Luzzu
Dan l-artiklu dwar il-kultura huwa nebbieta. Jekk trid, tista' tikkontribwixxi issa biex ittejjeb dan l-artiklu, dejjem skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Il-luzzu huwa mirkeb jew dgħajsa tradizzjonali li jintuża l-aktar għas-sajd.
Isem
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem luzzu jew lozzu, ġej mill-Isqalli guzzu, jew mit-Taljan gozzo, li hija dgħajsa tipika tas-sajd fi Sqallija.[1] Dan għaliex lejn l-aħħar tas-seklu dsatax bdew jidħlu kważi kuljum il-gozzi Sqallin jew Naplitani l-aktar fiż-żmien tas-sajd għat-tonn. L-isem żviluppa biż-żmien meta fonetikament il-ħoss tal-ewwel konsonanti 'g' waqa' u minflokk l-artiklu 'l'- li jmur ma' uzzu beda jagħmel parti mill-isem proprju, u hekk minn uzzu issa sar luzzu.[1] Sal-1958, il-liċenzja biex jopera l-luzzu kienet għadha tkun immarkata bħala gozzo imbagħad bħala gozzu u spiċċat biex bdiet tinkiteb luzzu. [2]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-aħħar tas-seklu dsatax, il-Maltin ikkupjaw lid-dgħajjes tas-sajd (jew gozzu) Sqallin li kienu jidħlu Malta ta' spiss. Biss, jidhru bosta karatteristiċi tal-isperonara fosthom il-kuluri isfar u ikħal fuq il-buq u l-mustaċċ. Il-luzzu żviluppa bil-mod il-mod għal kif jidher illum, matul is-seklu għoxrin. Fil-forma żgħira tiegħu dan kien magħruf bħala 'firilla'. Biss fis-snin għoxrin u wara bdew jkunu armati b'mutur fuq ġewwa, (inboard) dawn bdew isiru aktar popolari u bdew jinbnew f'forma akbar. Dan sar kemm biex jiflaħ aktar il-mutur, ikun hemm aktar wisgħa u bil-pruwa mtella' aktar il-fuq il-luzzu issa sata' joħroġ aktar mill-kosta għas-sajd għax sata; jiflaħ aktar għall-mewġ.
Bħalma kienu jagħtu ismijiet u dekorazzjonijiet lid-dgħajjes tal-pass, hekk ukoll il-luzzijiet jagħtuhom isem. Tista’ tgħid li l-biċċa l-kbira minnhom għandhom fuq il-pruwa, skolpiti jew impinġijin, par għajnejn li x'aktarx il-Feniċi ġabu magħhom għax kienu jemmnu fl-alla Eġizzjan Ħorus, l-alla falkun li skont it-twemmin kien kapaċi jara kollox mis-sema u li jipproteġa lill-bniedem mill-għemejjel ħżiena. Is-sajjieda Maltin, bħal ħafna Maltin oħra għadhom jemmnu fis-superstizzjoni tal-poter tal-għajn.
Xi drabi il-luzzijiet ikollhom xi biċċa fergħa taż-żebbuġ imbierka f'Ħadd il-Palm, marbuta taħt ir-rota fejn, ġieli jkun hemm ukoll minqux sinjal tas-Salib biex iħares lis-sajjieda mill-periklu. Għalkemm issa ma tantx għadhom jagħtu kas, il-luzzijiet kien ikollhom il-lewn tal-pruwa karatteristiku taghhom bħalma kienu ta’ San Pawl il-Baħar miżbugħin bl-aħmar, ta’ Marsaxlokk bl-isfar. f'Għawdex l-iswed jinżebagħ bħala sinjal ta' vistu meta jmut xi ħadd tal-familja.
Bħal fil-kas tad-dgħajsa tal-pass, il-lasta tal-pruwa, kienet isservi biex il-luzzu jsib il-pożizzjoni tiegħu sewwa meta tkun tidher l-art. Il-luzzu jista’ jkun twil bejn ħmistax-il pied sa xi ħamsa u erbghin pied. L-akbar li kienu dawk li nbnew għas-sajd fil-beraħ u t-tagħbijiet il-kbar. Waqt li għad hawn min għadu jibni l-luzzijiet żgħar, il-luzzijiet il-kbar qed jinħadmu fi Sqallija fuq ordni tas-sajjieda Maltin. Dawn bosta drabi jingħataw isem bit-Taljan relatat mal-maħbubin tal-familja. Hekk tara luzzijiet b'ismijiet bħal, Consiglia Madre, jew Ġużeppe Padre.
F’Awwissu ta’ kull sena f'Marsaxlokk issir ċerimonja li fiha il-kappillan tar-raħal ibierek lis-sajjieda u l-luzzijiet qabel ma dawn jitilqu għas-sajd tal-lampuki.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b Brincat, Joseph (13 Jannar 2011). "Where the fishing boat got its name". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 3 Ġunju 2021.
- ^ 'Id-dgħajjes Tradizzjonali Maltin' It-Tieni Parti, Muscat Joseph. PDF.