fluss tal-lava għadhom viżibbli; dawk tas-seklu 16 u tal-1718 kienu partikolarment sostanzjali, u kienu estiżi fuq iktar minn 10 kilometri. Illum il-ġurnata, l-unika evidenza viżibbli ta' vulkaniżmu attiv jidher fil-quċċata tal-vulkan ta' Pico, fil-bażi u fuq ġewwa ta' Piqueninho (il-quċċata żgħira fil-quċċata vulkanika l-kbira); f'din iż-żona jkun hemm emissjonijiet irregolari mix-xquq vulkaniċi. Barra minn hekk, ikun hemm emissjonijiet fuq il-ġnub tal-Lvant f'altitudni ta' bejn 1,500 metru u 2,000 metru. Instabu wkoll żoni ta' degassifikazzjoni tul ix-xaqq vulkaniku assoċjat mal-Lagoa do Capitão u ieħor fil-Vulkan ta' Topo, kif ukoll fawwara rikka bis-CO2 fiż-żona ta' Silveira.
Terremoti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżira ta' Pico, bħall-gżejjer l-oħra kollha, hija suxxettibbli għal avvenimenti sismiċi, għalkemm l-epiċentri tagħhom primarjament ġew lokalizzati fil-Fliegi ta' Faial-Pico jew Pico-São Jorge. Tliet terremoti tettoniċi sinifikanti biss affettwaw il-Gżira ta' Pico mill-bidu tal-insedjament tagħha: it-terremot tal-1757, li kkawża ħsara sinifikanti fir-reġjun tal-Lvant tal-gżira, inkluż il-mewt ta' 11-il persuna u t-tiġrif ta' knisja u ta' xi djar; il-kriżi sismika tal-1973 (Ottubru 1973 - Mejju 1974) fejn it-terremot prinċipali (b'kobor ta' 5.5) ikkawża ħsara konsiderevoli lil 604 dar fil-Gżira ta' Faial u lil 2,000 dar fil-Gżira ta' Pico, fejn kważi 5,000 ruħ baqgħu bla saqaf fuq rashom; u t-terremot tad-9 ta' Lulju 1998, l-iżjed terremot qawwi li qatt ġie rreġistrat fl-aħħar 30 sena, b'epiċentru ħames kilometri fil-Grigal ta' Ponta da Ribeirinha, fuq il-Gżira ta' Faial, b'kobor ta' 5.8. Inħass fuq il-Gżira ta' Pico, b'livell ta' intensità massima ta' VII fuq l-iskala ta' Mercall; xi djar ġarrbu xi ħsarat u kollox ġie mheżżeż. Terremoti vjolenti oħra li affettwaw il-gżira jinkludu: l-avvenimenti sismiċi tal-1957-1958 assoċjati mal-iżbroffar tal-vulkan ta' Capelinhos (fil-Gżira ta' Faial), it-terremot ta' Frar 1964 fuq il-Gżira ta' São Jorge, u t-terremot tal-1926, b'epiċentru rreġistrat fil-Fliegu ta' Faial-Pico.
Bijoma
[immodifika | immodifika s-sors]Skont il-mappa tal-2018 tal-okkupazzjoni tal-art tal-Ażores, meta mqabbel mal-gżejjer l-oħra tal-arċipelagu, il-Gżira ta' Pico, kemm bħala proporzjoni kif ukoll bħala erja totali tal-art, għandha l-ikbar erja ta' foresti nattivi intatti tas-siġar tar-rand (laurisilva), u ta' foresti ta' siġar bil-weraq wesgħin (li jinkludu speċijiet introdotti bħall-Pittosporum undulatum), li jokkupaw, rispettivament, 2.9 % u 30 % tal-gżira. Il-Gżira ta' Pico hija l-unika gżira fl-Ażores fejn il-mergħat u l-bwar tal-ħaxix mhumiex il-pajsaġġ dominanti (jirrappreżentaw madwar 29 % biss tat-territorju).[9]
Bħall-kumplament tal-Ażores, il-Gżira ta' Pico ġarrbet deforestazzjoni estensiva wara l-okkupazzjoni tagħha. Filwaqt li xi artijiet, speċjalment mal-kosta, intużaw għall-abitazzjonijiet, il-maġġoranza kienu u għadhom jintużaw għall-biedja, għat-trobbija tal-bhejjem u għall-industrija tal-injam (tal-Cryptomeria). Barra minn hekk, diversi introduzzjonijiet ta' speċijiet eżotiċi fis-seklu 19, bħall-Hydrangea macrophylla, il-Pittosporum undulatum, il-Hedychium gardnerianum u l-Psidium cattleyanum, irriżultaw fl-invażjoni u l-qerda tal-ħabitats nattivi l-oħra.
Gaspar Frutuoso ta deskrizzjoni fil-qosor tal-flora tal-gżira seklu wieħed wara l-okkupazzjoni:
"Madwar il-gżira kollha hemm bosta siġar tal-injam taċ-ċedru [Juniperus brevifolia], sanguinho [Frangula azorica], siġar taċ-ċirasa qarsa [Prunus lusitanica], pau branco [Picconia azorica], faias [Morella faya], siġar tar-rand [Laurus azorica], u fuq kollox, siġar tal-injam tat-Taxus baccata, li jinstabu biss fil-Gżira ta' Pico [...] Hemm bosta rqajja' tas-siġar taċ-ċedru, tal-pau branco, tar-rand, tal-faia, tat-tamujo [Myrsine africana], arbuxelli [Erica azorica] kbar qishom siġar, sanguinhos, zimbro u laurustinus [Viburnum treleasei] [...]" — Gaspar Frutuoso, l-aħħar tas-seklu 16, Saudades da Terra, il-Ktieb VI. [10]
Iktar minn terz taż-żoni protetti tan-Natura 2000 tal-Ażores jinsabu fil-Gżira ta' Pico. Il-gżira għandha wkoll l-ikbar għadd ta' għerien vulkaniċi tal-lava fl-arċipelagu, saħansitra 86 minn 225.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżira ta' Pico, bħall-kumplament tal-gżejjer tal-arċipelagu, għandha klima marittima miti bi preċipitazzjoni għolja għall-biċċa l-kbira tas-sena, umdità għolja u riħ kostanti. Madankollu, minħabba l-varjazzjoni topografika mhux tas-soltu tagħha, it-temperaturi u l-livelli ta' preċipitazzjoni jvarjaw b'mod sinifikanti skont l-altitudni u l-post (ġeneralment, ix-xita tinżel l-iktar fil-Lvant). It-temperaturi jvarjaw b'madwar 8 °C bejn l-iktar xahar kiesaħ u sħun (Frar u Awwissu rispettivament).
F'elevazzjonijiet iktar baxxi, fejn tirresjedi l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni, il-Gżira ta' Pico għandha klima sottotropikali umduża (Köppen: Cfa; Thornthwaite: B) bi xtiewi miti u bix-xita (b'temperatura medja ta' madwar 14.5 °C (58.1 °F)) u bi sjuf sħan u ferm iktar nexfin (b'temperatura medja ta' madwar 22 °C (72 °F)) għalkemm ġeneralment mhux nexfin biżżejjed biex jiġu kklassifikati bħala Mediterranji. Għandha temperatura medja annwali ta' 17.5–18 °C (63.5–64.4 °F) u preċipitazzjoni ta' madwar 1,000 sa 1,600 mm (39 sa 63 pulzier) kull sena, għalkemm saħansitra 2,000 mm (79 pulzier) huma tipiċi tul il-kosta ċentrali tal-Grigal (São Roque, Prainha u Santo Amaro). Minħabba l-umdità relattiva għolja tagħha (madwar 80 %), is-sjuf jistgħu jinħassu li jkunu kemxejn iktar sħan milli fil-fatt ikunu.
F'elevazzjoni ogħla, bħall-Promontorju ta' Achada, it-temperaturi jkunu iktar kesħin u l-preċipitazzjoni tiżdied, b'hekk ikun hemm tranżizzjoni lejn klima oċeanika bix-xita (Köppen: Cfb; Thornthwaite: A), l-umdità relattiva medja tibqa' madwar 90 % u ċ-ċpar prodott mit-tberrid tal-mases tal-arja li jakkumulaw mill-oċean huwa persistenti, u min-naħa l-oħra, joħloq ambjent tipiku ta' foresta tas-sħab. Postijiet bħal-laguni ta' Caiado u ta' Paul ikollhom, rispettivament, 4,698 u 3,357 millimetru (185.0 u 132.2 pulzier) ta' preċipitazzjoni kull sena u huwa rikonoxxut li l-Muntanja ta' Pico jkollha l-ogħla preċipitazzjoni annwali fil-Portugall (iktar minn 5,000 mm (200 pulzier) fis-sena max-xaqlibiet tal-Grigal tal-vulkan).
F'madwar 1,200 m (3,900 pied), il-klima ssir oċeanika sottopolari (Cfc) (kemxejn komparabbli mal-Gżejjer Faroe). Meta l-altitudni taqbeż l-1,500 metru (4,900 pied) u jinqabeż is-saff tal-konfini planetarja, il-preċipitazzjoni u l-livelli ta' umdità jonqsu kif wieħed jasal qrib il-quċċata tal-vulkan b'preċipitazzjoni medja ta' madwar 500 millimetru (20 pulzier). It-temperaturi fil-quċċata tal-istratovulkan (~2,300 metru (7,500 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar) ilaħħqu medja ta' 2 °C (36 °F) u l-borra spiss tinżel fix-xhur l-iktar kesħin, u dan huwa wieħed mill-ftit postijiet fl-arċipelagu fejn dan il-fenomenu jseħħ. Il-klima hija kklassifikata bħala alpina fuq nett.
Il-Gżira ta' Pico rreġistrat l-ogħla temperatura li qatt ġiet irreġistrata fl-Ażores, 32.1 °C (89.8 °F) fis-7 ta' Settembru 1985 fl-Ajruport tal-Gżira ta' Pico u għalkemm ma hemm l-ebda stazzjon klimatiku fuq il-Muntanja ta' Pico, x'aktarx li l-gżira rreġistrat ukoll l-iżjed temperatura baxxa li qatt ġiet irreġistrata fl-arċipelagu.
Data klimatika għall-Ajruport tal-Gżira ta' Pico, Bandeiras, Madalena, il-Gżira ta' Pico, l-Ażores | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 16.6
(61.9) |
16.2
(61.2) |
16.7
(62.1) |
17.6
(63.7) |
19.3
(66.7) |
21.6
(70.9) |
24.1
(75.4) |
25.3
(77.5) |
24.2
(75.6) |
21.6
(70.9) |
19.1
(66.4) |
17.5
(63.5) |
20.0
(68.0) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 14.5
(58.1) |
13.9
(57.0) |
14.4
(57.9) |
15.2
(59.4) |
16.7
(62.1) |
19.0
(66.2) |
21.3
(70.3) |
22.4
(72.3) |
21.4
(70.5) |
19.2
(66.6) |
16.9
(62.4) |
15.4
(59.7) |
17.5
(63.5) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 12.4
(54.3) |
11.7
(53.1) |
12.2
(54.0) |
12.8
(55.0) |
14.2
(57.6) |
16.4
(61.5) |
18.5
(65.3) |
19.6
(67.3) |
18.7
(65.7) |
16.8
(62.2) |
14.8
(58.6) |
13.4
(56.1) |
15.1
(59.2) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 109.5
(4.31) |
113.8
(4.48) |
97.0
(3.82) |
68.1
(2.68) |
77.0
(3.03) |
35.9
(1.41) |
31.2
(1.23) |
63.0
(2.48) |
91.4
(3.60) |
130.6
(5.14) |
147.3
(5.80) |
144.2
(5.68) |
1,109
(43.66) |
Umdità relattiva medja (%) | 80 | 80 | 80 | 79 | 81 | 81 | 80 | 80 | 80 | 79 | 80 | 81 | 80 |
Sors 1: climate-data.org[11] | |||||||||||||
Sors 2: IPMA (preċipitazzjoni), (umdità mill-belt ta' Horta fil-qrib)[12] |
Data klimatika għal Cabeço do Teicho, 2017-2021, altitudni: ~ 850 m (2,790 ft) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 18.6
(65.5) |
20.5
(68.9) |
19.3
(66.7) |
18.2
(64.8) |
21.5
(70.7) |
21.0
(69.8) |
23.9
(75.0) |
25.0
(77.0) |
23.0
(73.4) |
23.4
(74.1) |
19.2
(66.6) |
18.3
(64.9) |
25.0
(77.0) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 12.0
(53.6) |
12.1
(53.8) |
12.1
(53.8) |
12.6
(54.7) |
14.8
(58.6) |
16.3
(61.3) |
19.5
(67.1) |
20.4
(68.7) |
18.6
(65.5) |
16.7
(62.1) |
13.8
(56.8) |
12.6
(54.7) |
15.1
(59.2) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 10.0
(50.0) |
8.8
(47.8) |
9.1
(48.4) |
9.9
(49.8) |
11.6
(52.9) |
13.2
(55.8) |
16.3
(61.3) |
17.2
(63.0) |
15.7
(60.3) |
14.0
(57.2) |
11.4
(52.5) |
10.2
(50.4) |
12.3
(54.1) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 7.7
(45.9) |
5.8
(42.4) |
6.5
(43.7) |
7.3
(45.1) |
8.6
(47.5) |
10.1
(50.2) |
13.0
(55.4) |
14.3
(57.7) |
13.1
(55.6) |
11.5
(52.7) |
9.1
(48.4) |
7.7
(45.9) |
9.6
(49.2) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 1.6
(34.9) |
1.3
(34.3) |
2.1
(35.8) |
2.7
(36.9) |
2.7
(36.9) |
4.2
(39.6) |
7.8
(46.0) |
8.5
(47.3) |
8.9
(48.0) |
6.5
(43.7) |
3.9
(39.0) |
2.2
(36.0) |
1.3
(34.3) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 636.9
(25.07) |
426.8
(16.80) |
275.3
(10.84) |
358.7
(14.12) |
275.3
(10.84) |
157.3
(6.19) |
83.1
(3.27) |
243.8
(9.60) |
270.0
(10.63) |
384.6
(15.14) |
581.5
(22.89) |
498.1
(19.61) |
4,191.4
(165) |
Umdità relattiva medja (%) | 90 | 87 | 91 | 91 | 89 | 90 | 88 | 91 | 91 | 91 | 93 | 91 | 90 |
Sors: Direção Regional do Ambiente[13] |
Ġeografija umana
[immodifika | immodifika s-sors]
|
Id-diffikultajiet ġeoloġiċi, ġeomorfoloġiċi u klimatiċi kellhom (u għad għandhom) rwol determinanti fl-attività ekonomika, fid-distribuzzjoni tal-agglomerazzjonijiet urbani u fl-evoluzzjoni demografika. Ix-xejra tal-insedjament huwa eżempju tajjeb tal-adattament nattiv għall-ġeografija fiżika speċifika ta' din il-gżira, li żviluppat l-iktar tul il-kosta u tul it-toroq tal-komunikazzjoni. Iċ-ċentri urbani u l-muniċipalitajiet prinċipali jinsabu qrib il-baħar: Madalena, São Roque do Pico u Lajes do Pico.
Fir-rigward tal-imġiba demografika, il-popolazzjoni kompliet tonqos minn nofs l-aħħar seklu, u din ix-xejra għadha għaddejja sa llum il-ġurnata. Madankollu, is-snin 60 u 70 tas-seklu 20 kienu deċennji fejn kien hemm rata ta' varjazzjoni fil-popolazzjoni li kienet iktar negattiva, minħabba ż-żieda intensiva fl-emigrazzjoni li ġiet iġġenerata f'dak iż-żmien u li kienet ġeneralizzata fl-arċipelagu kollu. Għad-differenza ta' gżejjer oħra fl-Ażores, fis-snin 90 tas-seklu 20 is-sitwazzjoni ma nbidlitx, u baqgħet tirreġistra varjazzjoni negattiva fil-popolazzjoni (-2.6 %), saħansitra ogħla minn dik irreġistrata fis-snin 80 tas-seklu 20. Skont l-14-il Ċensiment Ġenerali tal-Popolazzjoni (INE, 2002), il-popolazzjoni kienet tammonta għal 14,806 abitant, jiġifieri kien hemm tnaqqis ta' 396 abitant meta mqabbel mal-1991. Fl-2001, il-muniċipalità ta' Madalena kellha l-ikbar popolazzjoni (6,136 ruħ), segwita minn Lajes do Pico (5,041 ruħ) u São Roque (3,629 ruħ). Id-densità tal-popolazzjoni (33.3 abitant/km2) kienet fost l-iktar baxxi fl-arċipelagu u l-istruttura tal-età wriet sinjali ta' tixjiħ, b'iktar minn 50 % tal-popolazzjoni b'età ta' bejn 25 u 64 sena, meta mqabbel ma' 30 % żgħażagħ u madwar 20 % anzjani.
Mill-2021, huwa stmat li l-popolazzjoni totali hija ta' madwar 13,895 abitant.
-
Ir-raħal ta' Madalena fil-bażi tal-Punent tal-muntanja Pico; veduta mill-fliegu bejn Faial u Pico.
-
Lajes do Pico, tul il-kosta ċentrali u tan-Nofsinhar, bil-muntanja Pico fl-isfond.
-
Il-port u ċ-ċentru storiku tal-parroċċa ċivili ta' São Roque, bil-mużew tal-kaċċa tal-balieni u eks fabbrika tul il-kosta.
-
In-naħa tal-Lvant tal-gżira; veduta mill-muntanja Pico.
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]Storikament, il-Gżira ta' Pico kienet dipendenti ferm fuq il-Gżira ta' Faial għall-attivitajiet ekonomiċi, politiċi u soċjali tagħha, u għadha hekk sa llum il-ġurnata, għalkemm dan tnaqqas permezz tad-dinamiki imprenditorjali tal-popolazzjoni tagħha u permezz taċ-ċentralitajiet maħluqa mir-reġim awtonomu. Ir-relazzjonijiet mill-qrib mal-Gżira ta' Faial għadhom stabbiliti fir-rotot marittimi li jaqsmu l-fliegu kuljum. Is-sajd huwa wieħed mill-attivitajiet prinċipali tas-settur primarju, speċjalment is-sajd tat-tonn għall-industrija tat-tonn tal-laned, li timpjega l-iktar lin-nisa fl-ipproċessar tal-ħut. L-irziezet tal-baqar tal-ħalib jipprovdu l-materja prima lid-diversi fabbriki tal-ġobon, li jipproduċu prodotti apprezzati ferm għall-karatteristiċi artiġjanli tagħhom.
Attwalment, is-setturi sekondarji u terzjarji għandhom l-ikbar dinamiżmu, u jimpjegaw madwar 30 % u 50 % tal-popolazzjoni attiva, rispettivament, minħabba t-tkabbir fl-offerta tas-servizzi u l-installazzjoni ta' fergħat tal-amministrazzjoni reġjonali, li jiġġeneraw impjiegi speċjalizzati. Ir-rata ta' impjieg żdiedet fis-snin 90 tas-seklu 20, minn 35 % għal 40 %, u kuntrarjament għall-medja reġjonali, ir-rata tal-qgħad baqgħet stabbli mill-1991 sal-2001 (3.2 %). Madankollu, il-livell tal-edukazzjoni għadu baxx, u l-biċċa l-kbira tal-abitanti attendew biss l-ewwel ċiklu tal-edukazzjoni bażika. Ta' min jinnota li 4.3 % biss attendew l-edukazzjoni għolja, jiġifieri inqas mill-medja reġjonali (5.2 %). Din is-sitwazzjoni, flimkien mal-perċentwal li għadu sinifikanti ta' ħaddiema fis-settur primarju (20 %), tindika panorama mhux favorevoli f'termini ta' kwalifiki professjonali fost il-popolazzjoni attiva.
Bħal fi gżejjer oħra, it-turiżmu huwa attività emerġenti fil-Gżira ta' Pico, u jitqies bħala pilastru strateġiku għad-diversifikazzjoni tal-bażi ekonomika. L-offerta tal-akkomodazzjoni mxiet 'il quddiem, u pprovat tlaħħaq mad-domanda tas-suq li kulma jmur qed tqis lill-Gżira ta' Pico bħala destinazzjoni turistika, b'lukandi u akkomodazzjonijiet b'ħames stilel u b'akkomodazzjonijiet b'erba' stilel fiż-żoni rurali. Is-servizzi ta' appoġġ għall-viżitaturi u l-istabbilimenti ta' ristoranti, tal-kultura, tal-karozzi tal-kiri, tad-divertiment tat-turisti, fost l-oħrajn, qed jimmultiplikaw. Bħala ċ-ċentru prinċipali tal-kaċċa tal-balieni fl-Ażores, l-aġenti ekonomiċi kienu jafu kif jittrasformaw il-kaċċa tal-balieni f'negozju li qed jiffjorixxi, permezz tal-attivazzjoni mill-ġdid ta' attività anċestrali b'wirt kbir ta' interess storiku u kulturali (dgħajjes, bastimenti tal-kaċċa tal-balieni, punti tal-osservazzjoni, eks industriji tal-manifattura, eċċ.). Il-qbid tal-gabdoll (Physeter macrocephalus) għall-estrazzjoni taż-żejt u għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali waqaf għalkollox fis-snin 80 tas-seklu 20, minħabba s-sostituzzjoni ta' prodotti derivati mill-balieni u l-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali. L-ewwel operatur tal-ġiti turistiċi biex wieħed jara l-balieni fetaħ f'Lajes do Pico, b'madwar 26 kumpanija marbuta ma' attivitajiet nawtiċi.
Inbid u vitikultura ta' Pico
[immodifika | immodifika s-sors]Il-vitikultura fil-Gżira ta' Pico Island bdiet fl-aħħar tas-seklu 15, meta beda l-insedjament tal-gżira. Il-vinji tal-Verdelho kellhom il-kundizzjonijiet ideali biex jikbru u jimmaturaw fil-ħamrija vulkanika u fil-ħitan tas-sejjieħ vulkaniċi (magħrufa wkoll bħala currais). Iktar 'il quddiem, l-inbid ġie esportat lejn bosta pajjiżi fl-Ewropa u fl-Amerki, u laħaq saħansitra l-imwejjed tal-qorti Russa. Snin wara, il-produzzjoni tal-inbid ma baqgħetx attività ekonomika daqstant importanti daqs kemm kienet, minkejja tentattivi biex jittejbu l-varjetajiet u inċentivi għar-restawr tal-currais. Il-vinji, li jimmarkaw il-pajsaġġ tal-gżira u l-prattiki kulturali anċestrali, ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.
Turiżmu sostenibbli
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2012, il-Gżira ta' Pico ngħatat il-Premju tad-Deheb għall-Kwalità tal-Kosta għall-isforzi tagħha biex issir destinazzjoni turistika sostenibbli. Għal din ir-raġuni wkoll, il-Gżira ta' Pico ntgħażlet għall-inklużjoni fl-atlas globali għat-turiżmu sostenibbli ta' DestiNet.[14]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ tal-Vitikultura tal-Gżira ta' Pico ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- José da Costa Nunes (twieled fl-1880 f'Candelaria do Pico – miet fl-1976), Kardinal tal-Knisja Kattolika Rumana, Isqof ta' Macao fl-1920-1940 u Patriarka tal-Indji tal-Lvant fl-1940-1953.
- José Vieira Alvernaz (twieled fl-1898 f'Ribeirinha – miet fl-1986), prelat Portugiż, Isqof ta' Cochin, Arċisqof ta' Goa u Daman u Patriarka tal-Indji tal-Lvant.
- Arquimínio Rodrigues da Costa (twieled fl-1924 f'São Mateus – miet fl-2016), prelat tal-Knisja Kattolika, Isqof tad-Djoċesi ta' Macao fl-1976-1988.
- Fernando Machado Soares (twieled fl-1930 f'São Roque do Pico – miet fl-2014), kantant tal-fado, poeta, kompożitur, ġurista u mħallef irtirat.
- Manuel da Silva Rosa (twieled fl-1961 f'Madalena), kittieb Portugiż Amerikan dwar Kristofru Kolombu
- Caesar DePaço (twieled fl-1965 f'Madalena), negozjant kontroversjali u eks konslu għall-Portugall u għal Cabo Verde.
- Duarte Freitas (twieled fl-1966 f'São Roque do Pico), politiku u eks Membru tal-Parlament Ewropew.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Il-bajja tar-ramel iswed ta' Canto da Areia.
-
Il-Laguna ta' Grotões.
-
Is-siġra antika Dracaena draco ħdejn il-Mużew tal-Inbid ta' Pico.
-
Pico IPR.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Landscape of the Pico Island Vineyard Culture". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-14.
- ^ "Azores GreenMark - Os Açores". www.azoresgreenmark.com (bil-Portugiż). Miġbur 2022-12-14.
- ^ França, Zilda; Forjaz, Victor-Hugo; Ribeiro, Carlos; Vaz, Amélia; Ribeiro, Elvira; Azevedo, Eduardo; Tavares, Jorge; Almeida, Luis (2014). Forjaz, Victor-Hugo (ed.). Pico Island Natural History Handbook. Ponta Delgada: Observatório Vulcanológico e Geotérmico dos Açores. pp. 10–11. ISBN 978-989-8164-16-2.
- ^ DRC. "Direção Regional da Cultura". Cultura Açores (bil-Portugiż). Miġbur 2022-12-14.
- ^ "Vulcão do Pico". www.ivar.azores.gov.pt. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-06-11. Miġbur 2022-12-14.
- ^ "Sistema Vulcânico Fissural do Pico". www.ivar.azores.gov.pt. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-12-14. Miġbur 2022-12-14.
- ^ "Baleeiros açorianos: a história que não se repete" (bil-Portugiż). Miġbur 2022-12-14.
- ^ "Unidades Vulcanológicas". www.ivar.azores.gov.pt. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-12-14. Miġbur 2022-12-14.
- ^ "Bijoma" (PDF).
- ^ Frutuoso, Gaspar. "Livro Sexto das Saudades da Terra" (PDF).
- ^ "São Roque do Pico climate: Average Temperature, weather by month, São Roque do Pico water temperature - Climate-Data.org". en.climate-data.org. Miġbur 2022-12-14.
- ^ "Atlas" (PDF).
- ^ "RHDA".
- ^ "DestiNet" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-09-18. Miġbur 2022-12-14.