Aqbeż għall-kontentut

Dgħajsa tal-latini

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Pittura ta' dgħajsa tal-Latini fil-Port il-Kbir matul l-Ewwel Gwerra Dinjija

Id-dgħajsa tal-Latini, magħrufa wkoll bħala dgħajsa t'Għawdex jew tat-tagħbija, tal-pass, jew tal-mogħdija, kienet tip ta’ dgħajsa li toriġina minn Malta armata b’settee. Id-dgħajjes tal-Latini kienu l-mezz ewlieni ta’ trasport tul il-fliegu bejn il-ġżira prinċipali ta' Malta u Għawdex[1] mill-aħħar tas-seklu 19 sa nofs is-seklu 20. Id-disinn tad-dgħajjes żviluppa mill-ixprunara.

Dgħajsa ta’ Għawdex fuq bolla Maltija tal-1926

Is-servizz ta’ lanċa bejn il-gżejjer ta’ Malta u Għawdex ilu jeżisti għal sekli sħaħ,[2] u l-ewwel referenza magħrufa marbuta ma' dan tmur lura għal madwar l-1241, meta d-dgħajsa kienet tissejjaħ il-madia jew tal-mogħdija. Sas-seklu 16, id-dgħajjes ta’ Għawdex ħadu l-għamla ta’ brigantina.[3] L-ewwel rappreżentazzjoni magħrufa ta’ dgħajsa ta’ Għawdex hija pittura ta’ madwar l-1750. Dak iż-żmien, il-bastimenti kienu magħrufa bħala speronara del Gozo jew barca del Gozo, [3] u kienu kważi identiċi għall- ixprunara li kienet tintuża għall-kummerċ marittimu.[2]

Id-dgħajsa ta' Għawdex saret distinta mill-ixprunara lejn l-aħħar tas-seklu 19, meta madwar l-istess żmien l-użu tal-bastiment għal attivitajiet merkantili kien qed jonqos. Fis-snin tmenin, l-ixprunara ta’ Għawdex bidlu l-arranġament tal-qlugħ tagħhom għal wieħed bis-settee, u saru magħrufa bħala tal-latini minħabba x-xebħ tagħhom ma’ qlugħ Latin. Fl-1919, fuq xi dgħajjes ta’ Għawdex bdew jiġu installati magni, iżda ħafna xorta żammew il-qlugħ tagħhom.[3]

Il-biċċa l-kbira tad-dgħajjes ta' Għawdex inbnew fil-Kalkara fil-Port il-Kbir. Il-familja Caruana, li kienu l-aħħar bennejja tad-dgħajjes Għawdxin, telqu minn hemm għall-Imġarr f'Għawdex fl-1940. Wara l-1959, inbnew xi dgħajjes ta' Għawdex f'Gela, Sqallija. L-aħħar waħda li nbniet kienet is-Santa Rita (G48) fl-1963.[3]

Normalment id-dgħajjes t'Għawdex kienu jagħmlu vjaġġi mill-Port il-Kbir f'Malta għall-Port tal-Imġarr f'Għawdex. Kienu jsiru vjaġġi oħra mill-Port il-Kbir għall-Mellieħa jew għall-Marfa, jew l-Imġarr għall-Marfa jew San Pawl il-Baħar. Id-dgħajjes kienu jġorru kemm passiġġieri kif ukoll merkanzija bejn iż-żewġ gżejjer. Il-vjaġġi minn Għawdex għal Malta ġeneralment kienu jġorru prodotti agrikoli bħal frott, ħaxix, bajd, u tjur, filwaqt li l-vjaġġi bir-ritorn bejn Malta u Għawdex kienu jġorru oġġetti manifatturati bħal siment, xorb mhux alkoħoliku, u birra.

Id-dgħajjes ta’ Għawdex kienu miżbugħin b'ilwien ħodor, blu, ħomor u sofor, simili għal-luzzu tradizzjonali. Dgħajsa partikolari, miżbugħa sewda, kienet iġorr il-katavri bejn il-gżejjer.

Id-dgħajjes tal-Latini kienu involuti f'għadd ta’ inċidenti matul is-snn. Xi wħud mid-dgħajjes t'Għawdex intlaqtu minn tiri ta’ xkubetti waqt li kienu għaddejjin minn ħdejn ir-Rifle Ranges ta' Pembroke, għalkemm l-awtoritajiet kienu wissew lill-kaptani tad-dgħajjes minn qabel. Fl-1900, dgħajsa tal-Latini li kienet qed tintuża għas-sajd tal-lampuki nqalbet u miet wieħed mis-sajjieda. Dgħajsa oħra tilfet l-arbli tagħha fl-1911, iżda rnexxielha tidħol fil-Bajja ta’ San Ġorġ. Fl-1926, dgħajsa t’Għawdex bla nies fuqha nstabet f'nofs ta' baħar imqalleb. F'każijiet rari, dawn it-tip ta' dgħajjes kienu involuti f'ħabtiet ma' tugboats jew pinnaces.[3]

Fit-Tieni Gwerra Dinjija, id-dgħajsa Stella Maris inqerdet mill-azzjoni tal-għadu.

L-aħħar snin

[immodifika | immodifika s-sors]

Sas-snin sittin u s-sebgħin tas-seklu 20, is-servizzi regolari bil-vapuri bdew jikkompetu mad-dgħajjes ta’ Għawdex, li ma kinux għadhom effettivi mill-aspett finanzjarju. Id-dgħajjes li kien fadal ġew ikkonvertiti f’dgħajjes tas-sajd, inkella kienu abbandunati fil-Port tal-Imġarr.[3]

Il-kumpanija Gozo Channel Company Limited, bdiet tipprovdi servizz ta' trasport modern bil-baħar bejn Malta u Għawdex fl-1979 u dan wassal għat-tmiem totali tal-użu tad-dgħajjes tal-Latini bħala dgħajjes ta' Għawdex.

Eżempji ta' x'fadal

[immodifika | immodifika s-sors]
Maryanne

Ftit dgħajjes tal-Latini għadhom jeżistu llum.[4] Waħda minn dawn hija s-Sacra Famiglia (G32), li nbniet fil-Kalkara fl-1933.[5] Sas-sebgħinijiet tas-seklu 20 ma kinitx għadha tajba għat-tbaħħir, u kienet maħżuna fl-Imġarr. Il-qafas eventwalment inxtara minn xi ħadd li ried ibigħha lill-Ministeru għal Għawdex, iżda minflok inxtrat mill-Gozo Channel Company Limited, li għaddietha lil Wirt Għawdex u sponsorjat ir-restawr tagħha. Wara li d-dgħajsa ġiet irrestawrata mill-aħwa Caruana (ulied il-bennej oriġinali tagħha), tpoġġiet għall-wiri permanenti fix-Xatt taż-Żewwieqa fl-2014.[6][7]

Dgħajsa oħra ta’ Għawdex li baqgħet teżisti hija l-Maryanne, li nbniet f’Ġela fl-1960. Id-dgħajsa baqgħet Għawdex sa Frar tal-1983, meta nxtrat mill-Captain Morgan Cruises. Id-dgħajsa għadha tal-Captain Morgan, li jużawha għall-kruċieri madwar Marsamxett u l-Port il-Kbir. Maryanne tinsab f’kundizzjoni tajba, iżda m’għadx għandha l-arbli distintivi u żdiedet gverta. Fis-snin disgħin u fis-snin 2000 kien hemm kumpanija oħra tal-kruċieri ta' Marsamxett u l-Port il-Kbir li kien jisimha Latini Cruises u kellha żewġ dgħajjes tal-Latini mingħajr l-arbli distintivi tagħhom u li kien jisimhom Ben u Konċetta.[8][9]

Aktax li għadhom jeżistu wkoll xi tnejn jew tliet dgħajjes oħra ta’ Għawdex li nbidlu f’dgħajjes tas-sajd.[10]

Arma tal-Qala
Arma tal-Qala

Id-dgħajsa tal-Latini saret simbolu tal-gżira Għawdxija,[11] u fuq il-bandiera u l-arma tar-raħal tal-Qala tidher dgħajsa tal-Latini fuq baħar imqalleb.[12] Id-dgħajjes tal-Latini jinsabu wkoll fil-logos ta’ diversi għaqdiet Għawdxin, bħas-Soċjetà Filatelika ta' Għawdex (Gozo Philatelic Society)[13] u l-Imperial Gozo Yacht Club.[14]

Il-kanzunetta klassika tas-sebgħinijiet Id-Dgħajsa tal-Latini tal-grupp Malti New Cuorey hija dwar dgħajsa t’Għawdex.[15]

  1. ^ Morana, Martin (2011). Bejn Kliem u Storja (bil-Malti). ISBN 978-99957-0137-6.
  2. ^ a b Muscat, Joseph (2005). "Traditional boats of Malta" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  3. ^ a b ċ d e f "Fleet". Gozo Channel (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-18.
  4. ^ Dougall, Angelo (August 1983). "The Gozo Boat - Extinction of a breed" (PDF). L-Imnara Issue 1. Malta: Għaqda tal-Folklor. 2: 13–15.
  5. ^ "Id-Dgħajsa Tal-Latini to dominate Mġarr Harbour again - The Malta Independent". www.independent.com.mt. Miġbur 2022-02-18.
  6. ^ Pace, David. "2013 - Dgħajsa Tal-Latini - Wirt Ghawdex". www.wirtghawdex.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-18.
  7. ^ "'Dghajsa Tal-Latini' fully restored & on display at the Zewwieqa Waterfront" (bl-Ingliż). 2014-11-02. Miġbur 2022-02-18.
  8. ^ "Captain Morgan Cruises". www.captainmorgan.com.mt. Miġbur 2022-02-18.
  9. ^ "Latini Cruises (Sliema) - 2022 All You Need to Know BEFORE You Go (with Photos)". Tripadvisor (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.
  10. ^ Muscat, Joseph (1999). "The Gozo boat". Gozo Channel Co. Ltd. Fondazzjoni Patrimonju Malti. Archived from the original on 3 March 2012.
  11. ^ "Where is Gozo | Gozo Information | Gozo and Malta". web.archive.org. 2019-03-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-03-27. Miġbur 2022-02-18.
  12. ^ "StampWorld.com - the most complete stamp catalogue on the internet | StampWorld". www.stampworld.com. Miġbur 2022-02-18.
  13. ^ "Gozo Philatelic Society - About Us". web.archive.org. 2021-05-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-05-06. Miġbur 2022-02-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ "Imperial Gozo Yacht Club opens new premises at Mgarr - Gozo News.Com". web.archive.org. 2010-12-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-12-16. Miġbur 2022-02-18.
  15. ^ Schiavone, Michael J. (2009). Dictionary of Maltese biographies. Pietà: Pubblikazzjonijiet Indipendenza.