Gżejjer tan-Nofsinhar u Ibħra Awstrali Franċiżi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-veġetazzjoni tal-Gżejjer Kerguelen.

Il-Gżejjer tan-Nofsinhar u Ibħra Awstrali Franċiżi (bil-Franċiż: Terres australes et antarctiques françaises, TAAF) huma territorju ekstra-Ewropew (bil-Franċiż: Territoire d'outre-mer, TOM) ta' Franza. Jikkonsistu minn:

  1. Terre Adélie, art iddikjarata Franċiża fil-kontinent tal-Antartika;
  2. il-Gżejjer Crozet, grupp ta' gżejjer fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan, fin-Nofsinhar ta' Madagascar;
  3. l-Arċipelagu ta' Kerguelen, grupp ta' gżejjer vulkaniċi fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan, fix-Xlokk tal-Afrika;
  4. il-Gżejjer ta' San Pawl u ta' Amsterdam, grupp ta' gżejjer fit-Tramuntana tal-Gżejjer ta' Kerguelen.
  5. il-Gżejjer Sparpaljati, grupp ta' gżejjer sparpaljati madwar il-kosta ta' Madagascar.

It-territorju xi kultant jissejjaħ bħala l-Artijiet Franċiżi tan-Nofsinhar (bil-Franċiż: Terres australes françaises) jew it-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar,[1] normalment biex issir enfasi fuq in-nuqqas ta' rikonoxximent tas-sovranità Franċiża fir-rigward ta' Terre Adélie bħala parti mis-Sistema tat-Trattat Antartiku.[2]

It-territorju kollu ma fih l-ebda abitant insedjat b'mod permanenti. Bejn wieħed u ieħor 150 (fix-xitwa) sa 310 (fis-sajf) persuni jkunu preżenti fil-Gżejjer tan-Nofsinhar u l-Ibħra Awstrali Franċiżi, iżda dawn jikkonsistu l-iktar minn persunal militari, uffiċjali, riċerkaturi xjentifiċi u persunal ta' appoġġ.[3]

Fil-5 ta' Lulju 2019, il-Gżejjer Crozet, il-Gżejjer Kerguelen, u l-Gżejjer ta' San Pawl u ta' Amsterdam tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala l-Gżejjer tan-Nofsinhar u Ibħra Awstrali Franċiżi bis-saħħa tan-natura selvaġġa mhux mittiefsa, il-bijodiversità u kolonji enormi ta' għasafar.[4][5]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Skoperta[immodifika | immodifika s-sors]

Il-gżejjer bdew jiġu skoperti fis-seklu 16, meta l-Ispanjoli skoprew il-Gżira ta' Amsterdam fit-18 ta' Marzu 1522, li iktar 'il quddiem spiċċat f'idejn l-Olandiżi li tawha isimha. Il-Gżira ta' San Pawl ġiet skoperta fl-1559 mill-Portugiżi. Il-Gżejjer Crozet ġew skoperti fl-24 ta' Jannar 1772 mill-esploratur Franċiż Marc-Joseph Marion du Fresne matul spedizzjoni. Terre Adelie kienet minn tal-aħħar li ġiet skoperta, fl-1840 mill-Franċiżi waqt spedizzjoni mmexxija minn Jules Dumont d'Urville, li iktar 'il quddiem sar l-isem li ngħata lill-impjant tar-riċerka fil-gżira msemmija għalih.

Il-gżejjer ġew irrikonoxxuti uffiċjalment bil-liġi fis-6 ta' Awwissu 1956. B'hekk ġiet irroftata l-liġi li għaddiet fl-1924 li rabtet it-territorju mal-Gvern Ġenerali ta' Franza f'Madagascar

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gżejjer tan-Nofsinhar u l-Ibħra Awstrali Franċiżi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESO fl-2019 u ż-żona ta' lqugħ tas-sit ġiet estiża fl-2023.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[5]

Amministrazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gżejjer tan-Nofsinhar u l-Ibħra Awstrali Franċiżi ffurmaw territorju ekstra-Ewropew Franċiż fl-1955. Qabel, it-territorju kien amministrat minn Pariġi minn amministratur superjuri (bil-Franċiż: administrateur supérieur) megħjun minn segretarju ġenerali; madankollu, minn Diċembru 2004, l-amministratur tagħhom ikollu prefett (bil-Franċiż: préfet), li attwalment huwa Florence Jeanblanc-Risler, b'Saint Pierre fil-Gżira ta' Réunion bħala l-kwartieri ġenerali tiegħu.

L-ammistrazzjoni tat-TAAF, l-Istitut Polari Franċiż ta' Paul-Émile Victor (IPEV) u l-Flotta Navali Franċiża joperaw flimkien il-bastiment li jbaħħar fis-silġ u jkissru msejjaħ Astrolabe li huwa bbażat fil-Gżira ta' Reunion. Il-bastiment jintuża kemm għat-trasport tal-persunal kif ukoll għat-trasport tal-provvisti lejn l-Impjant ta' Dumont d'Urville u għal dmirijiet tar-riċerka u ta' monitoraġġ.

It-territorju huwa maqsum f'ħames distretti:

Distrett Ċentru amministrattiv Popolazzjoni Erja EEZ
Xitwa Sajf (km2)
Terre Adélie Impjant ta' Dumont d'Urville 30 110 432,000
Gżejjer Crozet Alfred Faure 25 45 352 567,475
Gżejjer Kerguelen Port-aux-Français 70 110 7,215 563,869
Gżejjer ta' San Pawl u ta' Amsterdam Martin-de-Viviès 25 45 61 502,533
Gżejjer Sparpaljatia Saint Pierreb, Réunion 56 56 38.4 640,400
TAAF Saint Pierrec, Réunion 206 366 439,666.4 2,274,277

a Skont il-liġi l-ġdida 2007-224 tal-21 ta' Frar 2007, il-Gżejjer Sparpaljati jikkostitwixxu l-ħames distrett tat-TAAF. Is-sit web tat-TAAF ma jsemmix il-popolazzjoni tagħhom. Id-data mhix inkluża fit-totali.

b L-impjant prinċipali tal-Gżejjer Sparpaljat jinsab fil-Gżira ta' Tromelin. Il-kwartieri ġenerali tal-kap distrettwali jmorru lil hinn mit-TAAF, f'Saint Pierre fil-Gżira ta' Réunion.

c L-impjant prinċipali tat-territorju huwa dak ta' Martin-de-Viviès fil-Gżira ta' Amsterdam. Il-belt kapitali u l-kwartieri ġenerali tal-amministratur terrestri jinsabu lil hinn mit-TAAF, f'Saint Pierre fil-Gżira ta' Réunion.

Kull distrett huwa mmexxi minn kap distrettwali, li għandu setgħat simili għal dawk ta' sindku Franċiż (inkluż ir-reġistru tat-twelid u tal-mewt, u r-rwol ta' uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja).

Minħabba li ma hemm l-ebda popolazzjoni permanenti fit-territorju, ma hemm l-ebda assemblea eletta, u t-territorju ma jibgħatx ir-rappreżentanti tiegħu fil-parlament nazzjonali.

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa tal-Gżejjer tan-Nofsinhar u l-Ibħra Awstrali Franċiżi.

It-territorju jinkludi l-Gżejjer Crozet, il-Gżejjer Kerguelen, u l-Gżejjer ta' San Pawl u ta' Amsterdam fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan qrib il-koordinati 43°S, 67°E, flimkien ma' Terre Adélie, is-settur tal-Antartika li tagħmel ma' Franza, u li ngħatat isimha mill-esploratur Franċiż Jules Dumont d'Urville f'ġieħ martu.

Terre Adélie (madwar 432,000 km2 jew 167,000 mil kwadru) u l-gżejjer, b'erja totali ta' 7,781 km2 (3,004 mili kwadri), ma għandhom l-ebda abitant indiġenu, għalkemm fl-1997 kien hemm madwar 100 riċerkatur tul ix-xitwa (Lulju) u s-sajf (Jannar).

Gżejjer ta' Amsterdam u ta' San Pawl huma vulkani estinti u ġew iddeżinjati bħala ekoreġjun tal-bwar tal-ħaxix miti tal-Gżejjer ta' Amsterdam u ta' San Pawl. L-ogħla punt fit-territorju huwa l-quċċata ta' Mont Ross fil-Gżira ta' Kerguelen (1,850 metru (6,070 pied)). Fil-gżejjer ma tantx hemm wisq minn fejn jinżlu u jitilgħu l-ajruplani; jeżistu biss fil-gżejjer fejn hemm impjanti tat-tbassir tat-temp, u l-1,232 kilometru (766 mil) ta' kosti ma għandhom l-ebda port, iżda ankraġġi lil hinn mill-kosta biss.

Il-gżejjer fl-Oċean Indjan jiġu fornuti mill-bastiment speċjali Marion Dufresne li jbaħħar minn Le Port fil-Gżira ta' Réunion. Terre Adélie tiġi fornuta mill-bastiment Astrolabe li jbaħħar minn Hobart fit-Tażmanja.

Madankollu, it-territorju għandu flotta marittima merkantili kumplessiva (fl-1999) ta' 2,892,911 GRT/5,165,713-il tunnellata, inkluż seba' bastimenti marittimi tal-merkanzija kbira, ħames bastimenti tal-merkanzija normali, għaxar tankers tas-sustanzi kimiċi, disa' bastimenti tat-trasport tal-kontejners, sitt bastimenti tat-trasport tal-gass likwifikat, 24 tanket taż-żejt, bastiment tal-merkanzija tal-friża, u għaxar bastimenti tat-trasport marittimu roll-on/roll-off (RORO). Din il-flotta tinżamm bħala subsett tar-reġistru Franċiż li jippermetti lill-bastimenti b'sjieda Franċiża joperaw taħt tassazzjoni iktar liberali u b'regolamenti tal-għadd ta' persunal iktar permissivi mir-reġistru Franċiż prinċipali. Madankollu, dan ir-reġistru se jiġi sostitwit mir-Reġistru Franċiż Internazzjonali (bil-Franċiż: Registre International Français, RIF).

Flora u fawna[immodifika | immodifika s-sors]

Volcan du Diable f'Grande Terre, Kerguelen.

Minħabba l-iżolament tagħhom, il-gżejjer Franċiżi fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan jikkonsistu minn waħda mill-ikbar żoni ta' natura selvaġġa mhux mittiefsa fid-Dinja. Barra minn hekk, il-gżejjer huma ppożizzjonati tul il-Konverġenza tal-Antartika, fejn it-taqlib fil-kurrenti joħloq ilmijiet rikki fin-nutrijenti. B'hekk, l-għasafar u l-mammiferi marittimi jinġemgħu fil-gżejjer b'abbundanza kbira. Iktar minn 50 miljun għasfur ta' 47 speċi jitnisslu fil-gżejjer, inkluż iktar minn nofs il-popolazzjoni tat-tnissil ta' 16-il speċi differenti. L-ikbar popolazzjoni ta' pingwini tal-ispeċi Aptenodytes patagonicus u tal-albatross Indjan fid-Dinja fil-Gżejjer Crozet u fil-Gżira ta' Amsterdam, rispettivament. Speċijiet mhedda oħra ta' għasafar b'popolazzjonijiet importanti fil-gżejjer jinkludu l-ganga ta' Eaton, il-prijun ta' MacGillivray, u l-albatross ta' Amsterdam, li huwa wieħed mill-erba' speċijiet ta' għasafar endemiċi tal-gżejjer. Il-Gżejjer tan-Nofsinhar u Ibħra Awstrali Franċiżi fihom ukoll it-tieni l-ikbar popolazzjoni ta' foki tan-Nofsinhar tad-Dinja, li jammontaw bejn wieħed u ieħor għal 200,000 individwu, u t-tielet l-ikbar popolazzjoni tal-foka tal-Antartika.

Minħabba l-iżolament u l-pożizzjoni subpolari tagħhom, il-Gżejjer tan-Nofsinhar u l-Ibħra Awstrali Franċiżi ma tantx fihom wisq veġetazzjoni, u l-Gżejjer ta' Saint-Paul u Crozet ma fihom l-ebda speċi ta' siġar jew arbuxxelli nattivi. Madankollu, tmienja mis-36 speċi ta' pjanti huma endemiċi. Xi speċijiet ta' invertebrati endemiċi ġew irreġistrati fil-gżejjer, inkluż kamla u dubbien li tilfu l-ġwienaħ tagħhom fid-dawl tal-assenza ta' predaturi.

Ekonomija[immodifika | immodifika s-sors]

Rappreżentazzjoni proporzjonali tal-esportazzjonijiet tal-Gżejjer tan-Nofsinhar u l-Ibħra Awstrali Franċiżi fl-2019.

Ir-riżorsi naturali tat-territorju huma limitati għal ħut u krustaċji. L-attività ekonomika hija limitata għas-servizzi tal-impjanti tar-riċerka meteoroloġika u ġeofiżika u għal flotot oħra tas-sajd Franċiżi.

Ir-riżorsi prinċipali tal-ħut huma l-pixxisinna tal-Patagonja u l-awwista roża. It-tnejn jinqabdu mill-flotot barranin; minħabba dan jingħataw il-multi u/jew jissekwestrawlhom il-bastiment.

Franza qabel kienet tbiegħ il-liċenzji lis-sajjieda barranin sabiex ikunu jistgħu jistadu l-pixxisinna tal-Patagonja; minħabba s-sajd eċċessiv, issa s-sajd huwa ristrett għal għadd żgħur ta' ħut mill-Gżira ta' Réunion.

It-territorju jdaħħal dħul ta' madwar €16-il miljun kull sena.

Postijiet u Impjanti Xjentifiċi[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-territorju ma hemm l-ebda popolazzjoni permanenti iżda hemm xi inħawi li fihom impjanti tar-riċerka. Il-Gżira ta' Amsterdam għandha impjant meteoroloġiku. Il-Gżejjer Crozet fiha l-impjant tar-riċerka ta' Alfred Faure li jospita madwar 20-30 ruħ. Wieħed mill-impjanti tar-riċerka l-iktar popolati huwa dawn tal-Gżejjer Kerguelen, b'50-100 riċerkatur f'Port-aux-Francais. Il-Gżejjer Sparpaljati fihom gwarniġjon militari Franċiż u huwa post importanti għall-meteoroloġija. L-impjant ta' Dumont d’Urville huwa żona vitali għall-istudju tal-organiżmi selvaġġi, tal-atmosfera u tal-għata tas-silġ polari.

Kodiċijiet[immodifika | immodifika s-sors]

It-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar (jiġifieri t-TAAF minbarra Terre Adélie) ingħataw il-kodiċijiet tal-pajjiżi li ġejjin: FS (FIPS) u TF (ISO 3166-1 alfa-2).

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "French Southern Territories". www.iso.org. Miġbur 2024-02-15.
  2. ^ French Southern and Antarctic Lands (bl-Ingliż). Central Intelligence Agency. 2024-02-13. Miġbur 2024-02-15.
  3. ^ "The French Southern and Antarctic Lands". web.archive.org. 2017-05-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-05-26. Miġbur 2024-02-15.
  4. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Five sites inscribed on UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-15.
  5. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "French Austral Lands and Seas". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-15.