Aqbeż għall-kontentut

Ewġenju Borg

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ewġenju Borg
Ħajja
Twelid L-Isla, 24 Lulju 1886
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Mewt 12 Marzu 1967
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Okkupazzjoni

Ewġenju Borg (Isla, 24 ta' Lulju 1886G'Mangia,12 ta' Marzu 1967) kien l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjetà tal-MUSEUM, u l-ewwel wieħed li fetaħ l-ewwel dar tal-Museum barra mill-Ħamrun. Kien ukoll l-ewwel wieħed fis-Soċjetà tal-Museum li ta bidu għall-konferenzi reliġjużi lil dawk li mhumiex membri fis-Soċjetà.

Ta' ħames snin, il-familja tiegħu marret toqgħod il-Ħamrun. F'żgħożitu Ewġenju kien iħobb ħafna l-futbol u l-ħbieb. Kien il-kap ta' sħabu li kienu jiltaqgħu f'għalqa fejn il-knisja ta' San Gejtanu, jilgħabu, jiċċajtaw u jpejpu qishom ċumnija. Wara eżami li għadda minnu mat-tieni darba, daħal it-Tarzna bħala mudellatur, sengħa li baqa' jżommha sakemm irtira, 40 sena wara.

Dixxiplu ta' Dun Ġorġ

[immodifika | immodifika s-sors]

Meta kellu xi dsatax-il sena iltaqa' għall-ewwel darba ma' Ġorġ Preca, li dik il-ħabta kien għadu qed jistudja għal qassis. Ewġenju kien qiegħed ma' sħabu ġo għalqa fejn kienu jiltaqgħu biex jilagħbu xi logħba futboll. Ġorġ waqaf jitkellem magħhom u talabhom sigarett. Il-Kjeriku Ġorġ poġġa bilqiegħda ħdejhom fuq ġebla u qagħad ikellimhom fuq it-tbatija ta' Ġesù Kristu. L-għada reġa' mar ikellimhom u għallimhom fuq Alla u baqa' jagħmel dan għal ħafna ġranet.

Però, kif jgħid l-istess Ewġenju: ‘Darba kif konna hemm, dar fuqi u qalli: Nhar il-Ħadd, int u jien immorru passiġġata flimkien, ġib biċċa ħobż... u xi ħaġa x'tixrob. U hekk għamilt; niftakar kont ħadt miegħi il-Bibbja bl-Ingliż billi ma kienx għad hawn bil-Malti. Morna l-istazzjon... dħalna ġo għalqa, u bilqiegħda fuq blata taħt siġra kont naqra mill-Bibbja u Dun Ġorġ joqgħod ifissirli. U din mhux darba għamilnieha. Konna ndumu siegħa u nofs, sagħtejn, u ġieli anki aktar, u mbagħad konna mmorru lura d-dar, u jiena kont nerġa' mmur insib lil sħabi.

Inqas minn sentejn wara l-ewwel laqgħa ta' Ewġenju Borg mal-Kjeriku Ġorġ Preca, Ġorġ sar qassis. Ġeġè, kif kien iħobb isejjaħlu l-istess Dun Ġorġ, beża' li kien se jitlef lil dan il-ħabib kbir għax fil-fehma tiegħu, billi issa kien sar qassis, Dun Ġorġ ma kienx sejjer ipoġġi fuq ġebla qalb l-għelieqi. Iżda Dun Ġorġ, li x-xewqa kbira tiegħu kienet li jixbaħ lil Ġesù, baqa' jiltaqa' magħhom.

Mhux talli hekk, talli fis-7 ta' Marzu 1907, Ġeġè‚ u sħabu krew dar b'żewġt ikmamar fejn bdew jiltaqgħu fiha kuljum wara x-xogħol u l-Ħadd filgħodu u wara nofsinhar. Meta Dun Ġorġ talab miż-żgħażagħ li ma jridx iżjed tipjip, ma kinitx faċli u b'mod speċjali għal Ewġenju li ġieli pejjep mitt sigarett f'ġurnata. Iżda Ewġenju‚ li kien jobdi lil Dun Ġorġ b'għajnejh magħluqa, mal-kliem ta' Dun Ġorġ, qabad il-pakkett tas-sigarett u ramieh dak il-ħin stess.

Ħaddiem tat-Tarzna

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tarzna, Ewġenju kien irrispettat ħafna u tant kien jaqdi dmiru bir-reqqa li wħud kienu jsejħulu "il-qaddis". Fil-ħin ta' nofsinhar, Ġeġè kien jirkeb il-lanċa u jmur jiekol f'restorant, il-Belt Valletta. Meta kien jidħol hemmhekk, l-irġiel kienu jwissu 'l xulxin biex iġibu ruħhom sew quddiemu u ma jidgħux. Ewġenju kien iħobb jitrakka f'xi ħanut żgħir tal-barklori. Wara li jkellem lill-barklori u n-nies tax-xatt mimlija tpinġija ma' ġisimhom u magħrufin bħala "injoranti", kien joqgħod ifissrilhom id-duttrina Nisranija u jgħallimhom jitolbu r-ruzarju.

Bniedem bħal Ewġenju Borg ma setax ma jħallix influwenza kbira fost sħabu l-ħaddiema. L-ispirtu tiegħu baqa' jinħass fil-ħanut ("il-ħanut tal-appostli") fejn kien jaħdem fit-tarzna għal ħafna snin wara li rtira mix-xogħol. Il-ħaddiema t'hemmhekk kienu jinħassu mill-mod ta' kif kienu jġibu ruħhom li ma kinux bħall-oħrajn. Ewġenju "kien ħabib ma' kulħadd, stmat ħafna mis-superjuri tiegħu u bniedem li jħobb is-skiet. Bil-ħidma bieżla tiegħu Ewġenju wera kif bniedem jista' jitqaddes ukoll permezz tax-xogħol."

L-ewwel Superjur Ġenerali

[immodifika | immodifika s-sors]

Dun Ġorġ għażel lil Ewġenju Borg bħala l-ewwel superjur ġenerali tas-Soċjetà Mużewmina, għażla li ġiet konfermata b'elezzjoni mis-soċi fl-1926. L-editt tal-Arċisqof jgħid li Ewġenju Borg kien l-aktar membru fidil ta' Dun Ġorġ, doċli u li kien josserva r-Regola. Kien bniedem ta' talb u devot kbir tal-Ewkaristija. Minħabba f'hekk, hu kien miżmum bħala eżempju ħaj ta' kif għandu jkun membru tal-MUSEUM. Min-naħa tiegħu, Dun Ġorġ kien iqisu bħala dixxiplu fidil u, fl-assenza tiegħu, ġieli wkoll faħħar il-qdusija tiegħu.

Problemi ta' saħħa u l-mewt

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1931, Ġeġè sar jaf li kien dijabetiku. Il-mewt t'ommu u missieru, li ġrat sena qabel, ħaffietlu t-triq għal din il-marda. Id-dijabete bdiet sa mill-bidu ddgħajjef lil Ewġenju minn saħħtu iżda minkejja dan hu baqa' sal-aħħar jaqdi dmiru lejn Alla, lejn il-MUSEUM u lejn ħutu l-bnedmin. Kien jipprova ma jħallix jum jgħaddi li ma jmurx jgħallem f'xi post jew ieħor. Kien konvint li bniedem bla tagħlim sod ma jistax iħobb lil Ġesù u jgħidlu "iva" b'qalbu kollha. Fl-1941 tah attakk gravi tal-marda u kulħadd ħaseb li se jmut iżda ftit wara għaddielu. Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, Ewġenju u oħtu evakwaw flimkien ma' familja f'dar f'Ħal Balzan. Fl-1942 id-dar intlaqtet b'bomba, iġġarfet u qatlet lil oħtu Ġorġina. Ftit xhur wara mar jgħix mas-soċi interni ta' Ħaż-Żebbuġ.

Fl-1962 miet Dun Ġorġ. Ewġenju ddispjaċieh ferm u ma staħax juri minn barra l-biki tiegħu. Qabel ma miet huwa mar iżuru kemm-il darba u darba minnhom Dun Ġorġ qallu: "Ġeġè issa ħallina mill-biki" u filwaqt li resqu lejh, bierku u qallu: "Fik jiena nbierek is-Soċjetà kollha". Ewġenju Borg miet ħames snin wara, nhar it-12 ta' Marzu 1967, fl-età ta' 81 sena, f'kuritur tal-Isptar San Luqa, G'Mangia.

L-ewwel ma ndifen kien l-Addolorata iżda mbagħad il-fdalijiet tiegħu ttieħdu fil-Kappella tal-Midalja Mirakoluża fil-Blata l-Bajda.

Kawża ta' Beatifikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-12 ta’ Marzu 1997, l-Arċisqof ħareġ l-editt biex tinbeda l-Kawża għall-Beatifikazzjoni ta’ Ewġenju Borg.

"Id-Dinja għamilnieha tagħna"

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-16 ta' Marzu 2016 kien imniedi dokumentarju qasir imma ta' kwalità għolja, maħdum minn Roberto D'Amato, student tal-MCAST u membru tal-MUSEUM, fuq il-ħajja ta' Ewġenju Borg.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]