Gżejjer Marquesas
Il-Gżejjer Marquesas (pronunzja: /mɑːrˈkeɪsəs/ mar-KAY-səss; bil-Franċiż: Îles Marquises jew Archipel des Marquises jew Marquises [maʁkiz]; bil-lingwa tal-Gżejjer Marquesas: Te Henua ʻEnana (bil-lingwa tal-Gżejjer Marquesas tat-Tramuntana) u Te Fenua ʻEnata (bil-lingwa tal-Gżejjer Marquesas tan-Nofsinhar), li t-tnejn ifissru "l-art tal-irġiel") huma arċipelagu jew grupp ta' gżejjer vulkaniċi fil-Polineżja Franċiża, territorju ekstra-Ewropew ta' Franza fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku. L-ogħla punt tagħhom hija l-quċċata tal-Muntanja Oave (bil-Franċiż: Mont Oave) fuq il-gżira ta' Ua Pou, 1,230 metru (4,035 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar.[1]
Ir-riċerka arkeoloġika tissuġġerixxi li l-gżejjer ġew kolonizzati fis-seklu 10 W.K. minn vjaġġaturi mill-Punent tal-Polineżja.[2] Matul is-sekli ta' wara, il-gżejjer irnexxielhom jibqa' jkollhom "kultura, bijoloġija u lingwa tassew uniformi".[3] Il-Gżejjer Marquesas ingħataw isimhom f'ġieħ il-Viċirè Spanjol tal-Perù tas-seklu 16, il-Markiż ta' Cañete (bl-Ispanjol: Marqués de Cañete), min-navigatur Álvaro de Mendaña, li żarhom fl-1595.
Il-Gżejjer Marquesas jikkostitwixxu waħda mill-ħames suddiviżjonijiet amministrattivi (bil-Franċiż: subdivisions administratives) tal-Polineżja Franċiża. Il-belt kapitali tas-suddiviżjoni amministrattiva tal-Gżejjer Marquesas hija Taiohae fuq il-gżira ta' Nuku Hiva. Il-popolazzjoni tal-Gżejjer Marquesas kienet tammonta għal 9,346 ruħ skont l-aħħar ċensiment ta' Awwissu 2017.[4]
L-arċipelagu tal-Gżejjer Marquesas huwa wieħed mill-iżjed postijiet remoti fid-dinja. Jinsab madwar 1,370 kilometru (850 mil) fil-Grigal ta' Tahiti u madwar 4,800 kilometru (3,000 mil) fil-Lbiċ tal-Messiku (l-eqreb massa ta' art kontinentali). Huwa maħsub li l-gżejjer iffurmaw minn ċentru ta' magma li telgħet 'il fuq, imsejjaħ il-hotspot tal-Gżejjer Marquesas. Il-gżejjer fl-arċipelagu jinqasmu f'żewġ diviżjonijiet ġeografiċi naturali. Waħda hija magħmula mill-grupp tat-Tramuntana, li jikkonsisti minn Eiao, Hatutu (Hatutaa), Motu One, u l-gżejjer ta' madwar il-gżira l-kbira ta' Nuku Hiva: Motu Iti, imsejħa wkoll Hatu Iti; Ua Pou; Motu Oa; u Ua Huka). Id-diviżjoni l-oħra hija magħmula mill-grupp tan-Nofsinhar, li jikkonsisti minn Fatu Uku, Tahuata, Moho Tani (Motane), Terihi, Fatu Hiva, u Motu Nao (imsejħa wkoll il-Blata ta' Thomasset), li huma raggruppati madwar il-gżira prinċipali ta' Hiva ʻOa.
Il-Gżejjer Marquesas huma fost l-ikbar gruppi ta' gżejjer fil-Polineżja Franċiża. L-erja tal-art tagħhom f'daqqa tammonta għal 1,049 kilometru kwadru (405 mili kwadri). Waħda mill-gżejjer fil-grupp, Nuku Hiva, hija t-tieni l-ikbar gżira fit-territorju kollu (wara Tahiti). Bl-eċċezzjoni ta' Motu One, il-Gżejjer Marquesas kollha għandhom oriġini vulkanika.
Għalkemm il-Polineżja donnha tiġi assoċjata ma' immaġnijiet ta' veġetazzjoni tropikali folta, u l-Gżejjer Marquesas jinsabu fi ħdan it-tropiċi, huma tassew nexfin. Dan minħabba li jikkostitwixxu l-ewwel ostaklu ewlieni għall-irjieħ prevalenti mil-Lvant li joriġinaw mill-Kurrent ta' Humboldt li huwa (atmosferikament) niexef. B'hekk il-Gżejjer Marquesas huma soġġetti għal kundizzjonijiet ta' nixfa frekwenti. L-uniċi gżejjer li jkollhom perjodi ta' preċipitazzjoni huma l-iktar għoljin (ġeneralment ogħla minn 750 metru (2,460 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar). Storikament, dawn il-kundizzjonijiet wasslu għal fluttwazzjonijiet perjodiċi fid-disponibbiltà tal-ilma ħelu. In-nuqqas perjodiku tal-ilma wassal biex minn żmien għal żmien l-abitazzjoni umana tkun sostenibbli biss f'ċerti partijiet tad-diversi gżejjer tal-arċipelagu. Pereżempju, il-gżira ta' Ua Huka (b'elevazzjoni massima ta' 857 metru (2,812-il pied)) għandha storja ta' livelli baxxi ta' popolazzjoni, u l-gżira ta' Eiao (b'elevazzjoni massima ta' 576 metru (1,890 pied)) minn żmien għal żmien kienet diżabitata.
Gżejjer
[immodifika | immodifika s-sors]Gżejjer Marquesas tat-Tramuntana
[immodifika | immodifika s-sors]- Eiao;
- Hatutu;
- Motu Iti;
- Motu Oa;
- Motu One;
- Nuku Hiva;
- Ua Huka;
- Ua Pou.
Gżejjer Marquesas tan-Nofsinhar
[immodifika | immodifika s-sors]- Fatu Hiva;
- Fatu Huku;
- Hiva ʻOa;
- Moho Tani;
- Motu Nao;
- Tahuata;
- Terihi.
Muntanji tal-baħar
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm ukoll għadd ta' muntanji tal-baħar, li jinsabu primarjament fl-inħawi tal-Gżejjer Marquesas tat-Tramuntana. Fosthom hemm:
- Clark Bank;
- Hinakura Bank;
- Lawson Bank;
- Jean Goguel Bank.
Il-biċċa l-kbira tal-Gżejjer Marquesas għandhom oriġini vulkanika, u nħolqu mill-hotspot tal-Gżejjer Marquesas li tinsab taħt il-Plakka Tettonika tal-Paċifiku. Il-Gżejjer Marquesas jinsabu fuq promontorju vulkaniku ta' taħt il-baħar bl-istess isem. Huwa maħsub li ġeneralment il-promontorju, l-istess bħall-gżejjer, għandu inqas minn 5 miljun sena, għalkemm ipoteżi ssostni li l-promontorju (mhux il-gżejjer) huwa tassew eqdem, u ġie ffurmat minn forzi simili għal dawk li ffurmaw il-Promontorju tal-Inka, li qed jesperjenza l-fenomenu tas-subduzzjoni taħt it-Tramuntana tal-Perù.
Huwa stmat li l-Gżejjer Marquesas għandhom bejn 1.3 miljun sena (Fatu Hiva) u 6 miljun sena (Eiao). Kollha kemm huma għajr Motu One huma gżejjer vulkaniċi. Motu One hija gżira baxxa, li tikkonsisti minn xatt żgħir tar-ramel fuq skoll tal-qroll, l-unika skoll tal-qroll fil-Gżejjer Marquesas. Għad-differenza tal-biċċa l-kbira tal-gżejjer tal-Polineżja Franċiża, il-Gżejjer Marquesas (għajr Motu One) mhumiex imdawra bi skolli mifruqa protettivi tal-qroll. F'dawk il-gżejjer, il-qroll jinstab biss fil-bajjiet u f'żoni protetti oħra, jew fil-każ ta' Fatu Huku, f'post mhux tas-soltu: f'forma fossilizzata fil-quċċata tal-gżira. Il-Kurrent Ekwatorjali tan-Nofsinhar jonfoħ fuq dawn il-gżejjer b'qilla liema bħalha; il-qawwa tiegħu naqqxet l-għerien tal-baħar li jinsabu max-xtut tagħhom. Għalkemm il-gżejjer għandhom widien li jitbattlu f'bajjiet żgħar, huma notevoli għall-muntanji tagħhom, li jieqfu ħesrem f'irdumijiet f'xifer il-baħar.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]It-temperaturi fil-Gżejjer Marquesas huma stabbli s-sena kollha. Il-preċipitazzjoni hija tassew varjabbli: tinżel iktar fiż-żoni kostali u fil-muntanji tat-Tramuntana u tal-Lvant (favur l-irjieħ), b'medja ta' 2,500 millimetru (98 pulzier) fis-sena; tinżel ferm inqas fiż-żoni tal-Punent (imkennija mill-irjieħ). Il-preċipitazzjoni annwali medja fir-reġjun "deżert" ta' Nuku Hiva hija ta' 510 millimetru (20 pulzier) biss. In-nixfiet huma frekwenti, u xi kultant idumu diversi snin, u jidher li huma assoċjati mal-fenomenu ta' El Niño. Il-varjabbiltà tipika tal-klima tal-livell tal-baħar fil-Gżejjer Marquesas toħroġ fid-dieher sew mill-kejliet tal-impjant tat-temp ta' Atuona fuq il-gżira ta' Hiva ʻOa: l-ogħla preċipitazzjoni annwali li qatt ġiet irreġistrata hemmhekk hija ta' 3,760 millimetru (148 pulzier); l-inqas preċipitazzjoni hija ta' 560 millimetru (22 pulzier).
Data klimatika Atuona, Hiva Oa | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Medja massima kuljum °C (°F) | 30 (86) |
31 (87) |
31 (87) |
31 (87) |
29 (85) |
29 (84) |
28 (83) |
28 (83) |
29 (84) |
29 (85) |
30 (86) |
30 (86) |
29 (85) |
Medja kuljum °C (°F) | 27 (81) |
27 (81) |
28 (82) |
28 (82) |
27 (80) |
26 (79) |
26 (78) |
26 (78) |
26 (79) |
26 (79) |
27 (80) |
27 (81) |
27 (80) |
Medja minima kuljum °C (°F) | 23 (74) |
24 (75) |
24 (76) |
24 (76) |
24 (75) |
23 (74) |
23 (74) |
23 (73) |
23 (73) |
23 (73) |
23 (74) |
23 (74) |
23 (74) |
Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) | 110 (4.5) |
91 (3.6) |
140 (5.4) |
120 (4.6) |
120 (4.8) |
180 (6.9) |
120 (4.8) |
100 (4) |
81 (3.2) |
79 (3.1) |
66 (2.6) |
89 (3.5) |
1,290 (50.9) |
Sors: Weatherbase |
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel insedjaturi rreġistrati tal-Gżejjer Marquesas kienu Polineżjani li waslu mill-Punent tal-Polineżja, u dixxendenti tal-Kultura ta' Lapita. Tentattivi bikrin tad-datazzjoni bir-radjukarbonju tal-evidenza mis-sit ssuġġerew li dawn waslu qabel il-100 W.K., filwaqt li stimi oħra pproponew li l-insedjament sar mis-600 W.K., iżda diversi studji indipendenti iktar reċenti jissuġġerixxu li waslu iktar reċentement.
Pereżempju, studju tal-2010 li applika metodi tad-datazzjoni bir-radjukarbonju bi preċiżjoni ogħla fir-rigward ta' kampjuni iktar affidabbli jissuġġerixxi li l-iktar kolonizzazzjoni bikrija tal-Lvant tal-Polineżja seħħet ferm wara, f'perjodu iqsar ta' żmien, u f'żewġ mewġiet: l-ewwel waħda kienet migrazzjoni lejn il-Gżejjer tas-Soċjetà bejn l-1025 u l-1120 W.K. (4 sekli wara dak li kien maħsub qabel); it-tieni waħda, bejn 70 u 265 wara, kienet tifrixa tal-migranti lejn il-kumplament tal-Gżejjer Marquesas bejn l-1190 u l-1290 W.K. Huwa maħsub li din il-kolonizzazzjoni relattivament rapida wasslet għall-"uniformità notevoli tal-kultura, tal-bijoloġija u tal-lingwa tal-Lvant tal-Polineżja".
Studju differenti, ippubblikat fl-2014, issuġġerixxa li d-data tal-ewwel insedjament fil-Gżejjer Marquesas kienet kemxejn qabel: bejn id-900 u l-1000 W.K.
Kultura storika
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-rikkezza tar-riżorsi naturali fil-gżejjer storikament sostniet popolazzjoni kbira. L-abitanti storikament kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom bis-sajd, bil-ġbir tal-qxur tal-baħar, bil-kaċċa tal-għasafar, u bil-ġardinaġġ. Kienu jiddependu sew fuq il-breadfruit iżda kienu jkabbru wkoll mill-inqas 32 għalla introdotta oħra. Instabet evidenza ċara tal-kummerċ sinifikanti pre-Ewropew bejn il-gżejjer tal-arċipelagu: bċejjeċ tal-bażalt mill-gżira ta' Eiao. Huwa magħruf li l-bażalt kien jiġi ddistribwit bil-kenuri li kienu jbaħħru għal iktar minn 2,500 kilometru biex jipprovdu ponot tal-vleġeġ u tal-għodda li jaqtgħu lil Mo'orea (il-Gżejjer tas-Soċjetà), Mangareva (il-Gżejjer Gambier), Tubuai (il-Gżejjer Awstrali), Rarotonga (il-Gżejjer Cook), u Tabuaeran (il-Gżejjer tal-Linja tat-Tramuntana).
Kuntatt Ewropew
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel Ewropej li waslu fuq il-Gżejjer Marquesas jaf kienu l-membri tal-ekwipaġġ abbord San Lesmes, bastiment Spanjol li għeb f'maltempata f'Ġunju 1526; kien parti minn spedizzjoni mmexxija minn García Jofre de Loaísa. L-esploratur Spanjol Álvaro de Mendaña wasal fuq il-gżejjer kważi 70 sena wara, fil-21 ta' Lulju 1595. Huwa semma l-gżejjer f'ġieħ il-patrun tiegħu, García Hurtado de Mendoza, il-ħames Markiż ta' Cañete (bl-Ispanjol: Marqués de Cañete), li kien il-Viċirè tal-Perù mill-1590 sal-1596. Mendaña l-ewwel żar Fatu Hiva u mbagħad Tahuata qabel ma baħħar lejn il-Gżejjer Solomon. L-ispedizzjoni tiegħu mmappjat l-iżjed erba' gżejjer fin-Nofsinhar tal-Gżejjer Marquesas bħala Magdalena (Fatu Hiva), Dominica (Hiva ʻOa), San Pedro (Moho Tani), u Santa Cristina (Tahuata).
Fl-aħħar tas-seklu 18, esploraturi Ewropej stmaw li l-popolazzjoni tal-gżejjer kienet tammonta għal 80,000 sa 100,000 ruħ. L-Ewropej u L-Amerikani baqgħu impressjonati dwar kemm kienet tidher faċli l-ħajja fil-gżejjer, li kellhom ħabitat u ambjent rikk. Fl-1791, il-merkant marittimu Amerikan tal-ġlud tal-annimali Joseph Ingraham żar għall-ewwel darba l-Gżejjer Marquesas tat-Tramuntana waqt li kien il-kmandant tal-bastiment Hope. Huwa semmihom bħala l-Gżejjer Washington. Fl-1813, il-Kaptan David Porter iddikjara li Nuku Hiva kienet proprjetà tal-Istati Uniti, iżda l-Kungress tal-Istati Uniti qatt ma rratifika dik id-dikjarazzjoni. Għal perjodu qasir, il-gżejjer esportaw is-sandalwood, iżda r-riżorsa spiċċat fi żmien 4 snin.
Il-gżejjer kienu punt ta' waqfien popolari għall-bastiment tal-kaċċa tal-balieni fi Żmien it-Tbaħħir. L-ewwel bastiment li ġie rreġistrat li żar il-gżejjer kien Hope, f'April 1791. L-aħħar viżitatur ta' din ix-xorta kien il-bastiment Amerikan tal-kaċċa tal-balieni Alaska fi Frar 1907.
Fl-1842, Franza wettqet operazzjoni militari ta' suċċess b'appoġġ għad-dikjarazzjoni tal-kap nattiv Iotete bħala r-re tal-gżira kollha ta' Tahuata. Imbagħad il-gvern Franċiż iddikjara l-grupp kollu tal-gżejjer bħala tiegħu u stabbilixxa insedjament f'Nuku Hiva. Dak l-insedjament ġie abbandunat fl-1857, iżda Franza stabbiliet il-kontroll tal-gżejjer mill-ġdid fl-1870. Iktar 'il quddiem Franza inkorporat il-Gżejjer Marquesas fil-Polineżja Franċiża.
Il-poplu indiġenu tal-Gżejjer Marquesas ġarrab rati għoljin ta' mwiet minħabba l-mard li ġabu magħhom l-esploraturi mill-Punent, bħall-ġidri u l-ħosba, peress li ħadd ma kellu immunità għalihom.
Il-Gżejjer Marquesas ġarrab l-iktar imwiet minħabba dan il-mard fost il-gruppi kollha tal-gżejjer fil-Polineżja. Il-popolazzjoni ċkienet minn iktar minn 78,000 abitant fis-seklu 18 għal madwar 20,000 abitant f'nofs is-seklu 19, għal ftit iktar minn 4,000 abitant fil-bidu tas-seklu 20, u laħqet l-iktar punt baxx tagħha fl-1926 b'2,255 abitant. Wara l-1926, il-popolazzjoni reġgħet bdiet tikber, u laħqet 8,548 abitant skont iċ-ċensiment ta' Novembru 2002 (mingħajr ma ġiet inkluża l-komunità ta' ċittadini mill-Gżejjer Marquesas li tirresjedi f'Tahiti), u 9,346 abitant skont iċ-ċensiment ta' Awwissu 2017.
Storja kontemporanja
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2024, il-Gżejjer Marquesas tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu ta' "Te Henua Enata" (litteralment: "L-Art tal-Irġiel"), bħala parti mill-impenn tal-Kumitat tal-Wirt Dinji favur l-isforzi ta' konservazzjoni biex jiġu protetti l-popolazzjonijiet indiġeni.
Gvern u politika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżejjer Marquesas jiffurmaw waħda mill-ħames suddiviżjonijiet amministrattivi (bil-Franċiż: subdivisions administratives) tal-Polineżja Franċiża. Il-Franċiż u l-lingwa ta' Tahiti huma l-lingwi uffiċjali tal-gvern. Il-belt kapitali tas-suddiviżjoni amministrattiva tal-Gżejjer Marquesas hija Taiohae fil-gżira ta' Nuku Hiva.
Il-Gżejjer Marquesas b'popolazzjoni pjuttost sparpaljata jinsabu 1,371 kilometru (852 mil) minn Tahiti. B'183,645 abitant (skont iċ-ċensiment tal-2012), Tahiti hija l-gżira bl-ikbar popolazzjoni fil-Polineżja Franċiża, b'68.5 % tal-popolazzjoni totali tal-Polineżja Franċiża.
Ir-residenti tal-Gżejjer Marquesas ilmentaw kontra d-dominanza ta' Tahiti, peress li skonthom jiġu ttraskurati mill-politiċi f'Tahiti, u l-mexxejja ssuġġerew li tiġi żviluppata relazzjoni diretta mal-metropoli u mal-gvern f'Pariġi, minflok ma jiddependu fuq Papeete. Peress li fis-seklu 21 f'Tahiti beda jiżdied is-sentiment favur l-indipendenza minn Franza, diversi mexxejja politiċi prominenti tal-Gżejjer Marquesas fl-2007 semmew l-idea li l-Gżejjer Marquesas jisseparaw mill-Polineżja Franċiża iżda jibqgħu fi ħdan ir-Repubblika Franċiża. Dan iġġenera kontroversja sħiħa f'Tahiti, fejn il-mexxejja ta' Tahiti favur l-indipendenza akkużaw lill-gvern ċentrali Franċiż li kien qed iħeġġeġ is-separazzjoni tal-Gżejjer Marquesas mill-Polineżja Franċiża.
Iż-żoni u l-popolazzjonijiet tal-muniċipalitajiet skont iċ-ċensiment tal-2012 kienu dawn li ġejjin:
- Nuku-Hiva (388 km2): 2,966;
- Ua-Pou (106 km2): 2,173;
- Ua-Huka (83 km2): 621;
- Hiva-Oa (327 km2): 2,190;
- Tahuata (61 km2): 703;
- Fatu-Hiva (85km2): 611;
- Total (1,049km2): 9,264.
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]Popolazzjoni storika
[immodifika | immodifika s-sors]1799 | 1853 | 1863 | 1872 | 1883 | 1892 | 1902 | 1911 | 1921 | 1926 | 1931 | 1936 | |
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
50,000 sa
100,000 |
11,900 | 8,650 | 6,045 | 5,576 | 4,445 | 3,963 | 3,116 | 2,300 | 2,255 | 2,283 | 2,400 | |
1946 | 1956 | 1962 | 1971 | 1977 | 1983 | 1988 | 1996 | 2002 | 2007 | 2012 | 2017 | |
2,976 | 4,165 | 4,838 | 5,593 | 5,419 | 6,548 | 7,358 | 8,064 | 8,548 | 8,632 | 9,264 | 9,346 | |
Stimi tal-imgħoddi u ċifri uffiċjali minn ċensimenti tal-imgħoddi. |
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Te Henua Enata – Il-Gżejjer Marquesas ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2024.[5]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[5]
Komunikazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Ajruporti
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm erba' ajruporti fil-Gżejjer Marquesas, wieħed fuq kull gżira ta' Nuku Hiva, Ua Pou, Ua Huka, u Hiva ʻOa. L-art ta' Tahuata hija mħarbta wisq biex tinbena medda għall-inżul tal-inġenji tal-ajru mingħajr ma jsir investiment sinifikanti, u minkejja li l-promontorju għoli taċ-ċentru ta' Fatu Hiva huwa kbir biżżejjed biex tkun tista' tinbena medda għall-inżul tal-inġenji tal-ajru, l-użu tal-popolazzjoni daqstant żgħira tal-gżira x'aktarx li mhux se jsostni investiment ta' din ix-xorta.
Telekomunikazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżejjer Marquesas huma moqdija bit-telefon kif ukoll bir-radju u bit-televiżjoni, b'mod prinċipali minn Tahiti. Żidiet reċenti jinkludu Vini, servizz tal-mowbajl li huwa sussidjarju kummerċjali tas-servizz pubbliku ta' OPT Polynesia, l-uniku fornitur tat-telefonija fissa fil-biċċa l-kbira tal-Polineżja. Matul perjodu ta' madwar 6 snin, Vini espanda s-servizz u issa jkopri l-biċċa l-kbira tal-gżejjer popolati.
Arti u kultura
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżejjer Marquesas għandhom tradizzjoni rikka ta' arti. L-arti tal-Gżejjer Marquesas tvarja minn skulturi kbar tal-injam tal-antenati li nħolqu għat-tempji sa ornamenti personali magħmula mill-għadam u mill-qxur tal-baħar. L-oġġetti mnaqqxa mill-injam kienu jiġu mżejna b'motivi antropomorfiċi u ġeometriċi elaborati, simili għad-disinni tat-tpinġijiet fuq il-ġilda li jagħmlu parti mit-tradizzjoni tal-gżejjer.
Bijoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]L-ekosistema tal-Gżejjer Marquesas ġiet devastata f'xi nħawi mill-attivitajiet tal-bhejjem tat-trobbija li ġew introdotti. Bħala l-ewwel pass favur il-preservazzjoni ta' dak li fadal mill-ekosistema, fl-1992 inħolqu r-Riżervi Naturali tal-Gżejjer Marquesas.
Fl-1996, Lucien Kimitete, is-Sindku ta' Nuku Hiva, ippropona li l-Gżejjer Marquesas jiġu nnominati biex isiru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-futur. F'Mejju 2022 bdew il-konsultazzjonijiet pubbliċi biex jitniżżlu. Il-gvern Franċiż ressaq applikazzjoni formalment mal-UNESCO f'Jannar 2023. Te Henua Enata tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-31 ta' Lulju 2024.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Haut-commissariat de la Polynésie française : Subdivision administrative des Iles marquises : Communes". web.archive.org. 2008-12-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-09. Miġbur 2025-01-02.
- ^ Allen, Melinda S. u McAlister, Andrew J., 2010, "The Hakaea Beach Site, Marquesan colonisation, and Models of East Polynesian Settlement" Archaeology in Oceania, Vol. 45, pp. 54-65.
- ^ "High-precision radiocarbon dating shows recent and rapid initial human colonization of East Polynesia". web.archive.org. 2015-09-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-09-24. Miġbur 2025-01-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Population". web.archive.org. 2019-06-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-06-27. Miġbur 2025-01-02.
- ^ a b "Te Henua Enata – The Marquesas Islands - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-02.