Soċjetà tad-Duttrina Nisranija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-M.U.S.E.U.M. hija soċjetà fi ħdan il-Knisja Kattolika, imwaqqfa minn Dun Ġorġ Preca, iffurmata kollha kemm hi minn lajċi, irġiel u nisa li ma jiżżewġux iżda li lanqas mhuma qassisin jew sorijiet. Is-Soċjetà hija magħmula minn żewġ sezzjonijiet distinti, waħda tal-irġiel u l-oħra tan-nisa. L-għan ewlieni li fuqu tinbena s-Soċjetà huwa l-qdusija tal-membri (jew kif jissejħu "soċji") tagħha u t-tieni għan huwa t-tixrid tal-kelma ta' Alla kif imfissra u mgħallma mill-Knisja Kattolika. Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija tagħraf bħala Patrun tagħha lil San Ġwann Battista.

Biex wieħed isir soċju tal-M.U.S.E.U.M. irid ikun għalaq 18-il sena, jgħix ħajja ċelibi, jaf jaqra u jikteb bil-lingwa tal-pajjiż, ta' kondotta tajba u għamel kors ta' tħejjija msejjaħ "responsorju".

Is-Soċjetà rat il-bidu tagħha fl-ewwel xhur tal-1907, fil-Ħamrun, f'post fqir minn kollox iżda għani fl-imħabba lejn il-proxxmu u t-tagħlim. Illum f'Malta u f'Għawdex, kważi kull raħal għandu Dar tal-MUSEUM (Qasam, kif isibuha s-soċji). Is-Soċjetà għandha wkoll oqsma u skejjel oħra fl-Awstralja, fil-Kenja, fil-Perù, f'Londra u fl-Albanija, u mill-2011 fil-Polonja u f'Kuba.

Bidu tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M[immodifika | immodifika s-sors]

Għall-ħabta tal-1906, Dun Ġorġ, li kien għadu ma sarx saċerdot kien beda jiltaqa’ ma’ xi żgħażagħ f’għalqa quddiem il-knisja ta' San Gejtanu l-Ħamrun. Hemm saru ħbieb u kien joqgħod ikellimhom u jgħallimhom. Minn fost dawn iż-żgħażagħ li kienu jiltaqgħu fil-għalqa, Dun Ġorġ darba ġibed fil-ġenb lil Ewġenju Borg, żagħzugħ fuq ruħu, u qallu: “Nhar il-Ħadd waranofsinhar immorru passiġġata flimkien. Ġib miegħek biċċa ħobż, basla, biċċa ġobon u flixkun inbid.” Qallu wkoll iġib miegħu l-Bibbja u ftiehmu dwar il-ħin. Il-Ħadd wasal u xħin iltaqgħu, qabdu t-triq tar-raba’, in-naħa ta’ Santa Venera, daħlu f’għalqa, sabu siġra tal-ħarrub u poġġew taħtha jistrieħu fuq blata. Hemmhekk, Dun Ġorġ qagħad jispjega l-Bibbja lil Ewġenju Borġ. U dawn il-laqgħat komplew isiru. Kienu fost l-ewwel laqgħat li minnhom żviluppat is-Soċjetà tal-Museum.

Ftit wara li Dun Ġorġ Preca sar saċerdot fit-22 ta’ Diċembru tal-1906, mar iqerr għand il-konfessur tiegħu, Dun Alwiġ Attard. Kif kien lesta mill-qrar u rċieva l-assoluzzjoni, Dun Ġorġ talab parir lil Dun Alwiġ u qallu bil-pjanijiet li kellu biex jibda soċjetà tat-tagħlim Nisrani. Dun Alwiġ ħares lejh u wieġbu: “Mur u iftaħ, u agħmel il-mezzi.” U Dun Ġorġ hekk għamel. Kien jgħid li li kieku Dun Alwiġ qallu: “Tagħmel xejn” hu kien jobdih. Kien it-Tnejn 4 ta’ Marzu 1907 meta ż-żgħażagħ li s-soltu kienu jiltaqgħu ma’ Dun Ġorġ saru jafu li Dun Ġorġ kien kera post għalihom. Il-Ħamis ta’ wara, 7 ta’ Marzu 1907 kera l-mezzanin numru 6 fi Triq Fra Diegu, il-Ħamrun u bdew jiltaqgħu hemm, jitgħallmu minn Dun Ġorġ. Dan il-post kienu jgħidulu n-‘Numru Sei’.

Il-viżjoni tas-Salib tal-Marsa[immodifika | immodifika s-sors]

Dun Ġorġ kien iħobb jirrakkonta din id-dehra li kellu: Jgħid li darba kien għaddej minn ħdejn is-Salib tal-Marsa u hemm jara tifel ta’ tnax-il sena qed jiġbed, b’ħabel isfar, karru b’roti baxxi iżda sodi, u li fuqu kellu qoffa mimlija żibel. It-tifel resaq lejn Dun Ġorġ u b’ton ta’ kmand qallu: “Agħtini l-għajnuna.” U Dun Ġorġ, kollu umiltà, la qagħad iqis li kien bis-suttana u bil-kappell ta’ qassis u lanqas x’jistgħu jgħidu n-nies fuqu, medd idu u beda jimbotta. U dak il-ħin ħakmitu ħlewwa tas-sema li ma setax ifisser u filgħaxija sab ruħu d-dar bla ma jaf fejn wassal lit-tifel li kien imbottalu l-karru, jekk hux Ħal Qormi, il-Ħamrun jew band’oħra. Biss, meta qagħad jaħseb fuq dil-biċċa, Dun Ġorġ beda jgħid: “Dak it-tifel ta’ tnax-il sena kien bħal Ġesù ta’ tnax-il sena jiddisputa fit-tempju; iż-żibel hu mxebbah minn Kristu mat-tagħlin: bħalma d-demel ikabbar il-pjanti, it-tagħlim ikabbar lir-ruħ. Il-ħabel isfar hu l-għaqda mal-Papa u l-karru b’roti baxxi iżda sodi ma tistax tkun ħaġ'oħra ħlief is-Soċjetà tal-Museum. Jien nimbotta l-karru u Ġesù jimxi quddiem. Hu jgħaddina minn fuqiex irid - fjuri jew tajn! Għalhekk fid-diffikultajiet, hu Kristu li qed imexxi u jien u s-soċi nimbuttaw il-karru tiegħu!”

L-Isem tas-Soċjetà[immodifika | immodifika s-sors]

In-Numru Sei[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-ewwel sitt xhur tas-Soċjetà, minn Frar sa Lulju 1907, is-Soċjetà kienet għadha bla isem, u bejniethom iż-żgħażagħ kienu jirreferu għaliha bħala n-Numru Sei, għan-numru tal-bieb tad-dar fejn kienu jiltaqgħu.

Mużew u M.U.S.E.U.M.[immodifika | immodifika s-sors]

Meta Dun Ġorġ Preca ried jagħti isem lis-Soċjetà tiegħu, wieħed mill-ewlenin soċji, Salvu Muscat, issuġġerixxa l-isem Mużew għax fih wieħed isib tagħlim siewi li jagħti l-paċi lill-qalb il-bniedem. Sħabu, kollhom entużjażmu, għollewh fuq l-ispallejn, ħarġuh barra u b’qoxra ta’ rummiena kiteb fuq il-koxxa tal-bieb ta' barra il-kelma “MUŻEW”. Ftit wara, Dun Ġorġ ta tifsira aktra xierqa lill-kelma Mużew, u ħareġ bl-akronimu bil-Latin M.U.S.E.U.M. għal Magister, Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus, li bil-Malti tfisser: Mgħallem, mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju. La Mużew u lanqas MUSEUM mhu l-isem uffiċjali tas-Soċjetà "imma għall-poplu kollu ta' Malta u Għawdex, dan kellu jkun il-veru isem tas-Soċjetà" u l-membri tagħha għadhom magħrufa sal-lum bħala "tal-Mużew". Ċentru jew dar, li iktar tard beda jissejjaħ "Qasam", beda jissejjaħ ukoll "mużew". Biż-żmien anke l-katekiżmu mgħallem minn nies oħra li mhumiex membri tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. beda jissejjaħ minn ħafna "mużew", tant kemm l-isem qabad.

L-Isqof Pietru Pace, li kien Isqof bejn l-1889 u l-1914, ried ineħħi l-isem MUSEUM għax ma kienx jogħġbu. Dun Ġorġ jgħid li ma rnexxilux għax l-isem kien laħaq qabad wisq:

 Monsignor Pace... non piacendogli questo nome, ma aveva ordinato di cambiarlo in altro nome, ma non mi è riuscito di farlo. 

L-Għaqda tal-Papidi u l-Papidissi[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-ewwel Regola jew Kostituzzjonijiet tas-Soċjetà li nkitbu qabel l-1917, Dun Ġorġ ma jsemmi mkien l-isem Mużew jew M.U.S.E.U.M. imma sejħilha "L-Għaqda tal-Papidi u l-Papidissi" jiġifieri "L-Għaqda ta' Wlied Papa" biex, fi kliemu, "inżommha mbiegħda minn kull suspett ta' ereżija."

Istitut ta' San Ġwann Prekursur[immodifika | immodifika s-sors]

Meta fl-1916, Kummissjoni maħtura mill-Isqof Mawru Caruana li nvestigat lis-Soċjetà, din issejħet Institum S. Joannis Praecursoris, billi dan huwa l-Qaddis Patrun tagħha, għalkemm il-Kummissjoni ssejħet "Commissione riguardante i così detti 'Musei'".

Soċjetà tad-Duttrina Nisranija[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-approvazzjoni tas-Soċjetà mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi fl-1932, Dun Ġorġ beda jsejħilha Soċjetà tad-Duttrina Nisranija kif jidher fl-Assenjatur ta' April 1933 bit-titlu "SOCIETÀ DELLA DOTTRINA CRISTIANA, volgarmente detta M.U.S.E.U.M."

Termini użati mis-Soċjetà tal-MUSEUM[immodifika | immodifika s-sors]

  • Is-Soċjetà hija l-kelma użata mis-soċji ħafna drabi biex jirreferu għall-ġerarkija tas-Soċjetà tal-MUSEUM.
  • Il-Fundatur: hija l-kelma użata mis-soċji biex jirreferu għal San Ġorġ Preca.
  • Il-Qasam huwa ċ-ċentru jew dar tat-tagħlim fejn jiltaqgħu t-tfal, iż-żgħażagħ u l-membri għal-laqgħat tagħhom; Dun Ġorġ ħa dan it-terminu mill-ħajja tar-raba', fl-inkwadratura tas-sejħa ta' Kristu għall-“ħaddiema fil-ħsad tiegħu”. Qasam jiftaħ kuljum barra nhar t’Erbgħa, għax dakinhar il-membri jkollhom laqgħa flimkien fid-Dar Ġenerali tagħhom, il-Blata l-Bajda.
  • Is-Superjur huwa l-persuna responsabbli mit-tmexxija tal-Qasam. Fil-ħsieb ta' Dun Ġorġ, li tkun superjur tfisser taqdi u mhux li tkun "superjuri" għall-oħrajn. F'Qasam ikun hemm superjur wieħed. Il-membri l-oħra li jgħallmu jissejħu prefetti jew katekisti.
  • L-Annimatur huwa l-persuna responsabbli minn numru ta' oqsma, propjament illum jissejjaħ is-Superjur tal-K.E.R. - Kunsill Eżekuttiv Reġjonali. Qabel kien jissejjaħ is-Superjur tal-Korp Bon Ordni, minn fejn ġej l-isem.
  • Il-Prefett huwa katekist ta' klassi tat-tfal il-kbar.
  • Soċju hija kelma oħra flok membru tal-MUSEUM. Biex tkun soċju trid tkun għalaqt it-18-il sena u ġejt inkorporat fis-Soċjetà b'ċeremonja apposta.
  • L-Assenjatur: Kuljum wara l-laqgħat tat-tfal, is-soċji jiltaqgħu flimkien għal siegħa ta' studju u talb, skond kif assenjati.
  • Arloġġ Mużewmin: It-talb preskritt li kull soċju obbligat jagħmel, minn fuq ktieb ta' talb miktub minn Dun Ġorġ.
  • Qagħda: riflessjoni mill-Iskrittura li ssir bejn is-soċji l-Ħadd filgħodu

Id-Dar Ġenerali u l-Kappella tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn jinsabu l-Blata l-Bajda, f'post fejn qabel kien ċimiterju tal-kolera. It-tħaffir tal-art, li fiha madwar 500 qasba kwadru, beda fil-15 ta’ Awissu 1954. Mid-Dar Ġenerali joħorġu d-direttivi u l-amministrazzjoni tal-fergħat kollha tas-Soċjetà tal-MUSEUM ta’ Malta u Għawdex. Fl-auditorium kbir tad-Dar Ġenerali issir il-Laqgħa ta' kull nhar t'Erbgħa għas-soċji u l-kandidati kollha ta' Malta. L-ewwel ġebla tal-Kappella tqiegħdet fit-23 ta’ Frar 1958, mill-Arċisqof Gonzi u tbierket u nfetħet ufficjalment mil-istess Isqof fit-13 ta’ Mejju 1964. Din il-kappella, li hi ddedikata lil-Madonna tal-Midalja Mirakoluża fuq stil klassiku modern u tesa’ 320 ruħ, għandha l-għamla tal-kappella ta’ Sarria tal-Furjana. Saret fuq id-disinn ta' Ġużè Damato. Fl-1962, fuq il-bieb tal-kappella minn barra tqiegħdet statwa tal-Madonna bilqiegħda filwaqt li sena wara ttellgħet fuq l-antenna ta’ din il-kappella statwa tal-bronż ta’ Ġesù Feddej. F’din il-kappella nsibu wkoll, għall-qima tal-pubbliku, statwa tax-xama’ ta’ San Ġorġ Preca, kif ukoll id-demm ta’ dan il-qaddis li kien ħadlu t-Tabib Lawrance Spiteri. Taħt l-istatwa tax-xama' jinstab il-fdal ta’ San Ġorġ Preca.

Il-Kooperaturi[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar is-17 ta’ Ottubru 1960, il-Knisja f’Malta approvat il-Fergħa tal-Kooperaturi fi ħdan is-Soċjetà tal-MUSEUM, fuq xewqa tal-Fundatur San Ġorġ Preca. Hija fergħa li għandha wkoll l-istorja tagħha, xi drabi mqallba, l-aktar fil-bidu sakemm saret parti mis-Soċjetà tal-Museum. Imma Dun Ġorġ berikha, u anke meta kienet għadha mhijiex parti mis-Soċjetà, Dun Ġorġ qatt ma fixkilha. Fl-1952, lil Patri Mikiel Fsadni kien kitiblu, “Jiena lill-Arċisqof infurmajtu fuq il-fedeltà tagħhom biex ma jimpedixxihomx. Għedtlu li jinġabru biex ma jitilfux it-tagħlim li ħadu mill-Mużew, u ma ddiżapprovahomx.” Fl-1956, lil Lewis Endrich, ex-soċju li ħames snin qabel beda dan il-proġett, Dun Ġorġ kitiblu hekk: “Jiena ġejt fit-tagħrif ta’ din il-kongregazzjoni u approvajtha. Mhux biss, iżda rrikmandajtha lis-Soċjetà biex hija tista’ tingħata l-għajnuna. Alla bierek lil din l-Għaqda...” Mill-istess ittra lil Endrich, jidher ċar li Dun Ġorġ ma riedx li din l-Għaqda tkun biss għall-ex-soċji, iżda riedha “kongregazzjoni li tħaddan kull membru mifrud mis-Soċjetà, u ta’ rġiel oħra, biex it-tagħlim li inti xrobt mis-Soċjetà... ma jmurx mar-riħ, iżda jibqa’ kkultivat.” Il-Kooperaturi rġiel ilaħħqu mal-mija u tletin membru u jiltaqgħu l-Furjana kull nhar ta’ Erbgħa u kull nhar ta’ Sibt. Huma attivi wkoll il-Ħamrun, Raħal Ġdid, Ħal-Qormi, iż-Żejtun, Għawdex u anke l-Awstralja. Il-Kooperaturi nisa jiltaqgħu darba f’xahar il-Gudja, Ħal-Għaxaq, il-Ħamrun, Raħal Ġdid, u Ħal-Qormi, u jkollhom laqgħa ġenerali tliet darbiet f’sena ġewwa l-Blata l-Bajda. Nirringrazzjaw lil Alla għal din il-Fergħa tal-Kooperaturi u nkomplu nitolbu għalihom, filwaqt li nibqgħu nfittxu modi ġodda kif nilħqu iktar u iktar nies.

Skola St. Michael[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Soċjetà tal-MUSEUM, għal ħafna snin, għenet lil ħafna tfal f'dik li hi skola. Dun Ġorġ Preca "dejjem xtaq li s-soċji jkunu jgħallmu fl-iskejjel." Iżda sal-1946 qatt ma kellha skola tagħha. Illum l-Iskola St. Michael, skola sekondarja tal-Knisja immexxija mill-MUSEUM, li twaqqfet fl-1946 minn Toni Agius (magħruf bħala s-Sur Agius), li dak iż-żmien kien jaħdem bħala fitter fit-Tarzna, tilqa' fiha 340 student subien ġejjin minn diversi lokalitajiet f'Malta, li għandhom bejn 11 u 16-il sena. Sal-2005, l-impjegati tal-Iskola riedu jkunu kollha soċji rġiel tal-MUSEUM. Illum dan jgħodd biss għat-Tim Amministrattiv, għalkemm fl-2010, minn 30 għalliem, nofshom huma wkoll soċji tal-MUSEUM. Ħames soċji li kienu għalliema f'St. Michael illum huma missjunarji tas-Soċjetà tal-MUSEUM f'pajjiżi oħra: fl-Albanija, fil-Peru, fil-Kenja, u fil-Polonja.

Il-Librerija Preca[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Librerija Preca fil-Blata l-Bajda twaqqfet fl-1973 mis-Soċjetà tal-MUSEUM biex tagħti servizz lill-membri tagħha stess fit-taħriġ, preparazzjoni u mezzi ta’ għajnuna għall-kateketika bħalma huma visual aids, katekiżmi, kotba ta' qari spiritwali, u rigali reliġjużi. Aktar ’il quddiem, din kibret u estendiet is-servizz tagħha lill-pubbliku inġenerali. Fiha wieħed isib għażla vasta ta’ materjal kemm bħala qari kif ukoll għal rigali u tifkiriet oħra. Dawn jinkludu CDs, DVDs, enċikliki, kotba għat-tfal ta’ età primarja, għall-pre-adolexxenti, żgħażagħ, għarajjes, koppji, trobbija ta’ tfal, anzjani, posters, bookmarks, u ħafna oħrajn. Qabel il-qligħ, l-għan prinċipali tal-Librerija Preca hu li l-messaġġ reliġjuż jinxtered u jidħol fid-djar Maltin.

L-Istamperija Veritas[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Soċjetà ilha snin tippubblika xogħlijiet ta' natura reliġjuża, speċjalment, għalkemm mhux biss, bil-Malti. Is-Soċjetà għandha stamperija għall-użu tagħha stess, il-Veritas Press, li wkoll tispeċjalizza fl-istampar ta' xogħlijiet reliġjużi, fost oħrajn.

Superjuri Ġenerali tas-Soċjetà tal-MUSEUM[immodifika | immodifika s-sors]

  • Ewġenju Borg (1911 - 1967)
  • Francesco (Ċikku) Saliba (1967 - 1983)
  • Victor Delicata (1983 - 2009)
  • Natalino Camilleri (2009 - 2021)
  • Roberto Zammit (2021 - )

Sal-2009, is-Superjur Ġenerali kien ukoll is-Superjur Reġjonali ta' Malta. Dan ma baqax hekk wara r-riżenja tas-Sur Delicata fl-2009.

Pubblikazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

  • Kalendarju Museumin, Kalendarju Museumin, rivista ta’ kull xahrejn għall-membri.
  • Gwida għal Min Jgħallem, rivista kateketika ta’ kull xahrejn.
  • Xehda Għasel, rivista għat-tfal u żgħażagħ ta’ kull xahrejn.
  • Rivista ta’ Spiritwalità, toħroġ kull tliet xhur.
  • Dun Ġorġ, Rivista dwar San Ġorġ Preca, toħroġ darbtejn fis-sena.
  • Preca Calling, rivista bl-Ingliż għall-Membri barra minn Malta, kull tliet xhur.
  • Il-Paċi Magħkom – ġurnalin ta’ kull xahrejn għal kulħadd.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]